This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0579
2008/579/EC: Council Decision of 16 June 2008 on the signing and conclusion on behalf of the European Community of the International Coffee Agreement 2007
2008/579/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Ġunju 2008 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007
2008/579/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Ġunju 2008 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007
ĠU L 186, 15.7.2008, p. 12–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/579/oj
15.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 186/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta' Ġunju 2008
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007
(2008/579/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133, flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè approva t-test tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 431 tat-28 ta’ Settembru 2007. |
(2) |
Il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 ġie nnegozjat biex jieħu post il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001 li ġie estiż sat-30 ta’ Settembru 2008. |
(3) |
Il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 hu miftuħ biex jiġi ffirmat u jiġu ddepożitati l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew approvazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2008. |
(4) |
Il-Komunità hi membru tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001 u għaldaqstant hu fl-interess tagħha li tapprova l-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 li jissostitwixxih, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 hu b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea.
It-test ta’ dan il-Ftehim hu meħmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill hu b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna/i mogħtija l-poter li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim u li tiddepożita/jiddepożitaw l-istrument ta’ approvazzjoni f’isem il-Komunità flimkien mad-dikjarazzjoni mehmuża miegħu sal-31 ta’ Awwissu 2008.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. RUPEL
15.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 186/13 |
TRADUZZJONI
FTEHIM INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ 2007
WERREJ
Artikolu
Preambolu
KAPITOLU 1 – GĦANIJIET
1. |
Għanijiet |
KAPITOLU II – DEFINIZZJONIJIET
2. |
Definizzjonijiet |
KAPITOLU III – IMPENNI ĠENERALI MILL-MEMBRI
3. |
Impenni ġenerali mill-Membri |
KAPITOLU IV – SĦUBIJA
4. |
Sħubija fl-Organizzazzjoni |
5. |
Sħubija fi grupp |
KAPITOLU V – L-ORGANIZZAZZJONI INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ
6. |
Sede u struttura ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè |
7. |
Privileġġi u immunitajiet |
KAPITOLU VI – IL-KUNSILL INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ
8. |
Kompożizzjoni tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè |
9. |
Poteri u funzjonijiet tal-Kunsill |
10. |
President u Viċi-President tal-Kunsill |
11. |
Sessjonijiet tal-Kunsill |
12. |
Voti |
13. |
Proċedura tal-votazzjoni tal-Kunsill |
14. |
Deċiżjonijiet tal-Kunsill |
15. |
Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn |
16. |
Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi |
KAPITOLU VII – ID-DIRETTUR EŻEKUTTIV U L-PERSUNAL
17. |
Id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal |
KAPITOLU VIII – FINANZI U AMMINISTRAZZJONI
18. |
Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni |
19. |
Finanzi |
20. |
Determinazzjoni tal-Baġit Amministrattiv u valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet |
21. |
Ħlas tal-kontribuzzjonijiet |
22. |
Passiv |
23. |
Verifika u pubblikazzjoni tal-kotba |
KAPITOLU IX – PROMOZZJONI U ŻVILUPP TAS-SUQ
24. |
Tneħħija ta’ l-ostakoli għall-kummerċ u l-konsum |
25. |
Promozzjoni u żvilupp tas-suq |
26. |
Miżuri relatati mal-kafè pproċessat |
27. |
Taħlitiet u sostituti |
KAPITOLU X – ATTIVITAJIET TA’ PROĠETTI TA’ L-ORGANIZZAZZJONI
28. |
Żvilupp u ffinanzjar tal-proġetti |
KAPITOLU XI – IS-SETTUR PRIVAT TAL-KAFÈ
29. |
Il-Bord Konsultattiv tas-Settur Privat |
30. |
Il-Konferenza Dinjija tal-Kafè |
31. |
Il-Forum Konsultattiv dwar il-Finanzjament tas-Settur tal-Kafè |
KAPITOLU XII – INFORMAZZJONI STATISTIKA, STUDJI U STĦARRIĠ
32. |
Informazzjoni statistika |
33. |
Ċertifikati ta’ l-Oriġini |
34. |
Studji, stħarriġ u rapporti |
KAPITOLU XIII – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
35. |
Preparazzjonijiet għal Ftehim ġdid |
36. |
Settur sostenibbli tal-kafè |
37. |
Standard ta’ l-għajxien u kundizzjonijiet ta’ xogħol |
KAPITOLU XIV – KONSULTAZZJONIJIET, TILWIMIET U LMENTI
38. |
Konsultazzjonijiet |
39. |
Tilwimiet u lmenti |
KAPITOLU XV – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
40. |
Firma u ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni |
41. |
Applikazzjoni provviżorja |
42. |
Dħul fis-seħħ |
43. |
Adeżjoni |
44. |
Riżervi |
45. |
Rtirar volontarju |
46. |
Esklużjoni |
47. |
Ħlas tal-kontijiet mal-Membri li jirtiraw jew li huma esklużi |
48. |
Dewmien, estensjoni u terminazzjoni |
49. |
Emenda |
50. |
Dispożizzjoni supplementarja u tranżitorja |
51. |
Testijiet awtentiċi tal-Ftehim |
ANNESS |
Fatturi tal-konverżjoni għall-kafè inkaljat, dekafeinat, likwidu u solubbli kif definit fil-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001 |
FTEHIM INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ 2007
PREAMBOLU
IL-GVERNIJIET LI HUMA PARTI GĦAL DAN IL-FTEHIM,
Filwaqt li jagħrfu l-importanza eċċezzjonali tal-kafè għall-ekonomiji ta’ pajjiżi li huma għall-parti l-kbira dipendenti fuq dan il-prodott bażiku għall-qliegħ mill-esportazzjoni u għall-kisba ta’ l-għanijiet soċjali u ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom;
Filwaqt li jagħrfu l-importanza tas-settur tal-kafè għall-għajxien ta’ miljuni ta’ nies, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u filwaqt li jiftakru li f’bosta minn dawn il-pajjiżi l-produzzjoni hija fuq irziezet tal-familji fuq skala żgħira;
Filwaqt li jagħrfu l-kontribuzzjoni ta’ settur sostenibbli tal-kafè għall-kisba ta’ għanijiet ta’ żvilupp miftiehma internazzjonalment, inklużi l-Għanijiet ta’ l-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs), b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-eradikazzjoni tal-faqar;
Filwaqt li jagħrfu l-ħtieġa li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-kafè, li jwassal għal impjiegi u dħul aħjar, u għal standards ta’ l-għajxien u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba fil-pajjiżi Membri;
Filwaqt li jqisu li l-kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib dwar kwistjonijiet tal-kafè, inkluż il-kummerċ internazzjonali, tista’ tinkoraġġixxi settur tal-kafè globali ekonomikament diversifikat, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li jipproduċuh, l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-kafè u l-konsum, u relazzjonijiet imtejba bejn il-pajjiżi li jesportaw il-kafè u dawk li jimportawh;
Filwaqt li jqisu li l-kollaborazzjoni bejn il-Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-settur privat u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tal-kafè;
Filwaqt li jagħrfu li l-aċċess akbar għall-informazzjoni dwar il-kafè u strateġiji ta’ l-immaniġġjar tar-riskju bbażati fis-suq jistgħu jgħinu biex jiġu evitati l-iżbilanċi fil-produzzjoni u l-konsum tal-kafè li jistgħu jwasslu għal volatilità distinta tas-suq li tista’ tagħmel il-ħsara kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi; u
Filwaqt li jinnutaw il-vantaġġi derivati mill-kooperazzjoni internazzjonali li rriżultat mill-ħidma ta’ l-Istrumenti ta’ ftehim Internazzjonali tal-Kafè 1962, 1968, 1976, 1983, 1994 u 2001,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
GĦANIJIET
Artikolu 1
Għanijiet
L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ is-settur globali tal-kafè u jippromwovi l-espansjoni sostenibbli f’ambjent ibbażat fuq is-suq għat-titjib tal-parteċipanti kollha fis-settur, billi:
(1) |
tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tal-kafè; |
(2) |
jitwaqqaf forum għall-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet tal-kafè fost il-gvernijiet, u mas-settur privat; |
(3) |
il-membri jiġu mħeġġa jiżviluppaw settur sostenibbli tal-kafè f’termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; |
(4) |
