EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0677

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/677/PESK tal- 15 ta' Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali

ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/10/2009; Imħassar b' 32009E0795

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/677/oj

23.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 279/21


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/677/PESK

tal-15 ta' Ottubru 2007

dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 25 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1706 (2006) dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) irriafferma t-tħassib tiegħu li l-vjolenza li għaddejja fid-Darfur tista’ taffettwa negattivament b’mod ulterjuri l-kumplament tas-Sudan kif ukoll ir-reġjun, partikolarment iċ-Ċad u r-Repubblika Afrikana Ċentrali, u enfasizza li l-aspetti tas-sigurtà reġjonali għandhom jiġu indirizzati biex tinkiseb paċi dejjiema fid-Darfur. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1769 (2007), li awtorizzat l-istabbiliment ta’ Operazzjoni ibrida ta’ l-Unjoni Afrikana/in-Nazzjonijiet Uniti (UA/NU) fid-Darfur (UNAMID), il-UNSC esprima li huwa lest li jappoġġa proposti mis-Segretarju Ġenerali tan-NU relatati ma’ preżenza multidimensjonali possibbli tan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali tal-Grigal bil-ħsieb li tiġi mtejba s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili f’dawn ir-reġjuni.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill tenna l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġa l-isforzi ta’ l-UA u n-NU għar-riżoluzzjoni tal-konflitt fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan kemm fir-rigward tal-proċess politiku li jimmira biex jintlaħaq ftehim komprensiv u sostenibbli bejn il-partijiet ikkonċernati fil-konflitt kif ukoll fir-rigward ta’ l-isforzi ta’ l-UA/NU għaż-żamma tal-paċi permezz ta’ l-iskjerament ta’ l-Operazzjoni ibrida ta’ l-UA/NU fid-Darfur. Huwa ssottolinja l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li għaddejjin biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet umanitarji fid-Darfur u li huwa lest li jikkunsidra miżuri ulterjuri, notevolment fil-qafas tan-NU, biex jiġu żgurati t-twassil ta’ assistenza umanitarja u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili.

(3)

Il-Kunsill kompla jenfasizza d-dimensjoni reġjonali tal-kriżi tad-Darfur u l-ħtieġa urġenti biex jiġi indirizzat l-impatt distabbilizzanti tal-kriżi fuq is-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà f’pajjiżi ġirien, u tenna l-appoġġ tiegħu għall-iskjerament tal-preżenza multidimensjonali tan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali tal-Grigal u indika li huwa lest jikkunsidra operazzjoni militari li tgħaqqad ta’ l-UE b’appoġġ għal tali preżenza multidimensjonali tan-NU bil-ħsieb li tiġi mtejba s-sigurtà f’dawk iż-żoni.

(4)

Fir-rapport tiegħu ta’ l-10 ta’ Awwissu 2007, is-Segretarju Ġenerali tan-NU ppropona l-iskjerament ta’ preżenza multidimensjonali, inkluż komponent militari ta’ l-UE, fiċ-Ċad tal-Lvant u r-Repubblika Afrikana Ċentrali tal-Grigal inter alia mmirata lejn it-titjib tas-sigurtà tar-rifuġjati u l-persuni spostati internament, permezz tal-faċilitazzjoni tal-kunsinna ta’ assistenza umanitarja u l-ħolqien ta’ kondizzjonijiet favorevoli għar-rikostruzzjoni u sforzi ta’ żvilupp f’dawn ir-reġjuni.

(5)

Fis-27 ta’ Awwissu 2007, il-President ta’ l-UNSC għamel dikjarazzjoni f’isem il-Kunsill tas-Sigurtà, fejn laqa’ l-proposti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar preżenza multidimensjonali fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali, inkluża l-possibbiltà ta’ skjerament militari ta’ l-UE.

(6)

Fit-12 ta’ Settembru 2007, il-Kunsill approva kunċett ġenerali għal operazzjoni militari possibbli ta’ l-UE fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali.

(7)

Is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) informa lis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill f’ittra fis-17 ta’ Settembru 2007.

