EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007G1204(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat- 15 ta' Novembru 2007 dwar Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda

ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 290/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

tat-15 ta' Novembru 2007

dwar “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda”

(2007/C 290/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

WAQT LI JFAKKAR b'mod partikolari:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona f'Marzu 2000 li nieda strateġija mmirata lejn it-tkabbir ekonomiku sostenibbli b'aktar impjiegi u impjiegi aħjar u koeżjoni soċjali akbar, b'miri ta' xogħol għal perijodu fit-tul.

(2)

Il-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2005-2008) (1), b'mod partikolari dawk li jindirizzaw il-ħtieġa biex jitjieb it-taqbil tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, biex jitwessa' u jitjieb l-investiment fil-kapital uman, biex jiġu adattati s-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta' kompetenzi ġodda, u biex jiġu żgurati riżorsi umani adatti għar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni.

(3)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill ta' l-14 u15 ta' Novembru 2005 dwar ir-rwol ta' l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi sabiex isir avvanz fil-miri ta' Lisbona (2).

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE) (3).

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni proposta li tistabbilixxi l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja li wasal biex ikun adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ħiliet fl-Elettronika għas-Seklu 21: trawwim tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi” tas-7 ta' Settembru 2007 (4).

KONXJU li:

(1)

L-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-kuntest ta' perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, huma mezz indispensabbli għall-promozzjoni ta' l-adattabbiltà u l-impjegabbiltà, iċ-ċittadinanza attiva, is-sodisfazzjon personali u professjonali. Huma jiffaċilitaw il-mobbiltà libera għaċ-ċittadini Ewropej u jikkontribwixxu għall-ksib ta' l-għanijiet u l-aspirazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, billi jfittex li jirrispondi għall-isfidi mpoġġijin mill-globalizzazzjoni u popolazzjoni li qed tikber fl-età. Huma għandhom jippermettu li ċ-ċittadini kollha jiksbu l-għarfien meħtieġ biex jieħdu sehem attiv fis-soċjetà ta' l-għarfien u fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi, il-kwalità ta' l-impjiegi, il-produttività tax-xogħol u l-koeżjoni soċjali jistgħu jinkisbu l-aħjar jekk jiġu riflessi fi prijoritajiet ċari: biex ikunu attratti u miżmumin aktar nies fl-impjiegi, biex jiżdied il-forniment tax-xogħol; biex titjieb l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-impriżi; u biex jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni aħjar, u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi.

JISĦAQ dwar il-ħtieġa:

(1)

Li ċ-ċittadini Ewropej kollha jiġu pprovduti b'opportunitajiet ġodda biex itejbu l-livelli ta' l-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi tagħhom, biex jadattaw għall-ħtiġiet ġodda u biex jgħaddu għal impjiegi ġodda u aħjar, billi jiġu kkumbinati l-istrumenti li diġà jeżistu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali.

(2)

Li jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet — u wkoll id-distakki bejn il-ħiliet — li qed joħorġu fis-swieq Ewropej tax-xogħol.

(3)

Li jittejjeb it-tqabbil ta' l-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi mal-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-ekonomija permezz ta' żieda fil-kompetittività u fit-tkabbir, kif ukoll għal koeżjoni soċjali akbar, fl-Ewropa.

GĦALHEKK JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX

(1)

Jattrezzaw lin-nies għal impjiegi ġodda fis-soċjetà ta' l-għarfien, b'mod partikolari permezz:

a.

taż-żieda fil-livelli ġenerali ta' ħiliet, bi prijorità lill-edukazzjoni u t-taħriġ ta' dawk b'ħiliet baxxi u persuni oħrajn li l-aktar huma f'riskju ta' esklużjoni ekonomika u soċjali inklużi dawk li jitilqu mill-iskola kmieni u żgħażagħ b'livelli baxxi ta' kisba edukattiva, ħaddiema kbar fl-età, dawk li ilhom qiegħda għal perijodu fit-tul, nisa li qed jippruvaw jirritornaw għas-suq tax-xogħol, il-migranti u l-persuni b'diżabbiltajiet;

b.

li jipprovdu u jinkoraġġixxu edukazzjoni u taħriġ inizjali u kontinwi għal ħiliet u kompetenzi ta' l-ogħla kwalità, anke eċċellenza, sabiex tinżamm u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni u l-utilizzazzjoni tar-riċerka, li hija meħtieġa għal kompetittività, tkabbir u numru ta' impjiegi akbar;

ċ.