jiġi pprovdut forum għal konsultazzjonijiet li jfittxu fehim fir-rigward ta’ kundizzjonijiet strutturali fis-swieq internazzjonali u tendenzi fiż-żmien twil fil-produzzjoni u l-konsum li jibbilanċjaw il-provvista u d-domanda, u li jirriżultaw fi prezzijiet li huma ġusti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi; |
(5) |
tiġi ffaċilitata l-espansjoni u t-trasparenza tal-kummerċ internazzjonali fit-tipi u l-forom kollha tal-kafè, u l-promozzjoni ta’ l-eliminazzjoni ta’ l-ostakoli għall-kummerċ; |
(6) |
tinġabar, tixxerred u tiġi ppubblikata informazzjoni ekonomika, teknika u xjentifika, statistika u studji kif ukoll ir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi kwistjonijiet tal-kafè; |
(7) |
jiġi promoss l-iżvilupp tal-konsum u s-swieq għat-tipi u l-forom kollha tal-kafè, inkluż fil-pajjiżi li jipproduċu l-kafè; |
(8) |
jiġi żviluppat, jiġi vvalutat u jiġu mfittxija l-finanzi għal proġetti li jibbenefikaw lill-Membri u lill-ekonomija dinjija tal-kafè; |
(9) |
tkun promossa l-kwalità tal-kafè bl-għan li jitjieb is-sodisfazzjon tal-konsumatur u l-benefiċċji għall-produtturi; |
(10) |
il-Membri jiġu mħeġġa jiżviluppaw proċeduri xierqa dwar is-sigurtà ta’ l-ikel fis-settur tal-kafè; |
(11) |
ikunu promossi programmi ta’ taħriġ u informazzjoni mfassla biex jiġi assistit it-trasferiment lill-Membri tat-teknoloġija rilevanti għall-kafè; |
(12) |
il-membri jiġu mħeġġa jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji biex itejbu l-kapaċità tal-komunitajiet lokali u l-bdiewa fuq skala żgħira li jibbenefikaw mill-produzzjoni tal-kafè, li tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar; u |
(13) |
tkun iffaċilitata d-disponibbiltà ta’ l-informazzjoni dwar għodda u servizzi finanzjarji li jistgħu jgħinu lill-produtturi tal-kafè, inkluż aċċess għall-kreditu u metodi ta’ l-immaniġġjar tar-riskju. |
KAPITOLU II
DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:
(1) |
Kafè tfisser iż-żerriegħa u ċ-ċirasa tas-siġra tal-kafè, kemm jekk parċmina, ħodor jew inkaljata, u tinkludi kafè mitħun, dekafeinat, likwidu u solubbli. Il-Kunsill għandu, mill-aktar fis possibbli wara li jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, u mill-ġdid f’intervalli ta’ tliet snin, jirrevedi l-fatturi ta’ konverżjoni għat-tipi ta’ kafè elenkati fis-subparagrafi (d), (e), (f) u (g) hawn taħt. Wara dan l-istħarriġ il-Kunsill għandu jiddetermina u jippubblika fatturi xierqa tal-konverżjoni. Qabel l-istħarriġ inizjali, u jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jilħaq deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, il-fatturi tal-konverżjoni għandhom ikunu dawk użati fil-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001, li huma elenkati fl-Anness ta’ dan il-Ftehim. Soġġett għal dawn id-dispożizzjonijiet, it-termini elenkati hawn taħt għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:
|
(2) |
Borża tfisser 60 kilogramma jew 132,276 libbra ta’ kafè aħdar; tunnellata tfisser massa ta’ 1 000 kilogramma jew 2 204,6 libbra; u libbra tfisser 453,597 gramma. |
(3) |
Sena tal-kafè tfisser il-perjodu ta’ sena, mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru. |
(4) |
Organizzazzjoni u Kunsill ifissru, rispettivament, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè u l-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè. |
(5) |
Parti Kontraenti tfisser Gvern, il-Komunità Ewropea, jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattivi msemmija fl-Artikolu 4(3) li ddepożita(t) strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew notifika ta’ applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 40, 41 u 42 jew li aderixxa/iet għalih skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43. |
(6) |
Membru tfisser Parti Kontraenti. |
(7) |
Membru li jesporta jew pajjiż li jesporta tfisser Membru jew pajjiż, rispettivament, li huwa esportatur nett tal-kafè; jiġifieri Membru jew pajjiż li l-esportazzjoni tiegħu teċċedi l-importazzjoni. |
(8) |
Membru li jimporta jew pajjiż li jimporta tfisser Membru jew pajjiż, rispettivament, li huwa importatur nett tal-kafè; jiġifieri Membru jew pajjiż li l-importazzjoni tiegħu teċċedi l-esportazzjoni. |
(9) |
Vot tal-maġġoranza distribwit tfisser vot li jeħtieġ 70 % jew aktar mill-voti tal-Membri li jivvotaw, li huma preżenti u li qed jivvotaw u 70 % jew aktar tal-voti tal-Membri li jimportaw, li huma preżenti u li qed jivvotaw, magħduda separatament. |
(10) |
Depożżitarju tfisser l-organizzazzjoni intergovernattiva jew Parti Kontraenti għall-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001 indikat mid-deċiżżjoni tal-Kunsill taħt il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001, li għandha tittieħed b’kunsens ġenerali qabel l-31 ta’ Jannar 2008. Din id-deċiżjoni għandha tifforma parti integrali minn dan il-Ftehim. |
KAPITOLU III
IMPENNI ĠENERALI MILL-MEMBRI
Artikolu 3
Impenni ġenerali mill-Membri
1. Il-Membri jintrabtu li jadottaw dawk il-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim u jikkooperaw għal kollox ma’ xulxin biex jiżguraw il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim; b’mod partikolari, il-Membri jintrabtu li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw il-ħidma ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-Membri jagħrfu li ċ-Ċertifikati ta’ l-Oriġini huma għejun importanti ta’ informazzjoni dwar il-kummerċ tal-kafè. Il-Membri li Jesportaw, għalhekk, jassumu r-responsabblità biex jiżguraw il-ħruġ u l-użu xierqa taċ-Ċertifikati ta’ l-Oriġini skond ir-regoli stabbiliti mill-Kunsill.
3. Il-Membri jagħrfu wkoll li l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet mill-ġdid hija wkoll importanti għall-analiżi xierqa ta’ l-ekonomija dinjija tal-kafè. Għalhekk il-Membri li jimportaw jintrabtu li jipprovdu informazzjoni regolari u preċiża dwar l-esportazzjonijiet mill-ġdid, fil-forma u fil-mod iddeterminat mill-Kunsill.
KAPITOLU IV
SĦUBIJA
Artikolu 4
Sħubija fl-Organizzazzjoni
1. Kull Parti Kontraenti għandha tikkostitwixxi Membru uniku ta’ l-Organizzazzjoni.
2. Membru jista’ jibdel il-kategorija ta’ l-isħubija tiegħu f’dawk il-kundizzjonijiet li jista’ jiftiehem il-Kunsill.
3. Kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għal Gvern ghandha tinftiehem li tinkludi lill-Komunità Ewropea u lil kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward tan-negozjar, il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Sħubija fi grupp
Żewġ Partijiet Kontraenti jew aktar jistgħu, b’notifika xierqa lill-Kunsill u lid-Depożitarju, li tidħol fis-seħħ minn data li għandha tiġi speċifikata mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati, u fuq kundizzjonijiet li jaqbel magħhom il-Kunsill, jiddikjaraw li qed jieħdu sehem fl-Organizzazzjoni bħala grupp ta’ Membri.
KAPITOLU V
L-ORGANIZZAZZJONI INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ
Artikolu 6
Sede u struttura ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè
1. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè stabbilita skond il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 1962 għandha tkompli teżisti biex tamministra d-dispożizzjonijiet u tissorvelja l-operat ta’ dan il-Ftehim.
2. Is-sede ta’ l-Organizzazzjoni għandu jkun f’Londra kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.
3. L-ogħla awtorità ta’ l-Organizzazzjoni għandha tkun il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè. Il-Kunsill għandu jkun assistit kif xieraq mill-Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni, il-Kumitat tal-Promozzjoni u l-Iżvilupp tas-Suq u l-Kumitat dwar il-Proġetti. Il-Kunsill għandu wkoll jingħata pariri mill-Bord Konsultattiv dwar is-Settur Privat, il-Konferenza Dinjija tal-Kafè u l-Forum Konsultattiv dwar il-Finanzjament tas-Settur tal-Kafè.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet
1. L-Organizzazzjoni għandu jkollha personalità ġuridika. Din għandha b’mod partikolari jkollha l-kapaċità li tikkuntratta, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u li tressaq proċeduri legali.
2. L-istat, il-privileġġi u l-immuntiajiet ta’ l-Organizzazzjoni, tad-Direttur Eżekuttiv tagħha, il-persunal u l-esperti tagħha, u tar-rappreżentanti tal-Membri meta jinsabu fit-territorju tal-pajjiż li jospita għall-iskopijiet ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, għandhom ikunu rregolati minn Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali konkluż bejn il-Gvern li jospita u l-Organizzazzjoni.
