This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0697
2008/697/EC: Commission Decision of 16 April 2008 on State Aid C 13/07 (ex NN 15/06 and N 734/06) implemented by Italy for New Interline (notified under document number C(2008) 1321) (Text with EEA relevance)
2008/697/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ April 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 13/07 (ex NN 15/06 u N 734/06) mogħtija mill-Italja lil New Interline (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1321) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2008/697/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ April 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 13/07 (ex NN 15/06 u N 734/06) mogħtija mill-Italja lil New Interline (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1321) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 235, 2.9.2008, p. 12–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
2.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 235/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ April 2008
dwar l-Għajnuna mill-Istat C 13/07 (ex NN 15/06 u N 734/06) mogħtija mill-Italja lil New Interline
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1321)
(It-test bit-Taljana biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/697/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 88(2), l-ewwel subparagrafu,
wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a),
wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti (1) tagħhom f’konformità ma’ l-Artikoli msemmija hawn fuq,
Billi:
1. PROĊEDURA
1. |
B’ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Frar 2006, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar miżura ta’ għajnuna ta’ salvataġġ għal New Interline S.p.A. (minn hawn ’il quddiem imsejħa “New Interline”). Din il-miżura, li r-referenza tagħha hija NN 15/2006, ġiet implimentata fit-13 ta’ Frar 2006, jiġifieri qabel ma ġiet notifikata. Permezz ta’ l-ittra ta’ l-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari, u l-Italja wieġbet bl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2006. Sussegwentement il-Kummissjoni, permezz ta’ l-ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, talbet għal aktar informazzjoni, u l-Italja wieġbet bl-ittri tal-5 ta’ Ottubru 2006 u tas-6 ta’ Novembru 2006. |
2. |
Bin-notifika ta’ l-10 ta’ Novembru 2006, reġistrata bin-numru ta’ referenza N 734/2006, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturar għal New Interline. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni bl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006, bit-tweġiba ta’ l-Italja tasal bl-ittra tas-6 ta’ Marzu 2007. |
3. |
Bl-ittra tal-25 ta’ April 2007, il-Kummissjoni avżat lill-Italja dwar id-deċiżjoni tagħha ta’ l-24 ta’ April 2007 li l-għajnuna ta’ salvataġġ lil New Interline kienet konformi mas-suq komuni biss jekk kienet ingħatat għal perjodu ta’ sitt xhur. Fir-rigward ta’ l-estensjoni ta’ l-għajuna tas-salvataġġ lil hinn mill-perjodu ta’ sitt xhur, kif ukoll fir-rigward ta’ l-għajnuna ta’ ristrutturar, il-Kummisjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fl-ambitu ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat. |
4. |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom. Madankollu ma waslet l-ebda informazzjoni mill-partijiet interessati. |
5. |
Bl-ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni li New Interline kienet spiċċat f’likwidazzjoni volontarja u li kienu bi ħsiebhom jiritiraw in-notifika ta’ għajnuna ta’ ristrutturar. Bl-ittra tat-9 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw l-irtirar tan-notifika. |
6. |
Bl-ittra tas-16 ta’ Novembru 2007 l-Kummissjoni stiednet lill-Italja biex tagħtiha aktar informazzjoni b’rabta mar-regoli tal-proċedura ta’ likwidazzjoni volontarja, b’enfasi dwar il-konsegwenzi fuq il-kredituri ta’ New Interline. L-Italja wieġbet bl-ittra tat-28 ta’ Jannar 2008. |
2. GĦAJNUNA TA’ SALVATAĠĠ
7. |
Il-miżura ta’ għajnuna ta’ salvataġġ tikkonsisti f’garanzija maħruġa mill-Ministeru Taljan għall-Iżvilupp Ekonomiku dwar self mill-bank li jammonta għal EUR 2,75 miljun Oriġinarjament il-garanzija kienet inħarġet għal perjodu ta’ sitt xhur, jiġifieri mis-6 ta’ Marzu 2006 sas-6 ta’ Settembru 2006. Madankollu l-Kummissjoni ġiet mgħarrfa li fi tmiem dan it-terminu l-garanzija baqgħet ma ġietx irtirata. |
8. |