il-promozzjoni ta' l-eċċellenza rigward il-ħiliet fir-R&Ż u l-innovazzjoni, permezz, fost oħrajn, ta' l-iżvilupp ta' gruppi ta' innovazzjoni, li jinvolvu intrapriżi kif ukoll istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ u dawk tar-riċerka u l-inizjattiva Euroskills 2008.

d.

l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimmiraw li jqabblu l-ħtiġijiet identifikati tal-ħiliet u jimlew id-distakki potenzjali;

e.

jappoġġaw lil dawk li qed ifittxu x-xogħol billi jipprovdulhom gwida vokazzjonali u pjan personali ta' taħriġ, li għandu jidentifika l-moduli ta' kompetenza meħtieġa biex jgħaddu għal impjiegi ġodda fejn ikun hemm distakki bejn il-ħiliet.

f.

jiddisseminaw informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kompetenzi meħtiġin għal impjiegi ġodda permezz ta' l-EURES, is-servizzi nazzjonali ta' impjieg u n-netwerks Ewropej dwar il-gwida.

(2)

Ikomplu l-ħidma dwar il-validazzjoni ta' riżultati tat-tagħlim u t-trasparenza tal-kwalifiki, b'mod partikolari billi:

a.

jiżviluppaw il-validazzjoni tar-riżultati tat-taħriġ permezz ta' tagħlim formali, mhux formali u informali fil-livell nazzjonali f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2004 (5), l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-sistemi Ewropej eżistenti jew futuri għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta' krediti fl-edukazzjoni ogħla u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

b.

ikomplu jiżviluppaw l-Europass bħala strument għall-implimentazzjoni tal-QEK u b'kont meħud tal-progress imwettaq fl-istabbiliment ta' sistemi nazzjonali għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

(3)

Jindirizzaw kwistjonijiet ta' finanzjament u ta' kwalità permezz ta':

a.

l-użu ta' fondi strutturali b'appoġġ għal din l-inizjattiva, kif ukoll il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u s-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku;

b.

it-titjib tal-kwalità u r-rilevanza ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli kollha permezz ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità mniżżlin f'għodod ta' referenza Ewropej u l-involviment ta' l-imsieħba soċjali;

GĦALHEKK JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(1)

Tanalizza, fil-kuntest tal-proċess ta' Kopenħagen u l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja, il-ħtieġa għal mekkaniżmi konsultattivi b'valur miżjud biex tissaħħaħ l-identifikazzjoni ta' tipi ġodda ta' impjiegi u ħtiġijiet tal-ħiliet fil-livell Ewropew, b'użu ta' attivitajiet u proġetti li jikkonċernaw ħiliet settorjali eżistenti taħt linji politiċi għat-tagħlim tul il-ħajja, għall-impriżi u d-djalogu soċjali. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jimmiraw li jiżviluppaw previżjoni regolari tal-ħtiġijiet tal-ħiliet għat-terminu medju u jidentifikaw nuqqasijiet fil-ħiliet għal terminu fil-qosor, definiti f'termini ta' funzjonijiet ta' l-impjiegi, livelli ta' referenza (QEK) u kompetenzi ewlenin.

Il-mekkaniżmi għandhom jibnu fuq:

kompetenzi minn, fost oħrajn, intrapriżi, istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ, servizzi ta' impjieg u riċerkaturi, u

previżjonijiet eżistenti tas-suq tax-xogħol u r-riżultati ta' strateġiji ta' ħiliet settorjali fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, kif ukoll ta' studji ewlenin imnedijin fuq ħtiġijiet ta' ħiliet futuri fil-livell nazzjonali u Ewropew.

(2)

Issaħħaħ in-netwerk Ewropew għall-identifikazzjoni u t-tbassir bikrin tal-ħtiġijiet tal-ħiliet (Skillsnet tas-Cedefop) u s-sistema Ewropea ta' previżjoni dwar ix-xejriet fl-impjiegi.

(3)

Tirrapporta dwar is-segwitu ta' din ir-Riżoluzzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali fil-qafas tal-Programm ta' Ħidma ta' Edukazzjoni u Taħriġ, b'kont meħud tar-rapporti nazzjonali biennali ta' l-Istati Membri.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE tat-12 ta' Lulju 2005 dwar linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2005/601/KE tat-12 ta' Lulju 2005 dwar il-linji gwida wiesa' għal-linji politiċi ekonomiċi ta' l-Istati Membri u l-Komunità (2005 sa 2008), ĠU L 205 tas-6.8.2005, p. 21.

(2)  ĠU C 292, 24.11.2005, p. 3.

(3)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(4)  COM(2007) 496 finali.

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar Prinċipji Komuni Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali (adottati fit-28 ta' Mejju 2004), dok. 9600/04


Top