3. Il-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali msemmi fil-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu għandu jkun indipendenti minn dan il-Ftehim. Iżda dan għandu jintemm:
(a) |
bi ftehim bejn il-Gvern li jospita u l-Organizzazzjoni; |
(b) |
fil-każ li l-kwartieri ta’ l-Organizzazzjoni jiċċaqalqu mit-territorju tal-Gvern li jospita; jew |
(ċ) |
fil-każ li l-Organizzazzjoni tieqaf teżisti. |
4. L-Organizzazzjoni tista’ tikkonkludi ma’ Membru wieħed jew aktar strumenti ta’ ftehim li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill dwar dawk il-privileġġi u immunitajiet li jistgħu jkunu neċessarji għat-tħaddim tajjeb ta’ dan il-Ftehim.
5. Il-Gvernijiet tal-pajjiżi Membri minbarra l-Gvern li jospita għandhom jagħtu lill-Organizzazzjoni l-istess faċilitajiet fir-rigward ta’ restrizzjonijiet dwar munita jew skambju, żamma tal-kontijiet fil-bank, u trasferiment ta’ flus, kif jingħataw lill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti.
KAPITOLU VI
IL-KUNSILL INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ
Artikolu 8
Kompożizzjoni tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè
1. Il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè għandu jikkonsisti mill-Membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni.
2. Kull Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed fuq il-Kunsill u, jekk jixtieq, sostitut wieħed jew aktar. Membru jista’ wkoll jaħtar konsulent wieħed jew aktar għar-rappreżentant jew sostituti tiegħu.
Artikolu 9
Poteri u funzjonijiet tal-Kunsill
1. Il-poteri kollha speċifikament mogħtija minn dan il-Ftehim għandhom ikunu vestiti fil-Kunsill, li għandu jwettaq il-funzjonijiet neċessarji biex iwettaq id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-Kunsill jista’ jistabbilixxi u jxolji Kumitati u korpi sussidjarji, kif xieraq, barra minn dawk provduti fl-Artikolu 6(3).
3. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi dawk ir-regoli u r-regolamenti, inklużi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess u r-regolamenti finanzjarji u tal-persunal ta’ l-Organizzazzjoni, li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u li huma konsistenti miegħu. Il-Kunsill jista’, fir-regoli tal-proċedura tiegħu, jipprovdi l-mezzi li bihom jista’, mingħajr ma jiltaqa’, jiddeċiedi kwistjonijiet speċifiċi.
4. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi fuq bażi regolari pjan ta’ azzjoni strateġiku biex jiggwida xogħlu u jidentifika l-prijoritajiet, inklużi l-prijoritajiet għall-attivitajiet ta’ proġetti mibdija skond l-Artikolu 28 u studji, stħarriġ u rapporti mibdija skond l-Artikolu 34. Il-prijoritajiet identifikati fil-pjan ta’ azzjoni għandhom ikunu riflessi fil-programmi ta’ ħidma annwali approvati mill-Kunsill.
5. Il-Kunsill għandu wkoll iżomm ir-rekords meħtieġa sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu skond dan il-Ftehim u rekords oħrajn li jqis li huma mixtieqa.
Artikolu 10
President u Viċi-President tal-Kunsill
1. Il-Kunsill għandu jeleġġi, għal kull sena tal-kafè, President u Viċi-President li m’għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni.
2. Il-President għandu jiġi elett jew minn fost ir-rappreżentanti tal-Membri li jesportaw jew minn fost ir-rappreżentanti tal-Membri li jimportaw, u l-Viċi-President għandu jiġi elett minn fost ir-rappreżentanti tal-kategorija l-oħra ta’ Membru. Dawn il-pożizzjonijiet għandhom jalternaw kull sena tal-kafè bejn iż-żewġ kategoriji ta’ Membru.
3. La l-President u lanqas il-Viċi-President li jaġixxi bħala President m’għandu jkollhom id-dritt li jivvotaw. Is-sostitut tiegħu jew tagħha għandu f’dan il-każ jeżerċita d-dritt tal-votazzjoni tal-Membru.
Artikolu 11
Sessjonijiet tal-Kunsill
1. Il-Kunsill għandu jagħmel żewġ sessjonijiet regolari fis-sena u, jekk jiddeċiedi, sessjonijiet speċjali. Jista’ jagħmel sessjonijiet speċjali fuq talba ta’ kwalunkwe għaxar Membri. L-avviż dwar is-sessjonijiet għandu jingħata mill-inqas 30 jum minn qabel ħlief fil-każijiet ta’ emerġenza meta dan l-avviż għandu jingħata mill-inqas għaxart ijiem minn qabel.
2. Is-sessjonijiet għandhom isiru fis-sede ta’ l-Organizzazzjoni, kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. Jekk Membru jistieden lill-Kunsill jiltaqa’ fit-territorju tiegħu, u l-Kunsill jaqbel, l-ispejjeż addizzjonali involuti għall-Organizzazzjoni li jkunu akbar minn dawk magħmula meta s-sessjoni ssir fis-sede jitħallsu minn dak il-Membru.
3. Il-Kunsill jista’ jistieden lil kwalunkwe pajjiż mhux membru jew kwalunkwe mill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 15 u 16 jattendu kwalunkwe mis-sessjonijiet tiegħu bħala osservatur. F’kull sessjoni, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi dwar l-ammissjoni ta’ l-osservaturi.
4. Il-kworum meħtieġ biex sessjoni tal-Kunsill tieħu d-deċiżjonijiet għandu jkun il-preżenza ta’ aktar min-nofs in-numru ta’ Membri li jesportaw u li jimportaw li jirrappreżentaw rispettivament mill-inqas żewġ terzi tal-voti għal kull kategorija. Jekk mal-ftuħ ta’ sessjoni tal-Kunsill jew ta’ kwalunkwe laqgħa plenarja ma jkun hemm ebda kworum, il-President għandu jipposponi l-ftuħ tas-sessjoni jew tal-laqgħa plenarja għal mill-inqas sagħtejn. Jekk xorta ma jkunx għad hemm kworum fil-ħin il-ġdid stabbilit, il-President jista’ jerġa’ jipposponi l-ftuħ tas-sessjoni jew laqgħa plenarja għal mill-inqas sagħtejn oħra. Jekk fl-aħħar ta’ dan il-posponiment il-ġdid ma jkunx għad hemm kworum, il-kwistjoni li dwarha huma meħtieġa d-deċiżjonijiet għandha tkun differita għas-sessjoni li jmiss tal-Kunsill.
Artikolu 12
Voti
1. Il-Membri li jesportaw għandhom flimkien ikollhom 1 000 vot u l-Membri li jimportaw għandhom flimkien ikollhom 1 000 vot, imqassma f’kull kategorija ta’ Membru – jiġifieri l-Membri li jesportaw u dawk li jimportaw, rispettivament – kif provdut fil-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-Artikolu.
2. Kull Membru għandu jkollu ħames voti bażiċi.
3. Il-bqija tal-voti tal-Membri li jesportaw għandhom jitqassmu fost dawk il-Membri bi proporzjon tal-medja tal-volum ta’ l-esportazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-kafè lid-destinazzjonijiet kollha fl-erba’ snin tal-kalendarju ta’ qabel.
4. Il-bqija tal-voti tal-Membri li jimportaw għandhom jitqassmu fost dawk il-Membri bi proporzjon tal-medja tal-volum ta’ l-importazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-kafè kollha fl-erba’ snin tal-kalendarju ta’ qabel.
5. Il-Komunità Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva kif definita fl-Artikolu 4(3) għandu jkollha voti daqs Membru wieħed; għandu jkollha ħames voti bażiċi u voti addizzjonali bi proporzjon għall-volum medju ta’ importazzjonijiet jew esportazzjonijiet tal-kafè tagħhom, fl-erba’ snin tal-kalendarju ta’ qabel.
6. Id-distribuzzjoni tal-voti għandha tkun iddeterminata mill-Kunsill skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu fil-bidu ta’ kull sena tal-kafè u għandha tibqa’ fis-seħħ tul dik is-sena, ħlief kif provdut fil-paragrafu (7) ta’ dan l-Artikolu.
7. Il-Kunsill għandu jipprovdi għad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-voti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu kull meta jkun hemm tibdil fl-isħubija ta’ l-Organizzazzjoni jew jekk id-drittijiet tal-votazzjoni ta’ Membru jkunu sospiżi jew miksuba mill-ġdid skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21.
8. L-ebda Membru m’għandu jkollu żewġ terzi jew aktar mill-voti fil-kategorija tiegħu.
9. M’għandu jkun hemm ebda voti frazzjonali.
Artikolu 13
Proċedura tal-votazzjoni tal-Kunsill
1. Kull Membru għandu jkun intitolat li jitfa’ n-numru ta’ voti li għandu u m’għandux ikun intitolat jaqsam il-voti tiegħu. Iżda, Membru jista’ jitfa’ b’mod differenti kwalunkwe vot li għandu skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu.
