EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0682

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 tat- 18 ta’ Ġunju 2007 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja

ĠU L 159, 20.6.2007, p. 14–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/06/2012: This act has been changed. Current consolidated version: 19/09/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/682/oj

20.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 159/14


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 682/2007

tat-18 ta’ Ġunju 2007

li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI PROVIŻORJI

(1)

Fit-28 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż (2) u tat bidu għall-proċedura antidumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja. Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1888/2006 (3) (“ir-Regolament proviżorju”) imponiet dazju proviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott.

B.   Il-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(2)

Sussegwentement għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri proviżorji antidumping, għadd ta’ partijiet interessati taw preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji. Dawk il-partijiet li talbu, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Skond l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku fid-9 ta’ Frar 2007, saret laqgħa fil-bini tal-Kummissjoni bejn produttur esportatur wieħed, Assoċjazzjoni ta’ produtturi Tajlandiżi, il-Gvern Tajlandiż u l-produtturi tal-Komunità. Il-laqgħa kienet iddedikata għall-kwistjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Komunità għall-qamħ ħelu.

(3)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset ta’ ħtieġa għas-sejbiet definittivi.

(4)

Il-partijiet kollha kienu mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni tad-dazji definittivi antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju proviżorju. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri.

(5)

Il-kummenti orali u miktuba ppreżentati mill-partijiet interessati kienu meqjusa u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati skond dawn.

(6)

Ta’ min jiftakar li l-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Fir-rigward tat-tendenzi rilevanti għall-istima tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id-data li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (“il-perjodu meqjus”). Il-perjodu użat għas-sejbiet dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet, il-bejgħ taħt il-prezz u t-tneħħija tal-ħsara huwa l-PI msemmi hawn fuq.

C.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(7)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti rigward il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (13) sa (15) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

D.   DUMPING

1.   It-teħid tal-kampjuni u l-eżaminazzjoni individwali

(8)

Għadd ta’ esportaturi u assoċjazzjoni ta’ produtturi Tajlandiżi qajmu oġġezzjonijiet għall-istima tat-teħid tal-kampjuni u ta’ l-analiżi ta’ l-eżami individwali deskritti fil-premessi (16) sa (20) tar-Regolament proviżorju. B'mod partikolari, ġie ddikjarat li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li l-Kummissjoni ma qisitx fatturi oħra bħad-daqs tal-kumpaniji u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-investigazzjoni ta’ aktar kumpaniji mill-erbgħa li ttieћdu bћala kampjun, ma kinitx se tkun ta’ piż bla bżonn.

(9)

Kif spjegat fil-premessi (16) sa (18) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tqis li sabiex jintlaħaq l-aktar kampjun rappreżentattiv possibbli, filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni, kien xieraq li jiġu inklużi erba’ kumpaniji biss fil-kampjun minħabba li (i) dan jippermetti l-kopertura ta’ volum kbir ta’ esportazzjonijiet u li (ii) l-erba’ kumpaniji setgħu jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku ma jispeċifika l-ebda limitu li lilhinn minnu l-għadd ta’ esportaturi jkun meqjus kbir biżżejjed li jiggarantixxi t-teħid tal-kampjuni, lanqas ma jagħti indikazzjoni preċiża tan-numru xieraq ta’ partijiet li għandhom jiġu inklużi fil-kampjun. Dwar dawn ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni nfisha għandha tiġġudika x'jista’ jiġi investigat fil-limitu ta’ żmien partikolari filwaqt li tiżgura li l-kampjun ikun ikopri l-akbar parti possibbli ta’ l-esportazzjonijiet imsemmija. F'dan ir-rigward, il-kampjun magħżul kien ikopri 52 % tat-total ta’ l-esportazzjonijiet Tajlandiżi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li mil-lat tal-volum huwa meqjus bħala rappreżentattiv ħafna.

(10)

Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kriterju li ġie applikat għall-għażla tal-kampjun kien l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet mit-Tajlandja lejn il-Komunità li jista’ jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Fid-dawl tar-rappreżentattività għolja tal-kampjun magħżul f'termini ta’ volum, ma kienx meqjus ta’ ħtieġa li jkunu eżaminati fatturi oħra bħad-daqs tal-kumpaniji jew il-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

(11)

Kif imsemmi qabel fil-premessa (20) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta’ aktar kumpaniji kienet se tkun ta’ piż bla bżonn fuq l-investigazzjoni u żżommha milli titlesta fil-ħin.

(12)

Id-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn xi partijiet dwar il-premessi (16) sa (20) tar-Regolament proviżorju għaldaqstant ma ġewx milqugħa u dawn il-premessi huma b'dan ikkonfermati.

2.   Il-valur normali

(13)

Produttur esportatur wieħed iddikjara li kienu saru għadd ta’ żbalji matematiċi fil-kalkolu tal-valur normali. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew iċċekkjati bir-reqqa u nstab li ma kienu saru l-ebda żbalji.

(14)

Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (21) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.   Il-Prezz ta’ l-Esportazzjoni

(15)

Wara l-iżvelar proviżorju, produttur esportatur wieħed ikkontesta l-konklużjonijiet fil-premessa (34) tar-Regolament proviżorju. Din il-parti ddikjarat li kellu jitqies il-bejgħ kollu mill-esportazzjoni tal-kumpanija, inkluż il-bejgħ tal-prodotti manifatturati minn produtturi indipendenti oħra, u mixtrija minnha. Din il-parti ddikjarat li l-prodotti lesti mixtrija mill-kumpanija għandhom jitqiesu parti mill-produzzjoni tagħha minħabba li ġie allegat li dawn ġew immanifatturati fil-qafas ta’ sistema tal-ħlas ta’ nollijiet.

