This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0055
2008/55/EC: Commission Decision of 20 December 2007 concerning a financial contribution from the Community towards a survey on the prevalence of Salmonella spp. and Methicillin-resistant Staphylococcus aureus in herds of breeding pigs to be carried out in the Member States (notified under document number C(2007) 6579)
2008/55/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 rigward kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn stħarriġ dwar il-prevalenza tas- Salmonella spp. u Staphylococcus aureus reżistenti għall-Methicillin fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir imwettaq fl-Istati Membri (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6579)
2008/55/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 rigward kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn stħarriġ dwar il-prevalenza tas- Salmonella spp. u Staphylococcus aureus reżistenti għall-Methicillin fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir imwettaq fl-Istati Membri (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6579)
ĠU L 14, 17.1.2008, p. 10–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
17.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 14/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007
rigward kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn stħarriġ dwar il-prevalenza tas-Salmonella spp. u Staphylococcus aureus reżistenti għall-Methicillin fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir imwettaq fl-Istati Membri
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6579)
(2008/55/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula proċeduri li jirregolaw kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn miżuri veterinarji speċifiċi, li jinkludu miżuri tekniċi u xjentifiċi. Tipprevedi li l-Komunità għandha timpenja ruħa jew tgħin lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju. |
(2) |
Skond l-Artikolu 4 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (2), għan Komunitarju hu stabbilit għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-Salmonella fil-popolazzjonijiet tal-merħliet tal-ħnieżer għat-tgħammir. |
(3) |
Fit-30 ta’ April 2007, it-Task Force dwar il-Ġbir tad-Data fuq iż-Żoonosi ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) adotta Rapport dwar il-proposta għal speċifikazzjonijiet tekniċi għal studju ta’ referenza dwar il-prevalenza tas-Salmonella fil-ħnieżer għat-tgħammir (3) (“ir-rapport Salmonella”). |
(4) |
Sabiex tiġi stabbilita l-mira tal-Komunità għat-tnaqqis tal-prevalenza taż-żoonosi u l-aġenti żoonotiċi kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u biex tiġi kkunsidrata l-aħjar strateġija għall-valutazzjoni fil-ġejjieni tal-kisba ta’ mira bħal din, jeħtieġ li tkun disponibbli data komparabbli fuq il-persentaġġ ta’ azjendi infettati bis-Salmonella ta’ ħnieżer għat-tghammir fl-Istati Membri. Tagħrif bħal dan mhux disponibbli u għalhekk għandu jsir stħarriġ speċjali biex tiġi sorveljata l-prevalenza tas-Salmonella fil-ħnieżer għat-tgħammir fuq perjodu xieraq sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet staġjonali possibbli. L-istħarriġ għandu jkun ibbażat fuq ir-rapport tas-Salmonella. |
(5) |
Ir-rapport tas-Salmonella jirrakkomanda wkoll teħid supplimentari ta’ kampjuni għall-istima ta’ prevalenza fi ħdan l-azjendi. Teħid ta’ kampjuni bħal dan għandu jitwettaq minn għadd ta’ Stati Membri li ġeografikament jirrappreżentaw is-sitwazzjonijiet differenti fil-Komunità. |
(6) |
Infezzjonijiet ta’ Staphylococcus aureus reżistenti għal meticilline (MRSA) ġew rikonoxxuti bħala riskju importanti fl-isptarijiet għal bosta għexieren ta’ snin. L-MRSA hija reżistenti għall-antibijotiċi li jintużaw l-aktar spiss u hija partikolarment perikoluża għal pazjenti b’immunità mnaqsa. L-għadd ta’ mwiet attribwiti għall-MRSA fir-Renju Unit ġie stmat għal madwar 3 000 fis-sena. L-ispejjeż għal trattament għal kull pazjent huwa stmat għal 12 000 sa 15 000 EUR. Spiżi ulterjuri jiġġarrbu minħabba programmi ta’ iġjene u kontroll għal prevenzjoni jew limitazzjoni ta’ l-infezzjoni fl-isptarijiet. |
(7) |
Varjetà ġdida ta’ MRSA (ST398) ġiet żvelata dan l-aħħar f’annimali tal-produzzjoni f’bosta Stati Membri. B’mod partikolari, il-ħnieżer ġew rikonoxxuti bħala sors importanti ta’ infezzjoni għal min irabbihom jew għal familthom permezz ta’ kuntatt dirett mal-ħnieżer. L-infezzjoni bil-varjetà l-ġdida tista’ wkoll tgħaddi għal ġewwa l-isptarijiet kif ġara qabel bl-MRSA f’bosta Stati Membri. |
(8) |
Sabiex jiżdied l-għarfien u sabiex jiġi vverifikat jekk ikunx meħtieġ li jittieħdu miżuri għall-iżvelar u l-kontroll ta’ MRSA sabiex jitnaqqsu l-prevalenza tagħhom u r-riskju li jippreżentaw għas-saħħa pubblika, tinħtieġ data komparabbli fuq il-persentaġġ ta’ azjendi tal-ħnieżer għat-tgħammir infettati bl-MRSA (ST398) fl-Istati Membri. Tagħrif bħal dan mhux disponibbli u għalhekk għandu jsir stħarriġ speċjali biex tiġi sorveljata l-prevalenza ta’ MRSA fil-ħnieżer għat-tgħammir fuq perjodu xieraq sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet staġjonali possibbli. |
(9) |
Fid-19 ta’ Novembru 2007, it-Task Force dwar il-Ġbir tad-Data fuq iż-Żoonosi adotta Rapport li jinkludi proposta għal speċifikazzjonijiet tekniċi għal stħarriġ ta’ referenza dwar il-prevalenza Staphylococcus aureus Reżistenti għal Methicillin (MRSA) fil-ħnieżer għat-tgħammir (“ir-rapport Salmonella”) (4). Ir-rapport tal-MRSA jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward ral-qafas tat-teħid ta’ kampjuni, il-protokoll tal-ġbir tal-kampjuni, il-metodi analitiċi tal-laboratorju u r-rappurtar. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-istħarriġ previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom ikunu bbażati fuq dak ir-rapport. |
(10) |
Skodn id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/636/KE tat-28 ta’ Settembru 2007 rigward kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn stħarriġ dwar il-prevalenza tas-Salmonella spp. fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir imwettaq fl-Istati Membri (5), l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008 sabiex jivverifikaw il-prevalenza tas-Salmonella spp. Filwaqt li jqisu s-sinifikat tal-MRSA fuq is-saħħa pubblika, ir-riskju emerġenti tal-ħnieżer bħala sors ta’ infezzjoni għall-umani u n-nuqqas ta’ tagħrif komparabbli dwar il-prevalenza ta’ MRSA fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir fl-Istati Membri differenti, teħid ulterjuri ta’ kampjuni matul l-istħarriġ previst fid-Deċiżjoni 2007/636/KE huwa l-aktar mod rapidu u lukrattiv għall-valutazzjoni tal-prevalenza ta’ MRSA fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir fil-Komunità. |
(11) |
L-istħarriġ għandu jipprovdi tagħrif tekniku meħtieġ għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità kif xieraq. Minħabba l-importanza tal-ġbir ta’ data komparabbli fuq il-prevalenza tal-MRSA fil-ħnieżer għat-tgħammir fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità sabiex jimplimentaw ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-istħarriġ. Huwa xieraq li jsir rimbors ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż imġarrba fuq ix-xiri ta’ swabs u ttestjar tal-laboratorji, soġġetti għal limitu massimu. L-ispejjeż l-oħra kollha mġarrba, bħalma huma spejjeż ta’ teħid ta’ kampjuni, ivvjaġġar u amministrazzjoni, ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità. |
(12) |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata sakemm l-istħarriġ jitwettaq skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja u soġġetta li jkun hemm konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet oħra, inkluża t-trażmissjoni tar-riżultati fil-limiti ta’ żmien preskritti. |
(13) |
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva n-nefqa kollha ppreżentata għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tiġi espressa f’EUR. skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni ta’ l-agrikoltura (6), ir-rata tal-kambju għan-nefqa fil-munita li mhijiex l-euro għandha tkun ir-rata ffissata l-aktar riċentament mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u trasparenza, id-Deċiżjoni 2007/636/KE għandha tiġi revokata u għandha tiġi stipulata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn l-istħarriġiet għall-prevalenza tas-Salmonella u l-MRSA f’din id-Deċiżjoni unika. |
(14) |
Sabiex tiżgura l-koerenza fit-twettiq ta’ l-istħarriġiet, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill- 1 ta’ Jannar 2008, id-data ta’ l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/636/KE. |
(15) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-ambitu
Din id-Deċiżjoni tistipula regoli dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn l-istħarriġ ta’ referenza mwettaq fl-Istati Membri biex jivvaluta l-prevalenza tas-Salmonella spp. (“l-istħarriġ tas-Salmonella”) u Staphylococcus aureus reżistenti għal Methicilline (MRSA) (“l-istħarriġ tal-MRSA”) madwar il-Komunità fil-ħnieżer għat-tgħammir li ttieħdu bħala kampjun fil-livell ta’ l-azjendi.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “l-awtorità kompetenti” għandha tkun l-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ Stat Membru kif maħtur skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.
