EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0292

2008/292/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 4 ta’ April 2008 li tistabbilixxi li, għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, il-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu ma jikkostitwixxux il-ħabitat naturali tas-sallura Ewropea (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1217)

ĠU L 98, 10.4.2008, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/292/oj

10.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 98/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-4 ta’ April 2008

li tistabbilixxi li, għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, il-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu ma jikkostitwixxux il-ħabitat naturali tas-sallura Ewropea

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1217)

(it-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bil-Pollakk, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż biss huma awtentiċi)

(2008/292/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta’ l-istokk [tal-ħażna] tas-sallura Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jistabbilixxi qafas għall-ħarsien u għall-użu sostenibbli ta’ l-istokk tas-sallura Ewropea fl-ilmijiet tal-Komunità u fil-laguni mal-kosta, fl-estwarji, u fix-xmajjar u l-ilmijiet interni komunikanti ta’ l-Istati Membri.

(2)

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jiddefinixxu l-baċiri tax-xmajjar individwali li jinsabu fit-territorju nazzjonali tagħhom li jikkostitwixxu ħabitati naturali għas-sallura Ewropea. L-Istati Membri għandhom iħejju Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għal kull baċin ta’ xmara tas-sallura.

(3)

Minħabba li s-sallura Ewropea tinsab fi kwantitajiet żgħar fil-Baħar l-Iswed u fis-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu, m'hemmx ċertezza dwar jekk dawk l-ilmijiet jikkostitwixxux ħabitat naturali għal dik l-ispeċi jew le.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddeċiedi jekk il-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu jikkostitwixxux dan it-tip ta’ ħabitat naturali, li jkollu bżonn l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-irkupru.

(5)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ta’ parir lill-Kummissjoni li l-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu qegħdin fil-punt estrem tal-firxa tas-sallura Ewropea u li l-preżenza naturali tas-sallura fihom, qabel ma dawn tgħammru biha, kienet sporadika. Qabel ma tgħammru biha, id-densità tas-sallura Ewropea f'dawk l-ibħra kienet baxxa wisq biex din tkun tista' tiġi mistada fi kwalunkwe stadju ta’ ħajjitha.

(6)

X'aktarx li l-ebda kwantità sinifikanti ta’ sallura mgħammra fix-xmajjar marbutin mal-Baħar l-Iswed ma tista tilħaq il-maturità u tispiċċa b'suċċess it-tpassija lejn il-Baħar Sargasso sabiex tkun tista' tbid. Barra minn hekk, x'aktarx li l-ebda kwantità sinifikanti ta’ frieħ tas-sallura ma jkunu jistgħu jitilgħu fix-xmajjar marbutin mal-Baħar l-Iswed, jilħqu l-maturità u jpassu lejn il-postijiet fejn ibidu.

(7)

Kwalunke benefiċċju potenzjali għall-istokk tas-sallura Ewropea li jirriżulta minn miżuri għall-irkupru fil-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu jkun negliġibbli u b'hekk ikun baxx wisq meta mqabbel mal-piż amministrattiv u finanzjarju li jkollhom iġarrbu l-Istati Membri kkonċernati.

(8)

Għalhekk, għandu jkun stabbilit li, għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, il-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu ma jikkostitwixxux il-ħabitat naturali tas-sallura Ewropea.

(9)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, il-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu ma jikkostitwixxux il-ħabitat naturali tas-sallura Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ l-Ungerija, lir-Repubblika ta’ l-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja u lir-Repubblika Slovakka.

Magħmula fi Brussell, 4 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17 .


Top