(16)

F'dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-prodotti mmanifatturati mill-produttur esportatur imsemmi biss jistgħu jitqiesu meta jiġu ddeterminati l-marġini ta’ dumping individwali. Jekk produttur esportatur jixtri parti mill-prodott biex dan jerġa’ jinbiegħ fil-Komunità huwa jkun f'pożizzjoni simili għal dik ta’ aġent jew kummerċjant fir-rigward ta’ dan ix-xiri u bejgħ mill-ġdid bħal dan ma jistax jitqies meta jiġi stabbilit il-marġinu ta’ dumping individwali tiegħu.

(17)

Fl-investigazzjoni ġie stabbilit li l-produttur esportatur imsemmi kien qed jixtri minn produtturi oħra parti mill-prodotti mibjugħa fil-Komunità. Instab ukoll li dan l-esportatur dejjem ħallas għal prodotti lesti u li dawn it-tranżazzjonijiet kienu rreġistrati fis-sistema ta’ kontabilità tiegħu bħala xiri tal-prodotti lesti. Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova kuntrattwali jew prova oħra (eż. l-hekk imsejjaħ arranġament tal-ħlas ta’ nollijiet) li tipprova li l-prodotti kienu mill-bidunett proprjetà tal-produttur esportatur u li l-attività tal-kumpaniji l-oħra kienet limitata għal sempliċi trasformazzjoni tal-prodotti msemmija.

(18)

Wara l-iżvelar definittiv, il-produttur esportatur imsemmi tenna d-dikjarazzjoni tiegħu, filwaqt li enfasizza li għandu jitqies bħala ko-produttur tal-prodott mixtri mingħand produtturi oħra. Madankollu, billi l-proprjetà tal-prodotti manifatturati minn partijiet oħra ġiet trasferita lill-produttur esportatur ikkonċernat biss wara t-tlestija tal-proċess ta’ manifattura, kif joħroġ ċar mill-fatturi tax-xiri, hu kkonfermat li dan il-produttur esportatur ma jistax jitqies bħala l-produttur, jew il-ko-produttur, tal-prodott mixtri għall-bejgħ mill-ġdid.

(19)

Fid-dawl ta’ dan kollu, id-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur mhijiex milqugħa u l-premessi (33) u (34) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(20)

Assoċjazzjoni ta’ l-importaturi ddikjarat li kellu jsir aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku biex jitqies li l-għargħar qawwi fit-Tajlandja kien wassal biex il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat ikunu komparattivament baxxi meta mqabbla maż-żieda fin-nefqa tal-materja prima, il-qamħ ħelu, wara l-għargħar. F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li d-dikjarazzjoni ma saret mill-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi nfushom, u lanqas ma ġiet kwantifikata. Madankollu, l-għargħar huwa relattivament komuni fit-Tajlandja u ma jistax jitqies bħala fatt imprevedibbli meta jiġu nnegozjati l-kuntratti u b'mod partikolari l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni. Fl-aħħarnett, l-analiżi turi li l-effett possibbli, jekk hemm, ta’ l-għargħar fuq il-prezz tal-materja prima (qamħ ħelu) kien ikun limitat biss għall-aħħar kwart tal-PI meta, il-maġġoranza vasta tax-xiri ta’ materja prima mill-produtturi esportaturi tkun saret qabel dan il-perjodu. Għalhekk, it-talba għal aġġustament mhijiex milqugħa.

4.   Tqabbil

(21)

Wara l-iżvelar proviżorju, għadd ta’ produtturi esportaturi ddikjaraw li kellhom isiru ċerti konċessjonijiet fuq il-bejgħ domestiku (marbuta l-aktar ma’ maneġġjar, tagħbija u spejjeż anċillari u spejjeż ta’ kreditu) fil-kalkolu tad-dumping. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew eżaminati u fil-każ ta’ kumpanija waħda nstab li kellha tassew tingħata konċessjoni addizzjonali. Wara dan l-aġġustament, il-marġinu ta’ dumping għal din il-kumpanija naqas minn 4,3 % għal 3,1 %.

(22)

Billi d-data tal-kumpanija msemmija fil-premessa (21) hawn fuq kienet użata fil-kalkolu tal-valur normali ta’ kumpanija oħra, kif spjegat fil-premessi (29) u (31) tar-Regolament proviżorju, il-marġinu ta’ dumping tal-kumpanija ta’ l-aħħar naqas ukoll minn 11,2 % għal 11,1 % bħala riżultat tal-konċessjonijiet mogħtija.

(23)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra f’dan ir-rigward, u minbarra l-bdil imsemmi hawn fuq, il-premessi (35) u (36) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.   Il-marġini ta’ dumping

(24)

Fid-dawl ta’ l-aġġustament imsemmi hawn fuq, l-ammont ta’ dumping finalment iddeterminat, espress bħala perċentwali tas-CIF nett, prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, huwa kif ġej:

Il-kumpanija

Il-marġini ta' dumping

Karn Corn

3,1  %

Malee Sampran

17,5  %

River Kwai

15,0  %

Sun Sweet

11,1  %

(25)

Għall-pajjiżi li kkoperaw iżda ma ntgħażlux fil-kampjun, il-marġinu ta’ dumping ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġini ta’ dumping b'medja b'piż differenzjat tal-kumpaniji magħżula fil-kampjun, skond l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Il-marġini ta’ dumping b'medja b'piż differenzjat, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, kien ta’ 12.9 %.