2. Kwalunkwe Membru li jesporta jista’ jawtorizza bil-miktub lil kwalunkwe Membru ieħor li jesporta u kwalunkwe Membru li jimporta jista’ jawtorizza bil-miktub lil kwalunkwe Membru ieħor li jimporta, biex jirrappreżenta l-interessi tiegħu u jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota fi kwalunkwe laqgħa jew laqgħat tal-Kunsill.
Artikolu 14
Deċiżjonijiet tal-Kunsill
1. Il-Kunsill għandu jipprova jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’kunsens ġenerali. Jekk ma jistax jintlaħaq il-kunsens ġenerali, il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet b’vot ta’ maġġoranza distribwita ta’ 70 % jew aktar tal-Membri li jesportaw, li huma preżenti u li jivvotaw, u 70 % jew aktar tal-Membri li jimportaw, li huma preżenti u li jivvotaw, magħduda separatament.
2. Din il-proċedura għandha tgħodd fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjoni mill-Kunsill meħuda b’vot ta’ maġġoranza distribwita:
(a) |
jekk ma jinkisibx vot ta’ maġġoranza distribwita minħabba l-vot negattiv ta’ tliet pajjiżi li jesportaw jew inqas, jew tliet pajjiżi li jimportaw jew inqas, il-proposta għandha, jekk il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza tal-Membri preżenti, terġa’ titressaq għall-votazzjoni fi żmien 48 siegħa; u |
(b) |
jekk jerġa’ ma jinkisibx vot ta’ maġġoranza distribwita, il-proposta għandha titqies mhux approvata. |
3. Il-Membri jintrabtu li jaċċettaw bħala vinkolanti d-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 15
Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn
1. Il-Kunsill jista’ jagħmel arranġamenti għall-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha; ma’ organizzazzjiet intergovernattivi oħrajn xierqa; u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti. Huwa għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-faċilitajiet tal-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi u għejun oħrajn ta’ Finanzjament. Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu arranġamenti finanzjarji li l-Kunsill iqis xierqa biex jikseb l-għanijiet tal-Ftehim. Madankollu, fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe proġett skond dawn l-arranġamenti, l-Organizzazzjoni m’għandhiex tidħol f’obbligi finanzjarji għall-garanziji mogħtija minn Membri individwali jew entitajiet oħrajn. Ebda Membru ma għandu jkun responsabbli minħabba l-isħubija tiegħu fl-Organizzazzjoni għal xi responsabblità li tirriżulta mit-teħid jew mill-għoti ta’ self minn Membru ieħor jew entità oħrajn b’konnessjoni ma’ dawn il-proġetti.
2. Fejn possibbli, l-Organizzazzjoni tista’ wkoll tiġbor mill-Membri, non-Membri u minn aġenziji donaturi u oħrajn, informazzjoni dwar il-proġetti u l-programmi ta’ l-iżvilupp li jiffokaw fuq is-settur tal-kafè. Fejn xieraq, u bi ftehim mal-partijiet ikkonċernati, l-Organizzazzjoni tista’ tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għal dawn l-organizzazjonijiet l-oħrajn kif ukoll għall-Membri.
Artikolu 16
Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi
Fit-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni tista’, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 15, 29, 30 u 31, tistabbilixxi u ssaħħaħ attivitajiet kooperattivi ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi xierqa li għandhom għarfien espert f’aspetti rilevanti tas-settur tal-kafè u ma’ esperti oħrajn fi kwistjonijiet tal-kafè.
KAPITOLU VII
ID-DIRETTUR EŻEKUTTIV U L-PERSUNAL
Artikolu 17
Id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal
1. Il-Kunsill għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv. It-termini tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill u għandhom ikunu paragunabbli ma’ dawk li jgħoddu għall-uffiċjali korrispondenti ta’ organizzazzjonijiet simili intergovernattivi.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun l-uffiċjal amministrattiv ewlieni ta’ l-Organizzazzjoni u għandu jkun responsabbli għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir li jaqa’ fuqu fl-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar lill-persunal ta’ l-Organizzazzjoni skond ir-regolamenti stabbiliti mill-Kunsill.
4. La d-Direttur Eżekuttiv u lanqas xi membru tal-persunal ma għandu jkollu xi interess finanzjarju fl-industrija tal-kafè, fil-kummerċ tal-kafè jew fit-trasport tal-kafè.
5. Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal m’għandhomx jitolbu jew jirċievu istruzzjonijiet minn xi Membru jew minn xi awtorità oħra li hija esterna għall-Organizzazzjoni. Għandhom jiddeżistu minn kwalunkwe azzjoni li tista’ tirrifletti fuq il-pożizzjoni tagħhom bħala uffiċjali responsabbli biss lejn l-Organizzazzjoni. Kull Membru jintrabat li jirrispetta l-karattru internazzjonali esklussiv tar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv u tal-persunal u mhux li jinfluwenzahom fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom.
KAPITOLU VIII
FINANZI U AMMINISTRAZZJONI
Artikolu 18
Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni
Għandu jiġi stabbilit Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu. Dan il-Kumitat għandu jkun responsabbli li jissorvelja l-Baġit Amministrattiv li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill għall-approvazzjoni, u li jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor li l-Kunsill jassenjalu li għandha tinkludi l-monitoraġġ tad-dħul u ta’ l-infiq u kwistjonijiet dwar l-amministrazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni. Il-Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni għandu jirrapporta dwar il-proċedimenti tiegħu lill-Kunsill.
Artikolu 19
Finanzi
1. L-ispejjeż tad-delegazzjonijiet lill-Kunsill u r-rappreżentanti ta’ kwalunkwe mill-kumitati tal-Kunsill għandhom jitħallsu mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom.
2. L-ispejjeż l-oħrajn meħtieġa ghall-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jitħallsu minn kontribuzzjonijiet annwali mill-Membri vvalutati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20, flimkien ma’ dħul minn bejgħ ta’ servizzi speċifiċi lill-Membri u l-bejgħ ta’ informazzjoni u studji ġenerati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 32 u 34.
3. Is-sena finanzjarja ta’ l-Organizzazzjoni għandha tkun l-istess bħas-sena tal-kafè.
Artikolu 20
Determinazzjoni tal-Baġit Amministrattiv u valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet
1. Matul it-tieni nofs ta’ kull sena finanzjarja, il-Kunsill għandu japprova l-Baġit Amministrattiv ta’ l-Organizzazzjoni għas-sena finanzjarja ta’ wara u għandu jivvaluta l-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għal dak il-Baġit. Għandu jiġi ppreparat abbozz ta’ Baġit Amministrattiv mid-Direttur Eżekuttiv taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18.
2. Il-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għall-Baġit Amministrattiv għal kull sena finanzjarja għandha tkun skond il-proporzjon li jkollu l-għadd tal-voti tiegħu meta l-Baġit Amministrattiv għal dik is-sena finanzjarja jkun approvat mill-voti totali tal-Membri. Madankollu, jekk ikun hemm xi tibdil fid-distribuzzjoni tal-voti fost il-Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12(6) fil-bidu tas-sena finanzjarja li għaliha huma vvalutati l-kontribuzzjonijiet, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati b’mod korrispondenti għal dik is-sena. Fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet, il-voti ta’ kull Membru għandhom jiġu kkalkolati mingħajr konsiderazzjoni għas-sospensjoni tad-drittijiet tal-votazzjoni ta’ kwalunkwe Membru jew għal kwalunkwe distribuzzjoni mill-ġdid tal-voti li tirriżulta minn dan.
3. Il-kontribuzzjoni inizjali ta’ kwalunkwe Membru li jissieħeb fl-Organizzazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim kif provdut fl-Artikolu 42 għandha tiġi vvalutata mill-Kunsill fuq bażi ta’ l-għadd ta’ voti li għandu jkollu u l-perjodu li fadal mis-sena finanzjarja kurrenti, iżda l-valutazzjonijiet magħmula fuq Membri oħrajn għas-sena finanzjarja kurrenti m’għandhomx jinbidlu.
Artikolu 21
Ħlas tal-kontribuzzjonijiet
1. Il-kontribuzzjonijiet għall-Baġit Amministrattiv għal kull sena finanzjarja għandhom ikunu pagabbli f’munita liberament konvertibbli u għandhom isiru dovuti fl-ewwel jum ta’ dik is-sena finanzjarja.
2. Jekk xi Membru jonqos li jħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu lill-Baġit Amministrattiv fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun dovuta l-kontribuzzjoni, id-drittijiet tal-votazzjoni tiegħu u d-dritt li jipparteċipa fil-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati għandhom ikunu sospiżi sakemm il-kontribuzzjoni tkun tħallset kollha. Iżda, kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, dan il-Membru m’għandux ikun imċaħħad mid-drittijiet l-oħrajn tiegħu u lanqas ma jinħeles mill-obbligi tiegħu skond dan il-Ftehim.
3. Kwalunkwe Membru li d-drittijiet tal-votazzjoni tiegħu jkunu ġew sospiżi skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu xorta għandu jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tiegħu.
