Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0215

    2008/215/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta' Frar 2008 li tadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    ĠU L 78, 19.3.2008, p. 35–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/215/oj

    19.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 78/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta' Frar 2008

    li tadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    (2008/215/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ġunju 2005 (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”),

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament ta' l-Għajnuna Komunitarja taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008 sa l-2013 skond il-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Barranin li għalih tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat KE (2) (“il-Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill 2007/617/KE ta' l-14 Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE (3) (“ir-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ”),

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (4) (“id-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni Barranija”),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.

    Artikolu 2

    Sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Intern ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandhom japplikaw biss għall-ħtiġijiet ta' programmazzjoni u l-proċeduri relatati ta' tfassil ta' deċiżjonijiet imsemmija fit-titoli II u III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, u, fir-rigward tal-PTB, fl-Artikoli 20 u 24 tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta' Frar 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. RUPEL


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3

    (2)  ĠU L 247, 9.8.2006, p. 32.

    (3)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.

    (4)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).


    ANNESS

    REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP

    Artikolu 1

    Kompożizzjoni

    Il-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“il-Kumitat”) għandu jinkludi d-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri (“id-delegazzjonijiet”) u għandu jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jieħu parti fil-proċeduri tal-Kumitat.

    Rappreżentant tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jattendi il-laqgħat bħala osservatur.

    Artikolu 2

    Referenza għall-Kumitat

    1.   Għandha ssir referenza għall-Kumitat fil-każijiet, u konformement mal-proċeduri, stabbiliti fl-Għaxar Regolament ta' Implimentazzjoni tal-FEŻ u, fejn ikun il-każ, fid-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet mogħtija lilu bid-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija, il-Kumitat għandu jissejjaħ il-“Kumitat FEŻ-PTB”.

    2.   Flimkien mal-każijiet ta' referenza previsti fil-paragrafu 1:

    (a)

    F'kull laqgħa l-Kummissjoni għandha tressaq lill-Kumitat lista tad-deċiżjonijiet meħuda fil-perijodu preċedenti abbażi ta' l-Artikolu 11 (2) u 12 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ;

    (b)

    il-Kumitat għandu jiġi nfurmat malajr kemm jista' jkun b'dewmien jew diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-programmi annwali ta' azzjoni, tal-programmi specjali ta' appoġġ u tal-miżuri speċjali li jistgħu jirriżultaw f'impenni addizzjonali jew bidliet sostantivi sinifikanti li x'aktarx jinvolvu referenza obbligatorja taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

    Artikolu 3

    Sejħa għal laqgħa

    1.   Il-Kumitat għandu jiġi msejjaħ mill-President tiegħu, li jkun qed jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

    2.   Laqgħat konġunti tal-Kumitat ma' kumitati oħra jistgħu jiġu msejħa biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' interess komuni li jaqgħu fl-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom.

    Artikolu 4

    Aġenda

    1.   Il-President għandu jħejji l-abbozz ta' aġenda u jippreżentah lill-Kumitat.

    2.   L-aġenda għandha tagħmel distinzjoni bejn:

    (a)

    il-miżuri proposti li dwarhom il-Kumitat jintalab sabiex jagħti opinjoni skond il-proċeduri ta' tmexxija previsti fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ;

    (b)

    kwistjonijiet oħra mressqa lill-Kumitat taħt it-termini ta' l-Artikoli 11 (4) u (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, jew bl-inizjattiva tal-President jew b'talba bil-miktub minn Membru tal-Kumitat.

    3.   Kwalunkwe delegazzjoni tista' titlob l-inklużjoni ta' xi punt fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kumitat. L-informazzjoni relevanti fuq dawn il-punti tista' tingħata bil-fomm.

    4.   L-aġenda għandha tinkludi l-approvazzjoni tal-minuti tal-laqgħa preċedenti.

    Artikolu 5

    Dokumentazzjoni li għandha tintbagħat lill-membri tal-Kumitat

    1.   Il-President għandu jibgħat l-invit għal-laqgħa, l-abbozz ta' l-aġenda u l-miżuri proposti li dwarhom hemm bżonn l-opinjoni tal-Kumitat u kwalunkwe dokument ta' ħidma ieħor lill-membri tal-Kumitat permezz tas-segretarjat fil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, bħala regola ġenerali mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

    2.   F'każijiet urġenti, u fejn il-miżuri li għandhom jiġu addottati għandhom ikunu applikati immedjatament, il-President jista', fuq it-talba ta' membru tal-Kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha stess, iqassar il-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1 għal ħamest ijiem ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

    3.   B'eċċezzjoni, f'każijiet ta' urġenza estrema sostanzjati kif xieraq (eż. ċirkostanzi serji ekonomiċi, soċjali u politiċi, diżastri naturali sofferti mill-pajjiż benefiċjarju jew ċirkostanzi oħrajn ta' natura simili li jkunu jeħtieġu reazzjoni tassew rapida), il-President jista', bit-talba ta' Membru tal-Kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha stess, jinjora l-perijodi stabbiliti f'paragrafi 1 u 2.