Artikolu 3
Ambitu ta’ l-istħarriġiet
1. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-istħarriġ tas-Salmonella skond il-Partijiet A u B ta’ l-Anness I sal-31 ta’ Diċembru 2008.
2. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-istħarriġ tal-MRSA skond il-Partijiet A u C ta’ l-Anness I sal-31 ta’ Diċembru 2008.
Artikolu 4
Twettiq tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi
It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha skond l-ispeċikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I.
Artikolu 5
Kondizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjara tal-Komunità
1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ l-analiżi skond din id-Deċiżjoni għandha tingħata lill-Istati Membri sa l-ammont totali massimu għall-kofinanzjament stipulat fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni għat-tul ta’ kollu żmien ta’ l-istħarriġ kif previst f’din id-Deċiżjoni.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità prevista fil-paragrafu 1 għandha tingħata lill-Istati Membri bil-kondizzjoni li l-istħarriġiet tas-Salmonella u tal-MRSA jiġu implimentati skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja, inklużi r-regoli dwar kompetizzjoni u l-għti ta’ kuntratti pubbliċikif ukoll skond ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u soġġetta għall-konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali obbligati għall-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-jum ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni; |
(b) |
rapport tal-progress li fih it-tagħrif elenkat fil-Parti D għall-Anness I u li jkopri l-ewwel tliet xhur ta’ l-istħarriġ għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2008; |
(ċ) |
għandu jitressaq rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġiet, flimkien ma’ evidenza ta’ sostenn għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri għall-analiżi u r-riżultati miksuba tul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008 lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2009; |
(d) |
l-istħarriġiet għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv. |
L-evidenza ta’ sostenn ta’ l-ispejjeż imġarrba kif imsemmija fil-punt (c) tat-tieni paragrafu għandha tinkludi għall-inqas it-tagħrif stipulat fl-Anness III.
3. Jekk ir-rapport finali msemmi fil-paragrafu 2(c) jiġi ppreżentat wara l-31 ta’ Marzu 2009 iżda qabel it-30 ta’ April 2009, il-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Kummissjoni għandha titnaqqas b’25 %.
Jekk ir-rapport finali jiġi ppreżentat wara t-30 ta’ April 2009 iżda qabel il-31 ta’ Mejju 2009, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqqas b’50 %.
L-ebda kontribuzzjoni finanzjarja ma għandha titħallas jekk ir-rapport finali jiġi ppreżentat wara l-31 ta’ Mejju 2009.
Artikolu 6
Ammonti massimi li għandhom jiġu rimborsati
1. L-ammonti massimi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż li għandhom jiġu rimborsati lill-Istati Membri għall-analiżijiet koperti mill-istħarriġ tas-Salmonella ma għandhomx jaqbżu dawn li ġejjin:
(a) |
EUR 20 għal kull test għall-iżvelar batterjoloġiku tas-Salmonella spp.; |
(b) |
EUR 30 għas-serotipar ta’ l-iżolati relevanti. |
2. L-ammonti massimi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż li għandhom jiġu rimborsati lill-Istati Membri għall-analiżijiet koperti mill-istħarriġ tal-MRSA ma għandhomx jaqbżu dawn li ġejjin:
(a) |
EUR 30 għal kull test għall-iżvelar batterjoloġiku tal-MRSA; |
(b) |
EUR 8 għal kull identifikazzjoni tal-preżenza tal-MRSA bil-PCR; |
(ċ) |
EUR 25 għal kull klassifikazzjoni tat-tip ta’ Staphylococcus tat-tip A (klassifikazzjoni tat-tip Spa); |
(d) |
EUR 150 għal kull klassifikazzjoni sekwenzjali multilocus tat-tip (MLST) ta’ l-iżolati rilevanti. |
(e) |
EUR 1.25 għal kull swab. |
Artikolu 7
Ġabra tad-data, valutazzjoni u rappurtar
1. L-awtorità kompetenti responsabbli mit-tħejjija tar-rapport nazzjonali annwali skond l-Artikolu 9(1) (7) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tiġbor u tivvaluta r-riżultati ta’ l-istħarriġ u tibgħathom lill-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni se tibgħat id-data nazzjonali u l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ikel, li għandha teżaminahom.
3. Id-data nazzjonali u r-riżultati se jitħabbru pubblikament f’għamla li tiżgura kunfidenzjalità.
Artikolu 8
Rata ta’ kambju għall-infiq
Meta l-infiq ta’ Stat Membru jkun f’munita li mhijiex EUR, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaqleb l-ispiża tiegħu f’EUR billi japplika l-aħħar rata ta’ kambju stipulata mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni mill-Istat Membru għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.
Artikolu 9
Revoka tad-Deċiżjoni 2007/636/KE
Id-Deċiżjoni 2007/636/KE hija revokata permezz ta’ dan ta’ hawnhekk.
Artikolu 10
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008.
Artikolu 11
Id-destinatarji
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(2) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1237/2007 (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 5).
(3) Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2007) 99, p. 1-28.
(4) Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2007) 129, p. 1-14.
(5) ĠU L 257, 3.10.2007, p. 30.
(6) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1).
(7) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/104/KE tal-Kunsill (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).
