Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0424

    2007/424/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Ġunju 2007 li taċċetta l-impenji offruti in konnessjoni mal-proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja.

    ĠU L 159, 20.6.2007, p. 42–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/09/2009; Imħassar b' 32009D0708

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/424/oj

    20.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 159/42


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta’ Ġunju 2007

    li taċċetta l-impenji offruti in konnessjoni mal-proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja.

    (2007/424/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    (1)

    Bir-Regolament (KE) Nru 1888/2006 (2), il-Kummissjoni imponiet dazji proviżorji ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja.

    (2)

    Wara l-adozzjoni tal-miżuri proviżorji ta’ anti-dumping, il-Kummissjoni kompliet l-investigazjzoni dwar dumping, ħsara, kawża u l-interess Komunitarju. Ir-riżultati definittivi u l-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni huma ppreżentati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 tal-Kunsill (3) li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja.

    (3)

    L-investigazzjoni kkonfermat ir-riżultati proviżorji ta’ dumping li jagħmel il-ħsara relatat ma’ importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja.

    B.   IMPENN

    (4)

    Wara l-adozzjoni tal-miżuri proviżorji dwar l-anti-dumping, żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw fit-Tajlandja offrew impenn ta’ prezzijiet skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

    (5)

    F’dawn l-impenji, il-produtturi esportaturi offrew li jbigħu għadd limitat ta’ tipi tal-prodott ikkonċernat, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 682/2007, fil-limitu kwantitattiv massimu daqs jew ogħla mil-livelli tal-prezzijiet li jeliminaw l-effetti inġurjużi tad-dumping. In-numru ta’ tipi ta’ prodott koperti mill-impenji hu limitat għal dawk li kienu esportati minn kull produttur esportatur ikkonċernat fi kwantitajiet rappreżentattivi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kien offrut prezz minimu differenti ta’ importazzjoni għal kull tip ta’ prodott kopert mill-impenn billi kien hemm varjazzjoni sinifikattiva fil-prezz fost it-tipi differenti ta’ prodotti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (6)

    Il-produtturi esportaturi offrew esportazzjoni limitati lill-Komunità skond l-impenji fuq ċertu limitu kwantitattiv ġaladarba matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mhux biss bigħu l-prodott konċernat prodott minnhom iżda wkoll il-prodott konċernat prodott minn produtturi oħrajn. Il-limitu kwanitattiv għal kull produttur esportatur kien stabbilit fuq livell li jikkorrispondi għall-kwantità esportata lejn il-Komunità tal-prodott proprju maħdum ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat barra mil-limitu kwantitattiv jew barra mill-ambitu ta’ l-impenji se jkunu soġġetti għal dazju applikabbli dwar l-anti-dumping.

    (7)

    Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi offrew li ma jbigħux il-prodott kopert mill-impenn lill-istess klijenti fil-Komunità Ewropea li lilhom ibigħu prodotti oħra biex inaqqsu r-riskju tal-ksur tal-prezz permezz ta’ kumpens trasversali tal-prezzijiet.

    (8)

    Il-produtturi esportaturi se jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni tagħrif regolari u dettaljat dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità, li jfisser li l-impenji jistgħu jiġu ssorveljati b’mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ bejgħ ta’ dawn il-kumpaniji hija tali li l-Kummissjoni tqis li r-riskju li l-impenn miftiehem ma jiġix irrispettat huwa limitat.

    (9)

    Wara l-iżvelar ta’ l-impenji offruti, l-industrija fil-Komunità li għamlet l-ilment oġġezzjonat għal dawn l-impenji offruti. L-industrija fil-Komunità argumentat li l-prezzijiet tal-prodott konċernat huma volatili u għalhekk il-prodott konċernat mhux xieraq għall-impenji. Barra minn hekk, l-industrija fil-Komunità argumentat li minħabba li l-produtturi esportaturi bigħu prodotti oħra mal-prodott kopert mill-impenn lill-istess klijenti fil-Komunità Ewropea hemm riskju għoli ta’ kumpens trasversali, jiġifieri l-prodotti mhux koperti mill-impenn jistgħu jinbigħu bi prezzijiet artifiċjalment baxxi sabiex jikkumpensaw il-prezzijiet minimi għall-prodotti koperti mill-impenn. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Industrija fil-Komunità kkonkludiet li l-impenji mhux se jkunu miżura xierqa f’dan il-każ.

