Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0485

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 485/2007 tat- 30 ta’ April 2007 li jistipula l-għajnuna kompensatorja għal banana mkabbra u mqiegħda fis-suq fil-Komunità fl-2006

ĠU L 114, 1.5.2007, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/485/oj

1.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 114/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 485/2007

tat-30 ta’ April 2007

li jistipula l-għajnuna kompensatorja għal banana mkabbra u mqiegħda fis-suq fil-Komunità fl-2006

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 tat-13 ta' Frar 1993 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93, għajnuna kompensatorja lill-produtturi Komunitarji għal kwalunkwe telf ta' dħul hija kkalkulata fuq il-bażi tad-differenza bejn id-dħul ta' referenza b'rata uniformi u d-dħul medju mill-produzzjoni tal-banana mkabbra u mqiegħda fis-suq fil-Komunità matul is-sena kkonċernata.

(2)

Mill-1 ta' Jannar 2007, ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 m'għadux jipprovdi għall-iskema ta' għajnuna kompensatorja għal banana. Madankollu, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2013/2006, l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 għadu japplika għall-iskema ta' għajnuna kompensatorja tas-sena 2006.

(3)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1858/93 tad-9 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-iskema ta' għajnuna għall-kompens ta' telf ta' dħul mit-tqegħid fis-suq tas-settur tal-banana (2) jistipula d-dħul ta' referenza b'rata uniformi għal EUR 64,03 kull 100 kilogramma piż nett ta' banana ħadra fil-ħruġ mit-tinda ta' l-ippakkjar.

(4)

Fl-2006, id-dħul medju mill-produzzjoni, ikkalkulat fuq il-bażi tal-medja tal-prezzijiet tal-banana mqiegħda fis-swieq barra mir-reġjuni tat-tkabbir fl-istadju tal-kunsinja fl-ewwel port tal-ħatt (oġġetti mhux maħtuta), minn naħa, u l-prezzijiet tal-bejgħ fis-swieq lokali tal-banana mqiegħda fis-suq tar-reġjun tat-tkabbir, min-naħa l-oħra, u jitnaqqsu l-ammonti b'rata uniformi stipulata fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1858/93, kien inqas mid-dħul ta' referenza b'rata uniformi ffissat għas-sena 2006. L-għajnuna kompensatorja li għandha tingħata għas-sena 2006 għandha tiġi stabbilita skond dan.

(5)

Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93, għajnuna supplimentari tingħata f'reġjun tat-tkabbir jew aktar, meta d-dħul medju mit-tkabbir huwa ferm anqas mill-medja Komunitarja.

(6)

Id-dħul medju annwali mit-tkabbir u t-tqegħid fis-suq ta' banana mkabbra fil-Martinique, il-Gwadalupe u Kreta u l-Lakonja wera li huwa ferm iktar baxx mill-medja Komunitarja matul l-2006. B'riżultat ta' dan, għajnuna supplimentari għandha tingħata lir-reġjuni ta' tkabbir ta' Martinique, il-Gwadalupe u Kreta u l-Lakonja. Peress li d-dejta għall-2006 turi kundizzjonijiet diffiċli ta' tqegħid fis-suq, għandha tiġi stipulata għajnuna supplimentari li tkopri 75 % tad-differenza bejn id-dħul medju Komunitarju u d-dħul medju rreġistrat fil-bejgħ ta' prodotti f'dawk ir-reġjuni.

(7)

Billi mhux id-dejta kollha meħtieġa kienet disponibbli, s'issa għadu ma kienx possibbli li tiġi determinata l-għajnuna kompensatorja għas-sena 2006. Għandha tiddaħħal dispożizzjoni għall-bilanċ ta' l-għajnuna għall-2006 li jrid jitħallas fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-frott u l-ħaxix frisk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna kompensatorja prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 għal banana friska li taqa' taħt il-kodiċi NM ex 0803, eskluż il-banana pjantaġġini, imkabbra u mqiegħda fis-suq Komunitarju matul l-2006 għandha tkun EUR 18,56 kull 100 kilogramma.

2.   L-għajnuna stipulata fil-paragrafu 1 għandha tiżdied bi EUR 13,95 kull 100 kilogramma għall-banana mkabbra fil-Martinique, bi EUR 15,42 kull 100 kilogramma għall-banana mkabbra fil-Gwadalupe u bi EUR 3,58 kull 100 kilogramma għall-banana mkabbra fil-Kreta u l-Lakonja.

Artikolu 2

B'deroga għall-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1858/93, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iħallsu l-bilanċ ta' għajnuna kompensatorja dovuta għas-sena 2006 fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, wara l-verifiki previsti f'dak l-Artikolu 10.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 47, 25.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).

(2)  ĠU L 170, 13.7.1993, p.5. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).


Top