ANNESS I
SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3, L-ARTIKOLU 4 U L-ARTIKOLU 5(2)(B)
Parti A: Deskrizzjoni ġenerali u qafas tat-teħid ta’ kampjuni
1. Deskrizzjoni ġenerali ta’ l-istħarriġ
L-istħarriġ se jitwettaq skond id-deskrizzjoni ġenerali fil-Figura 1.
Tabella 1
Deskrizzjoni ġenerali ta’ l-istħarriġ
2. Qafas għat-teħid ta’ kampjuni
2.1. Id-deskrizzjoni tal-popolazzjoni
L-istħarriġ se jitwettaq fuq azjendi li għandhom mill-inqas 80 % tal-popolazzjoni tal-ħnieżer għat-tgħammir fi Stat Membru. Preferibbilment l-azjendi li għandom 50 ħanżir tat-tgħammir jew aktar għandu jittieħdu bħala kampjun. Madankollu, jekk dawk l-azjendi li għandhom 50 ħanżir għat-tgħammir jew aktar ma għandhomx 80 % tal-merħla nazzjonali tal-ħnieżer għat-tgħammir, allura azjenda iżgħar b’inqas minn 50 ħanżir għat-tgħammir għandu jitteħdilhom kampjun ukoll.
Azjendi bi ħnieżer għat-tgħammir se jiġu kklassifikati jew bħala “azjendi għat-tgħammir” jew bħala “azjendi tal-produzzjoni”. Azjendi għat-tgħammir li jbiegħu ħnieżer nisa żgħar u/jew ħnieżer tar-refgħa għat-tgħammir tipikament, ibiegħu 40 jew aktar mill-ħnieżer nisa ż-żgħar li jrabbu għat-tgħammir filwaqt li l-bqija jinbiegħu għall-qatla. Min-naħa l-oħra, l-azjendi tal-produzzjoni ġeneralment ibiegħu ħnieżer għat-tismin jew għall-qatla.
Il-prevalenza tas-Salmonella u l-MRSA għandha titkejjel separatament fl-azjendi għat-tgħammir (il-parti 1 ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u tal-MRSA) u fl-azjendi tal-produzzjoni (il-parti 2 ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u tal-MRSA), li tirrappreżenta l-merħliet kif indikati fil-Figura 2, iżda li teskludi l-merħliet ta’ ħnieżer li jinfatmu sal-ħnieżer li waslu għall-qatla.
Figura 2
Ħarsa ġenerali ta’ l-azjendi
2.2. Il-kampjun u l-istrateġija ta’ teħid ta’ kampjuni
Iż-żewġ partijiet ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u tal-MRSA għandu jkollhom disinn simili ta’ teħid ta’ kampjuni b’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, se jintagħżel kampjun bil-polza ta’ l-istabbilimenti f’kull Stat Membru mill-azjenda għat-tgħammir u kampjun bil-polza ieħor se jintagħżel mill-grupp ta’ l-azjenda tal-produzzjoni. In-numru ta’ stabbilimenti meħtieġa se jiġi diskuss fit-taqsima 2.3. Fit-tieni stadju, se jintagħżlu numru ta’ mqajjel għat-teħid tal-kampjuni fi ħdan kull azjenda magħżula (ara t-taqsima 2.2.2).
2.2.1. L-ewwel stadju: għażla ta’ l-azjendi
Kull Stat Membru għandu joħloq żewġ oqsfa għat-teħid ta’ kampjuni. L-ewwel għandu jelenka l-azjendi għat-tgħammir eliġibbli kollha (normalment dawk l-azjendi b’mill-inqas 50 ħanżir għat-tgħammir – ara t-taqsima 2.1) u t-tieni għandu jelenka l-azjendi tal-produzzjoni eliġibbli kollha. In-numru meħtieġ ta’ azjendi għal kull parti ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA għandu jintagħżel bil-polza minn kull lista. Kampjun bil-polza hu maħsub jiżgura li l-istħarriġiet jinkludu azjendi b’firxa ta’ daqsijiet tal-merħla u mir-reġjuni kollha ta’ Stat Membru fejn hemm il-prattika tat-trobbija tal-ħnieżer. Huwa magħruf li, f’ċerti Stati Membri, jista’ jkun hemm xi azjendi (per eżempju inqas minn 10 % mill-azjendi eliġibbli kollha) b’merħla ta’ daqs kbir ħafna. B’hekk, minħabba l-għażla bil-polza jista’ jkun li l-ebda waħda minn dawn il-merħliet kbar ħafna ma jintagħżlu. Stat Membru jista’ juża kriterju ta’ stratifikazzjoni qabel ma ssir l-għażla ta’ l-azjendi – per eżempju, biex jiġi ddefinit grupp li fih l-10 % ta’ l-akbar merħliet u biex jiġi allokat 10 % tad-daqs tal-kampjun meħtieġ lil dan il-grupp. Bl-istess mod, l-Istat Membru jista’ jqassam fi gruppi l-kampjun mar-reġjuni amministrattivi skond il-kobor tal-merħliet eliġibbli f’kull reġjun. Kwalunkwe stratifikazzjoni li titqies, għandha tiġi deskritta fir-rapport li Stat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni skond il-Parti D (1).
Jekk azjenda magħżula ma tistax jitteħdilha kampjun (per eżempju, jekk ma għadux jeżisti meta t-teħid tal-kampjun jitwettaq) jintagħżel stabbiliment ieħor każwalment mill-istess qafas għat-teħid ta’ kampjuni. Jekk kien hemm xi stratifikazzjoni partikolari (per eżempju fuq id-daqs tal-merħla jew ir-reġjun), allura l-azjenda l-ġdida għandha tingħażel mill-istess grupp statistiku.
Id-daqs tal-kampjun ewlieni (in-numru ta’ azjendi li għandu jitteħdilhom kampjun) għandu jkun bejn wieħed u ieħor jiġi distribwit l-istess tul is-sena biex ikopri l-istaġjuni differenti, kemm jista’ jkun. Il-kampjuni għandhom jittieħdu minn, bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull 12 ta’ l-għadd ta’ azjendi kull xahar.
L-azjendi għall-apert għandhom jiġu inklużi fl-istħarriġ iżda ma hemm l-ebda stratifikazzjoni mandatorja fuq din it-tip ta’ produzzjoni.
2.2.2. It-tieni stadju: teħid ta’ kampjuni fl-azjenda
F’kull merħla għat-tgħammir u merħla ta’ produzzjoni magħżula, l-imqajjel, mgħalaq jew gruppi ta’ ħnieżer għat-tgħammir ‘il fuq minn sitt xhur li għandu jitteħdilhom kampjun se jintagħżlu bil-polza.
L-għadd ta’ mqajjel, mgħalaq jew gruppi li għandu jitteħdilhom kampjun għandu jkun allokat proporzjonalment skond in-numru ta’ ħniezer għat-tgħammir fl-istadji differenti ta’ produzzjoni (tqal, mhux tqal, jew kategoriji oħra ta’ ħnieżer għat-tgħammir). Il-kategoriji ta’ l-età eżatta li għandu jitteħdilhom kampjun ma ġewx preskritti, iżda dan it-tagħrif għandu jinġabar tul it-teħid tal-kampjuni.