(8)

L-awtoritajiet taċ-Ċad u tar-Repubblika Afrikana Ċentrali laqgħu preżenza militari possibbli ta’ l-UE fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1778 (2007) tal-25 ta’ Settembru 2007 approvat l-istabbiliment ta’ Missjoni tan-NU fir-Repubblika Afrikana Ċentrali u ċ-Ċad (MINURCAT) u awtorizzat lill-UE biex tiskjera forzi f’dawn il-pajjiżi għal perijodu ta’ 12-il xahar mid-dikjarazzjoni ta’ Kapaċità Operattiva Inizjali. Barra minn hekk ipprovdiet għal evalwazzjoni tal-ħtiġiet fi żmien 6 xhur minn dik id-data mill-UE u n-NU bil-ħsieb ta’ arranġamenti ta’ segwitu, inkluża operazzjoni possibbli tan-NU.

(10)

Skond l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/108/PESK (1), l-objettivi tal-politika għall-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan jieħdu kont dovut tar-ramifikazzjonijiet reġjonali tal-konflitt fid-Darfur għar-Repubblika taċ-Ċad u r-Repubblika Afrikana Ċentrali. Ir-RSUE għas-Sudan għandu għalhekk jingħata mandat biex jipprovdi gwida politika għall-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE inter alia sabiex tiġi żgurata koerenza globali ma’ l-azzjonijiet ta’ l-UE għas-Sudan/Darfur.

(11)

Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita kontroll politiku ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali, jipprovdilha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 25 tat-Trattat UE.

(12)

Skond l-Artikolu 28(3) tat-Trattat UE, in-nefqa operattiva li tirriżulta minn din l-Azzjoni Konġunta, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/384/PESK ta’ l-14 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex tamministra l-finanzjament ta’ l-ispejjeż komuni ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ATHENA”).

(13)

L-Artikolu 14(1) tat-Trattat UE jsejjaħ għall-indikazzjoni f’Azzjonijiet Konġunti tal-mezzi li għandhom isiru disponibbli għall-Unjoni Ewropea. L-ammont finanzjarju ta’ referenza għal perijodu ta’ 12-il xahar għall-ispejjeż komuni ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u huwa mingħajr preġudizzju għall-figuri finali li għandhom jiġu inklużi f’baġit li għandu jiġi approvat skond ir-regoli stabbiliti f’ATHENA.

(14)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u għalhekk ma tipparteċipax fil-finanzjament ta’ l-operazzjoni,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea għandha tmexxi operazzjoni militari li tgħaqqad fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali, imsemmija EUFOR Tchad/RCA, skond il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1778 (2007).

2.   Il-forzi skjerati għal dak il-għan għandhom joperaw skond l-objettivi politiċi u strateġiċi approvati mill-Kunsill fit-12 ta’ Settembru 2007.

Artikolu 2

Ħatra ta’ Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE

Il-Logutenent Ġeneral Patrick NASH huwa b’dan maħtur Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE.

Artikolu 3

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE

Il-Kwartieri Ġenerali ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għandhom ikunu f’Mont Valérien.

Artikolu 4

Ħatra tal-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE

Il-Brigadier Ġeneral Jean-Philippe GANASCIA huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Forza ta’ l-UE.

Artikolu 5

Ippjanar u tnedija ta’ l-operazzjoni

Id-Deċiżjoni dwar it-tnedija ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ l-Operazzjoni u r-Regoli ta’ l-Ingaġġ.

Artikolu 6

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat ta’ l-UE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti ta’ l-ippjanar, inkluż il-Pjan ta’ l-Operazzjoni, il-Linja ta’ Kmand u r-Regoli ta’ l-Ingaġġ. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-ħatra tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE u/jew il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-terminazzjoni ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE għandhom jibqgħu tal-Kunsill, assistit mis-SĠ/RGħ.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi rapporti mill-President tal-Kumitat Militari ta’ l-Unjoni Ewropea (CEUMC) rigward it-tmexxija ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE, f’intervalli regolari. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE u/jew il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

Artikolu 7

Direzzjoni militari

1.   Il-Kumitat Militari ta’ l-UE (EUMC) għandu jimmonitorja l-eżekuzzjoni tajba ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-EU mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE.

2.   L-EUMC għandu jirċievi rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE f’intervalli regolari. Huwa jista’ jistieden lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE għal-laqgħat tiegħu kif meħtieġ.

