EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0315

2008/315/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Diċembru 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C 32/07 (N 389/06) Mekkaniżmu temporanju difensiv għas-settur tal-bini tal-bastimenti – il-Portugall (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6063) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 108, 18.4.2008, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/315/oj

18.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 108/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Diċembru 2007

dwar l-għajnuna mill-Istat C 32/07 (N 389/06) Mekkaniżmu temporanju difensiv għas-settur tal-bini tal-bastimenti – il-Portugall

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6063)

(Il-verżjoni bil-Porugiż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/315/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1), u wara li tqiesu dawn il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Il-Portugall innotifika l-miżura fl-20 ta' Ġunju 2006. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni mingħand il-Portugall permezz ta' ittra datata s-6 ta' Lulju 2006 u pproponiet li ttawwal l-iskadenza prevista sabiex tkun tista' tieħu deċiżjoni dwar l-għajnuna nnotifikata, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (2), sakemm tiġi adottata deċiżjoni definittiva dwar is-suġġett ta' għajnuna simili li kienet ġiet innotifikata qabel mill-Portugall u li kienet attwalment qed tiġi kkunsidrata (3). B'ittra datata l-25 ta' Lulju 2006, il-Portugall aċċetta din il-proposta.

(2)

B'ittra datata l-11 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni reġgħet tat bidu għall-valutazzjoni tan-notifika u fakkret lill-Portugall li n-notifika ma kenitx kompluta. Il-Portugall ipprovda informazzjoni ulterjuri permezz ta' l-ittri datati l-5 ta' Lulju 2007 u s-26 ta' Lulju 2007.

(3)

B'ittra datata l-10 ta' Awissu 2007, il-Kummissjoni informat lill-Portugall li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta' l-għajnuna.

(4)

B'ittra datata s-17 ta' Settembru 2007, l-awtoritajiet Portugiżi ssottomettew il-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura msemmija hawn fuq.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. L-ebda parti terza ma ssottomettiet kummenti.

II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA TA' L-GĦAJNUNA

(6)

Il-benefiċjarju ta' l-għajnuna tkun Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. (“ENVC”), tarzna Portugiża li fil-preżent timpjega madwar 1 000 persuna.

(7)

Il-Portugall jipproponi li jipprovdi lill-ENVC b'għajnuna diretta li tammonta għal EUR 6 575 558 b'rabta ma' seba' kuntratti għall-bini ta' bastimenti, iffirmati bejn l-4 ta' Frar 2005 u l-31 ta' Marzu 2005. Id-dettalji fir-rigward ta' dawn il-kuntratti u l-għajnuna korrispondenti proposta huma dawn:

Bastiment għal użu diversifikat għal irfigħ tqil

Data ta' l-iffirmar tal-kuntratt

Sid il-bastiment

Għajnuna mill-Istat proposta (EUR)

C 228

24.2.2005

JMS Schiffarhtsgesellschaft mbH &CO KG MS

1 212 766

C 229

24.2.2005

JMS Schiffarhtsgesellschaft mbH &CO KG MS

1 212 766

C 230

4.2.2005

MARE Schiffarhtsgesellschaft

1 212 766

C 231

4.2.2005

MARE Schiffarhtsgesellschaft

661 102

C 232

4.2.2005

MARE Schiffarhtsgesellschaft

630 328

C 233

4.2.2005

MARE Schiffarhtsgesellschaft

433 064

C 210

31.3.2005

Mutualista Açoreana

1 212 766

(8)

Skond l-informazzjoni mogħtija fin-notifika, fl-Lulju 2005, it-tarzna għamlet it-talba għall-għajnuna marbuta mas-seba' kuntratti kollha, jiġifieri wara li kienu ġew iffirmati l-kuntratti. Il-Portugall awtorizza l-għajnuna, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha, permezz ta' deċiżjoni mittieħda fis-7 ta' Awissu 2006 mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika u mill-Ministeru ta' l-Ekonomija u l-Innovazzjoni.