Il-ħnieżer għat-tgħammir li waslu riċentement fil-merħla u li huma miżmuma fil-kwarantina ma jridux jiġu inklużi fl-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA.
2.3. Il-kalkolu tad-daqs tal-kampjun
2.3.1. Id-daqs tal-kampjun ewlieni (id-daqs tal-kampjun ta’ l-ewwel stadju)
Kalkolu ewlieni regolari tad-daqs tal-kampjun se jsir għall-azjendi għat-tgħammir u kalkolu regolari ieħor tad-daqs tal-kampjun se jsir għall-azjendi tal-produzzjoni. Id-daqs tal-kampjun ewlieni se jkun in-numru ta’ azjendi għat-tgħammir li għandu jitteħdilhom kampjun u n-numru ta’ azjendi tal-produzzjoni li għandu jitteħdilhom kampjun f’kull Stat Membru u se jiġi ddeterminat f’kunsiderazzjoni għall-kriterji li ġejjin, permezz ta’ l-użu ta’ kampjun sempliċi bil-polza:
(a) |
In-numru totali ta’ azjendi għat-tgħammir (azjendi għat-tgħammir, il-parti 1 ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA) |
(b) |
In-numru totali ta’ azjendi tal-produzzjoni (azjendi tal-produzzjoni, il-parti 2 ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA); |
(ċ) |
prevalenza annwali mistennija (p): 50; |
(d) |
livell ta’ kunfidenza mixtieq (Z): 95 %, jikkorrispondi għall-valur Zα ta' 1,96; |
(e) |
preċiżjoni (L): 7,5 %; |
(f) |
bl-użu ta’ dawn il-valuri u l-formola: |
Il-kalkolu, l-ewwel se jsir għall-azjenda għat-tgħammir u mbagħad, għall-azjendi tal-produzzjoni. F’kull każ, l-assunzjonijiet fil-passi c-e hawn fuq huma l-istess.
Għal raġunijiet prattiċi, jekk hemm 100 000 azjenda jew aktar jew fil-qafas għat-teħid ta’ kampjuni tal-merħliet għat-tgħammir jew fil-qafas tal-kampjun tal-merħliet tal-produzzjoni, allura dik il-popolazzjoni tista’ titqies bħala infinita u l-għadd ta’ azjendi li għandhom jintgħażlu bil-polza minn dak il-qafas għat-teħid ta’ kampjun huwa 171 (ara t-Tabella 1). Meta l-għadd ta’ merħliet għat-tgħammir jew merħliet tal-produzzjoni jkun inqas minn 100 000, fattur ta’ korrezzjoni finit għall-popolazzjoni jiġi applikat u jkunu meħtieġa anqas azjendi fil-kampjun kif muri fit-Tabella 1.
Bħala eżempju, jekk fi Stat Membru hemm 1 000 azjenda, li jagħmlu parti mill-grupp ta’ azjendi tal-produzzjoni, u 250 azjenda, li jagħmlu parti mill-grupp ta’ azjendi għat-tgħammir, 147 azjenda għandu jitteħdilhom kampjun fil-grupp ta’ azjendi tal-produzzjoni u 102 azjenda għandu jitteħdilhom kampjun fil-grupp ta’ azjendi għat-tgħammir.
Tabella 1
Għadd ta’ azjendi bi ħnieżer għat-tgħammir fi kwalunkwe parti mill-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA bħala funzjoni tad-daqs finit tal-popolazzjoni (numru totali ta’ l-azjendi bi ħnieżer għat-tgħammir fl-Istati Membri)
Numru ta’ azjendi bi ħnieżer għat-tgħammir (N) |
Daqs tal-kampjun (n) għad-daqs finit tal-popolazzjoni bi preċiżjoni ta’ 7,5 % |
100 000 |
171 |
10 000 |
169 |
5 000 |
166 |
2 000 |
158 |
1 000 |
147 |
500 |
128 |
250 |
102 |
150 |
80 |
125 |
73 |
100 |
64 |
90 |
59 |
80 |
55 |
70 |
50 |
60 |
45 |
50 |
39 |
40 |
33 |
30 |
26 |
20 |
18 |
10 |
10 |
In-nuqqas ta’ rispons se jiġi antiċipat per eżempju biż-żieda tad-daqs tal-kampjun f’kull grupp b’10 %. Kwalunkwe azjenda mhux xierqa se tinbidel fil-proċess ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA (ara t-taqsima 2.2.1).
F’każ li stima tan-numru ta’ “azjendi għat-tgħammir” ma tkunx possibbli qabel il-bidu ta’ l-istħarriġ, se jintgħażlu għadd ta’ azjendi għat-teħid tal-kampjuni kif muri fit-Tabella 1 ibbażat fuq in-numru totali ta’ azjendi bi ħnieżer nisa (azjendi X). L-għadd ta’ azjendi li għandu jitteħdilhom kampjun se jiżdied b’mill-inqas 30 % (azjendi (X + 30 %)). Qabel l-istħarriġ, l-awtorità kompetenti għandha tidentifika għadd ta’ azjendi għat-tgħammir, li hu daqs mill-inqas dan it-30 % supplimentari. matul iż-żjajjar ta’ l-irziezet, l-azjenda se tiġi kklassifikata bħala għat-tgħammir jew tal-produzzjoni skond id-definizzjonijiet ta’ hawn fuq.
2.3.2. Id-daqs tal-kampjun sekondarju (id-daqs tal-kampjun tat-tieni stadju)
F’kull azjenda magħżula se jinġabru kampjuni regolari tal-feċi minn 10 imqajjel, mgħalaq jew gruppi ta’ ħnieżer għat-tgħammir magħżula bil-polza. Jekk meħtieġ (per eżempju, f’akkomodazzjoni tal-ħlas jew fejn jinżammu l-ħnieżer nisa fi gruppi żgħar ta’ inqas minn 10 individwi), grupp jista’ jikkonsisti f’aktar minn maqjel wieħed. Mill-inqas 10 ħnieżer għat-tgħammir indvidwali għandhom jikkontribwixxu għal kull kampjun regolari tas-Salmonella.
Madankollu, f’azjenda żgħira jew azjenda b’numri kbar ta’ ħnieżer għat-tgħammir miżmuma barra f’reċint, in-numru ta’ mqajjel, magħlaq jew gruppi ta’ inqas minn 10, it-teħid tal-kampjuni ta’ l-istess maqjel, magħlaq jew grupp se jinħtieġ sabiex jiġi ppreżentat n-numru totali ta’ 10 kampjuni tas-Salmonella tar-rutina.
Parti B: Ġbir u analiżi tal-kampjun għall-istħarriġ tas-Salmonella
1. Ġabra tal-kampjuni fil-merħliet
1.1. Tip u dettall tal-kampjun regolari
Il-materjal miġbur għall-analiżi batterjoloġika se jkun feċi frisk li jirrappreżenta l-azjenda kollha, li hija l-unità ta’ interess. Billi kull azjenda hija unika, se jiġi deċiż, qabel il-bidu tat-teħid tal-kampjuni, liema mqajjel, mgħalaq jew gruppi fi ħdan l-azjenda se jitteħdilhom kampjun. Il-kampjun miġbur se jitqiegħed f’kontenitur separat li jevita kontaminazzjoni minn kampjun għall-ieħor u jintbagħat lil-laboratorju.