3.   Is-CEUMC għandu jaġixxi bħala l-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE.

Artikolu 8

Koerenza tar-rispons ta’ l-UE

1.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ, ir-RSUE, il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE u l-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE rispettivament għandhom jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib ta’ l-attivitajiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-katina ta’ kmand, il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE għandu jikkonsulta u jieħu kont tal-gwida politika mir-RSUE b’mod partikolari dwar kwistjonijiet b’dimensjoni politika reġjonali ħlief meta d-deċiżjonijiet ikollhom jittieħdu urġentement jew meta s-sigurtà operazzjonali tkun importanti ħafna.

Artikolu 9

Relazzjonijiet man-Nazzjonijiet Uniti, mar-Repubblika taċ-Ċad, mar-Repubblika Afrikana Ċentrali u ma’ atturi oħrajn

1.   Is-SĠ/RGħ, assistit mir-RSUE, għandu, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt primarju man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet taċ-Ċad, l-awtoritajiet tar-Repubblika Afrikana Ċentrali u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll ma’ atturi rilevanti oħrajn.

2.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għandu, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-SĠ/RGħ, iżomm kuntatti ta’ komunikazzjoni mad-Dipartiment ta’ l-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi (DPKO) fin-Nazzjonijiet Uniti dwar kwistjonijiet rilevanti għall-missjoni tiegħu.

3.   Il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE għandu jżomm kuntatti mill-qrib mal-MINURCAT u ma’ l-awtoritajiet lokali, kif ukoll ma’ atturi internazzjonali oħrajn, dwar kwistjonijiet rilevanti għall-missjoni tiegħu, kif xieraq.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ ATHENA, is-SĠ/RGħ u l-Kmandanti ta’ l-UE għandhom jidħlu fl-arranġamenti neċessarji man-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-modalitajiet għal assistenza u kooperazzjoni reċiproċi.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-qafas istituzzjonali uniku, u skond il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden Stati terzi biex joffru kontribut u biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE u l-EUMC, id-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

3.   Il-modalitajiet dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim li jiġu konklużi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat ta’ l-UE. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali ftehim f’isimha. Fejn l-UE u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar fl-operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

4.   Stati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-operazzjoni militari ta’ l-UE għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum ta’ l-operazzjoni bħall-Istati Membri ta’ l-UE li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 11

Azzjoni Komunitarja

1.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu, konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3 tat-Trattat UE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għal dan l-għan.

2.   L-arranġamenti għall-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali għandhom jiġu stabbiliti kif xieraq fil-post kif ukoll fi Brussell.

Artikolu 12

Status tal-forzi mmexxija mill-UE

L-istatus tal-forzi mmexxija mill-UE u tal-persunal tagħhom, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, għandhom jiġu miftiehma skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat UE. Is-SĠ/RGħ, li għandu jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha.

Artikolu 13

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE għandhom jiġu amministrati minn ATHENA.

2.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-ispejjeż komuni ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE għandu jkun ta’ EUR 99 200 000. Il-perċentwali ta’ l-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 33(3) ta’ ATHENA għandu jkun 50 %.

Artikolu 14

Rilaxx ta’ informazzjoni lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħrajn

1.   Is-SĠ/RGħ huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet terzi oħrajn, assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni klassifikata ta’ l-UE u dokumenti ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE sal-livell ta’ klassifikazzjoni rilevanti rispettivament għal kull wieħed minnhom u skond ir-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-SĠ/RGħ huwa b’dan awtorizzat sabiex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħrajn, assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti ta’ l-UE mhux klassifikati relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-operazzjoni, koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

2.   L-operazzjoni militari ta’ l-UE għandha tintemm mhux iktar tard minn 12-il xahar wara li tkun laħqet il-Kapaċità Operattiva Inizjali. Il-forza ta’ l-UE għandha tibda l-irkupru fi tmiem l-operazzjoni militari ta’ l-UE. Matul il-perijodu ta’ rkupru, il-forza ta’ l-UE tista’ tkompli twettaq il-kompiti fdati lilha skond l-UNSCR 1778 (2007), fil-limiti tal-kapaċitajiet residwali tagħha; b’mod partikolari, il-katina ta’ kmand għall-operazzjoni militari tan-NU għandha tkompli tapplika.

3.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi revokata wara l-irkupru tal-forza ta’ l-UE, skond l-ippjanar approvat tat-terminazzjoni ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-UE, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ ATHENA.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 15 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 46, 16.2.2007, p. 63.

(2)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 14.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta’ Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22). Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/34/KE, Euratom (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 32).


Top