(26)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti, il-premessa (40) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

E.   IL-ĦSARA

(27)

Waħda mill-partijiet interessati sostniet li l-istrateġija segwita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-mezzi differenti ta’ bejgħ u deskritta fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament proviżorju, mhijiex konformi mar-Regolament bażiku u mal-Ftehim tad-WTO Antidumping  (4), minħabba li allegatament hija, “maħsuba biex tirrifletti b'mod artifiċjali ħsara ikbar u ma tistax titqies bħala korretta u lanqas oġġettiva u imparzjali”. B'sostenn għat-talba tagħha, il-parti li ressqet l-ilment għamlet referenza għar-rapport tal-Korp ta’ Appell tad-WTO ta’ l-24.7.2001 (5) fejn jintqal li “l-awtoritajiet li jinvestigaw m'humiex intitolati li jmexxu l-investigazzjoni tagħhom b'mod li r-riżultat tat-tiftix ta’ fatti jew tal-proċess ta’ evalwazzjoni, x'aktarx iwassal biex tkun iddeterminata l-ħsara li saret lill-industrija domestika” (il-paragrafu 196 tal-KA).

(28)

L-ewwelnett, l-eżistenza taż-żewġ mezzi differenti ta’ bejgħ deskritti mill-Kummissjoni fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament proviżorju, flimkien ma’ l-implikazzjonijiet li jiġu wara f'termini ta’ l-ispejjeż tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ, mhijiex ikkontestata mill-ebda parti interessata ta’ din il-proċedura, u lanqas mill-parti li ressqet l-ilment. It-tieninett, lanqas huwa kkontestat il-fatt, stabbilit ukoll fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, li l-importazzjonijiet kollha mill-esportaturi Tajlandiżi li kkoperaw għandhom x'jaqsmu mal-mezzi ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Anzi, dan ġie rikonoxxut mill-parti li ressqet l-ilment: “Għandu jiġi mfakkar li l-bejgħ Tajlandiż lill-bejjiegħa bl-imnut fl-Ewropa qiegħed isir bil-marka kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut”.

(29)

Barra minn hekk, ta’ min jinnota wkoll li l-KA jistqarr fil-paragrafu 204 li “jista’ jkun ferm pertinenti li jeżaminaw partijiet, setturi jew segmenti ta’ l-industrija domestika”. Għalhekk kien xieraq li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ mezzi separati ta’ bejgħ, għal ċerti indikaturi ta’ ħsara kif xieraq, biex tkun żgurata l-evalwazzjoni ġusta tal-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità, u jkun stabbilit jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja kellhomx impatt dirett fuq il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità. Id-determinazzjoni tal-ħsara kopriet b'mod sistematiku ż-żewġ mezzi ta’ bejgħ flimkien, u barra minn hekk, analizzat b'mod separat, fejn xieraq, il-bejgħ bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(30)

Madankollu, l-KA fil-paragrafu 204 ssokta jgħid li “[…] meta l-awtoritajiet li jinvestigaw jagħmlu eżami ta’ parti waħda ta’ l-industrija domestika, huma għandhom, fil-prinċipju, jeżaminaw, bl-istess mod, il-partijiet l-oħra kollha li jiffurmaw l-industrija, kif ukoll jeżaminaw l-industrija kollha kemm hi.” Is-servizzi tal-Kummissjoni, għalhekk ikkumplimentaw l-analiżi tagħhom tal-ħsara fir-rigward tat-tliet indikaturi ta’ ħsara li kienu analizzati b'mod separat fir-Regolament proviżorju, skond il-mezzi ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Dawn it-tliet indikaturi huma l-volum ta’ bejgħ (il-premessa (56) tar-Regolament proviżorju), il-prezz tal-bejgħ (il-premessa (63) tar-Regolament proviżorju) u l-qligħ (il-premessa (66) tar-Regolament proviżorju). Dawn it-tliet indikaturi ġew eżaminati f'analiżi speċifika tal-ħsara dwar il-mezz ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-produttur.

(31)

Kif stabbilit skond il-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, il-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut kien jirrappreżenta madwar 63 % tal-bejgħ totali ta’ l-industrija tal-Komunità (il-marka tal-produttur u l-marka tal-bejjiegħ bl-imnut) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. B'konsegwenza, il-bejgħ bil-marka tal-produttur kien jirrappreżenta 37 % tat-total.

(32)

Il-volum ta’ bejgħ mill-industrija tal-Komunità ta’ prodotti bil-marka tal-produttur fis-suq Komunitarju l-ewwel naqas b'1 % fl-2003, żdied b'6 punti perċentwali fl-2004, u naqas b'6 punti perċentwali fil-PI. Matul il-PI, il-volum ta’ bejgħ bil-marka tal-produttur kien kważi fl-istess livell li kien fl-2002, jiġifieri ftit ‘il fuq minn 68 000 tunnellata.

(33)

Fir-rigward ta’ l-industrija tal-Komunità, il-prezzijiet ta’ unità għall-bejgħ lil konsumaturi indipendenti ta’ prodotti bil-marka tal-produttur baqgħu prattikament fissi matul il-perjodu kkonċernat. Minn livell ta’ 1 380 EUR/tunnellata fl-2002, dawn żdiedu bi 2 % fl-2003, naqsu b'2 punti perċentwali fl-2004, qabel ma naqsu kemm kemm b'punt perċentwali 1 fil-PI, meta laħqu livell ta’ 1 361 EUR/tunnellata.

