EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0607

2007/607/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 10 ta’ Settembru 2007 li tawtorizza s-Slovenja testendi b'sentejn il-possibilità ta' deroga mill-qawwa alkoħolika naturali minima bil-volum stabbilita għaż-żona C II, għall-inbejjed tar-reġjun ta' Primorska inklużi l-inbejjed ta' kwalità prodotti fir-reġjuni speċifiċi Teran PTP Kras (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4085)

ĠU L 241, 14.9.2007, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/607/oj

14.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 241/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-10 ta’ Settembru 2007

li tawtorizza s-Slovenja testendi b'sentejn il-possibilità ta' deroga mill-qawwa alkoħolika naturali minima bil-volum stabbilita għaż-żona C II, għall-inbejjed tar-reġjun ta' Primorska inklużi l-inbejjed ta' kwalità prodotti fir-reġjuni speċifiċi Teran PTP Kras

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4085)

(It-test bis-Sloven biss huwa awtentiku)

(2007/607/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u b'mod partikolari l-Anness XIII, Kapitolu 5, Taqsima A, paragrafu 2(c) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness V, punt C.2(e) u l-Anness VI, punt E.3(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1) jistabbilixxu l-limiti minimi tal-qawwa alkoħolika naturali minima bil-volum ta' l-inbejjed tal-mejda u ta' l-inbejjed ta' kwalità psr (inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjuni speċifikati) għaż-żona tat-tkabbir tad-dwieli C II li tista' tkun suġġetta għal arrikkiment.

(2)

B'deroga għal dawn il-limiti, l-Anness XIII tal-Kapitolu 5.A ta' l-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja jipprevedi li għall-inbejjed tal-mejda u l-inbejjed ta' kwalità psr li ġejjin miż-żona tat-tkabbir tad-dwieli ta' Primorska taż-żona C II tas-Slovenja, jista' jiġi dderogat għal dan il-limitu minimu għat-tliet snin ta' l-inbid 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 mingħajr ma jinqabeż il-limitu minimu tal-qawwa alkoħolika naturali minima bil-volum stabbilit għaż-żona tat-tkabbir tad-dwieli C I(a). Huwa previst li, wara dawn it-tliet snin, is-Slovenja tħejji rapport dwar il-qawwiet alkoħoliċi naturali minimi bil-volum ta' l-għeneb eżaminat għat-tliet snin ikkonċernati.

(3)

Fl-24 ta' April 2007, is-Slovenja kkomunikat rapport dettaljat dwar il-qawwa alkoħolika naturali minima bil-volum ta' l-għeneb maħsud fiż-żona ta' Primorska inkluż l-inbid ta' kwalità psr Teran PTP Kras. Madankollu, billi t-tliet snin li matulhom twettqu dawn il-miżuri kienu kkaratterizzati minn kundizzjonijiet klimatiċi estremament u anormalment favorevoli, l-awtoritajiet Sloveni qiesu li l-valuri eżaminati mhumiex rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali ta' dan ir-reġjun u ma jistgħux iwasslu għal konklużjonijiet definittivi biex jiġi stabbilit il-valur normali tal-qawwa alkoħolika naturali bil-volum għal dan ir-reġjun, u talbu estensjoni tal-perjodu ta' deroga għal-limitu massimu tal-qawwa alkoħolika naturali bil-volum ta' l-għeneb.

(4)

Skond il-kundizzjonijiet previsti minn din id-deroga, jeħtieġ għaldaqstant li l-perjodu ta' deroga jiġi estiż għal sentejn qabel ma jista' jiġi rispettat il-limitu minimu tal-qawwa alkoħolika naturali bil-volum tal-most għall-inbejjed tal-mejda u l-inbejjed ta' kwalità psr taż-żona ta' Primorska inklużi l-inbid ta' kwalità psr Teran PTP Kras, jiġifieri li d-deroga tiġi estiża għas-snin ta' l-inbid 2007/2008 u 2008/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt C 2(e) ta' l-Anness V u l-punt E 3(e) ta' l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, tista' tiġi dderogata l-qawwa alkoħolika naturali minima bil-volum definita għaż-żona C II għall-inbejjed tal-mejda u l-inbejjed ta' kwalità psr matul is-sentejn ta' l-inbid konsekuttivi 2007-2008 u 2008-2009 fir-reġjun ta' Primorska tas-Slovenja, meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jew il-kundizzjonijiet tat-tkabbir huma eċċezzjonalment sfavorevoli u għalhekk huwa impossibbli li tintlaħaq il-qawwa alkoħolika naturali minima meħtieġa għaż-żona C II.

Madankollu, il-qawwa alkoħolika naturali minima ma tistax tkun anqas minn dik stabbilita għall-inbejjed tal-mejda u l-inbejjed ta' kwalità psr taż-żona C I(a).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


Top