Kull raggruppament ta’ kampjuni għandu jammonta għal mill-inqas 25 g u jistgħu jintużaw żewġ strateġiji biex jinġabru dawn ir-raggruppamenti tal-kampjuni tal-feċi.
(1) |
fejn hemm akkumulazzjoni ta’ feċi mħallta fi ħdan żona ta’ maqjel jew magħlaq, swab kbira (per eżempju 20 ċm × 20 ċm) tista’ tintuża biex tgħaddi mill-massa tal-feċi, u tiżgura li jinġabar mill-inqas 25 g tal-materjal imħallat. Dan jista’ jinkiseb billi pereżempju, titmexxa swab tul mgħoddija żigżag ta’ 2 metri b’mod li tkun miksija sew bil-materjal tal-feċi. Jekk meħtieġ, per eżempju minħabba s-sħana jew fuq art miksija bil-lavanji, is-swab tista’ tixxarrab ftit b’likwidu xieraq bħal ilma tajjeb għax-xorb. |
(2) |
fejn ma hemmx akkumulazzjoni bħal din, per eżempju, f’għalqa, magħlaq kbir, f’dar tal-ħlas jew mqajjel jew akkomodazzjoni oħra b’numru żgħir ta’ ħnieżer għal kull grupp, allura għandhom jintagħżlu ammonti żgħar individwali mill-mases jew postijiet friski ta’ feċi individwali sabiex mill-inqas 10 individwi, jikkontribwixxu għal volum tal-kampjun totali ta’ mill-inqas 25 g. Is-siti minn fejn jinġabru dawn l-ammonti żgħar għandhom ikunu distribwiti b’mod rappreżentattiv maż-żona kkonċernata. |
Strateġija 1 hija preferuta fejn tkun prattika. F’din l-istrateġija mill-inqas 10 ħnieżer individwali għandhom jikkontribwixxu għal kull kampjun meħud, inkella tiġi applikata l-istrateġija 2.
1.2. Teħid ta’ kampjuni supplimentari għall-istudju tal-prevalenza fi ħdan l-azjenda
F’daqqa, 10 azjendi, magħżula bil-polza mill-kampjun globali ta’ l-azjendi għat-tgħammir u tal-produzzjoni huma suġġetti għal teħid ta’ kampjuni aktar intensiv. F’dawn l-istabbilimenti se jinġabru 10 kampjuni regolari bl-istess mod kif deskritt qabel hawn fuq (it-taqsima 2.1 tal-Parti A). Barra minn hekk, għandhom jinġabru 10 kampjuni individwali ta’ mill-inqas 30 g f’kull maqjel magħżul u għandhom jiġu identifikati b’tali mod li dawn l-10 kampjuni individwali jiġu assoċjati mal-kampjun regolari minn dak il-maqjel. Għalhekk, b’kollox se jinġabru 10 kampjuni regolari u 100 (10 × 10) kampjun individwali minn kull wieħed minn dawn l-10 azjendi. It-trattament ta’ dawn il-kampjuni se jiġi deskritt fit-taqsima 2.3.1.
Dan it-teħid tal-kampjuni se jiġi applikat fir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
1.3. Tagħrif tal-kampjuni
Kull tagħrif relevanti disponibbli mill-kampjun għandu jiġi rreġistrat fuq formola tat-teħid tal-kampjuni prodotta mill-awtorità kompetenti biex tippermetti li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tad-data fil-Parti D.
Kull kampjun u l-formola tal-kampjun tiegħu se jkollhom tikketta b’numru uniku li se jintuża mit-teħid tal-kampjuni sa l-ittestjar, u bil-kodiċi tal-maqjel. L-awtorità kompetenti għandha tirranġa għall-ħarġa u l-użu ta’ sistema ta’ numerazzjoni unika.
1.4. Trasport tal-kampjuni
Preferibbilment il-kampjuni għandhom jinżammu bejn + 2 sa + 8 °C u ħielsa minn kontaminazzjoni esterna matul it-trasport. Il-kampjuni għandhom jintbagħtu lil-laboratorju malajr kemm jista’ jkun fi żmien 36 siegħa b’posta mgħaġġla jew kurjer u għandhom jaslu fil-laboratorju mhux aktar tard minn 72 siegħa wara t-teħid tal-kampjun
2. Metodi analitiċi tal-laboratorju
2.1. Laboratorji
L-analiżi u s-serotipar għandhom isiru fil-Laboratorji Nazzjonali ta’ Referenza (LNR). Meta l-LNR ma għandux il-kapaċità jwettaq l-analiżi kollha jew jekk ma jkunx il-laboratorju li jwettaq l-iżvelar regolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jallokaw numru limitat ta’ laboratorji oħra involuti fil-kontroll uffiċjali tas-Salmonella biex iwettqu l-analiżi. Dawn il-laboratorji għandu jkollhom esperjenza bi provi ta’ l-użu tal-metodu meħtieġ ta’ l-iżvelar u jkollhom sistema ta’ l-iżgurar tal-kwalità li tikkonforma ma’ l-istandard ta’ l-ISO 17025 u jitressqu għas-superviżjoni ta’ l-LNR.
2.2. Wasla tal-kampjuni
Fil-laboratorju, il-kampjuni għandhom jinżammu mkessħa sakemm isir l-eżami batterjoloġiku, li preferibbilment jitwettaq fi żmien 24 siegħa wara l-wasla tagħhom iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 96 siegħa wara li jinġabar il-kampjun.
2.3. Analiżi tal-kampjun
L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-partijiet involuti tħarrġu biżżejjed biex iwettqu l-analiżi.
2.3.1. Tħejjija
Fil-laboratorji, il-kampjuni tar-rutina se jitħalltu bir-reqqa u bis-sħiħ, qabel ma jinġabru l-25 g għall-analiżi.
Għall-valutazzjoni tal-prevalenza fi ħdan l-azjendi skond il-paragrafu 1.2, kull wieħed mill-kampjuni individwali miġbura (30 g) jeħtieġ jinqasam f’żewġ partijiet. Parti waħda, li tiżen mill-inqas 25 g għandha titħallat bir-reqqa u bis-sħiħ u mbagħad għandha tiġi kkolturata individwalment. It-tieni parti li tibqa’ għandha tintuza biex tħejji artifiċjalment raggruppament ta’ kampjuni mill-10 kampjuni individwali fil-maqjel, grupp jew magħlaq magħżul. Din il-parti ta’ l-aħħar se titħejja biż-żieda għal 10 darbiet ta’ 2,5 g tal-kampjuni individwali biex jinħoloq raggruppament ta’ kampjuni artifiċjalment ta’ 25 g. Il-kampjuni raggruppati artifiċjalment jitħalltu bir-reqqa u bis-sħiħ qabel l-analiżi. B’kollox, 10 kampjuni tar-rutina, 10 kampjuni raggruppati artifiċjalment u 100 kampjun individwali se jiġu analizzati minn kull wieħed mill-10 azjendi magħżula għall-istima tal-prevalenza fi ħdan l-azjenda.
