Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0563

    2007/563/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 1 ta’ Awwissu 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE dwar kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw ċerti prodotti ta’ l-ikel impurtati minn ċerti pajjiżi terżi minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni ta’ dawn il-prodotti minn aflatossini fir-rigward ta’ lewż u prodotti li ġejjin minnhom li joriġinaw jew jintbagħtu mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3613) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 215, 18.8.2007, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R1152

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/563/oj

    18.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 215/18


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-1 ta’ Awwissu 2007

    li temenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE dwar kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw ċerti prodotti ta’ l-ikel impurtati minn ċerti pajjiżi terżi minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni ta’ dawn il-prodotti minn aflatossini fir-rigward ta’ lewż u prodotti li ġejjin minnhom li joriġinaw jew jintbagħtu mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3613)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2007/563/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/504/KE (2) li tistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw ċerti oġġetti ta’ l-ikel impurtati minn ċerti pajjiżi terzi minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni ta’ dawn il-prodotti minn aflatossini.

    (2)

    Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel innota li l-aflatossina B1 hija sustanza karċinoġena ġenotossika qawwija u, anke f’livell baxxi ħafna, tikkontribwixxi għar-risku tal-kanċer tal-fwied. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fi prodotti ta’ l-ikel (3), jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ aflatossini fil-prodotti ta’ l-ikel. Madankollu, fl-2005 u l-2006 numru dejjem akbar ta’ avviżi permezz tas-Sistema Rapida ta’ Twissija għall-Għalf u l-Ikel (RASFF) indikaw li dawn il-livelli massimi nqabżu b’mod regolari fil-lewż u fi prodotti derivati minnu li jiġu mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    (3)

    Din il-kontaminazzjoni hija ta’ theddida għas-saħħa pubblika fil-Komunità. Għalhekk jixraq li jiġu adottati miżuri speċjali fil-livell Komunitarju.

    (4)

    L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (‘FOV’) tal-Kummissjoni wettaq missjoni fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika mill-11 sal-15 ta’ Settembru 2006 sabiex jivvaluta s-sistemi ta’ kontroll stabbiliti biex b’hekk jimpedixxi l-livelli ta’ kontaminazzjoni ta’ l-aflatossina fil-lewż intiż għall-esportazzjoni lejn il-Komunità (4). Il-missjoni wriet in-nuqqas ta’ kull rekwiżit legali obbligatorju sabiex jiġu kkontrollati l-livelli ta’ aflatossina fil-produzzjoni u l-ipproċessar tal-lewż u l-insuffiċjenza tas-sistema ta’ kontroll attwali fl-għoti ta’ garanziji dwar il-konformità tal-prodotti esportati ma’ standards Komunitarji. B’żieda ma’ dan, uriet l-insuffiċjenza tal-laboratorji li nżaru fl-għoti ta’ kwalunkwe garanzija għall-esportazzjonijiet u wriet ukoll nuqqasijiet fil-konformità ma’ kważi kull aspett ta’ l-EN ISO/IEC 17025 dwar “Ir-rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza għal-laboratorji ta’ ttestjar u ta’ kalibrar”.

    (5)

    Fi tweġiba għar-rapport ta’ l-FVO, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Madankollu, l-azzjoni proposta hija insuffiċjenti fl-għoti ta’ garanziji għall-konformità ta’ merkanziji futuri ta’ lewż mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-aflatossini, b’mod partikolari minħabba n-natura volontarja tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-aflatossina. Għalhekk jixraq li jkun hemm kundizzjonijiet stretti dwar il-lewż u prodotti derivati minnu li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika sabiex jinħoloq livell għoli ta’ ħarsien għas-saħħa pubblika.

    (6)

    Fl-interess tas-saħħa pubblika, il-kunsinni kollha ta’ lewż u prodotti derivati minnu impurtati fil-Komunità mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom jiġu suġġetti għal teħid ta’ kampjuni u analiżi għal livelli ta’ aflatossina mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru importatur, qabel ma dawn jitpoġġew fis-suq, sakemm dawn ma jkunux koperti mill-Pjan ta’ Teħid ta’ Kampjuni Volontarju ta’ l-Aflatossina (VASP) imfassal mill-Bord għal-Lewż ta’ Kalifornja f’Mejju 2006. Il-kunsinni koperti mill-VASP għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa u għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli għall-għarrieda fil-punt ta’ l-importazzjoni fil-Komunità. Il-miżuri se jiġu rriveduti wara sena fuq il-bażi tar-rapporti mill-Istati Membri u garanziji addizzjonali pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 2006/504/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/504/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1:

    (a)

    L-ewwel paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti ta’ l-ikel imsemmija fil-punti (a) sa (g) u għall-prodotti ta’ l-ikel ipproċessati u komposti derivati minn jew li fihom ammont sinifikanti mill-prodotti ta’ l-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (g). Madankollu, ma għandhiex tapplika għal kunsinni ta’ prodotti ta’ l-ikel b’piż gross ta’ mhux aktar minn 5 kg.”

