Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0567

    2008/567/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 4 ta' Lulju 2008 li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità, għas-sena 2008, għal azzjonijiet ta’ l-OIE fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali u tas-sorveljanza u l-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali

    ĠU L 181, 10.7.2008, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/567/oj

    10.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 181/55


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-4 ta' Lulju 2008

    li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità, għas-sena 2008, għal azzjonijiet ta’ l-OIE fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali u tas-sorveljanza u l-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali

    (2008/567/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skond id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità tista’ twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju.

    (2)

    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010 identifika l-ħtieġa li jitkompla l-appoġġ u jinbdew aktar attivitajiet internazzjonali biex titqajjem kuxjenza u jinħoloq kunsens akbar dwar il-benesseri ta’ l-annimali bħala waħda mill-ħames oqsma ta’ azzjoni ewlenin.

    (3)

    L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) hija l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa ta’ l-annimali madwar id-dinja. Fl-2005, l-OIE adottat linji gwida dwar il-benesseri ta’ l-annimali li jikkonċernaw it-trasport ta’ l-annimali bl-art jew bil-baħar, il-qtil ta’ l-annimali għall-konsum mill-bniedem u l-qtil bil-ħniena ta’ annimali għall-kontroll tal-mard. L-OIE biħsiebha tiżviluppa aktar dawn il-linji gwida, tadotta linji gwida ġodda u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-linji gwida li diġa ġew adottati mill-pajjiżi membri ta’ l-OIE, b’mod partikolari billi tipprovdi taħriġ u gwida.

    (4)

    L-avvenimenti ppjanati ta’ taħriġ u komunikazzjoni ta’ l-OIE huma neċessarji għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja fis-seħħ, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ veterinarju, fil-pajjiżi parteċipanti kollha. It-titjib f’pajjiżi terzi huwa marbut strettament ma’ l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u mal-ħtieġa li din il-leġiżlazzjoni tkun effettiva fl-ilħiq ta’ l-għanijiet tagħha. Barra minn hekk, l-avvenimenti ppjanati ta’ taħriġ u komunikazzjoni jaqblu max-xewqa tal-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej (2) li l-kundizzjonijiet ta’ benesseri ta’ l-annimali f’pajjiżi li jesportaw lejn il-Komunità jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fil-Komunità. Il-Komunità għandha għalhekk tagħti kontribut għall-finanzjament ta’ dawn l-avvenimenti.

    (5)

    L-għan tat-Tieni Konferenza Dinjija ta’ l-OIE dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali “Inħaddmu l-Istandards ta’ l-OIE” huwa li tappoġġa l-implimentazzjoni dinjija tal-linji gwida ta’ l-OIE għat-trasport bil-baħar u bl-art tal-bhejjem, il-qtil tal-bhejjem għall-konsum mill-bniedem u l-qtil għall-kontroll tal-mard. Il-konferenza biħsiebha wkoll iżżid il-prominenza tal-benesseri ta’ l-annimali kif ukoll tħeġġeġ lill-veterinarji u lis-Servizzi Veterinarji biex jieħdu responsabbiltà akbar għall-benesseri ta’ l-annimali.

    (6)

    It-tieni Konferenza Dinjija ta’ l-OIE dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali jista’ jkollha influwenza konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità. L-għanijiet tagħha huma konformi ma’ l-għanijiet stipulati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010. Għalhekk huwa xieraq li jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-konferenza ta’ l-OIE.

    (7)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa ta’ l-Annimali għall-UE (2007-2013) tiddeskrivi l-prijoritizzazzjoni ta’ intervent ta’ l-UE bħala wieħed mill-pilastri ta’ l-istrateġija ġdida dwar is-saħħa ta’ l-annimali. F’dan il-kuntest studju dwar l-ispiża ta’ sorveljanza u kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali fil-qafas tas-segwitu ta’ l-OIE ta’ l-Inizjattiva Globali tas-Saħħa ta’ l-Annimali, jipprovdi tagħrif li jgħin fil-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali u fil-prijoritizzazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza.

    (8)

    L-OIE għandha monopolju de facto fis-settur tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 168 (1) (ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-regolament finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3); għalhekk mhix meħtieġa sejħa għal proposti.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kontribut finanzjarju tal-Komunità, għall-finanzjament ta’ seminar ta’ taħriġ dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta’ l-OIE li jikkonċernaw il-benesseri ta’ l-annimali, organizzat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE), ta’ EUR 100 000 li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 65 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli huwa approvat.

    Artikolu 2

    Huwa approvat kontribut finanzjarju tal-Komunità, ta’ EUR 200 000 għall-finanzjament tat-Tieni Konferenza Dinjija ta’ l-OIE dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali “Inħaddmu l-Istandards ta’ l-OIE”, organizzata mill-OIE fl-2008, li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli.

    Artikolu 3

    Huwa approvat kontribut finanzjarju tal-Komunità, għall-finanzjament ta’ studju dwar l-ispiża ta’ sorveljanza u kategorizzazzjoni ta’ mard ta’ l-annimali mill-OIE fl-2008, ta’ EUR 200 000 li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 67 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli.

    Artikolu 4

    Il-kontribut finanzjarju stipulat fl-Artikoli 1, 2 u 3 għandu jkun iffinanzjat permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2008.

    Ftehim ta’ għotja għall-kontributi finanzjarji stipulati fl-Artikoli 1, 2 u 3 se jingħata lill-OIE mingħajr sejħa għal proposti billi l-OIE hija l-organizzazzjoni intergovernattiva għat-titjib tas-saħħa ta’ l-annimali madwar id-dinja u għandha monopolju de facto.

    Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (2)  Ewrobarometru Speċjali 270: Attitudes of EU citizens towards Animal Welfare, http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/survey/sp_barometer_aw_en.pdf, p. 32.

    (3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).


    Top