2.3.2. Metodi ta’ żvelar u identifikazzjoni
2.3.2.1. Żvelar tas-Salmonella
Għandu jintuża l-metodu li huwa rrakkomandat mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza (LKR) għas-Salmonella ġewwa Bilthoven, fl-Olanda. Dan il-metodu hu deskritt fl-Anness D ta’ l-ISO 6579,: “Żvelar tas-Salmonella spp. fil-feċi ta’ l-annimali u fil-kampjuni ta’ l-istadju primarju ta’ produzzjoni”. Għandha tintuża l-aħħar verżjoni ta’ l-Anness D.
2.3.2.2. Serotipar tas-Salmonella
Kull varjetà iżolata u kkonfermata bħala Salmonella spp. għandha tiġi serotipata skond l-iskema Kaufmann-White, mil-LNR għas-Salmonella.
Għall-assigurazzjoni tal-kwalità, 16-il varjetà klassifikabbli u 16-il iżolat mhux klassifikabbli se jintbagħtu lil-LKR għas-Salmonella. Proporzjon minn dawn l-iżolati se tintbagħat lil-LKR kull tliet xhur. Jekk ġew iżolati inqas varjetajiet, għandu jintbagħat kollox.
2.3.2.3. Il-klassifikazzjoni batterjofaga tas-Salmonella
F’każ li l-iżolati tas-Salmonella Enteritidis u Salmonella Typhimurium għandom il-klassifikazzjoni batterjofaga (mhux obbligatorja), għandhom jiġu użati l-metodi deskritti miċ-ċentru ta’ referenza tad-WHO għall-klassifikazzjoni batterjofaga tas-Salmonella ta’ l-Aġenzija għall-Protezzjoni tas-Saħħa (Health Protection Agency – HPA) Colindale, Londra.
Parti Ċ: Ġbir u analiżi tal-kampjun għall-istħarriġ tal-MRSA
1. Tip u dettall tal-kampjun
1.1. Ġbir tal-kampjuni
Għandhom jinġabru ħames kampjuni tat-trab bl-użu ta’ swabs sterili ta’ madwar 500 ċm2 il-waħda minn 5 mill-10 imqajjel magħżula għat-teħid ta’ kampjuni li jaqgħu taħt il-parti A. Dawm il-5 imqajjel għandhom jintgħażlu b’mod li jiġu inklużi ħnieżer għat-tgħammir fi stadji differenti ta’ produzzjoni. Għal kull maqjel għandhom jintmesħu bi swab l-uċuħ dorsali tal-ħitan ta’ segregazzjoni tal-mqajel. F’każ li ma hemmx biżżejjed trab preżenti, allura għandu b’mod addizzjonali jittieħed kampjun mit-tubi tal-ventilatur eċċ. Wara li tintuża, is-swab minsusa għandha titqiegħed f’borża sterili tal-plastik.
Għandha tiġi evitata l-formazzjoni ta’ aerosol waqt it-teħid ta’ kampjuni.
1.2. Tagħrif tal-kampjuni
Kull kampjun u l-formola ta’ kampjun tiegħu għandu jingħatalhom tikketta b’numru uniku li jrid jintuża mill-mument tat-teħid ta’ kampjuni sa l-ittestjar. L-awtorità kompetenti għandha tirranġa għall-ħarġa u l-użu ta’ sistema ta’ numerazzjoni unika.
1.3. Trasport tal-kampjuni
Preferibbilment, il-kampjuni għandhom jinżammu bejn + 2 °Ċ and 25 °Ċ (temperatura ambjentali) u jkunu bla kontaminazzjoni esterna matul il-ħażna u t-trasport. Il-kampjuni għandhom jintbagħtu lil-laboratorju malajr kemm jista’ jkun jaslu l-laboratorju mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara t-teħid tal-kampjun
2. Metodi analitiċi tal-laboratorju
2.1. Laboratorji
L-analiżi u s-serotipikazzjoni tal-MRSA għandhom isiru f’laboratorji esperjenzati. Preferibbilment dawn għandhom ikunu Laboratorji Nazzjonali ta’ Referenza (LNR) għal Staphylococcus aureus u/jew reżistenza antimikrobika fl-Istati Membri. F’każ li l-LNR ma jkollux il-kapaċità jew l-esperjenza li jwettaq l-analiżi kollha jew jekk ma jkunx il-laboratorju li jwettaq l-iżvelar b’mod regolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru laboratorji esperjenzati oħra jew LNR fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu l-analiżi. Dawn il-laboratorji għandu jkollhom esperjenza bi provi ta’ l-użu tal-metodi obbligatorji u jkollhom stabbilita sistema ta’ akkreditazzjoni skond l-ISO 17025. Lista aġġornata ta’ laboratorji tista’ tiġi kkonsultata fil-websajt tal-Laboratoju ta’ Referenza tal-Komunità għal reżistenza antimikrobika (LKR-RA) f’Konpenħagen, id-Danimarka.
2.2. Wasla tal-kampjuni
Kampjuni li jaslu għaxart ijiem wara t-teħid ta’ kampjuni għandhom jintremew ħlief jekk l-eżami batterjoloġiku jista’ jinbeda fi żmien 13-il jum. Fil-laboratorju, il-kampjuni għandhom jinżammu f’temperatura kostanti bejn 2 u 25 Ċ sa l-eżami batterjoloġiku, li għandu jitwettaq fi żmien 13-il jum wara t-teħid ta’ kampjuni.
2.3. Analiżi tal-kampjun
2.3.1. Fortifikazzjoni selettiva
Fil-laboratorju l-5 swabs tat-trab għandhom jiġu ragruppati f’terren għall-kultura ssuplementat b’6.5 % NaCl u inkubat f’37 Ċ għal 16-20 siegħa. Ml wieħed ta’ dan għandu mbagħad jitlaqqam f’disa’ ml Tryptone Soy Broth + 3.5 mg/l cefoxitin u 75 mg aztreonam u għandhom jiġu inkubati għal 16-20 siegħa ulterjuri f’37 Ċ. Virga tat-tilqim (smear loop) waħda mimlija b’dan għandha mbagħad tindilek fuq agar kromoġeniku selettiv għall-MRSA u inkubata għal 24 siegħa sa 48 siegħa f’37 Ċ. Għandu jintuża l-agar speċifiku rakkomandat mil-LKR-RA. Dan l-agar hu deskritt fil-websajt tal-LKR-RA.
Abbażi tal-morfoloġija u l-kulur tal-kolonja, sa ħames kolonji indikattivi għaliex huma MRSA għandhom jiġu subkultivati fuq agar tad-demm. Staphylococcus aureus (S. aureus) inferiti għandhom f’dan l-istadju jew jinħażnu f’kondizzjonijiet xierqa (– 80 Ċ) għal identifikazzjoni u karatterizzazzjoni aktar ‘il quddiem inkella jiġu pproċessati minnufih.
