EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0563

2008/563/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta' Ġunju 2008 li tabroga d-Deċiżjoni 2005/185/KE dwar l-eżistenza ta’ defeċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka

ĠU L 181, 10.7.2008, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/563/oj

10.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 181/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta' Ġunju 2008

li tabroga d-Deċiżjoni 2005/185/KE dwar l-eżistenza ta’ defeċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka

(2008/563/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/185/KE (1), li ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li fir-Repubblika Ċeka kien hemm defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit ġenerali tal-gvern kien ta’ 12,9 % tal-PGD fl-2003 (5,9 % tal-PGD li jeskludi spiża maġġuri ta’ darba marbuta ma’ garanziji li ngħataw mill-Istat), ‘il fuq sew mill-valur ta’ referenza fit-Trattat ta’ 3 % tal-PGD.

(2)

Fil-5 ta’ Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tħaffif u l-ikkjarifikar ta’ l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza rakkomandazzjoni lir-Repubblika Ċeka bl-għan li l-qagħda tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2008. Ir-rakkomandazzjoni saret pubblika.

(3)

Minħabba t-tbassir ta’ nfiq baġitarju eċċessiv fl-2007 u l-eċċess kontinwu ta’d-defiċit fuq il-valur ta’ referenza fl-2008, il-Kunsill adotta deċiżjoni skond l-Artikolu 104(8) fl-10 ta’ Lulju 2007, ibbażata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, fejn iddikjara li l-azzjoni li qed tieħu r-Repubblika Ċeka ma kinitx tidher adegwata biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-iskadenza ta’ l-2008 (3). Fl-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni ġdida skond l-Artikolu 104(7), ibbażata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li fiha jirrakkomanda lir-Repubblika Ċeka tikkontrolla aktar il-qagħda ħażina tal-baġit fl-2007 u jikkonferma li d-defiċit eċċessiv għandu jispiċċa sa mhux aktar tard mill-2008, bid-9 ta’ April 2008 bħala skadenza għall-awtoritajiet Ċeki biex jieħdu azzjoni effettiva. Fuq il-bażi tat-tbassir disponibbli dak iż-żmien, il-Kunsill stieden lill-awtoritajiet Ċeki biex jiżguraw titjib fil-bilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament nett tal-miżuri ta’ darba jew oħrajn temporanji) ta’ mhux inqas minn — % tal-PGD fl-2008 meta mqabbel ma’ l-2007.

(4)

Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata, meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie kkoreġut.

(5)

Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern u varjabbli assoċjati oħrajn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, f’konformità ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

(6)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (l-Eurostat), skond l-Artikolu 8 g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 b’segwitu għan-notifka mir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ April 2008 u fuq it-tbassir tar-Rebbiegħa 2008 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

id-defiċit pubbliku ġenerali tniżżel minn 2,7 % tal-PGD fl-2006 għal 1,6 % tal-PGD fl-2007 li hu taħt il-valur ta’ referenza fit-Trattat ta’ 3 % tal-PGD qabel l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. Dan jaqbel mal-mira ta’ 4 % tal-PGD fil-programm ta’ konverġenza ta’ Marzu 2007,

filwaqt li d-dħul mit-taxxi qabeż kull aspettattiva minħabba tkabbir ekonomiku aktar minn dak mistenni, it-tnaqqis tad-defiċit fl-2007 kien ukoll konsegwenza ta’ kontroll fuq l-infiq, partikolarment fir-rigward ta’ kumpens lill-impjegati tas-servizz pubbliku u tal-konsum intermedju. Il-parti l-kbira ta’ dak li ġie ffrankat fuq in-nefqa huwa ta’ natura permanenti. It-titjib fil-bilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament wara l-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra) huwa stmat li kien kemm kemm ‘il fuq minn ½ % tal-PGD fl-2007,

għall-2008, it-tbassir tar-rebbiegħa 2008 jipprevedi li d-defiċit se jkompli nieżel, għal 1,4 % tal-PGD, mgħejjun minn aktar miżuri ta’ kontroll fuq l-infiq, miżuri leġislattivi biex tonqos in-nefqa soċjali u l-introduzzjoni ta’ miżati parzjali fuq is-saħħa. Id-dħul bħala persentaġġ tal-PGD huwa mistenni li jibqa’ ġeneralment kostanti b’riżultat ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri marbuta mat-taxxa implimentati fl-2008. Dan it-tbassir tar-rebbiegħa huwa konformi mal-mira ta’ defiċit ta’ 1,5 % tal-PGD fin-notifika fiskali ta’ April. Għall-2009, it-tbassir tar-rebbiegħa jipprevedi tnaqqis ulterjuri fid-defiċit għal 1,1 % tal-GDP, fuq is-suppożizzjoni li ma jkun hemm ebda tibdil fil-politika ibbażata fuq kontinwazzjoni tal-kontroll fuq l-infiq, Dan jindika li d-defiċit tniżżel għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli,

Il-bilanċ strutturali huwa previst li fl-2008 jitjieb bi kważi ½ ta’ punt perċentwali tal-PGD u għal darb’oħra, fuq is-suppożizzjoni li ma jkun hemm ebda tibdil fil-politika ibbażata fuq kontinwazzjoni tal-kontroll fuq l-infiq, ukoll fl-2009. Wieħed irid jara dan fl-isfond tal-ħtieġa li titħaffef il-kisba ta’ l-objettiv għal żmien medju (MTO) għall-qagħda tal-baġit, li għar-Repubblika Ċeka huwa defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PGD, kif irrakkomandat fl-Opinjoni tal-Kunsill ta’ Marzu 2008 dwar l-aġġornament ta’ Novembru 2007 tal-programm ta’ konverġenza.

id-dejn tal-gvern jibqa’ ferm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD. Id-dejn tal-gvern niżel minn 29,4 % tal-PGD fl-2006 għal 28,7 % fl-2007. Skond it-tbassir tar-rebbiegħa 2008, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jinżel taħt it-28 % tal-PGD sa l-aħħar ta’ l-2009 (fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm ebda tibdil fil-politika).

(7)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka ġie korrett u d-Deċiżjoni 2005/185/KE għandha għalhekk tiġi abrogata.

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li l-qagħda ta’ defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka ġiet korretta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2005/185/KE hija b’dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmula fil-Lussemburgu, 3 ta’ Ġunju 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

C. LAGARDE


(1)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 20.

(2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(3)  Id-Deċiżjoni 2007/640/KE (ĠU L 260, 5.10.2007, p. 13).

(4)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif l-aħħar emenda bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).


Top