Artikolu 22
Passiv
1. L-Organizzazzjoni, fil-funzjoni tagħha kif speċifikata fl-Artikolu 6(3), m’għandux ikollha l-poter li tidħol f’xi obbligu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u m’għandhiex titqies li ġiet awtorizzata mill-Membri li tagħmel dan; b’mod partikolari m’għandux ikollha l-kapaċità li tissellef il-flus. Fl-eżerċizzju tal-kapaċità tagħha li tikkuntratta, l-Organizzazzjoni għandha tinkorpora fil-kuntratti tagħha t-termini ta’ dan l-Artikolu b’tali mod li ġġibhom għall-attenzjoni tal-partijiet l-oħrajn li deħlin f’kuntratti ma’ l-Organizzazzjoni, iżda kwalunkwe nuqqas li tinkorpora dawn it-termini m’għandux jinvalida dan il-kuntratt jew jagħmlu ultra vires.
2. Ir-responsabbiltà ta’ Membru hija limitata sa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet speċifikament provduti f’dan il-Ftehim. Il-partijiet terzi li jaħdmu ma’ l-Organizzazzjoni għandhom jitqiesu li huma avżati dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-Membri.
Artikolu 23
Verifika u pubblikazzjoni tal-kotba
Malli jkun possibbli u mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, għandha tiġi ppreparata dikjarazzjoni vverifikata b’mod indipendenti ta’ l-attiv, tal-passiv, tad-dħul u ta’ l-infiq ta’ l-Organizzazzjoni matul dik is-sena finanzjarja. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-approvazzjoni fl-ewwel sessjoni li tkun tmiss.
KAPITOLU IX
PROMOZZJONI U ŻVILUPP TAS-SUQ
Artikolu 24
Tneħħija ta’ l-ostakoli għall-kummerċ u l-konsum
1. Il-Membri jagħrfu l-importanza ta’ l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-kafè u tat-tneħħija ta’ ostakoli preżenti u l-evitar ta’ ostakoli ġodda li jistgħu jfixklu l-kummerċ u l-konsum, filwaqt li jirrikonoxxu fl-istess ħin id-dritt tal-Membri li jirregolaw, u li jintroduċu regolamenti ġodda, sabiex jilħqu l-għanijiet nazzjonali ta’ politika tas-saħħa u ta’ l-ambjent, skond l-impenni u l-obbligi tagħhom skond strumenti ta’ ftehim internazzjonali, inklużi dawk relatati mal-kummerċ internazzjonali.
2. Il-Membri jagħrfu li bħalissa hemm miżuri fis-seħħ li jistgħu sa livell akbar jew inqas ifixklu ż-żieda fil-konsum tal-kafè, b’mod partikolari:
(a) |
l-arranġamenti ta’ l-importazzjoni li jgħoddu għall-kafè, inklużi tariffi preferenzjali u oħrajn, kwoti, operazzjonijiet tal-monopolji tal-gvern u aġenziji uffiċjali tax-xiri, u regoli amministrattivi u prattiki kummerċjali oħrajn; |
(b) |
l-arranġamenti ta’ l-esportazzjoni fir-rigward ta’ sussidji diretti jew indiretti u regoli amministrattivi u prattiċi kummerċjali oħrajn; u |
(ċ) |
il-kundizzjonijiet interni tal-kummerċ u d-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi domestiċi u reġjonali li jistgħu jaffettwaw il-konsum. |
3. Fid-dawl ta’ l-għanijiet dikjarati hawn fuq u d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu, il-Membri għandhom jagħmlu sforz li jfittxu tnaqqis tat-tariffi fuq il-kafè jew li jieħdu azzjonijiet oħrajn biex ineħħu l-ostakoli għal konsum akbar.
4. Filwaqt li tqies l-interess reċiproku tagħhom, il-Membri jintrabtu li jfittxu modi u mezzi kif l-ostakoli għall-kummerċ u l-konsum akbar imsemmija fil-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu jistgħu progressivament jitnaqqsu u eventwalment, kull fejn ikun possibbli, jiġu eliminati, jew li bihom l-effetti ta’ dawn l-ostakoli jistgħu jiġu mnaqqsa b’mod sostanzjali.
5. Fid-dawl ta’ kwalunkwe impenn meħud skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu, il-Membri għandhom jgħarrfu lill-Kunsill kull sena dwar il-miżuri kollha adottati bl-għan li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.
6. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara perjodikament stħarriġ ta’ l-ostakoli għall-konsum li għandu jiġi rivedut mill-Kunsill.
7. Il-Kunsill jista’, sabiex jagħti spinta lill-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Membri, li għandhom jirrapportaw mill-aktar fis possibbli lill-Kunsill dwar il-miżuri adottati bl-għan li jiġu implimentati dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Artikolu 25
Promozzjoni u żvilupp tas-suq
1. Il-Membri jagħrfu l-benefiċċji, kemm għall-Membri li jimportaw kif ukoll għal dawk li jesportaw, li jirriżultaw mill-isforzi li jiġi promoss il-konsum, tittejjeb il-kwalità tal-prodott, u li jiġu żviluppati swieq għall-kafè, inklużi dawk tal-Membri li jesportaw.
2. L-attivitajiet tal-promozzjoni u ta’ l-iżvilupp tas-suq jistgħu jinkludu kampanji ta’ l-informazzjoni, riċerka, bini tal-kapaċitajiet u studji relatati mal-produzzjoni u l-konsum tal-kafè.
3. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu inklużi fil-programm annwali ta’ ħidma tal-Kunsill jew fost l-attivitajiet tal-proġett ta’ l-Organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 u jistgħu jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-Membri, non-Membri, organizzazzjonijiet oħrajn u s-settur privat.
4. Għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar il-Promozzjoni u l-Iżvilupp tas-Suq. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu.
Artikolu 26
Miżuri relatati mal-kafè pproċessat
Il-Membri jagħrfu l-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iwessgħu l-bażi ta’ l-ekonomiji tagħhom permezz ta’, inter alia, l-industrijalizzazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti manifatturati, inkluż l-ipproċessar tal-kafè u l-esportazzjoni tal-kafè pproċessat, kif imsemmi fis-sub-paragrafi (d), (e), (f) u (ġ) tal-paragrafu (1) ta’ l-Artikolu 2. F’dan ir-rigward, il-Membri għandhom jevitaw l-adozzjoni ta’ miżuri tal-gvern li jistgħu jikkawżaw tfixkil fis-settur tal-kafè ta’ Membri oħrajn.
Artikolu 27
Taħlitiet u sostituti
1. Il-Membri m’għandhom iżommu ebda regolament li jeħtieġ it-taħlit, l-ipproċessar jew l-użu ta’ prodotti oħrajn mal-kafè għall-bejgħ kummerċjali mill-ġdid bħala kafè. Il-Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jipprojbixxu l-bejgħ u r-reklamar tal-prodotti taħt l-isem tal-kafè jekk dawn il-prodotti fihom inqas mill-ekwivalenti ta’ 95 % kafè aħdar bħala l-materjal bażżiku mhux ipproċessat.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Kunsill rapport perjodiku dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet dan l-Artikolu.
KAPITOLU X
ATTIVITAJIET TA’ PROĠETTI TA’ L-ORGANIZZAZZJONI
Artikolu 28
Żvilupp u ffinanzjar tal-proġetti
1. Il-Membri u d-Direttur Eżekuttiv jistgħu jissottomettu proposti dwar proġetti li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u wieħed jew aktar mill-oqsma prijoritarji għall-ħidma identifikati fil-pjan ta’ azzjoni strateġiku approvat mill-Kunsill skond l-Artikolu 9.
2. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi biex jiġu sottomessi, evalwati, approvati, prijoritarizzati u ffinanzjati l-proġetti, kif ukoll għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, u d-disseminazzjoni ġenerali tar-riżultati.
3. F’kull sessjoni tal-Kunsill id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta dwar l-istat tal-proġetti kollha approvati mill-Kunsill, inklużi dawk li qed jistennew il-finanzjament, li qed jiġu implimentati jew li tlestew minn żmien l-aħħar sessjoni tal-Kunsill.
4. Għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar il-Proġetti. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu.
KAPITOLU XI
IS-SETTUR PRIVAT TAL-KAFÈ
Artikolu 29
Il-Bord Konsultattiv tas-Settur Privat
1. Il-Bord Konsultattiv tas-Settur Privat (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-BKSP) għandu jkun korp konsultattiv li jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe konsultazzjoni magħmula mill-Kunsill u jista’ jistieden lill-Kunsill jikkunsidra kwistjonijiet relatati ma’ dan il-Ftehim.
2. Il-BKSP għandu jkun iffurmat minn tmien rappreżentanti tas-settur privat fil-pajjiżi li jesportaw, u tmien rappreżentanti tas-settur privat fil-pajjiżi li jimportaw.