(34)

Matul il-perjodu kkonċernat, il-qligħ mil-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità ta’ prodotti bil-marka tal-produttur, espress bħala perċentwali tal-bejgħ nett, naqas b'mod gradwali minn kważi 30 % fl-2002 għal 29 % fl-2003, għal madwar 27 % fl-2004 u finalment għal madwar 24 % fil-PI.

 

2002

2003

2004

PI

Volum ta' bejgħ fil-KE (marka tal-produttur) lil konsumaturi indipendenti (tunnellata)

68 778

68 002

72 387

68 193

Indiċi (2002 = 100)

100

99

105

99

Il-prezz ta' l-Unità fis-suq tal-KE ( marka tal-produttur) (EUR/tunnellata)

1 380

1 405

1 386

1 361

Indiċi (2002 = 100)

100

102

100

99

Il-qligħ mill-bejgħ tal-KE għal indipendenti (marka tal-produttur) (% tal-bejgħ nett)

29,7  %

29,0  %

27,4  %

23,6  %

Indiċi (2002 = 100)

100

98

92

79

Sors: Investigazzjoni

(35)

Għalhekk huwa nnutat li l-bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-produtturi baqa’ relattivament fiss kemm f'termini tal-kwantitajiet mibjugħa kif ukoll tal-prezzijiet matul il-perjodu kkonċernat. Bil-maqlub, il-qligħ minn dan il-bejgħ tnaqqar b'mod gradwali matul l-istess perjodu. Din l-istampa tikkuntrasta ma’ l-istampa ċara ta’ ħsara stabbilita fir-Regolament proviżorju fir-rigward tal-bejgħ kollu meħud flimkien, kif ukoll tal-bejgħ bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Madankollu, jidher ċar li l-impatt ta’ l-importazzjonijiet mit-Tajlandja jinħass l-aktar fejn huma kkonċentrati l-importazzjonijiet tagħhom, jiġifieri l-prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(36)

Bħala kumpliment għal dan, l-eżaminazzjoni mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni hija konsistenti mar-Regolament bażiku u tissodisfa l-obbligu ta’ oġġettività stabbilit fl-Artikolu 3.11 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO minħabba li l-indikaturi ta’ ħsara elenkati fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping tad-WTO ġew eżaminati b'distinzjoni u mingħajr distinzjoni ta’ l-ebda mezzi ta’ bejgħ, fejn dan kien meqjus xieraq fir-rigward ta’ l-ispeċifitajiet tal-każ partikolari. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq mhijiex milqugħa.

(37)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (41) sa (76) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

F.   IL-KAWŻALITÀ

1.   Il-prassi ta’ negozju restrittivi

(38)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li l-industrija tal-Komunità kienet involuta fi prassi ta’ negozju restrittiva, li allegatament hija kkaratterizzata, b'mod partikolari, mill-iffissar tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju għal qamħ ħelu. B'sostenn għal dan, waħda minn dawn il-partijiet interessati indikat li: (i) hija ġibdet espressament l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni fil-preżentazzjoni tagħha datata l-21 ta’ Ġunju 2006; (ii) wieħed mill-bejjiegħa bl-imnut Ewopej qajjem tħassib simili fi preżentazzjoni datata s-17 ta’ Mejju 2006; u finalment (iii) fl-1 ta’ Diċembru 2006 din il-parti ppreżentat żewġ e-mails mill-President ta’ l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti msemmija fil-premessa (1) tar-Regolament proviżorju. F'waħda minn dawn l-e-mails, datati t-13 ta’ April 2005, il-President ta’ l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti allegatament jgħarraf lill-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija ta’ l-esportazzjoni Tajlandiża li l-proċessuri ta’ l-Ewropa tal-Punent kienu qablu fuq il-prezzijiet għal tliet preżentazzjonijiet tal-prodott simili.

(39)

Għalhekk il-partijiet interessati msemmija hawn fuq talbu lill-Kummissjoni biex ittemm b'mod immedjat il-proċedura preżenti, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-qagħda ħażina ta’ l-industrija tal-Komunità, billi l-livell ta’ prezzijiet ipprattikati mill-industrija tal-Komunità ma jkunux affidabbli u jogħlew b'mod artifiċjali minħabba l-imġiba allegatament mhux kompetittiva ta’ l-industrija tal-Komunità. Waħda mill-partijiet għamlet referenza espliċita kemm għall-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku kif ukoll għall-każ Mukand  (6), biex titlob lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt potenzjali fuq il-qagħda ħażina ta’ l-industrija tal-Komunità li tirriżulta mill-imġiba allegatament mhux kompetittiva msemmija hawn fuq, qabel kull konklużjoni dwar il-kawżalità.

(40)

Fir-rigward tal-punti (i) u (ii) fil-premessa (38), huwa nnutat li ż-żewġ preżentazzjonijiet jikkonsistu sempliċiment fi ftit allegazzjonijiet mhux issostanzjati. Fil-preżentazzjoni msemmija fil-punt (i), il-parti li ressqet l-ilment kienet indikat hija nfisha li “aktar tagħrif u prova, rigward dawn l-abbużi, li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet serji tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, se jingħataw meta jkun il-waqt.” Il-parti kkonċernata sussegwentement bagħtet l-e-mails imsemmija fil-premessa (38) hawn fuq.