(9)

Il-bastimenti ġew kunsinnati, jew huma mistennija li jiġu kkunsinnati fid-dati li ġejjin:

Bastiment

Data tal-kunsinna

C 228

30 ta’ Settembru 2007

C 229

30 ta’ Diċembru 2007

C 230

28 ta’ Lulju 2006

C 231

30 ta’ Ottubru 2006

C 232

3 ta’ Jannar 2007

C 233

24 ta’ April 2007

C 210

10 ta’ Lulju 2007

(10)

Il-Portugall jipproponi li jagħti l-għajnuna fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini ta' bastimenti (5), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004 (6) (ir-“Regolament MTD”). Ir-Regolament MTD daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2002 u skada fil-31 ta’ Marzu 2005. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma kienx għadu fis-seħħ meta l-Portugall approva u nnotifika l-għajnuna.

(11)

Madankollu, il-Portugall isostni li l-kuntratti għadhom eliġibbli għall-għajnuna skond ir-Regolament MTD għaliex dawn kienu ffirmati matul il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA FORMALI TA' INVESTIGAZZJONI

(12)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tniedi l-proċedura formali għall-investigazzjoni fil-każ preżenti, il-Kummissjoni nnutat li kellha dubji dwar jekk l-għajnuna kenitx kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tar-Regolament MTD minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

(13)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-effett ta' l-inċentiv fuq l-għajnuna. Il-Kummissjoni nnutat li l-applikazzjoni għall-għajnuna nbagħtet wara li l-kuntratti kienu ġew iffirmati. Barra dan, il-Portugall approva l-għajnuna internament biss (bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha) aktar minn sena wara li kienet intbagħtet l-applikazzjoni għall-għajnuna. Il-Portugall ma kienx ipprovda xhieda li fiż-żmien meta l-ENVC ffirmat il-kuntratti kienu jeżistu assigurazzjonijiet li t-tarzna kienet ser tikseb l-għajnuna. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha dubju dwar jekk l-ENVC kenitx b'xi mod kostretta mill-għajnuna mill-Istat biex teżegwixxi l-proġetti kkonċernati.

(14)

It-tieninett, il-Kummissjoni ddubitat il-bażi legali għall-approvazzjoni ta' l-għajnuna. Il-Kummissjoni nnutat li r-Regolament MTD skada fil-31 ta' Marzu 2005 u għalhekk ma kienx għadu fis-seħħ fiż-żmien meta l-Portugall approva u nnotifika l-għajnuna. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li fid-deċiżjoni tagħha dwar il-Każ C 26/2006 (eks N 110/2006) (7) kienet fissret fid-dettall għaliex tqis li r-Regolament MTD ma jistax ikun aktar bażi legali valida għall-approvazzjoni ta' għajnuna ġdida għall-funzjonament għall-bini tal-bastimenti. Fil-każ preżenti, il-Portugall ma kien issottometta l-ebda informazzjoni ġdida li tibdel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward u għalhekk f'dak l-istadju l-Kummissjoni ma setgħetx tqis l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni.

IV.   KUMMENTI MIBGĦUTA MILL-PORTUGALL

(15)

Il-Portugall innota, f'termini ġenerali, li għall-kuntratti kkonċernati t-tarzna kienet qed tikkompeti prinċipalment ma' tarznari li ma kinux Komunitarji, b'mod partikolari fir-rigward ta' kompetizzjoni inġusta mit-tarznari Koreani li kienet tikkostitwixxi s-suġġett tar-Regolament MTD. Barra dan, il-kuntratti ma effettwawx jew ma heddewx li jeffettwaw il-kompetizzjoni fl-UE għaliex it-tarznari kollha fl-UE kellhom aċċess indqas għall-għajnuna skond ir-Regolament MTD li kellu applikazzjoni diretta fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, il-miżuri nnotifikati ma setgħux jitqiesu li kellhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(16)