    (10)

    Għandu jkun innutat li l-informazzjoni dwar il-volatilità tal-prezz mill-industrija tal-Komunità ma kinetx konklussiva. Tabilħaqq, il-prezzijiet medji prattikati fil-Komunità mill-produtturi ta’ l-industrija tal-Komunità baqgħu relattivament baxxi matul il-perjodu meqjus ta’ l-investigazzjoni prezenti dwar l-anti-dumping. Minkejja li l-industrija tal-Komunità stqarret li l-prezzijiet f’xi Stati Membri kienu aktar volatili minn fi Stati oħrajn, kien rikonoxxut li dawn il-figuri kienu influwenzati b’mod sinifikattiv mill-prezzijiet dumped ta’ l-esportaturi Tajlandiżi. F’dan ir-rigward, għandu jkun innutat, kif indikat fil-premessa (5), li l-prezzijiet minimi ta’ importazzjoni offruti u d-dazji ta’ anti-dumping applikabbli wara l-limitu kwantitattiv jew barra mill-ambitu ta’ l-impenji jeliminaw l-effett ta’ ħsara tad-dumping u attwalment jistgħu jintroduċu element ta’ stabbilità fis-suq.

    (11)

    Fir-rigward tar-riskju ta’ kumpens trasversali, kif indikat fil-premessa (7), l-impenji fihom dispożizzjoni li skondtha l-produtturi esportaturi offrew li ma jbigħux prodotti oħra lill-istess klijent fil-Komunità Ewropea, li lilu l-prodott kopert mill-impenn jinbiegħ. Għalhekk, l-impenji offruti jillimitaw dan ir-riskju b’mod suffiċjenti.

    (12)

    In vista ta’ dan hawn fuq, l-impenji offruti mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi huma aċċettabbli.

    (13)

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-produtturi esportaturi ma’ l-impenji, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa skond l-impenn titressaq quddiem l-awtorità tad-dwana rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju ta’ anti-dumping ser tkun bil-kundizzjoni li (i) il-preżentazzjoni tal-fattura ta’ l-impenn jkun fiha għall-inqas dawk l-elementi ta’ tagħrif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 682/2007; (ii) il-fatt li l-prodotti importati jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b’fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ impenn. Meta ma tkunx preżentata din il-fattura, jew meta din ma tikkorrispondix mal-prodott ippreżentat lid-dwana, ir-rata xierqa tad-dazju ta’ anti-dumping għandha titħallas minflok.

    (14)

    Biex jiġi żgurat iżjed ir-rispett effettiv ta’ l-impenji, l-importaturi ġew mgħarrfa mir-Regolament imsemmi hawn fuq, li jekk ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-Regolament jew il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni ta’ l-impenji, dan jista’ jwassal biex jinħoloq dejn doganali għat-tranżazzjonijiet rilevanti.

    (15)

    Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ l-impenji, jew fil-każ ta’ rtirar ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju ta’ l-anti-dumping impost skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku għandu japplika awtomatikament skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-impenji offruti mill-produtturi esportaturi imsemmija hawn taħt, in konnessjoni mal-proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja huma hawnhekk aċċettati.

    Il-pajjiż

    Il-kumpanija

    Kodiċi Addizzjonali Taric

    It-Tajlandja

    Malee Sampran Public Co, Ltd, Abico Bldg 401/1 Phaholyothin Rd, Lumlookka,

    Pathumthani 12130

    A790

    Sun Sweet Co, Ltd, 9 M 1, Sanpatong, Chiangmai, 50120

    A792

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1, Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 68.

    (3)  Ara paġna 14 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top