(41)

Hekk kif irċevew dawk l-e-mails, is-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta’ antidumping stiednu b'mod immedjat lill-parti li għamlet l-ilment biex tressaq l-istess materjal lis-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ dawn l-e-mails u b'mod partikolari minħabba li l-President ta’ l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti rrikonoxxa li huwa kien l-awtur tal-messaġġi, is-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta’ antidumping, eżaminaw mill-qrib il-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi differenti tal-Komunità.

(42)

Il-President ċaħad bil-qawwa li l-industrija tal-Komunità qatt laħqet qbil jew applikat xi prezzijiet ta’ “referenza” kif issuġġerit fl-e-mail. Billi fil-qafas tal-proċedura preżenti antidumping, is-servizzi tal-Kummissjoni jiddisponu minn tagħrif iddettaljat dwar prezzijiet għal kull mudell fuq bażi ta’ tranżazzjoni-bi-tranżazzjoni, mill-produtturi kollha tal-Komunità li kkoperaw, kien ivverifikat jekk jistax jiġi identifikat xi allinjament ta’ prezzijiet.

(43)

F'din l-investigazzjoni dwar l-antidumping ma nstabet l-ebda prova ta’ allinjament ta’ prezzijiet effettiv fost il-produtturi tal-Komunità li kkoperaw. Barra minn hekk, il-prezzijiet attwali, fil-maġġoranza kbira tagħhom, kienu ferm anqas mill-prezzijiet ta’ “referenza” msemmija fl-e-mail hawn fuq datata t-13 ta’ April 2005.

(44)

Għalhekk, f'din l-investigazzjoni dwar l-antidumping l-istituzzjonijiet tal-Komunità ma sabu l-ebda prova li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat kienu inqas minn dawk ta’ l-industrija tal-Komunità prinċipalment minħabba livell artifiċjali ta’ prezzijiet li joħroġ minn imġiba mhux kompetittiva.

(45)

Ġie osservat ukoll li l-Kummissjoni ma ħarġet l-ebda deċiżjoni finali li tistabbilixxi li l-industrija tal-Komunità kienet ipprattikat kartell.

(46)

B'konsegwenza tal-punti kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-investigazzjoni attwali dwar l-antidumping ma sabet l-ebda prova li l-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità u l-indikaturi ta’ ħsara kienu ġew affettwati minn imġiba mhux kompetittiva jew minn prassi ta’ negozju restrittiva. Għaldaqstant din id-dikjarazzjoni mhijiex milqugħa.

2.   L-impatt tal-kundizzjonijiet tat-temp

(47)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li fl-eżaminazzjoni ta’ kawżalità għandu jiġi ttrattat l-impatt li jirriżulta minn kundizzjonijiet tat-temp. B'mod aktar preċiż, dawn il-partijiet għamlu referenza għal: (i) il-mewġa ta’ sħana fis-sajf ta’ l-2003; u (ii) l-għargħar li laqat lill-Ungerija matul il-perjodu bejn Mejju u Awissu 2005.

(48)

Ġie eżaminat b'attenzjoni jekk il-mewġa ta’ sħana ta’ l-2003 fl-Ewropa (id-dikjarazzjoni (i) hawn fuq) u l-għargħar li laqat lill-Ungerija fl-2005 (id-dikjarazzjoni (ii) hawn fuq) setgħux kellhom impatt fuq il-qagħda negattiva ta’ l-industrija tal-Komunità.

(49)

Instab li l-mewġa ta’ sħana ta’ l-2003 u l-għargħar ta’ l-2005 ma kellhom prattikament l-ebda impatt fuq il-kwantità maħsuda ta’ qamħ ħelu fuq livell globali, Komunitarju u industrijali. Tabilħaqq, id-data miksuba mill-produtturi tal-Komunità fil-qafas ta’ l-investigazzjoni turi ċifri stabbli ħafna għall-produzzjoni (f'tunnellati ta’ qamħ ħelu maħsud għal kull ettaru) matul il-perjodu kollu kkonċernat. Huwa mfakkar ukoll li l-Kummissjoni kienet sabet, kif deskritt fil-premessi (86) u (87) tar-Regolament proviżorju, li l-ispiża ta’ produzzjoni għal kull unità ta’ l-industrija tal-Komunità kienet għoliet sempliċiment b'5 % matul il-perjodu mill-2002 sal-PI, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezz ta’ l-azzar (billi l-bott huwa l-aktar element ta’ spiża importanti). Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, id-dikjarazzjonijiet (i) u (ii) imsemmija hawn fuq ma ġewx milqugħa.

(50)

Għalhekk jitqies li l-kundizzjonijiet tat-temp ma setgħux jaqtgħu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara li laqtet l-industrija tal-Komunità.

(51)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra fir-rigward tal-kawżalità, il-premessi (77) sa (99) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

G.   L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(52)

Fin-nuqqas ta’ xi tagħrif ġdid u ssostanzjat fir-rigward ta’ l-interess tal-Komunità, il-premessi (100) sa (118) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

H.   MIŻURI DEFINITTIVI

(53)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li: (i) l-Kummissjoni għandha tiċċara aktar il-mod kif ikkalkulat il-qligħ ta’ 14 % li jista’ jinkiseb fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kif imsemmi fil-premessa (121) tar-Regolament proviżorju; u (ii) l-qligħ ta’ 14 % imsemmi qabel kien għoli wisq. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ l-aħħar, kienet saret referenza għal proċeduri riċenti ta’ salvagwardja u antidumping marbuta ma’ prodotti agrikoli pproċessati bl-istess mod bħal frott taċ-ċitru ppreservat (7) u frawli ffriżat (8), fejn kienu użati marġini ta’ qligħ ta’ 6,8 % u 6,5 % rispettivament. F'dan il-kuntest, parti interessata oħra ddikjarat (iii) li l-qligħ ta’ 14 % kien baxx wisq, u għandu jiġi stabbilit għal 17 % biex jirrifletti l-qligħ miksub fl-2002 fuq il-bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(54)