Fejn għandu x'jaqsam l-effett ta' inċentiv ta' l-għajnuna, il-Portugall argumenta li ma kienx materjalment possibbli għall-ENVC li tissottometti talba għal għajnuna ġustifikata kif xieraq, qabel l-iffirmar tal-kuntratti, minħabba aspetti marbuta man-negozjati. Il-kuntatti mas-sidien tal-bastimenti kienu nbdew qabel ma l-ENVC talbet l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Portugall isostni li, għalkemm l-ENVC ffirmat il-kuntratti mingħajr assigurazzjonijiet pubbliċi li kienet ser tingħata l-għajnuna, it-tarzna nnegozjat u ffirmat il-kuntratti u bniet il-bastimenti fuq il-bażi ta' l-istennija li kemm l-awtoritajiet Portugiżi kif ukoll il-Kummissjoni kienu ser jawtorizzaw l-għoti ta' l-għajnuna, ladarba l-kundizzjonijiet ta' l-għanijet li jirregolaw l-għoti ta' l-għajnuna kienu, f'dan il-każ, ġew issodisfati.

(17)

Fir-rigward tal-bażi ġuridika għall-approvazzjoni ta' l-għajnuna, il-Portugall irrefera għall-kummenti tiegħu sottomessi fil-kuntest tal-Każ C 26/2006 (8) li hu jikkunsidra bħala applikabbli għall-każ preżenti. Il-Portugall jinnota li l-kuntratti kkonċernati kienu ġew iffirmati matul il-perjodu ta' l-applikazzjoni tar-Regolament MTD, jiġifieri qabel il-31 ta' Marzu u qabel ma l-Korp ta' l-OMK għar-Riżolviment ta' l-Ilmenti kien adotta r-rapport tal-panil li jikkundanna r-Regolament MTD. Il-Portugall iddikjara wkoll li ma kienx possibbli li l-għajnuna tiġi nnotifikata qabel l-iskadenza tar-Regolament MTD għaliex il-kuntratti ma kinux ġew iffirmati qabel Frar u Marzu 2005 (jiġifieri eżattament qabel ma skada r-Regolament MTD). Madankollu, fil-fehma tal-Portugall dan ma jxejjinx il-validità ta' dawn il-kuntratti li kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet ta' l-għanijiet tar-Regolament MTD fiż-żmien meta ġew iffirmati.

V.   EVALWAZZJONI

Eżistenza ta' l-għajnuna

(18)

Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal tfixkil jew theddida ta' tfixkil fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti għandha, safejn din teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies inkompatibbli mas-suq komuni.

(19)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri proposti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Il-miżuri jieħdu l-forma ta' għotja ffinanzjata mir-riżorsi ta' l-Istat. Ukoll jekk ir-Regolament MTD japplika għall-Istati Membri kollha, u t-tarznari kollha kienu eliġibbli għall-għajnuna skond ir-Regolament MTD, kif argumenta l-Portugall, il-miżuri huma selettivi billi f'dan il-każ dawn huma limitati għall-ENVC. Din l-għotja selettiva x'aktarx tfixkel il-kompetizzjoni minħabba li tipprovdi lill-ENVC b'vantaġġ fuq kompetituri oħrajn li l-għajnuna ma ngħatatx lilhom. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-ENVC setgħet kienet qed tikkompeti ma' tarznari fil-Korea ma jippreġudikax il-fatt li kienet qed tikkompeti wkoll ma' tarznari oħrajn fis-suq komuni. Fl-aħħarnett, it-tarznar hu attività ekonomika li jinvolvi kummerċ estensiv bejn l-Istati Membri u għal din ir-raġuni l-miżuri x'aktarx jeffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(20)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma li l-miżura ta' għajnuna nnotifikata taqa' fl-ambitu ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat ta' l-UE.

Kompatibbiltà mas-suq komuni

L-effett ta' inċentiv

(21)

Bħala prinċipju ġenerali, l-għajnuna mill-Istat tista' titqies kompatibbli mas-suq komuni jekk ikun meħtieġ li l-impriża benefiċjarja titħajjar taġixxi b'mod li jgħinha tikseb l-għanijiet previsti mid-deroga rilevanti (9).