Skond il-paragafu 25, ittra c) tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar ta’ azjendi f’diffikultà (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-linji gwida”), fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq quddiem il-Kummssjoni, fi żmien sitt xhur mill-implimentazzjoni ta’ l-ewwel miżura, pjan ta’ ristrutturar jew pjan ta’ likwidazzjoni jew il-prova li l-ammont kollu tas-self tħallas lura u/jew li l-garanzija ġiet irtirata. |
9. |
Fid-deċiżjoni tagħha ta’ l-24 ta’ April 2007, il-Kummissjoni enfasizzat li l-għajnuna ta’ salvataġġ ma kinitx ġiet iritirata wara l-perjodu inizjali ta’ sitt xhur u li l-Italja ma kienet ressqet l-ebda pjan ta’ ristrutturar fil-perjodu stipulat. Għalhekk, fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li l-għajnuna kienet konformi mas-suq komuni bħala għajnuna ta’ salvataġġ li kieku l-miżura kienet limitata għal sitt xhur, billi din kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, ħlief dawk tal-paragrafu 25, ittra c) tal-linji gwida. Madankollu, billi l-għajnuna ta’ salvataġġ ġiet estiża lil hinn mill-perjodu ta’ sitt xhur, il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar il-konformità tagħha u għalhekk iddeċidiet li tiftaħ roċedura skond il-paragrafu 27 tal-linji gwida (3). |
10. |
Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni enfasizzat li kienet se tqis jekk l-għajnuna ta’ salvataġġ li ġiet estiża b’mod illegali setgħatx titqies konformi ma’ prinċipji oħra fl-ambitu tal-paragrafu 20 tal-linji gwida. Skond dan il-paragrafu kien hemm il-possibbiltà li l-għajnuna ta’ salvataġġ setgħet titqies bħala għajnuna ta’ ristrutturar. |
11. |
Madankollu ta’ min jinnota li suċċessivament l-Italja rtirat in-notifika dwar l-għajnuna ta’ ristrutturar. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tibqa’ tibbaża fuq fatturi – partikolarment fuq pjan ta’ ristrutturar – maħsuba biex jiggarantixxu profitabbiltà mill-ġdid, jew fuq miżuri ta’ kumpens bil-għan li jnaqqsu l-effetti negattivi ta’ l-għajnuna, li jwasslu biex l-għajnuna ta’ salvataġġ estiża illegalment titqies bħala għajnuna ta’ ristrutturar konformi mas-suq komuni. |
12. |
B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni waslet biex tikkonkludi li l-garanzija ta’ EUR 2,75 miljun mogħtija lil New Interline mill-awtoritajiet Taljani mhix konformi mas-suq komuni skond il-linji gwida billi l-miżura ġiet estiża lil hinn mis-6 ta’ Settembru 2006. |
L-irkupru ta’ l-għajnuna ta’ salvataġġ
13. |
Għaldaqstant, l-għajnuna ta’ salvataġġ, li tammonta għal EUR 2,75 miljun għandha tiġi rkuprata mill-Italja mingħand l-impriża li bbenefikat minnha, in-New Interline. |
14. |
Fir-rigward ta’ dan, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bl-ittra tat-28 ta’ Jannar 2008 li nhar l-4 ta’ Mejju 2007 kienu l-awtoritajiet Taljani, minflok l-Interline, li raddu lura ċ-ċifra totali tas-self bl-imgħaxijiet lil Banca Antonveneta, li kienet ipprovdiet l-ammont misluf garantit mill-Istat. Fi stadju aktar tard, fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni volontarja, fis-7 ta’ Ġunju 2007 l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Uffiċċju ta’ l-Avukat Distrettwali biex jipproċedi bil-ħlas tal-kreditu ta’ l-Istat fil-konfront ta’ l-impriża. |
15. |
Fit-18 ta’ Novembru 2007 New Interline ddeċidiet li tressaq applikazzjoni quddiem it-Tribunal ta’ Bari għal proċedura ta’ ftehim preventiv mal-kredituri li tippermetti l-ħlas lill-kredituri taħt is-superviżjoni ta’ l-imħallef. Din il-proċedura tista’ twassal għall-kontinwazzjoni ta’ l-attivijajiet ta’ produzzjoni ta’ l-impriża. |
16. |
F’dan l-istadju, mhuwiex possibbli li wieħed ikun jaf x’se jkun ir-riżultat tal-ftehim preventiv. Fi kwalunkwe każ, l-Italja xorta waħda għandha turi minnufih il-kreditu tagħha fl-ambitu tal-proċedura ta’ insolvenza, irrispettivament minn dak li jirriżulta. |
17. |
Fil-każ li r-riżultat ta’ din il-proċedura jkun favur il-kontinwazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ New Interline, il-Kummissjoni tfakkar li, kif stipulat fil-paragrafu 67 tal-komunikazzjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-komunikazzjoni dwar l-irkupru”) (4), l-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni jistgħu japprovaw il-pjan ta’ kontinwazzjoni biss jekk dan jiggarantixxi li l-għajnuna tintradd lura b’mod sħiħ fiż-żmien stabbilit fid-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-Istat Membru la jista’ jirrifjuta parzjalment it-talba ta’ l-irkupru tiegħu u lanqas jista’ jaċċetta kwalunkwe soluzzjoni oħra li ma twassalx għall-waqfien minnufih ta’ l-attivitajiet tal-benefiċjarju fin-nuqqas tar-rifużjoni sħiħa u immedjata ta’ l-għajnuna illegali. Għaldaqstant, fin-nuqqas tar-rifużjoni sħiħa ta’ l-għajnuna illegali, l-awtoritajiet Taljani għandhom jadottaw, fiż-żmien stipulat għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom biex jopponu għall-kontinwazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ New Interline. |