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet (i) u (iii) imsemmija hawn fuq, il-premessa (121) tar-Regolament proviżorju tispjega li l-qligħ ta’ 21,4 % miksub fl-2002 fuq il-bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-produttur kif ukoll tal-bejjiegħ bl-imnut kien ġie aġġustat għal 14 % biex jirrifletti d-differenza bejn il-firxa ta’ marki kummerċjali ta’ l-industrija tal-Komunità meta mqabbla ma’ dik ta’ l-importazzjonijiet mit-Tajlandja. Il-Kummissjoni tosserva li, kif hu indikat fil-premessa (66) tar-Regolament proviżorju, il-qligħ mill-bejgħ skond il-mezzi ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut kien ta’ 17,0 % u 11,1 % fl-2002 u fl-2003 rispettivament, jiġifieri meta l-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ikun l-aktar baxx. Il-Kummissjoni tqis li hu raġonevoli li tittieħed il-medja ta’ dawn iż-żewġ rati ta’ qligħ, li tammonta għal 14 %.

(55)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni (ii) msemmija hawn fuq, huwa meqjus li l-qligħ fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għandu, kemm jista’ jkun, jirrifletti l-ispeċifitajiet attwali ta’ l-industrija tal-Komunità involuta. Fin-nuqqas ta’ dan it-tagħrif biss tista’ titqies ir-rilevanza tad-data minn industriji oħra li jappartjenu għall-istess settur wiesa'. Din l-istrateġija, li l-Kummissjoni tapplika b'mod konsistenti, ġiet milqugħa mill-Qorti ta’ Prim'Istanza fil-każ EFMA (9).

(56)

Id-dikjarazzjonijiet (i) (ii) u (iii) m'humiex għaldaqstant milqugħa u hija kkonfermata s-sejba li jista’ jinkiseb qligħ ta’ 14 % fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(57)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping, dannu, ikkawżar u interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazji antidumping definittivi għandhom jiġu imposti fil-livell ta’ marġini ta’ dumping misjub, imma mhux aktar għolja mill-marġini ta’ dannu ppreżentati fil-premessa (123) tar-Regolament proviżorju u kkonfermat fir-Regolament preżenti. Minħabba l-livell għoli ta’ koperazzjoni, id-dazju għall-kumpaniji li fadal, li ma kkoperawx fl-investigazzjoni, huwa stabbilit fil-livell ta’ l-ogħla dazju li għandu jiġi impost fuq il-kumpaniji li kkoperaw fl-investigazzjoni. Għaldaqstant, id-dazju residwu huwa stabbilit għar-rata ta’ 12,9 %.

(58)

Id-dazji definittivi għandhom għalhekk ikunu kif ġej:

Il-kumpanija

Marġini ta’ ħsara

Il-marġini ta' dumping

Dazju antidumping

Karn Corn

31,3  %

3,1  %

3,1  %

Malee Sampran

12,8  %

17,5  %

12,8  %

River Kwai

12,8  %

15,0  %

12,8  %

Sun Sweet

18,6  %

11,1  %

11,1  %

Esportaturi li kkoperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun

17,7  %

12,9  %

12,9  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

31,3  %

17,5  %

12,9  %

I.   IMPENJI

(59)

Sussegwentement għall-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji għadd ta’ produtturi esportaturi li kkoperaw esprimew interess li joffru impenji fuq il-prezzijiet. Madankollu wara l-iżvelar definittiv (bl-eċċezzjoni taż-żewġ kumpaniji msemmija fil-premessa (60)), huma naqsu milli jippreżentaw offerti ta’ impenji fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku.

(60)

Produttur esportatur li kkopera naqas milli jippreżenta offerta ta’ impenn issostanzjata biżżejjed fl-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħet tilqa’ l-ebda impenn fuq il-prezz min-naħa ta’ dan l-esportatur. Madankollu, il-Kunsill, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni għall-operatur ekonomiku kkonċernat u għal produtturi esportaturi oħrajn li kkoperaw li jinsabu f'qagħda simili (l-industrija frammentata, il-produtturi esportaturi li jinsabu f'pajjiż li qed jiżviluppa u li spiss joperaw bħala kummerċjanti u produtturi esportaturi u dan iwassal biex il-formulazzjoni ta’ offerta ta’ impenn aċċettabbli ssir aktar kumplessa) kif ukoll tal-livell għoli ta’ koperazzjoni matul l-investigazzjoni jqis li dawn il-produtturi esportaturi għandhom jitħallew b'mod eċċezzjonali jispiċċaw l-offerti ta’ impenn tagħhom wara d-data ta’ skadenza msemmija hawn fuq, iżda fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi emenda għal dan ir-regolament kif meħtieġ.