    4.   Il-paragrafi ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għall-Karti ta' Strateġija u Programmi Indikattivi Pluriennali u l-aġġustament tagħhom b'riżultat tar-reviżjonijiet fit-terminu medju u dak aħħari imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

    5.   Fil-każ ta' proposti li għandhom jingħataw lill-Kumitat għall-fehma tiegħu bi proċedura orali, id-delegazzjonijiet għandhom jinnotifikaw lis-segretarjat tal-Kumitat bil-miktub minn ta' l-inqas tlitt ijiem ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa:

    (a)

    b'dawk il-punti li għalihom fil-prinċipju jistgħu diġa' jagħtu l-qbil tagħhom u li huma jipproponu billi jinkludu bħala punti A (bil-kummenti/talbiet għal aktar informazzjoni jew mingħajr) fuq l-aġenda msemmija fl-Artikolu 4(1), u

    (b)

    dawk il-punti li jaħsbu li għandhom bżonn jiddiskutu u jipproponu li jiddaħħlu bħala punti B.

    Id-delegazzjonijiet għandhom ukoll jifformulaw kwalunkwe kummenti jew talbiet għal aktar informazzjoni bil-miktub u fl-istess limitu ta' żmien.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar informazzjoni u tirrispondi għall kwalunkwe kummenti, kull fejn possibli bil-miktub u qabel il-laqgħa tal-Kumitat.

    Artikolu 6

    Trasmissjoni ta' dokumenti ta' Strateġija lill-Assemblea Parlamentari Konġunta

    Skond l-Artikolu 4 (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, is-segretarjat tal-Kumitat ser jittrażmetti d-Dokumenti ta' Strateġija lill-Assemblea Parlamentari Konġunta għal informazzjoni fl-istess waqt li jintbagħtu lid-delegazzjonijiet fil-Kumitat.

    Artikolu 7

    Opinjoni tal-Kumitat

    1.   Meta titressaq kwistjoni quddiem il-Kumitat għall-fehma tiegħu, din għandha tkun diskussa taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċedura stabbilita rispettivament fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ u fl-Artikolu 8 (2) u (3) tal-Ftehim Intern.

    2.   Meta tintuża l-proċedural orali, u ssir bidla sostanzjali jew jiżdiedu elementi fattwali ġodda mal-miżuri ta' abbozz waqt il-laqgħa, il-President, fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha jew fuq it-talba ta' l-Istat Membru, jista'/tista' jipposponi/tipposponi l-vot fuq punt partikolari mill-aġenda sa tmiem il-laqgħa jew għal laqgħa oħra.

    3.   Jekk, fis-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 2, il-President ma jiddeċidix li jipposponi l-vot kif mitlub minn delegazzjoni waħda (jew aktar), dik/dawk id-delegazzjoni/jiet tista' tippreżenta/jistgħu jippreżentaw riżerva li tista' tkun irtirata f'massimu ta' tlett ijiem ta' xogħol mill-jum ta' wara l-laqgħa. L-opinjoni tal-Kumitat għandha tiġi rreġistrata bħala definittiva fuq l-iskadenza ta' dan il-perijodu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bil-pożizzjoni definittiva addottata mill-Istat Membru/Stati Membri li d-delegazzjoni/jiet tiegħu/tagħhom tkun ippreżentat/ikunu ppreżentaw riżerva fil-Kumitat.

    4.   Jekk delegazzjoni hekk titlob, il-votazzjoni fuq kwistjoni tista' tkun posposta jekk id-dokumenti marbuta ma' aġenda speċifika ma jkunux intbagħtu lil membri fit-terminu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5 (1) u (2). F'dak il-każ, il-President jista' jiddeċiedi li jestendi l-perijodu ta' konsultazzjoni, imma mhux aktar minn tmiem il-laqgħa ta' wara. Jekk ikun meħtieġ, tista' tkun applikata l-proċedura bil-miktub prevista fl-Artikolu 11 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.

    Madanakollu, wara proposta mill-President jew wara talba minn membru tal-Kumitat, il-Kumitat jista' jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi ta' membri li jżomm dan il-punt fuq l-aġenda minħabba l-urġenza tal-kwistjoni.