(22)

Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-għan tar-Regolament MTD kien li “effettivament jippermetti li t-tarznari Komunitarji jegħlbu l-kompetizzjoni inġusta mill-Korea” (ara l-paragrafu 6 tal-preambolu). Setgħet għalhekk tiġi awtorizzata għajnuna diretta sa 6 % tal-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna sakemm kienet teżisti kompetizzjoni għall-istess kuntratt minn tarzna fil-Korea b'offerta ta' prezz irħas (l-Artikolu 2).

(23)

Il-Portugall jargumenta f'dan il-każ li wkoll jekk l-ENVC ma kellha l-ebda assigurazzjoni li ser tingħata l-għajnuna meta ffirmat il-kuntratti, hi kienet qed tistenna li tingħata din l-għajnuna għaliex il-kuntratti ssodisfaw il-kundizzjonijiet ta' l-għanijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna skond ir-Regolament MTD.

(24)

Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li f'dan il-każ ma jeżistux provi biżżejjed li juru li l-għoti ta' l-għajnuna kienet determinanti għall-ENVC biex tiffirma l-kuntratti.

(25)

Kif diġà nnutat fid-deċiżjoni biex titnieda l-proċedura ta' investigazzjoni, il-Portugall issottometta kopja ta' ittra mingħand sid ta' bastiment li tiddikjara li għal sitta mill-kuntratti kkonċernati (il-bastimenti C 228 sa C 233) sid il-bastiment kien irċieva offerti ta' prezzijiet inferjuri mingħand it-tarznari Koreani. Madankollu, din l-ittra hija datata d-9 ta' Marzu 2005, jiġifieri kienet inbagħtet lill-ENVC wara li t-tarzna kienet diġà ffirmat il-kuntratti marbuta ma' dawn l-offerti. B'hekk jidher li meta t-tarzna ffirmat l-ewwel sitt kuntratti setgħet ma kenitx ċerta dwar jekk il-kuntratti kinux issodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà kollha. Fir-rigward tas-seba' kuntratt (il-bastiment C 210) is-sitwazzjoni wkoll tidher dubjuża, minħabba li l-indikazzjoni li mill-Korea kienu waslu offerti ta' prezz inferjuri kienet ukoll intbagħtet lill-ENVC fil-31 ta' Marzu 2005, jiġifieri preċiżament fl-istess jum li fih l-ENVC kienet iffirmat il-kuntratt.

(26)

Il-Portugall ma ssottometta l-ebda xhieda li, formalment jew informalment, l-ENVC kienet irċeviet indikazzjoni mingħand l-awtoritajiet Portugiżi, qabel l-iffirmar tal-kuntratti, li l-għajnuna setgħet tingħata b'rabta ma' dawn il-kuntratti (10). Għall-kuntrarju, jidher li l-ENVC kienet lesta li tidħol għal dawn il-kuntratti anke mingħajr garanziji ta' l-għoti ta' l-għajnuna. Pereżempju, il-Portugall, fis-sottomissjoni tiegħu wara t-tnedija tal-proċedura ta' investigazzjoni, kien stqarr ukoll li l-ENVC kienet marbuta legalment li tibni l-bastimenti wkoll jekk l-għajnuna ma tiġix awtorizzata. Il-Portugall iżid jistqarr ukoll li fil-każ preżenti l-ENVC ma applikatx għall-għajnuna qabel ma kien skada r-Regolament MTD, li jidher li jikkonferma li t-tarzna kienet lesta li teżegwixxi l-proġetti bir-riskju li ma tirċivix l-għajnuna.