2.3.2. Identifikazzjoni tal-MRA
S. aureus inferita għandha tiġi identifikata bħala S. aureus u MRSA minn PCR. L-identifikazzjoni għandha titwettaq bl-użu ta’ PCR multiplex b’identifikazzjoni simultanja tal-ġene mec-A jew għandhom jitwettqu żewġ PCR differenti. Biex jiġi limitat l-ammont ta’ xogħol wieħed biss mill-iżolati tal-ħames S. aureus inferiti għandu jiġi identifikat inizjalment. Jekk dan l-iżolat jiġi identifikat bħala MRSA, għandu jinħażen. L-ebda ttestjar ulterjuri ta’ l-erba’ iżolati li jifdal mhuwa obbligat jekk l-ewwel iżolat ikun identifikat bħala MRSA u jistgħu jintremew. Jekk l-ewwel iżolat ma jiġi identifikat bħala MRSA, l-iżolat li jmiss mill-ħamsa inizjali għandu jiġi ttestjat. Dan il-proċess għandu jissokta sakemm MRSA wieħed jiġi identifikat jew sakemm il-ħames iżolati jkunu ġew ittestjati. B’mod alternattiv, identifikazzjoni bil-PCR bħala l-ewwel pass jista’ jsir fuq raggruppament ta’ ħames kolonji inferiti minn kampjun. F’każ ta’ PCR pożittiv, l-analiżi għandha tiġi ripetuta fuq kolonji individwali biex tiġi identifikata kolonja pożittiva.
Għall-assigurazzjoni tal-kwalità, 16-il iżolat inferit ta’ S. aureus li ma ġewx identifikati bħala MRSA, kif ukoll 16-il varjetà ta’ MRSA, li ttieħdu bħala kampjun matul is-sena kollha ta’ l-2008 għandhom jintbagħtu lil CRL-AR. Proporzjon minn dawn l-iżolati għandha tintbagħat lil-LKR-RA kull tliet xhur. F’każ li ġew identifikati inqas minn 16-il iżolat bħala MRSA dawn l-iżolati kollha għandhom jintbagħtu.
2.3.3. Kategorizzazzjoni tas-subtip għal konnessjoni possibbli ma’ iżolati umani
MRSAs pożittivi għandhom jiġu ttestjati għal Staphylococcus tat-tip A (klassifikazzjoni tat-tip Spa). Il-klassifikazzjoni tat-tip għandha titwettaq fil-LNR jew taħt is-superviżjoni tiegħu, jew l-iżolati għandhom jintbagħtu lil-LKR-RA, li mbagħad għandu jwattaq il-klassifikazzjoni tat-tip.
Fuq subsett ta’ iżolati rappreżentattivi (madwar 2 % ta’ numru ta’ kampjuni ragruppati) l-klassifikazzjoni tat-tip MLST għandha titwettaq mil-LNR jew il-LKR-RA.
2.3.4. L-ittestjar ta’ suxxettibilità antimikrobika
L-ittestjar ta’ suxxettibilità antimikrobika mhuwiex obbligatorju. Jekk jitwettaq, l-iżolati tal-MRSA għandhom jiġu ttestjati għal suxxettibilità antimikrobika bl-użu tal-mikrodilwazzjoni mill-inqas għall-aġenti antimikrobiċi li ġejjin: ciprofloxacin, erythromycin, fusidic acid, gentamicin, linezolide, mupirocin, sulphametoxazole, trimethoprim, tetracycline, chloramphenicol, vancomycin u quinupristin/dalfopristin. Ir-rappurtar fuq is-suxxetibilità antimikrobika għandu jitwettaq skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE.
2.4. Ħażna ta’ iżolati
L-iżolati jridu jinħażnu fil-Laboratorji nazzjonali ta’ referenza (LNR) bl-użu tal-metodu normali għall-ġbir tal-kultura tal-LNR filwaqt li tiġi żgurata l-vijabilità tal-varjetajiet għal minimu ta’ 5 snin. Dan sabiex jippermetti, pereżempju, ittestjar aktar ‘il quddiem għas-suxxettibilità antimikrobika jew tipi oħra ta’ karatterizzazzjoni. Ukoll, l-iżolati mibgħuta lil-LKR-RA għandhom jinħażnu minimu ta’ 5 snin. L-iżolati għandhom jinħażnu f’kondizzjonijiet li ma jippermettux bidliet fil-proprjetajiet (– 80 Ċ). Jekk il-laboratorju inkarigat ma għandux kapaċità disponibbli ta’ ħażna, l-iżolati għandhom jintbagħtu lil-LKR-RA, li għandu jaħżen dawn l-iżolati.
3. Rappurtar mil-laboratorji
Ir-riżultati għandhom jintbagħtu fuq bażi kunfidenzjali biss mil-laboratorju lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn inġabru l-kampjuni tat-trab.
Parti D: Rappurtar mill-Istati Membri
1. Deskrizzjoni ġenerali ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA
Rapport f’għamla testwali se jinkludi mill-inqas:
(a) |
Stat Membru; |
(b) |
deskrizzjoni tal-popolazzjoni ta’ l-azjendi bi ħnieżer għat-tgħammir:
|
(ċ) |
għadd ta’ kampjuni mill-istħarriġ tas-Salmonella miksuba u analizzati:
|
(d) |
riżultati globali mill-istħarriġ tas-Salmonella:
|
(e) |
lista ta’ laboratorji responsabbli mill-istħarriġ tas-Salmonella għal:
|
(f) |
għadd ta’ kampjuni mill-istħarriġ MRSA miksuba u analizzati:
|
(g) |
riżultati globali mill-istħarriġ MRSA: prevalenza ta’ l-azjendi għat-tgħammir u tal-produzzjoni infettati bl-MRSA, u bbażata fuq żvelar u konferma minn PCR; |
(h) |
lista ta’ laboratorji responsabbli mill-istħarriġ MRSA għal:
|
2. Data sħiħa fuq kull azjenda u r-riżultati tat-testijiet korrispondenti:
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ir-riżultati ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella u l-MRSA elettronikament fil-forma ta’ data mhux ipproċessata bl-użu ta’ dizzjunarju tad-data u rekwiżiti tal-ġbir tad-data pprovduti mill-Kummissjoni.
2.1. Tagħrif dwar l-azjenda
It-tagħrif li ġej għandu jinġabar fl-Istati Membri u jintbagħat lill-Kummissjoni għal kull azjenda magħżula għat-teħid tal-kampjuni:
(a) |
Kodiċi ta’ l-azjenda |
(b) |
Tip ta’ produzzjoni ta’ l-azjenda:
|
(ċ) |
Daqs ta’ l-azjenda: l-għadd ta’ ħnieżer għat-tgħammir preżenti fil-ħin tat-teħid tal-kampjuni (inventorju ta’ l-adulti) |
(d) |
Politika ta’ sostituzzjoni: ħnieżer għat-tgħammir sostituti mixtrija kollha; ċerti ħnieżer għat-tgħammir sostituti mrobbija d-dar jew il-ħnieżer għat-tgħammir sostituti mrobbija d-dar kollha |
(e) |
(Volontarjament:) Sintomi kliniċi tad-dijarea: Kien hemm sintomi ta’ dijarea fit-tliet xhur qabel it-teħid tal-kampjuni? |
2.2. Tagħrif fuq il-kampjuni kollha miġura fi ħdan l-istħarriġ tas-Salmonella
L-informazzjoni li ġejja għandha tinġabar fl-Istati Membri għal kull kampjun li jintbagħat lil-laboratorju fi ħdan il-qafas ta’ l-istħarriġ tas-Salmonella:.