    5.   Fil-kuntest ta' eżaminazzjoni ta' programmi ta' azzjoni annwali, kwalunkwe delegazzjoni tista' titlob l-irtirar ta' proġett jew programm mill-programm ta' azzjoni annwali. Jekk din it-talba tkun appoġġata minn minorità ta' delegazzjonijiet li timblokka, kif stabbilit fl-Artikolu 9 (3), b'konnessjoni ma' 8 (2) tal-Ftehim Intern, il-programm ta' azzjoni annwali għandu jkun adottat mill-Kummissjoni mingħajr il-proġett jew programm in kwistjoni skond il-proċeduri ta' tmexxija stabbiliti fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ. Dment li l-Kummissjoni, skond il-fehmiet tad-delegazzjonijiet tal-Kumitat, ma tkunx tixtieq tissokkta bil-proġett jew programm irtirat, hu għandu jitressaq mill-ġdid lill-Kumitat barra l-programm ta' azzjoni annwali fil-forma ta' proposta għal finanzjament li għandha mbagħad tkun adottata mill-Kummissjoni skond il-proċeduri ta' tmexxija stabbiliti fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

    Artikolu 8

    Skambju ta' fehmiet

    1.   Skond l-Artikolu 11 (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, il-Kumitat għandu jkollu skambju ta' fehmiet dwar il-konklużjonijiet ġenerali tar-reviżjonijiet ta' operat annwali u tar-rapport annwali msemmija fl-Artikolu 14 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ. Kull delegazzjoni tista' tappella ukoll għal skambju ta' fehmiet dwar l-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 (2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

    Kull delegazzjoni tista' tistieden lill-Kummissjoni fi kwalunkwe mument sabiex tipprovdi informazzjoni lill-Kumitat u sabiex isir skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet marbuta ma' l-impenji deskritti taħt l-Artikolu 11 (2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

    2.   Skambju ta' fehmiet bħal dan jista' jwassal għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet mid-delegazzjonijiet, li għandhom jitqiesu mill-Kummissjoni. Il-minuti tal-Kumitat għandhom jirriflettu l-interventi mwettqa. Intervent appoġġat minn maġġoranza kwalifikata ta' delegazzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 8 § 3, b'rabta ma' 8 § 2, tal-Ftehim Intern, għandu jkun reġistrat bħala rakkomandazzjoni.

    Artikolu 9

    Rappreżentanza u kworum

    1.   Kull delegazzjoni titqies bħala membru wieħed tal-Kumitat. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tiegħu u għandu jinforma lill-President b'dan.

    2.   Bl-approvazzjoni tal-President, id-delegazzjonijiet jistgħu jiġu akkumpanjati minn esperti li mhumiex tal-gvern, bl-ispejjeż ta' l-Istat Membru konċernat. L-approvazzjoni tal-President tissejjes fuq l-avviż minn qabel tad-delegati lis-Segretarjat tal-Kumitat li jixtiequ jkunu akkumpanjati għal punt speċifiku ta' l-aġenda. Jekk il-President ma joġġezzjonax għall-parteċipazzjoni ta' espert qabel il-laqgħa in kwistjoni tal-Kumitat, il-permess jista' jitqies bħala mogħti.

    3.   Delegazzjoni tista', jekk ikun meħtieġ, tirrapreżenta massimu ta' Stat Membru ieħor. Il-President tal-Kumitat għandu jiġi avżat bil-miktub mill-inqas qabel il-bidu tal-laqgħa mid-delegazzjoni li tkun rappreżentata.

    4.   Il-kworum meħtieġ biex id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ikunu validi huwa dak li jippermetti opinjoni b'maġġoranza kwalifikata li għandha tinħareġ skond l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

    Artikolu 10

    Ammissjoni ta' partijiet terzi

    1.   Il-President jista' jiddeċiedi li jisma' esperti fuq punti speċifiċi, fuq it-talba ta' membru jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha.

    2.   Dawn l-esperti u dawk imsemmija fl-Artikolu 9(2) m' għandhomx ikunu preżenti jew jieħdu sehem meta l-Kumitat jgħaddi biex jieħu vot.

    Artikolu 11

    Il-proċedura bil-miktub

    1.   Fejn il-miżuri proposti ikunu soġġetti għall-proċedura bil-miktub, id-delegazzjonijiet għandhom 15 il-jum ta' xogħol minn meta jintbagħtu l-proposti sabiex jadottaw pożizzjoni. Kwalunkwe delegazzjoni tal-Kumitat li ma tesprimix l-oppożizzjoni jew intenzjoni tagħha li tastjeni qabel it-terminu perentorju stabbilit fl-ittra titqies li qablet taċitament mal-proposta;

    F'każijiet ta' urġenza jew urġenza estrema, it-termini perentorji stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom japplikaw. Il-każ ta' urġenza jew urġenza estrema għandu jkun sostanzjat bil-miktub mill-Kummissjoni. F'każijiet ta' urġenza estrema, il-qbil tad-delegazzjonijiet għandu jkun stabbilit biss jekk ikun ġie notifikat espressament. Kwalunkwe nuqqas ta' notifikazzjonijiet fi żmien 48 jitqies bħala astensjoni.