(27)

Barra dan, f'sens ġenerali, il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-għajnuna għandha effett ta' inċentiv jekk applikazzjoni għall-għajnuna tkun sottomessa qabel ma jibda x-xogħol fuq il-proġett (11). Dan ma kienx il-każ f'dawn iċ-ċirkustanzi. L-applikazzjoni għall-għajnuna ġiet sottomessa biss wara l-iffirmar tal-kuntratti (jiġifieri f'Lulju 2005, filwaqt li l-kuntratti kienu ġew iffirmati fi Frar u Marzu 2005). Barra minn hekk, il-Portugall approva l-għajnuna internament biss (bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha) aktar minn sena wara li kienet intbagħtet l-applikazzjoni għall-għajnuna. Għaldaqstant, ukoll minn perspettiva formali, l-effett ta' inċentiv mhux issodisfatt.

(28)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Portugall ma ssottomettiex provi biżżejjed ta' l-effett ta' inċentiv ta' l-għajnuna.

Bażi ġuridika

(29)

Fir-rigward tal-bażi legali għall-approvazzjoni ta' l-għajnuna, il-Portugall ma ssottometta l-ebda argument ġdid biex jelimina d-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha biex tniedi l-proċedura ta' investigazzjoni formali. L-argument prinċipali tal-Portugall f'dan ir-rigward huwa li l-kuntratti huma eliġibbli għall-għajnuna għaliex kienu ġew iffirmati matul il-perjodu ta' l-applikazzjoni tar-Regolament MTD. Il-Portugall jinnota wkoll li l-fatt li l-għajnuna kienet ġiet innotifikata biss wara l-iskadenza tar-Regolament MTD ma kellu l-ebda impatt fuq l-eliġibbiltà tal-kuntratti għall-għajnuna.

(30)

Madankollu, il-Kummissjoni f'deċiżjoni preċedenti (12) kienet diġà fissret għaliex ma tqisx li r-Regolament MTD għad għandu bażi legali valida għall-approvazzjoni ta' għajnuna ta' funzjonament għall-bini tal-bastimenti.

(31)

Il-Kummissjoni tinnota li l-applikazzjoni temporali tar-Regolament MTD hi definita fl-Artikolu 5 (13) tar-Regolament, fejn hu ddikjarat li r-Regolament “għandu jiskadi fil-31 ta' Marzu 2005”. Il-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament MTD jiddikjara li dan ir-Regolament “għandu jiġi applikat għall-kuntratti finali ffirmati minn meta jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament sa ma jiskadi (...)” hu, fil-fehma tal-Kummissjoni, kundizzjoni ta' kompatibbiltà u mhux definizzjoni ta' l-applikazzjoni temporali tar-Regolament.

(32)

Dan ta' hawn fuq tikkonfermah ukoll it-tieni parti ta' l-Artikolu 4, li tipprovdi li r-Regolament MTD ma għandux japplika għall-“kuntratti finali ffirmati qabel ma l-Kummissjoni tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li kienet nediet proċeduri ta' riżolviment ta' tilwim kontra l-Korea (...) u kuntratti finali ffirmati xahar, jew aktar minn xahar, wara li l-Kummissjoni tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li dawn il-proċeduri ta' riżolviment ta' tilwim kienu deċiżi jew sospiżi”.

(33)

Minn dan ta' hawn fuq jidher ċar li r-Regolament MTD kellu jiġi applikat biss sakemm kienet teżisti tilwima pendenti mal-Korea (14) u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2005.

(34)

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan proprju tar-Regolament MTD: “bħala miżura eċċezzjonali u temporanja sabiex ikunu megħjuna t-tarznari tal-Komunità f'dawk it-taqsimiet li jkunu sofrew effetti ħżiena f'għamla ta' danni materjali u ta' preġudizzju serju mill-kompetizzjoni mhux ġusta tal-Korea, il-mekkaniżmu temporanju difensiv għandu jkun awtorizzat għal segmenti limitati tas-suq u għal perjodu qasir u limitat biss (15) (il-Premessa 3).

