Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0968

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2007 tas- 17 ta’ Awwissu 2007 dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-ispejjeż tar-ristrutturar u l-konverżjoni pprovduti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 għas-sena ta’ l-inbid 2007/2008

    ĠU L 215, 18.8.2007, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/968/oj

    18.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 215/4


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 968/2007

    tas-17 ta’ Awwissu 2007

    dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-ispejjeż tar-ristrutturar u l-konverżjoni pprovduti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 għas-sena ta’ l-inbid 2007/2008

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 80(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jipprovdi li, f’reġjuni kklassifikati bħala Objettiv 1 bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (2), il-kontribuzzjoni tal-Komunità ma għandhiex teċċedi l-75 % ta’ l-ispejjeż tar-ristrutturar u l-konverżjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (3), li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, ir-reġjuni li jaqgħu taħt l-Objettiv 1 għandhom ikunu reġjuni li jikkorrispondu mal-livell II tan-Nomenklatura ta’ Unitajiet Statistiċi Territorjali (NUTS livell II) li l-PGD per capita tagħhom, imkejjel bl-ekwivalenti tas-saħħa tal-valuta tagħhom [paritajiet tal-poter ta’ akkwist] fis-suq huwa anqas minn 75 % tal-medja tal-Komunità. Skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, reġjuni bħal dawn huma eliġibbli għall-finanzjament skond l-objettiv ta’ Konverġenza.

    (3)

    Xi reġjuni li kienu koperti minn Objettiv 1 mhumiex koperti mill-objettiv ta’ Konverġenza. Bil-maqlub ta’ dan, it-territorju tal-Bulgarija u r-Rumanija huwa kopert mill-objettiv ta’ Konverġenza, imma ovvjament qabel ma kienx jaqa’ taħt l-Objettiv 1.

    (4)

    Dan jikkawża problemi prattiċi speċifiċi fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ pjanijiet tar-ristrutturar u l-konverżjoni li jeħtiġilhom jiġu mfassla u approvati għas-sena ta’ l-inbid 2007/2008 ġaladarba d-diċitura preżenti ta’ l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 la jippermetti l-finanzjament ogħla għar-reġjuni ta’ l-Objettiv 1, minħabba li ma għadhomx jeżistu, u lanqas għar-reġjuni ta’ Konverġenza, minħabba li d-dispożizzjoni msemmija mhijiex immirata lejhom. Madankollu, huwa evidenti li l-għan għandu jkun li r-reġjuni anqas żviluppati jingħataw rata ogħla ta’ għajnuna.

    (5)

    L-arranġament tranżitorju applikabbli fil-preżent, ipprovdut bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 225/2007 (4), joffri soluzzjoni biss għas-sena ta’ l-inbid 2006/2007. Għaldaqstant, fl-istennija tar-riforma ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, huwa f’loku li tkun prevista l-possibbiltà li, għas-sena ta’ l-inbid 2007/2008, tingħata r-rata ogħla ta’ għajnuna ppovduta bl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għar-reġjuni ta’ Konverġenza.

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Inbid,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandu japplika, għas-sena ta’ l-inbid 2007/2008, għal reġjuni li huma kklassifikati bħala reġjuni ta’ Konverġenza skond ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006, għajr ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Awwissu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (2)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Ir-Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

    (3)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament hekk kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).

    (4)  ĠU L 64, 2.3.2007, p. 25.


    Top