    2.   Madankollu, jekk membru tal-Kumitat jitlob li l-miżuri abbozzati jitqiesu waqt laqgħa tal-Kumitat, il-proċedura bil-miktub għandha tintemm hemmhekk u l-miżuri proposti għandhom jitmexxew għal-laqgħa li tmiss tal-Kumitat.

    3.   Il-Kummissjoni tgħarraf lill-Membri tal-Kumitat bil-miktub dwar ir-riżultat ta' proċedura bil-miktub hekk kif tkun adottata d-deċiżjoni in kwistjoni.

    Artikolu 12

    Appoġġ segretarjali

    Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat għandhom jiġu provduti mill-Kummissjoni.

    Artikolu 13

    Minuti u sommarju tar-rapport tal-laqgħat

    Il-minuti ta' kull laqgħa għandhom jitħejjew taħt l-awspiċju tal-President u għandhom jinkludu l-opinjonijiet espressi dwar il-miżuri proposti u l-pożizzjonijiet espressi waqt il-laqgħa. Il-minuti għandhom jintbagħtu lill-membri tal-fi żmien 15-il jum ta' xogħol.

    Il-membri tal-Kumitat għandhom jibagħtu kwalunkwe kummenti bil-miktub li jista' jkollhom fuq il-minuti lill-President. Il-Kumitat għandu jiġi nfurmat b'dan; jekk ikun hemm xi nuqqas ta' qbil, l-emenda proposta għandha tiġi diskussa mill-Kumitat. Jekk in-nuqqas ta' qbil jippersisti, l-emenda proposta għandha tiġi annessa għall-minuti.

    Artikolu 14

    Lista ta' attendenza

    1.   F'kull laqgħa, il-President għandu jagħmel il-lista ta' l-attendenza li tispeċifika l-awtoritajiet u l-korpi li għalihom jappartjenu il-parteċipanti. Il-lista ta' attendenza titqassam lill-parteċipanti matul il-laqgħa.

    2.   Fil-bidu ta' kull laqgħa, kwalunkwe delegazzjoni li l-parteċipazzjoni tagħha fix-xogħol tikkostitwixxi kunflitt ta' interess fir-rigward ta' punt partikolari fuq l-Aġenda għandha tgħarraf lill-President b'din is-sitwazzjoni. Il-membri tad-delegazzjonjiet li ma jappartjenux għal awtorità jew organizzazzjoni partikolari ta' Stat Membru għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni fejn jiddikjaraw li l-parteċipazzjoni tagħhom ma tqajjem l-ebda kunflitt ta' interess.

    Fl-eventwalità ta' kunflitt ta' interess bħal dan, il-membru konċernat għandu jirtira filwaqt li l-punti ta' l-aġenda relevanti qed jiġu trattati, fuq it-talba tal-President.

    Artikolu 15

    Korrispondenza

    1.   Il-korrispondenza dwar il-Kumitat għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni, għall-attenzjoni tas-segretarjat tal-Kumitat.

    2.   Il-korrispondenza indirizzata lid-delegazzjonijiet mis-segretarjat għandha wkoll tintbagħat lir-Rappreżentant Permanenti ta' l-Istat Membru konċernat bl-aktar mod elettroniku rapidu u affidabbli.

    3.   Ħlief f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-membri tal-Kumitat għandha tintbagħat fiż-żewġ direzzjonijiet bil-mezzi kompjuterizzati provduti għal dak il-għan.

    Artikolu 16

    Trasparenza

    1.   Il-prinċipji u l-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti li japplikaw għall-Kumitat tal-FEŻ. Jekk talba bħal din tiġi mibgħuta lill-Istat Membru, hu għandu jaġixxi skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1).

    2.   Il-proċeduri tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali għall-parteċipanti kollha.

    Artikolu 17

    Spejjeż ta' funzjonament

    1.   L-ispejjeż ta' funzjonament tal-Kumitat, inklużi spejjeż ta' l-ivvjaġġar għal parteċipant wieħed minn kull Stat Membru, għandhom jiġu mħallsa mill-Kummissjoni.

    Jekk l-approprjazzjoni finanzjarja allokata tippermetti u fil-limiti ta' din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni għandha tkopri l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar ta' żewġ membri tad-delegazzjoni li jagħmlu talba f'dan is-sens.

    2.   Il-Kummissjoni hija awtorizzata li trodd lura l-ispejjeż ta' l-akkomodazzjoni u ta' l-ivvjaġġar ta' l-esperti mistiedna skond l-Artikolu 8(1).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat il-bini u r-riżorsi materjali neċessarji għax-xogħol tiegħu.


    (1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


    Top