(35)

Fil-każ preżenti, l-applikazzjoni għall-għajnuna kienet sottomessa mill-ENVC lill-awtoritajiet Portugiżi, approvata mill-Portugall u nnotifikata lill-Kummissjoni wara l-iskadenza tar-Regolament MTD, u għaldaqstant, b'mod ċar, il-miżuri jaqgħu barra l-ambitu ta' l-applikazzjoni temporali tar-Regolament MTD.

(36)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, kif diġà ġie mfisser fid-deċiżjoni biex titnieda l-proċedura ta' investigazzjoni formali fil-każ preżenti, ir-Regolament MTD jrid jiġi interpretat ukoll fid-dawl ta' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità. Skond il-ġurisprudenza kkonsolidata tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni Komunitarja trid, safejn hu possibbli, tiġi interpretata b'mod li tkun konsistenti mal-liġi internazzjonali, inklużi l-obbligi tal-KE fl-ambitu ta' l-ODK (16).

(37)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrimarka li l-Korea sfidat il-kompatibbiltà tar-Regolament MTD mar-regoli ta' l-ODK. Fit-22 ta' April 2005, Panil mill-ODK ippubblika r-rapport tiegħu li fih ikkonkluda li l-MTD u diversi skemi nazzjonali adottati fl-ambitu ta' dan il-mekkaniżu - li kienu jeżistu fiż-żmien meta l-Korea bdiet titlewwem ma' l-ODK – kienu kisru l-Artikolu 23.1 tal-Memorandum tal-Ftehim dwar ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw ir-riżolviment tat-tilwim (DSU) (17). Fl-20 ta' Ġunju 2005, il-Korp ta' l-ODK għar-Riżolviment tat-Tilwim (DSB) adotta r-rapport tal-Panil kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tiegħu biex il-Komunità tikkompatibilizza r-Regolament MTD u l-iskemi nazzjonali adottati fl-ambitu ta' dan il-mekkaniżmu ma' l-obbligi tagħha skond il-Ftehimiet ta' l-ODK (18). Fl-20 ta' Lulju 2005, il-Komunità infurmat lid-DSB li kienet diġà kkompatibilizzat il-miżuri tagħha mad-deċiżjoni u r-rakkomandazzjoni tad-DSB minħabba li r-Regolament MTD kien skada fil-31 ta' Marzu 2005 u l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna ta' funzjonament skond dan ir-Regolament.

(38)

Ir-rapport tal-Panil u d-deċiżjoni tad-DSB li tadotta dan ir-rapport ikkundannaw ir-Regolament MTD per se għax kien kiser ir-regoli ta' l-ODK u jobbligaw lill-Komunità biex ir-Regolament MTD ma japplikawhx aktar. L-obbligu tal-Komunità biex timplimenta d-deċiżjoni tad-DSB jkopri wkoll id-deċiżjonijiet ġejjiena biex tingħata għajnuna ġdida bl-applikazzjoni tar-Regolament MTD (19). Meta infurmat lid-DSB li kienet diġà kkompatibilizzat il-miżuri tagħha mad-deċiżjoni u r-rakkomandazzjoni tad-DSB minħabba li r-Regolament MTD kien skada fil-31 ta' Marzu 2005 u l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna ta' funzjonament skond dan ir-Regolament, il-Komunità kienet intrabtet biex dan ir-Regolament ma tapplikahx aktar biex tippermetti l-għoti ta' għajnuna ġdida. Konsegwentement, l-approvazzjoni ta' l-għajnuna preżenti tirriżulta fi ksur ta' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità.

(39)

Il-fatt li l-Kunsill ma ġeddidx dan ir-Regolament wara l-iskadenza tiegħu huwa indikazzjoni ċara li ma kenitx l-intenzjoni tal-Kunsill li jkompli jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova l-għajnuna skond ir-Regolament MTD. Dan jikkorrispondi mal-fatt li l-Komunità kienet infurmat lid-DSB li l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna ta' funzjonament skond dan ir-Regolament.