3. Il-membri tal-BKSP għandhom ikunu rappreżentanti ta’ l-assoċjazzjonijiet jew korpijiet maħtura mill-Kunsill kull sentejn tal-kafè, u jistgħu jinħatru mill-ġdid. Meta jagħmel dan il-Kunsill għandu jagħmel sforz li jaħtar:
(a) |
żewġ assoċjazzjonijiet jew korpijiet tal-kafè fis-settur privat mill-pajjiżi jew reġjuni li jesportaw li jirrappreżentaw kull wieħed mill-erba’ gruppi tal-kafè, preferibbilment li jirrappreżentaw kemm dawk li jkabbru l-kafè u dawk li jesportawh, flimkien ma’ sostitut wieħed jew aktar għal kull rappreżentant; u |
(b) |
tmien assoċjazzjonijiet jew korpijiet tal-kafè fis-settur privat mill-pajjiżi li jimportaw, kemm jekk Membri jew le, preferibbilment li jirrappreżentaw kemm l-importaturi kif ukoll dawk li jixwu l-kafè, flimkien ma’ sostitut wieħed jew aktar għal kull rappreżentant. |
4. Kull membru tal-BKSP jista’ jaħtar konsulent wieħed jew aktar.
5. Il-BKSP għandu jkollu President u Viċi-President eletti minn fost il-Membri tiegħu, għal żmien ta’ sena. Dawn l-uffiċjali jistgħu jiġu eletti mill-ġdid. Il-President u l-Viċi-President m’għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni. Il-President għandu jkun mistieden jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill bħala osservatur.
6. Il-BKSP għandu normalment jiltaqa’ fis-sede ta’ l-Organizzazzjoni, matul is-sessjonijiet regolari tal-Kunsill. Fil-każ li l-Kunsill jaċċetta stedina minn Membru li jagħmel laqgħa fit-territorju tiegħu, il-BKSP għandu wkoll jiltaqa’ f’dak it-territorju, f’liema każ l-ispejjeż addizzjonali għall-Organizzazzjoni involuti li jkun aktar minn dawk magħmula meta l-laqgħa ssir fis-sede jitħallsu minn dak il-pajjiż jew organizzazzjoni tas-settur privat li jospita/tospita l-laqgħa.
7. Il-BKSP jista’ jagħmel laqgħat speċali soġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill.
8. Il-BKSP għandu jissottometti rapporti regolari lill-Kunsill.
9. Il-BKSP għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess, konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 30
Il-Konferenza Dinjija tal-Kafè
1. Il-Kunsill għandu jagħmel arranġamenti biex jagħmel, f’intervalli xierqa, Konferenza Dinjija tal-Kafè (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Konferenza), li għandha tkun komposta minn Membri li jesportaw u li jimportaw, minn rappreżentanti tas-settur privat, u parteċipanti interessati oħrajn, inklużi parteċipanti minn pajjiżi mhux membri. Il-Kunsill, b’koordinazzjoni mal-President tal-Konferenza, għandu jiżgura li l-Konferenza tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-Konferenza għandu jkollha President li m’għandux jitħallas mill-Organizzazzjoni. Il-President għandu jinħatar mill-Kunsill għal perjodu xieraq, u għandu jkun mistieden jieħu sehem f’laqgħat tal-Kunsill bħala osservatur.
3. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-forma, it-titlu, is-suġġett u l-ħin tal-Konferenza, b’konsultazzjoni mal-Bord Konsultattiv tas-Settur Privat. Il-Konferenza normalment għandha ssir fis-sede ta’ l-Organizzazzjoni, matul is-sessjonijiet regolari tal-Kunsill. Fil-każ li l-Kunsill jaċċetta stedina minn Membru li jagħmel sessjoni fit-territorju tiegħu, il-Konferenza tista’ wkoll issir f’dak it-territorju, f’liema każ l-ispejjeż addizzjonali għall-Organizzazzjoni involuti li jkunu aktar minn dawk magħmula meta l-laqgħa ssir fis-sede jitħallsu minn dak il-pajjiż li jospita l-laqgħa.
4. Kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, il-Konferenza għandha tiffinanzja lilha nfisha.
5. Il-President għandu jirraporta lill-Kunsill dwar il-konklużjonijiet tal-Konferenza.
Artikolu 31
Il-Forum Konsultattiv dwar il-Finanzjament tas-Settur tal-Kafè
1. Il-Kunsill għandu jlaqqa’, f’intervalli xierqa u b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn rilevanti, Forum Konsultattiv dwar il-Finanzjament tas-Settur tal-Kafè (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Forum) biex jiffaċilita l-konsultazzjonijiet dwar suġġetti relatati mal-finanzi u l-immaniġġjar tar-riskju fis-settur tal-kafè, b’enfasi partikolari fuq il-bżonnijiet ta’ produtturi ta’ skala żgħira u medja, u komunitajiet lokali fiż-żoni li jipproduċu l-kafè.
2. Il-Forum għandu jinkludi rappreżentanti tal-Membri, organizzazzjonijiet intergovernattivi, istituzzjonijiet finanzjarji, is-settur privat, organizzazzjonijiet mhux governattivi, pajjiżi mhux membri interessati u oħrajn b’għarfien espert rilevanti. Kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, il-Forum għandu jiffinanzja lilu nnifsu.
3. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura għall-ħidma tal-Forum, għall-ħatra tal-President u d-disseminazzjoni ġenerali tar-riżultati tagħha, bl-użu fejn xieraq ta’ mekkaniżmi stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 34. Il-President għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-Forum.
KAPITOLU XII
INFORMAZZJONI STATISTIKA, STUDJI U STĦARRIĠ
Artikolu 32
Informazzjoni statistika
1. L-Organizzazzjoni għandha taġixxi bħala ċentru għall-ġbir, l-iskambju u l-pubblikazzjoni ta’:
(a) |
informazzjoni statistika dwar il-produzzjoni dinjija, il-prezzijiet, l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mill-ġdid, it-tqassim u l-konsum tal-kafè, inkluża informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum, il-kummerċ u l-prezzijiet għall-kafejiet f’kategoriji differenti tas-suq u prodotti differenti li fihom il-kafè; u |
(b) |
safejn jitqies xieraq, informazzjoni teknika dwar il-kultivazzjoni, l-ipproċessar u l-użu tal-kafè. |
2. Il-Kunsill jista’ jitlob lill-Membri jipprovdu dik l-informazzjoni li jqis meħtieġa għall-operat tiegħu, inklużi rapporti statistiċi regolari dwar il-produzzjoni tal-kafè, it-tendenzi tal-produzzjoni, l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mill-ġdid, it-tqassim, il-konsum, il-ħażniet, il-prezzijiet u t-tassazzjoni, iżda ma għandha tiġi ppubblikata ebda informazzjoni li tista’ tintuża biex jiġi identifikat l-operat ta’ persuni jew kumpanniji li jipproduċu, jipproċessaw jew jikkummerċjlizzaw il-kafè. Safejn ikun possibbli, il-Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba bl-aktar mod dettaljat, f’waqtu u preċiż li jista’ jkun prattikabbli.
3. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi sistema ta’ prezzijiet indikaturi u għandu jipprovdi għall-pubblikazzjoni prezz indikattiv ta’ kuljum kompost li għandu jirrifletti l-kundizzjonijiet attwali tas-suq.
4. Jekk Membru jonqos milli jipprovdi jew isib diffikultà biex jipprovdi fi żmien raġonevoli informazzjoni statistika u oħra meħtieġa mill-Kunsill għall-ħidma t-tajba ta’ l-Organizzazzjoni, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Membru kkonċernat jispjega r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità. Il-Membru jista’ wkoll jgħarraf lill-Kunsill dwar id-diffikultà tiegħu u jitlob l-assistenza teknika.
5. Jekk jinsab li l-assistenza teknika hija meħtieġa fil-kwistjoni, jew jekk Membru ma pprovdiex, għal sentejn konsekuttivi, l-informazzjoni statistika mitluba skond il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu u ma talabx l-assistenza tal-Kunsill jew ma spjegax ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità, il-Kunsill jista’ jieħu dawk l-inizjattivi li x’aktarx iwasslu lil dan il-Membru jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.
Artikolu 33
Ċertifikati ta’ l-Oriġini
1. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ l-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tal-kafè u biex jiġu aċċertati l-kwantitajiet tal-kafè li ġew esportati minn kull Membru li jesporta, l-Organizzazzjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ Ċertifikati ta’ l-Oriġini, irregolata minn regoli approvati mill-Kunsill.
2. Kull esportazzjoni tal-kafè minn Membru li jesporta għandha tkun koperta minn Ċertifikat ta’ l-Oriġini validu. Iċ-Ċertifikati ta’ l-Oriġini għandhom jinħarġu, skond ir-regoli stabbiliti mill-Kunsill, minn aġenzija kkwalifikata magħżula mill-Membru u approvata mill-Organizzazzjoni.