(61)

Sussegwentement għall-iżvelar definittiv żewġ produtturi esportaturi li kkoperaw offrew impenji fuq il-prezzijiet raġonevoli flimkien ma’ limitu kwantitattiv massimu skond l-Artikoli 8(1) u 8(2) tar-Regolament bażiku. Huma offrew li jbiegħu l-prodott ikkonċernat fi ħdan limitu kwantitattiv massimu daqs jew ogħla mil-livelli ta’ prezzijiet li jeliminaw l-effetti ħżiena tad-dumping. L-importazzjonijiet li jaqbżu l-limitu kwantitattiv massimu se jkunu suġġetti għal dazji antidumping. Il-kumpaniji se jipprovdu wkoll lill-Kumissjoni tagħrif regolari u dettaljat dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità, li jfisser li l-impenji jistgħu jiġu ssorveljati b'mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ bejgħ ta’ dawn il-kumpaniji hija tali li l-Kummissjoni tqis li r-riskju li l-impenn miftiehem ma jiġix irrispettat huwa limitat.

(62)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2007/424/KE (10) aċċettat l-offerti ta’ impenji msemmija hawn fuq. Id-Deċiżjoni ssemmi f’aktar dettall ir-raġunijiet għaliex ġew aċċettati dawn l-impenji.

(63)

Biex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jissorveljaw b'mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji ma’ l-impenji, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tiġi ppreżentata lill-awtorità tad-dwana rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping tkun bil-kundizzjoni li (i) tiġi ppreżentata fattura ta’ l-impenn, li hija fattura kummerċjali b’ta’ l-inqas il-punti mniżżla u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness II; (ii) il-fatt li l-prodotti importati jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b'fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ impenn. Meta l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jintlaħqux, jiġi impost id-dazju antidumping xieraq fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

(64)

Kull meta l-Kummissjoni tirtira, skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, l-aċċettazzjoni tagħha ta’ l-impenji wara xi ksur billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi ta’ impenji rilevanti, jiġi impost dejn tad-dwana fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

(65)

L-importaturi għandhom ikunu konxji li d-dejn ta’ dwana jista’ jiġi impost, bħala riskju normali ta’ kummerċ, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa kif deskritta fil-premessi (60) u (61) anke jekk l-impenn mill-manifattur li qed jixtru mingħandu, direttament jew indirettament, ġie aċċettat mill-Kummissjoni.

(66)

Skond l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ xi ksur ta’ l-impenji.

(67)

Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq l-impenji offruti mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi huma għalhekk meqjusa aċċettabbli mill-Kummissjoni u l-kumpaniji kkonċernati ġew infurmati bil-fatti, il-kunsiderazzjonijiet u l-obbligazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata l-aċċettazzjoni.

(68)

Fil-każ ta’ xi ksur jew irtirar ta’ l-impenji jew fil-każ ta’ l-irtirar ta’ aċċettazzjoni ta’ l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni, id-dazju antidumping li kien impost mill-Kunsill, skond l-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament permezz ta’ l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku.

J.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVIŻORJU

(69)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġini tad-dumping misjub għall-produtturi esportaturi fit-Tajlandja u minħabba l-livell ta’ ħsara kkawżat lill-industrija tal-Komunità, jeħtieġ li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju proviżorju antidumping impost mir-Regolament proviżorju jinġabru b'mod definittiv sa l-ammont tad-dazji definittivi imposti.

(70)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta’ kumpanija individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Gћalhekk, dawn jirriflettu l-qagħda ta’ dawn il-kumpaniji li nstabet matul l-investigazzjoni. Dawn ir-rati ta’ dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(71)

Kull talba għall-applikazzjoni ta’ rati ta’ dazju antidumping ta’ dawn il-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ta’ produzzjoni jew bejgħ ġodda) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni flimkien mat-tagħrif kollu rilevanti, b'mod partikolari, kull modifika għall-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u bejgħ bl-esportazzjoni assoċjat per eżempju ma’ dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ. Jekk xieraq, ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat b'aġġornament tal-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn dazji individwali.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat permezz tal-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li huma ddikjarati fil-kodiċi NM ex 2001 90 30 (Kodiċi TARIC 2001903010) u qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat mhux bil-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti bl-intestatura 2006, iddikjarati fil-kodiċi NM ex 2005 80 00 (il-Kodiċi TARIC 2005800010), li joriġinaw mit-Tajlandja.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għan-nett, prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Il-kumpanija

Dazju antidumping (%)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Karn Corn Co, Ltd., 68 Moo 7 Tambol Saentor, Thamaka, Kanchanaburi 71130, it-Tajlandja

3,1

A789

Malee Sampran Public Co, Ltd, Abico Bldg 401/1 Phaholyothin Rd, Lumlookka, Pathumthani 12130, it-Tajlandja

12,8

A790

River Kwai International Food Industry Co, Ltd, 52 Thaniya Plaza, 21st. Floor, Silom Rd, Bangrak, Bangkok 10500, it-Tajlandja

12,8

A791

Sun Sweet Co, Ltd, 9 M 1, Sanpatong, Chiangmai, it-Tajlandja 50120

11,1

A792

Il-produtturi elenkati fl-Anness I

12,9

A793

Il-kumpaniji l-oħra kollha

12,9

A999

3.   Minkejja l-ewwel subparagrafu, id-dazju antidumping definittiv m'għandux japplika għall-importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa skond l-Artikolu 2.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji tad-dwana li huma fis-seħħ.

Artikolu 2

1.   L-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa li huma mogħnija b'fattura mill-kumpaniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom tniżżlu f’Deċiżjoni 2007/424/KE, li minn żmien għal żmien jiġu emendati, se jiġu eżentati mid-dazju antidumping impost mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

dawn jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b'fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u

dawn l-importazzjonijiet ikollhom fattura ta’ impenn li hija fattura kummerċjali b'ta’ l-inqas il-punti u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament; u

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu preċiżament għad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ l-impenn.