(40)

Ma kien hemm ebda argumenti ġodda min-naħa tal-Portugall biex jirribatti l-fehmiet tal-Kummissjoni kif espressi fid-deċiżjoni biex titnieda l-proċedura formali ta' investigazzjoni u kif imtenni hawn fuq.

(41)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna nnotifikata ma tistax tiġi approvata skond ir-Regolament MTD. Billi ma tapplika l-ebda klawżola ta' eżenzjoni oħra skond l-Artikolu 87 (2) jew (3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE, l-għajnuna hi għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna nnotifikata ta' EUR 6 575 558 proposta mill-Portugall lil Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. f'rabta mas-seba' kuntratti ffirmati minn din it-tarzna ma tistax tiġi awtorizzata skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti (20) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004 (21) u hi għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni. L-għajnuna ma tridx tiġi implimentata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 221, 21.9.2007, p. 8.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(3)  Il-Każ C 26/2006 (eks N 110/2006) li dwaru l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni finali negattiva fl-24 ta' April 2007 (ĠU L 219, 24.8.2007, p. 25).

(4)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(5)  ĠU L 172, 2.7.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 6.

(7)  Ara n-nota 3 f'qiegħ il-paġna.

(8)  Ara n-nota 3 f'qiegħ il-paġna.

(9)  Ara s-sentenza fil-Kawża 730/79 Phillip Morris vs Il-Kummissjoni [1980] ECR 2671, paragrafi 16 u 17.

(10)  Ara, b'kuntrast, il-Każ C 26/06 (in-nota 3 ta' qiegħ il-paġna). F'dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effett ta' inċentiv intwera b'ittra mingħand l-awtoritajiet Portugiżi lit-tarzna li fiha ġie rikonoxxut li kienu rċevew it-talba għall-għajnuna qabel l-iffirmar tal-kuntratti u li fiha wkoll jindikaw ir-rieda tagħhom biex jagħtu l-għajnuna jekk il-kundizzjonijiet ta' l-eliġibbiltà kienu ġew issodisfati. L-ebda element ta' prova ta' dan il-ġeneru ma ġie sottomess fir-rigward tal-każ preżenti.

(11)  Ara, b'analoġija, l-Artikolu 38 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Nazzjonali b'Għanijiet Reġjonali 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13): “l-għajnuna tista' tingħata biss (...) jekk il-benefiċjarju jkun issottometta applikazzjoni għall-għajnuna u l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-iskema sussegwentement tkun ikkonfermat bil-miktub li, bil-kundizzjoni li jkun hemm ivverifikar dettaljat, fil-prinċipju l-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà (...) qabel ma jingħata bidu għax-xogħol fuq il-proġett”.

(12)  Il-Każ C 26/2006 (eks N 110/2006) – nota 3 ta' qiegħ il-paġna.

(13)  Kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004, ara n-nota 4 ta' qiegħ il-paġna aktar 'il fuq.

(14)  Il-Premessa 7 tikkonferma din il-valutazzjoni: “il-mekkaniżmu temporanju difensiv għandu jiġi awtorizzat biss wara li l-Kummissjoni tniedi l-proċeduri ta' riżolviment ta' tilwim kontra l-Korea (...) u ma jistax jiġi awtorizzat aktar jekk dawn il-proċeduri ta' riżolviment ta' tilwim ikunu deċiżi jew sospiżi (...)”.

(15)  L-enfasi huwa miżjud.

(16)  Il-Każ C-53/96, Hermes, [1998] Col. I-3603, Nru 28; il-Każ C-76/00 P, Petrotub, [2003] Col. I-79, Nru 57.

(17)  Ara EC – Measures affecting trade in commercial vessels, WT/DS301/R, il-paragrafi 7.184–7.222 u 8.1(d).

(18)  Ara d-dokument ta' l-ODK WT/DS301/6.

(19)  Ara EC – Measures affecting trade in commercial vessels, WT/DS301/R, il-paragrafu 7.21.

(20)  ĠU L 172, 2.7.2002, p. 1.

(21)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 6.


Top