3. Kull Membru li jesporta għandu jgħarraf lill-Organizzazzjoni dwar l-aġenzija governattiva jew mhux governattiva li għandha twettaq il-funzjonijiet speċifikati fil-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu. L-Organizzazzjoni għandha speċifikament tapprova aġenzija mhux governattiva skond ir-regoli approvati mill-Kunsill.
4. Membru li jesporta, fuq bażi eċċezzjonali u b’ġustifikazzjoni tajba, jista’ jissottometti, għall-approvazzjoni tal-Kunsill, talba biex jippermetti d-data mogħtija fiċ-Ċertifikati ta’ l-Oriġini dwar l-esportazzjonijiet tiegħu tal-kafè tiġi trażmessa lill-Organizzazzjoni bl-użu ta’ metodu alternattiv.
Artikolu 34
Studji, stħarriġ u rapporti
1. Sabiex tassisti lill-Membri, l-Organizzazzjoni għandha tippromwovi l-preparazzjoni ta’ l-istudji, stħarriġ, rapporti tekniċi u dokumenti oħrajn dwar aspetti rilevanti tas-settur tal-kafè.
2. Dan jista’ jinkludi xogħol dwar l-ekonomija tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kafè, l-analiżi tal-katina tal-valur tal-kafè, metodi biex jiġu mmaniġġjati r-riskji finanzjarji u oħrajn, l-impatt ta’ miżuri governattivi fuq il-produzzjoni u l-konsum tal-kafè, aspetti ta’ sostenibbiltà tas-settur tal-kafè, rabtiet bejn il-kafè u s-saħħa u opportunitajiet għall-espansjoni tas-swieq tal-kafè għal użi tradizzjonali u użi possibbli ġodda.
3. L-informazzjoni miġura, kkumpilata, analizzata u mqassma tista’ wkoll tinkludi, fejn ikun teknikament possibbli:
(a) |
kwantitajiet u prezzijiet ta’ kafejiet relatati ma’ fatturi bħal żoni ġeografiċi differenti u kundizzjonijiet tal-produzzjoni relatati mal-kwalità; u |
(b) |
informazzjoni dwar l-istrutturi tas-suq, swieq speċjalizzati u tendenzi li qed jiżviluppaw fil-produzzjoni u l-konsum. |
4. Sabiex iwettaq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jadotta programm ta’ ħidma annwali ta’ studji, stħarriġ u rapporti, b’rekwiżiti stmati tar-riżorsi. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu ffinanzjati jew minn dispożizzjonijiet fil-Baġit Amministrattiv jew minn għejun baġitarji żejda.
5. L-Organizzazzjoni għandha tagħmel enfasi partikolari fuq il-faċilitazzjoni ta’ l-aċċess għall-informazzjoni mill-produtturi żgħar tal-kafè u tgħinhom itejbu l-ħidma finanzjarja tagħhom, inkluż il-ġestjoni tal-kreditu u r-riskju.
KAPITOLU XIII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 35
Preparazzjonijiet għal Ftehim ġdid
1. Il-Kunsill jista’ jeżamina l-possibbiltà li jiġi negozjat Ftehim Internazzjonali tal-Kafè ġdid.
2. Sabiex iwettaq din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jeżamina l-progress li għamlet l-Organizzazzjoni fil-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim kif speċifikat fl-Artikolu 1.
Artikolu 36
Settur sostenibbli tal-kafè
Il-Membri għandhom iqisu debitament l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi u ta’ l-ipproċessar tal-kafè, filwaqt li jqisu l-prinċipji u l-għanijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli li jinsabu fl-Aġenda 21 adottata mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp li nżammet f’Rio de Janeiro fl-1992 u dawk adottati fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li nżamm f’Johannesburg fl-2002.
Artikolu 37
Standard ta’ l-għajxien u kundizzjonijiet ta’ xogħol
Il-Membri għandhom iqisu t-titjib ta’ l-istandard ta’ l-għajxien u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-popolazzjonijiet involuti fis-settur tal-kafè, skond l-istadju tagħhom ta’ l-iżvilupp, fid-dawl ta’ prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment u standards applikabbli dwar dawn il-kwistjonijiet. Barra minn dan, il-Membri jaqblu li l-istandards tax-xogħol m’għandhomx jintużaw għal skopijiet ta’ kummerċ protezzjonist.
KAPITOLU XIV
ONSULTAZZJONIJIET, TILWIMIET U LMENTI
Artikolu 38
Konsultazzjonijiet
Kull Membru għandu jagħti konsiderazzjoni pożittiva għal-konsultazzjoni u jagħti opportunità xierqa għal konsultazzjoni dwar dawk ir-rappreżentazzjonijiet li Membru ieħor jista’ jagħmel fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li għandha x’taqsam ma’ dan il-Ftehim. Matul din il-konsultazzjoni, fuq talba minn kwalunkwe parti u bil-kunsens tal-parti l-oħra, id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi bord indipendenti li għandu jagħmel mill-aħjar biex jikkonċilja l-partijiet. L-ispejjeż tal-bord m’għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni. Jekk parti ma taqbilx li jiġi stabbilit bord mid-Direttur Eżekuttiv, jew jekk il-konsultazzjoni ma twassalx għal soluzzjoni, il-kwistjoni tista’ tiġi riferita lill-Kunsill skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 39. Jekk il-konsultazzjoni twassal għal soluzzjoni, din għandha tiġi rrapportata lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jqassam ir-rapport lill-Membri kollha.
Artikolu 39
Tilwimiet u lmenti
1. Kwalunkwe tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim li ma tiġix solvuta permezz tan-negozjati għandha, fuq talba ta’ kwalunkwe Membru li jkun parti mit-tilwima, tiġi riferita lill-Kunsill għal deċiżjoni.
2. Il-Kunsill għandu jistabblixxi proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwimiet u l-ilmenti.
KAPITOLU XV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 40
Firma u ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni
1. Ħlief kif provdut mod ieħor, dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-firma fil-kwartieri ġenerali tad-Depożitarju sa mill-1 ta’ Frar 2008 sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2008 minn Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001 u mill-Gvernijiet mistiedna għas-sessjoni tal-Kunsill fejn ġie adottat dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim huwa soġġett għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Gvernijiet firmatarji skond il-proċeduri legali rispettivi tagħhom.
3. Ħlief kif provdut fl-Artikolu 42, l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008. Madankollu, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jagħti estensjonijiet ta’ żmien lill-Gvernijiet firmatarji li ma jistgħux jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom sa dik id-data. Il-Kunsill għandu jittrażmetti dawn id-deċiżjonijiet lid-Depożitarju.
4. Mal-firma u r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew notifika ta’ applikazzjoni provviżorja, il-Komunità Ewropea għandha tiddepożita dikjarazzjoni mad-Depożitarju li tikkonferma l-kompetenza esklussiva tagħħa dwar kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea m’għandhomx ikunu eliġibbli li jsiru Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.
Artikolu 41
Applikazzjoni provviżorja
Gvern firmatarju li bi ħsiebu jirratifika, jaċċetta jew japprova dan il-Ftehim jista’, fi kwalunkwe ħin, jinnotifika d-Depożitarju li japplika dan il-Ftehim provviżorjament skond il-proċeduri legali tiegħu.
Artikolu 42
Dħul fis-seħħ
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament meta l-Gvernijiet firmatarji li għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jesportaw u l-Gvernijiet firmatarji li għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jimportaw, ikkalkolati fit-28 ta’ Settembru 2007, mingħajr referenza għas-sospensjoni possibbli skond l-Artikolu 21, ikunu ddepożitaw strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. Alternattivament, huwa għandu jidħol fis-seħħ definittivament fi kwalunkwe ħin jekk ikun fis-seħħ provviżorjament skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu u dawn ir-rekwiżiti ta’ perċentwal jiġu sodisfatti bid-depożitu ta’ strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.
2. Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament sal-25 ta’ Settembru 2008, huwa għandu jidħol fis-seħħ provviżorjament f’dik id-data, jew fi kwalunkwe data oħra fi żmien tnax-il xahar wara, jekk il-Gvernijiet firmatarji li jkollhom il-voti deskritti fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu, jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, jew ikunu nnotifikaw lid-Depożitarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 41.
3. Jekk dan il-Ftehim ikun daħal fis-seħħ provviżorjament iżda ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament sal-25 ta’ Settembru 2009, huwa għandu jieqaf milli jkun fis-seħħ provviżorjament kemm-il darba dawk il-Gvernijiet firmatarji li jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, jew li jkunu nnotifikaw lid-Depożitarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 41, jiddeċiedu, b’kunsens komuni, li għandu jkompli fis-seħħ provviżorjament għal perjodu speċifiku ta’ żmien. Dawn il-Gvernijiet firmatarji jistgħu wkoll jiddeċiedu, b’kunsens komuni, li dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament fosthom.
4. Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament sal-25 ta’ Settembru 2009 skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) jew (2) ta’ dan l-Artikolu, dawk il-Gvernijiet firmatarji li ddepożitaw strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, jistgħu jiddeċiedu, b’kunsens komuni, li dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament fosthom.
Artikolu 43
Adeżjoni
1. Ħlief kif provdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, il-Gvern ta’ kwalunkwe Stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti jew ta’ kwalunkwe mill-aġenziji speċjalizzati tagħha jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva deskritta fil-paragrafu (3) ta’ l-Artikolu 4 jistgħu jaderixxu għal dan il-Ftehim skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.
2. L-istrumenti ta’ l-adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju. L-adeżjoni għandha tidħol fis-seħħ mad-depożitu ta’ l-istrument.
3. Malli jiġi depożitat strument ta’ l-adeżjoni, kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva msemmija fil-paragrafu (3) ta’ l-Artikolu 4 għandha tiddepożita dikjarazzjoni li tikkonferma l-kompetenza esklussiva tagħha dwar kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim. L-Istati membri ta’ din l-organizzazzjoni m’għandhomx ikunu eliġibbli li jsiru Partijiet Kontraenti għal dan il-Ftehim.
Artikolu 44
Riżervi
Ma jistgħu jsiru ebda riżervi fir-rigward ta’ xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 45
Rtirar volontarju
Kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin billi tagħti avviż ta’ l-irtirar bil-miktub lid-Depożitarju. L-irtirar għandu jsir effettiv 90 jum wara li jiġi rċevut l-avviż.
Artikolu 46
Esklużjoni
Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li xi Membru jkun kiser l-obbligi tiegħu skond dan il-Ftehim u jiddeċiedi wkoll li dan il-ksur ifixkel b’mod sinjifikanti l-operat ta’ dan il-Ftehim, jista’ jeskludi lil dan il-Membru mill-Organizzazzjoni. Il-Kunsill għandu minnufih jgħarraf lid-Depożitarju b’din id-deċiżjoni. Disgħin jum wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill, dan il-Membru għandu jieqaf milli jkun Membru ta’ l-Organizzazzjoni u Parti f’dan il-Ftehim.
Artikolu 47
Ħlas tal-kontijiet mal-Membri li jirtiraw jew li huma esklużi
1. Il-Kunsill għandu jiddetermina kwalunkwe ħlas tal-kontijiet ma’ Membru li qed jirtira jew Membru eskluż. L-Organizzazzjoni għandha żżomm kwalunkwe ammont diġà mħallas minn Membru li qed jirtira jew li ġie eskluż u dan il-Membru għandu jibqa’ obbligat iħallas kwalunkwe ammont dovut minnu lill-Organizzazzjoni fil-ħin li l-irtirar jew l-esklużjoni ssir effettiva; sakemm, iżda, li fil-każ ta’ Parti Kontraenti li ma tistax taċċetta emenda u għalhekk tieqaf milli tipparteċipa f’dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 49(2), il-Kunsill jista’ jiddetermina kwalunkwe ħlas tal-kontijiet li jqis ekwu.
2. Membru li jkun waqaf jipparteċipa f’dan il-Ftehim m’għandux ikun intitolat għal xi sehem tad-dħul ta’ likwidazzjoni jew l-assi l-oħrajn ta’ l-Organizzazzjoni; lanqas ma jkun responsabbli għall-ħlas ta’ xi parti mid-defiċit, jekk ikun hemm, ta’ l-Organizazzjoni meta jiġi tterminat dan il-Ftehim.
Artikolu 48
Dewmien, estensjoni u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal żmien ta’ għaxar snin wara li jidħol fis-seħħ provviżorjament jew definittivament kemm-il darba ma jiġix estiż skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu jew itterminat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu.
2. Il-Kunsill għandu jirrevedi dan il-Ftehim ħames snin wara li jidħol fis-seħħ u jieħu deċiżjonijiet kif xieraq.
3. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi dan il-Ftehim lil hinn mid-data meta jiskadi għal perjodu suċċessiv wieħed jew aktar iżda mhux aktar minn total ta’ tmien snin. Kwalunkwe Membru li ma jaċċettax din l-estensjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jgħarraf lill-Kunsill u lid-Depożitarju bil-miktub qabel ma jibda l-perjodu ta’ l-estensjoni u għandu jieqaf milli jkun Parti għal dan il-Ftehim mill-bidu tal-perjodu ta’ estensjoni.
4. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jittermina dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tieħu effett f’data li jiddeċiedi l-Kunsill.
5. Minkejja t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jibqa’ jeżisti kemm ikun meħtieġ biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa matul iż-żmien meħtieġ għal-likwidazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni, il-ħlas tal-kontijiet tagħha u d-dispożizzjoni ta’ l-assi tagħha.
6. Kwalunkwe deċiżjoni meħuda fir-rigward tad-dewmien u/jew terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe notifika rċevuta mill-Kunsill skond dan l-Artikolu għandha tkun trażmessa mill-Kunsill lid-Depożitarju.
Artikolu 49
Emenda
1. Il-Kunsill jista’ jipproponi emenda tal-Ftehim u għandu jikkomunika din il-proposta lill-Partijiet Kontraenti kollha. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni 100 jum wara li d-Depożitarju jkun irċieva notifiki ta’ aċċettazzjoni minn Partijiet Kontraenti li għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jesportaw, u minn Partijiet Kontraenti li jkollhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jimportaw. Il-perċentwal ta’ żewġ terzi msemmi hawn għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-għadd ta’ Partijiet Kontraenti għall-Ftehim fil-ħin li l-proposta ta’ l-emenda ġiet iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kkonċernati għall-aċċettazzjoni. Il-Kunsill għandu jiffissa żmien li fih il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lid-Depożitarju dwar l-aċċettazzjoni minnhom ta’ l-emenda, li għandha tkun ikkomunikata mill-Kunsill lill-Partijiet Kontraenti kollha u lid-Depożitarju. Jekk, malli jiskadi dan it-terminu, ir-rekwiżiti ta’ perċentwal għad-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda ma jkunux intlaħqu, l-emenda għandha titqies irtirata.
2. Kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, kwalunkwe Parti Kontraenti li ma tkunx innotifikat l-aċċettazzjoni ta’ emenda fil-perjodu ffissat mill-Kunsill għandha tieqaf milli tkun Parti Kontraenti għal dan il-Ftehim mid-data meta din l-emenda ssir effettiva.
3. Il-Kunsill għandu jinnotifika lid-Depożitarju b’kwalunkwe emenda mqassma lill-Partijiet Kontraenti skond dan l-Artikolu.
Artikolu 50
Dispożizzjoni supplementarja u tranżitorja
L-atti kollha minn jew f’isem l-Organizzazzjoni jew kwalunkwe mill-organi tagħha taħt il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2001 għandhom jibqgħu fis-seħħ sa meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.
Artikolu 51
Testijiet awtentiċi tal-Ftehim
It-testijiet ta’ dan il-Ftehim fil-lingwa Ingliża, Franċiża, Portugiża u Spanjola għandhom ikunu lkoll ugwalment awtentiċi. L-oriġinali għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju.
B’XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji, debitament awtorizzati f’dan is-sens mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim fid-dati li jidhru biswit il-firem tagħhom.
ANNESS
FATTURI TAL-KONVERŻJONI GĦALL-KAFÈ INKALJAT, DEKAFEINAT, LIKWIDU U SOLUBBLI KIF DEFINIT FIL-FTEHIM INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ 2001
Kafè inkaljat
Biex jinstab l-ekwivalenti tal-kafè inkaljat għall-kafè aħdar, immultiplika l-piż nett tal-kafè inkaljat b’1.19.
Kafè dekafeinat
Biex jinstab l-ekwivalenti tal-kafè dekafeinat għall-kafè aħdar, immultiplika l-piż nett tal-kafè dekafeinat f’forma ħadra, inkaljat jew solubbli b’1.00, 1.19 jew 2.6 rispettivament.
Kafè likwidu
Biex jinstab l-ekwivalenti tal-kafè likwidu għall-kafè aħdar, immultiplika l-piż nett tas-solidi tal-kafè mnixxef li jinsabu fil-kafè likwidu b’2.6.
Kafè solubbli
Biex jinstab l-ekwivalenti tal-kafè solubbli għall-kafè aħdar, immultiplika l-piż nett tas-solidi tal-kafè solubbli b’2.6.
DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA F’KONFORMITÀ MA’ L-ARTIKOLU 40(4) TAL-FTEHIM INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ 2007
Skond l-Artikolu 40(4) tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007, il-Komunità Ewropea tiddikjara li f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kwistjonijiet li jitratta dwarhom il-Ftehim huma r-responsabbiltà esklussiva tal-Komunità Ewropea skond il-politika kummerċjali komuni.