18. |
Barra minn hekk qed tinġibed l-attenzjoni li, fl-ambitu tal-paragrafu 68 tal-komunikazzjoni dwar l-irkupru, fil-każ ta’ likwidazzjoni ta’ impriża, u sakemm l-għajnuna ma tkunx għadha tħallset kollha lura, l-Istat Membru għandu jopponi kull trasferiment ta’ assi kapitali li ma jsirx skond il-kundizzjonijiet tas-suq u/jew li huwa maħsub biex jevita d-deċiżjoni ta’ rkupru. Biex jinkiseb “trasferiment korrett ta’ l-assi kapitali”, l-Istat Membru għandu jassigura li l-vantaġġ inġust maħluq mill-għajnuna ma jiġix trasferit lix-xerrej ta’ l-assi. Dan jista’ jiġri jekk l-assi kapitali tal-benefiċjarju oriġinali ta’ l-għajnuna jiġu trasferiti lil terza persuna bi prezz orħos mill-valur tagħhom tas-suq jew lil kumpanija aventi kawża mwaqqfa biex tiġi evitata l-ordni ta’ rkupru. F’każ bħal dan, l-ordni ta’ rkupru jeħtieġ li jiġi estiż lil dik it-terza persuna. |
3. GĦAJNUNA TA’ RISTRUTTURAR
19. |
Il-Kummissjoni tinnota li skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, dwar regoli dettaljati ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (5), l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirtira n-notifika tiegħu f’kull ħin qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-għajnuna. F’każ fejn il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tagħlaq dik il-proċedura. |
20. |
L-Italja rtirat in-notifika dwar l-għajnuna ta’ ristrutturar li tammonta għal EUR 4,57 miljun permezz ta’ l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2007. Skond l-informazzjoni li għandha, l-għajnuna ta’ ristruttuar ma ngħatatx. |
21. |
B’konsegwenza ta’ dan, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa bid-deċiżjoni msemmija diġà ta’ l-24 ta’ April 2007 għandha tingħalaq, billi minħabba l-irtirar tan-notifika, din m’għadhiex tapplika f’dak li jikkonċerna l-għajnuna ta’ ristrutturar notifika mill-Italja favur in-New Interline. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna ta’ salvataġġ fis-sura ta’ garanzija mill-Istat li tammonta għal EUR 2,75 miljun, mogħtija illegalment mill-Italja bi ksur ta’ l-Artikolu 88 (3) tat-Trattat, favur New Interline S.p.A., mhix konformi mas-suq komuni billi l-miżura ġiet estiża lil hinn mis-6 ta’ Settembru 2006.
Artikolu 2
1. L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.
2. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom miżjud magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta ngħataw lill-benefiċjarju sad-data meta ġew irkuprati b’mod effettiv.
3. L-imgħaxijiet għandhom jiġu kkalkulati fuq is-sistema ta’ l-imgħaxijiet komposti skond il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 791/2004.
Artikolu 3
1. L-irkupru ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.
2. L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ notifika.
Artikolu 4
1. Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tresaq l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
(a) |
l-ammont totali (kapital u imgħaxijet) li għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju; |
(b) |
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni; |
(ċ) |
id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie obbligat iħallas lura l-għajnuna. |
2. L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata bis-sħiħ. Tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Tibgħat ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet diġà irkuprati mingħand il-benefiċjarju.
Artikolu 5
Fir-rigward ta’ l-għajnuna ta’ ristrutturar (ex N 734/06), il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, miftuħa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ April 2007, ingħalqet b’riżultat ta’ l-irtirar tan-notifika tad-9 ta’ Ottubru 2007.
Artikolu 6
Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.
Magħmula fi Brussell, 16 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 120, 31.5.2007, p. 12.
(2) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(3) Skond il-paragrafu 27 tal-linji gwida: “il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura skond l-Artikolu 88, paragrafu 2, tat-Trattat jekk l-Istat Membru ma jressaqx […] il-prova li l-ammont tas-self tħallas kollu lura u/jew li l-garanzija ma ġiet irtirata, qabel ma jagħlaq it-terminu ta’ 6 xhur”.
(4) ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.