2.   Id-dejn tad-dwana għandu jiġi inkors fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera:

kull meta jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet deskritti f’paragrafu 1, li ma tiġix sodisfatta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu; jew

meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni ta’ l-impenji skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari jew tiddikjara bħala invalidi l-fatturi rilevanti ta’ impenji.

Artikolu 3

Se jinġabru b'mod definittiv l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazji proviżorji antidumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1888/2006 fuq l-importazzjonijiet ta’ qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat permezz tal-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li huma ddikjarati fil-kodiċi NM ex 2001 90 30 (Kodiċi TARIC 2001903010) u qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat mhux bil-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti bl-intestatura 2006, iddikjarati fil-kodiċi NM ex 2005 80 00 (Il-Kodiċi TARIC 2005800010). L-ammonti żgurati li jaqbżu d-dazji definittivi kif stipulat fl-Artikolu 1(2) se jinħelsu.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 18 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU C 75, 28.3.2006, p. 6.

(3)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 68.

(4)  Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994.

(5)  WT/DS184/AB/R, 23.8.2001, l-Istati Uniti – Il-Miżuri antidumping fuq Ċerti Prodotti ta’ l-Azzar Imremblin bis-Sħana mill-Ġappun.

(6)  Il-Każ T-58/99 Mukand u oħrajn v. il-Kunsill [2001] ECR II-2521.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 658/2004 (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67) (ara l-premessa (115)).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1551/2006 (ĠU L 287, 18.10.2006, p. 3) (ara l-premessa (144)).

(9)  Il-Każ T-210/95 EFMA v Il-Kunsill, [1999] ECR II-3291 (paragrafu 54 et seq.).

(10)  Ara paġna 41 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

Il-lista ta' produtturi li kkoperaw imsemmija fl-Artikolu 1(2) skond il-kodiċi TARIC addizzjonali A793:

Isem

Indirizz

Agroon (Thailand) Co., Ltd.

50/499-500 Moo 6, Baan Mai, Pakkret, Monthaburi 11120, Thailand

B.N.H. Canning Co., Ltd.

425/6-7 Sathorn Place Bldg., Klongtonsai, Klongsan, Bangkok 10600, Thailand

Boonsith Enterprise Co., Ltd.

7/4 M.2, Soi Chomthong 13, Chomthong Rd., Chomthong, Bangkok 10150, Thailand

Erawan Food Public Company Limited

Panjathani Tower 16th floor, 127/21 Nonsee Rd., Chongnonsee, Yannawa, Bangkok 10120, Thailand

Great Oriental Food Products Co., Ltd.

888/127 Panuch Village, Soi Thanaphol 2, Samsen-Nok, Huaykwang, Bangkok 10310, Thailand

Kuiburi Fruit Canning Co., Ltd.

236 Krung Thon Muang Kaew Bldg., Sirindhorn Rd., Bangplad, Bangkok 10700, Thailand

Lampang Food Products Co., Ltd.

22K Building, Soi Sukhumvit 35, Klongton Nua, Wattana, Bangkok 10110, Thailand

O.V. International Import-Export Co., Ltd.

121/320 Soi Ekachai 66/6, Bangborn, Bangkok 10500, Thailand

Pan Inter Foods Co., Ltd.

400 Sunphavuth Rd., Bangna, Bangkok 10260, Thailand

Siam Food Products Public Co., Ltd.

3195/14 Rama IV Rd., Vibulthani Tower 1, 9th Fl., Klong Toey, Bangkok, 10110, Thailand

Viriyah Food Processing Co., Ltd.

100/48 Vongvanij B Bldg, 18th Fl, Praram 9 Rd., Huay Kwang, Bangkok 10310, Thailand

Vita Food Factory (1989) Ltd.

89 Arunammarin Rd., Banyikhan, Bangplad, Bangkok 10700, Thailand


ANNESS II

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-kumpanija fil-Komunità ta’ prodotti li huma suġġetti għall-impenn:

1.

L-Intestatura “FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA L-PRODOTTI SUĠĠETTI GĦALL-IMPENN”.

2.

L-isem tal-kumpanija li toħroġ il-fattura kummerċjali.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali.

4.

Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5.

Il-Kodiċi addizzjonali TARIC skond liema l-prodotti fuq il-fattura għandhom jiġu rilaxxati mid-dwana fil-fruntiera tal-Komunità.

6.

Id-deskrizzjoni eżatta tal-prodotti, li tinkludi:

in-numru tal-kodiċi tal-prodott (NKP) użat għall-għan ta’ l-impenn,

deskrizzjoni b'lingwa sempliċi tal-prodotti li jikkorrispondu mal-NKP ikkonċernat,

in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (KPK),

Kodiċi Taric,

kwantità (tingħata f'tunnellati).

7.

Id-deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, inkluż:

prezz għal kull tunnellata,

il-kundizzjonijiet għall-ħlas applikabbli,

il-kundizzjonijiet għat-tqassim applikabbli,

l-iskont totali u nżul fil-prezz.

8.

L-isem tal-kumpanija li tagħmilha ta’ importatur fil-Komunità li lilha l-kumpanija toħroġ direttament il-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodotti suġġetti għall-impenn.

9.

L-isem ta’ l-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-prodotti koperti minn din il-fattura qiegħed isir fi ħdan l-ambitu u skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Impenn offrut minn [KUMPANIJA], u milqugħa mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ [DEĊIŻJONI 2007/424/KE]. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sћiћ u korrett.”


Top