    (b)

    Fit-tieni paragrafu:

    L-ewwel sentenza hija mibdula b’dan li ġej:

    “Il-prodotti ta’ l-ikel għandhom jitqiesu li fihom ammont sinifikanti mill-prodotti ta’ l-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (g), fejn ikunu preżenti fihom fi kwantità ta’ mill-inqas 10 %:”

    Jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:

    “(f)

    Il-prodotti ta’ l-ikel li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, koperti mill-Pjan ta’ Teħid ta’ Kampjuni Volontarju ta’ l-Aflatossina stabbilit mill-Bord għal-Lewż ta’ Kalifornja f’Mejju 2006 (‘il-Pjan ta’ Teħid ta’ Kampjuni Volontarju’):

    (i)

    lewż bil-qoxra jew mingħajr qoxra li jaqa’ fi ħdan il-Kodiċi NM 0802 11 jew 0802 12;

    (ii)

    lewż mixwi li jaqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM 2008 19 13 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ aktar minn 1 kg) u 2008 19 93 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ mhux aktar minn 1 kg);

    (iii)

    taħlitiet ta’ ġewż jew frott niexef li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 0813 50 u li fihom il-lewż;

    (g)

    Il-prodotti ta’ l-ikel li ġejjin impurtati mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, li mhumiex koperti mill-Pjan ta’ Teħid ta’ Kampjuni Volontarju ta’ l-Aflatossina:

    (i)

    lewż bil-qoxra jew mingħajr qoxra li jaqa’ fi ħdan il-Kodiċi NM 0802 11 jew 0802 12;

    (ii)

    lewż mixwi li jaqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM 2008 19 13 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ aktar minn 1 kg) u 2008 19 93 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ mhux aktar minn 1 kg);

    (iii)

    taħlitiet ta’ ġewż jew frott niexef li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 0813 50 u li fihom il-lewż.”

    (2)

    Fl-Artikolu 3:

    (a)

    Fl-ewwel paragrafu, jiżdied il-punt (f) li ġej:

    “(f)

    id-Dipartiment għall-Agrikultura ta’ l-Istati Uniti (USDA) għall-prodotti ta’ l-ikel mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.”

    (b)

    Il-paragrafu 8 li ġej huwa miżjud:

    “8.   B’deroga mill-paragrafi 1 sa 6, kunsinni ta’ prodotti ta’ l-ikel imsemmija fil-punt (g) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 jistgħu jiġu impurtati fil-Komunità mingħajr ma jkunu akkumpanjati mir-riżultati ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi u minn ċertifikat tas-saħħa.”

    (3)

    Fl-Artikolu 5, paragrafu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin (f) u (g):

    “(f)

    madwar 5 % tal-kunsinni ta’ prodotti ta’ l-ikel mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, imsemmija fil-punt (f) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1;

    (g)

    kull kunsinna ta’ prodotti ta’ l-ikel mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, imsemmija fil-punt (g) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1.”

    (4)

    Se jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

    “Artikolu 7a

    Kundizzjonijiet addizzjonali fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ l-ikel mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika

    1.   Fir-rigward ta’ importazzjonijiet mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-analiżi stipulata fl-Artikolu 3(1) għandha titwettaq minn laboratorju għall-analiżi ta’ l-aflatossina approvat mill-USDA jew laboratorju li jkun taħt il-proċess ta’ approvazzjoni USDA, li jkun ġie akkreditat skond l-EN ISO/IEC 17025.

    Madankollu, fejn il-laboratorju jkun għadu ma ġiex akkreditat, dan għandu:

    (a)

    ikun beda u jkun qed ifittex li jikseb il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni meħtieġa; kif ukoll

    (b)

    jipprovdi garanziji suffiċjenti li jeżistu skemi ta’ kontroll ta’ kwalità stabbiliti għall-analiżi ta’ l-aflotossina.

    2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fl-Artikolu 3(1) li jintbagħat mal-kunsinni ta’ prodotti ta’ l-ikel imsemmija fil-punt (f) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 għandu jagħmel referenza għall-Pjan ta’ Teħid ta’ Kampjuni Volontarju ta’ l-Aflatossina.”

    (5)

    L-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Spejjeż marbuta ma’ importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ l-ikel mill-Brażil, l-Iran u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika

    1.   L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mit-teħid ta’ kampjuni, l-analiżi, il-ħżin u l-ħruġ ta’ dokumenti uffiċjali u ta’ kopji taċ-ċertifikati tas-saħħa u dokumenti anċillari skond l-Artikoli 3(1) u 5(3) għall-prodotti ta’ l-ikel mill-Brażil, l-Iran u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika kif imsemmi fil-punti (a), (d) u (g) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1, u dawk li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti ta’ l-ikel ipproċessati u komposti li ġejjin minn jew li fihom il-prodotti ta’ l-ikel imsemmija f’dawk il-punti għandhom jitħallsu mill-operatur kummerċjali ta’ l-ikel responsabbli għall-kunsinna jew minn rappreżentant tiegħu.

    2.   L-ispejjeż kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri uffiċjali meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ kunsinni ta’ prodotti ta’ l-ikel imsemmija fil-punti (a) sa (g) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 u mal-prodotti ta’ l-ikel ipproċessati u komposti li ġejjin minn jew li fihom l-oġġetti ta’ l-ikel imsemmija f’dawn il-punti għandhom jitħallsu mill-operatur kummerċjali ta’ l-ikel responsabbli għall-kunsinna jew minn rappreżentant tiegħu.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Settembru 2007.

    Din id-Deċiżjoni mhix applikabbli għal kunsinni ta’ lewż u prodotti derivati li telqu mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika qabel l-1 ta’ Settembru 2007.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Awwissu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

    (2)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 21. Id-Deċiżjoni hekk emendata bid-Deċiżjoni 2007/459/KE (ĠU L 174, 4.7.2007, p. 8).

    (3)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

    (4)  Rapport ta’ missjoni mwettqa fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika mill-11 ta’ Settembru sal-15 ta’ Settembru 2006 sabiex jiġu vvalutati s-sistemi ta' kontroll stabbiliti biex b'hekk tiġi kkontrollata l-kontaminazzjoni mill-aflatossina fil-lewż intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea (DĠ (SANCO)/8300/2006 - MR).


    Top