(a) |
kodiċi tal-kampjun |
(b) |
kodiċi tal-laboratorju involut fl-analiżi inizjali |
(ċ) |
data tal-ġabra tal-kampjuni |
(d) |
data meta bdew l-analiżi tal-laboratorju |
(e) |
żvelar tas-Salmonella: Riżultat kwalitattiv (pożittiv/negattiv) |
(f) |
serotipar tas-Salmonella: serovar(s) żvelat(i) (jista’ jkun aktar minn wieħed) |
(g) |
età tal-ħnieżer: il-ħnieżer nisa żgħar kollha versus ħnieżer għat-tgħammir ta’ età mħallta |
(h) |
sess: ħnieżer nisa biss; ħnieżer nisa u ħnieżer tar-refgħa jew ħnieżer tar-refgħa biss |
(i) |
stadju tal-produzzjoni: tqala; tgħammir, żmien tat-tqala (oħrajn?) |
(j) |
akkomodazzjoni: art miksija bil-lavanji (kompletament/parzjalment); art solida; saff fond ta’ tiben jew oħrajn |
(k) |
dieta: il-ħnieżer f’dan il-maqjel, magħlaq jew grupp jingħataw esklussivament għalf kompost? |
(l) |
suppliment ta’ l-għalf: hemm xi sustanza li tnaqqas is-Salmonellamiżjuda lill-għalf (bħall-aċtu organiku, probijotiku)? |
(m) |
użu sistematiku ta’ l-antibijotiċi: l-antibijotiċi jingħataw bi kwalunkwe mod ta’ amministrazzjoni lill-annimali kollha ta’ dan il-grupp? |
(n) |
l-aħħar data ta’ amministrazzjoni ta’ l-antimikrobiċi lill-annimali (f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat). |
2.3. Tagħrif addizzjonali fuq il-kampjuni miġbura fr-rapport tas-Salmonella għall-prevalenza fi ħdan l-azjendi
Dan it-tagħrif supplimentari li ġej għandu jinġabar fl-Istati Membri għal kull kampjun individwali mibgħut lil-laboratorju fi ħdan il-qafas tat-teħid tal-kampjuni għall-prevalenza fi ħdan l-azjenda:
(a) |
kodiċi tal-kampjun ragruppat |
(b) |
żvelar tas-Salmonella f’kull kampjun individwali: riżultat kwalitattiv (pożittiv/negattiv) |
(ċ) |
serotipar tas-Salmonella f’kull kampjun individwali: serovar(s) żvelat(i) (jista’ jkun aktar minn wieħed). |
2.4. Tagħrif fuq il-kampjuni miġura fi ħdan l-istħarriġ MRSA
It-tagħrif li ġej se jinġabar fl-Istati Membri għal kull kampjun mibgħut lil-laboratorju:
(a) |
il-kodiċi tal-kampjun |
(b) |
il-kodiċi/l-isem tal-laboratorju involut fl-iżvelar |
(ċ) |
id-data tal-ġabra tal-kampjun |
(d) |
id-data meta bdew l-analiżi tal-laboratorju |
(e) |
ir-riżultat ta’ l-iżvelar ta’ MRSA (pożittiv/negattiv) |
(f) |
il-kodiċi/l-isem tal-laboratorju involut fil-PCR |
(g) |
ir-riżultat tal-PCR |
(h) |
il-kodiċi/l-isem tal-laboratorju involut fil-kategorizzazzjoni tat-tip Spa |
(i) |
ir-riżultat tal-kategorizzazzjoni tat-tip Spa |
(j) |
Il-kodiċi/l-isem tal-laboratorju involut fil-kategorizzazzjoni tat-tip MLST |
(k) |
ir-riżultat tal-kategorizzazzjoni tat-tip MLST. |
ANNESS II
KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MASSIMA TAL-KOMUNITÀ LILL-ISTATI MEMBRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5
Stat Membru |
Ammont totali massimu għal kofinanzjament ta’ l-analiżi (EUR) |
Il-Belġju - BE |
74 003 |
Il-Bulgarija -BG |
64 672 |
Ir-Repubblika Ċeka -CZ |
120 621 |
Id-Danimarka -DK |
114 829 |
Il-Ġermanja -DE |
71 750 |
L-Estonja - EE |
11 583 |
L-Irlanda - IE |
53 732 |
Il-Greċja - EL |
48 584 |
Spanja - ES |
102 317 |
Franza -FR |
102 317 |
L-Italja -IT |
98 134 |
Ċipru -CY |
24 775 |
Il-Latvja - LV |
4 183 |
Il-Litwanja - LT |
17 053 |
Il-Lussemburgu - LU |
14 801 |
L-Ungerija -HU |
92 021 |
Malta - MT |
0 |
L-Olanda - NL |
107 786 |
L-Awstrija - AT |
73 037 |
Il-Polonja - PL |
105 212 |
Il-Portugall - PT |
67 889 |
Ir-Rumanija - RO |
126 734 |
Is-Slovenja - SI |
93 594 |
Is-Slovakkja - SK |
66 924 |
Il-Finlandja - FI |
80 116 |
L-Iżvezja - SE |
93 594 |
Ir-Renju Unit - UK |
120 621 |
Total |
1 950 878 |
ANNESS III
RAPPORT FINANZJARJU ĊERTIFIKAT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ISTĦARRIĠ TA’ REFERENZA FUQ IL-PREVALENZA TAS-SALMONELLA SPP. U MRSA FIL-MERĦLIET TAL-ĦNIEŻER GĦAT-TGĦAMMIR
Perjodu tar-rappurtar:
— |
… sa … Għall-istħarriġ tas-Salmonella |
— |
… sa … Għall-istħarriġ tal-MRSA |
Dikjarazzjoni fuq l-ispejjez imġarrba fl-istħarriġ u eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità:
Numru ta’ referenza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistipula l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità
…
…
Spejjeż imġarrba marbuta mal-funzjonijiet ta’/bi |
Għadd ta’ testijiet/swabs |
Spejjeż totali mġarrba ta’ l-ittestjar u s-swabs matul il-perjodu tar-rappurtar (munita nazzjonali) |
Batterjoloġija għas-Salmonella spp. |
|
|
Serotipar ta’ l-iżolati tas-Salmonella |
|
|
Żvelar ta’ MRSA |
|
|
Identifikazzjonijiet tal-MRSA mill-PCR(s) |
|
|
Klassifikazzjoni tat-tip Spa tal-MRSA |
|
|
Klassifikazzjoni tat-tip MLST tal-MRSA |
|
|
Swabs għall-ittestjar tal-MRSA |
|
|
Dikjarazzjoni mill-benefiċjarju
Jiena niddikjara li:
— |
l-ispejjeż elenkati hawn fuq huma ġenwini u ġġarrbu fit-twettiq tal-ħidmiet stipulati fid-Deċiżjoni 2008/55/KE u kienu essenzjali għat-twettiq xieraq ta’ dawn il-ħidmiet, |
— |
id-dokumenti kollha ta’ sostenn għal dawn l-ispejjeż huma disponibbli għall-finijiet tal-verifika finanzjarja, |
— |
ebda kontribuzzjoni Komunitarja oħra ma’ ntalbet jew se tintalab għal dawn l-istħarriġiet. |
Data:
Persuna responsabbli mill-finanzi:
Firma: