Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0386

    2007/386/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ġunju 2007 li tiddetermina l-kwantitajiet tal-bromur tal-metil li huma permessi għal użu kritiku fil-Komunità mill- 1 ta’ Ġunju sal- 31 ta’ Diċembru 2007 skond ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta’ l-Ożonu (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2295)

    ĠU L 143, 6.6.2007, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/386/oj

    6.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 143/27


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta’ Ġunju 2007

    li tiddetermina l-kwantitajiet tal-bromur tal-metil li huma permessi għal użu kritiku fil-Komunità mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru 2007 skond ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta’ l-Ożonu

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2295)

    (It-testi Olandiżi, Franċiżi, Taljani, Pollakki u Spanjoli biss huma awtentiċi)

    (2007/386/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta’ l-Ożonu (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(ii) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikoli 3(2)(i)(d) u 4(2)(i)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 jipprojbixxu l-produzzjoni, l-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-bromur tal-metil għal kwalunkwe użu wara l-31 ta’ Diċembru 2004 ħlief, fost l-oħrajn (2), għal użu kritiku skond l-Artikolu 3(2)(ii) u l-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni IX/6 tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Montreal, flimkien ma’ kriterji oħra relevanti miftiehma bejn il-Partijiet. Eżenzjonijiet għal użu kritiku huma intenzjonati li jkunu derogi limitati biex jippermettu tul ta’ żmien qasir għall-adozzjoni ta’ alternattivi.

    (2)

    Id-Deċiżjoni IX/6 tistipula li l-bromur tal-metil għandu jikkwalifika bħala “kritiku” biss jekk l-applikant jiddetermina li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-bromur tal-metil għal dak l-użu speċifiku jista’ jirriżulta fi tfixkil sinifikanti tas-suq; u tistipula wkoll li ma hemm l-ebda alternattiva jew sostitut teknikament u ekonomikament prattiku u disponibbli għall-utent li huwa aċċettabbli mill-aspetti ta’ l-ambjent u tas-saħħa u li huwa addattat għall-uċuħ tar-raba’ u għaċ-ċirkostanzi tan-nominazzjoni. Aktar minn hekk, il-produzzjoni u l-konsum, jekk ikun hemm, tal-bromur tal-metil għal użu kritiku għandhom ikunu permessi biss jekk ikun ittieħed kull pass tekniku u ekonomiku possibbli sabiex l-użu kritiku tal-bromur tal-metil, u kull emissjoni assoċjata miegħu, jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Applikant għandu wkoll juri li qiegħed isir sforz xieraq biex isiru l-evalwazzjoni, il-kummerċjalizzar u l-aċċertament ta’ l-approvazzjoni regolatorja nazzjonali ta’ l-alternattivi u tas-sostituti; u għandu juri wkoll li ġew implimentati programmi ta’ riċerka għall-iżvilupp u għall-użu ta’ sostituti.

    (3)

    Il-Kummissjoni rċeviet 40 proposta għall-użu kritiku tal-metil tal-bromur minn sitt Stati Membri fosthom Franza (70 900 kg), l-Italja (640 000 kg), il-Polonja (27 900 kg), Spanja (322 840 kg), l-Olanda (120 kg) u r-Renju Unit (10 049 kg). Intalab total ta’ 1 071 809 kg.

    (4)

    Il-Kummissjoni applikat il-kriterji li jinsabu fid-Deċiżjoni IX/6 u fl-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2007 sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-bromur tal-metil li huwa eliġibbli li jkun liċenzjat għall-użu kritiku fl-2007. Il-Kummissjoni f’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri sabu li alternattivi adegwati kienu disponibbli fil-Komunità u kienu saru aktar prevalenti għall-Partijiet tal-Protokoll ta’ Montreal fil-perijodu minn meta l-proposti ta’ użu kritiku ġew kumpilati mill-Istati Membri. Bħala riżultat, il-Kummissjoni ddeterminat li 521 836 kg ta’ bromur tal-metil jista’ jintuża fl-2007 biex jissodisfa użu kritiku f’kull Stat Membru li jkun talab biex juża l-bromur tal-metil. Dan l-ammont huwa 2.7 % tal-konsum ta’ l-1991 tal-bromur tal-metil fil-Komunità Ewropea u jindika li aktar minn 97.3 % tal-bromur tal-metil inbidel ma’ alternattivi. Il-kategoriji ta’ użu kritiku huma simili għal dawk imfissra fit-Tabella A tad-Deċiżjoni XVIII/13 miftiehma fit-Tmintax-il Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Montreal (3).

    (5)

    L-Artikolu 3(2)(ii) jistipula li l-Kummissjoni għandha tiddetermina wkoll liema utenti jistgħu jivvantaġġjaw irwieħhom mill-eżenzjoni ta’ l-użu kritiku. Billi l-Artikolu 17(2) jistipula li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi ta’ kwalifiki għall-persunal involut fl-applikazzjoni tal-bromur tal-metil, u billi l-fumigazzjoni hija l-uniku użu, il-Kummissjoni ddeterminat li l-fumigaturi tal-bromur tal-metil huma l-uniċi utenti proposti mill-Istati Membri u awtorizzati mill-Kummissjoni biex jużaw il-bromur tal-metil għal użu kritiku. Il-fumigaturi huma kkwalifikati li japplikawh b’mod sigur; l-Istati Membri ħolqu proċeduri biex jidentifikaw, fit-territorju tagħhom, fumigaturi li għandhom permess japplikaw il-bromur tal-metil għal użu kritiku.

    (6)

    Id-Deċiżjoni IX/6 tistipula li l-produzzjoni u l-konsum tal-bromur tal-metil għal użu kritiku għandha tkun permessa biss jekk il-bromur tal-metil mhuwiex disponibbli minn ħażniet eżistenti ta’ bromur tal-metil miġmugħ jew irriċiklat. L-Artikolu 3(2)(ii) jistipula li l-produzzjoni u l-importazzjoni tal-bromur tal-metil għandhom ikunu permessi biss jekk m’hemm l-ebda bromur tal-metil irriċiklat jew irriklamat disponibbli għand kwalunkwe Parti. Skond id-Deċiżjoni IX/6 u Artikolu 3(2)(ii), il-Kummissjoni ddeterminat li 31 605 kg ta’ ħażniet huma disponibbli għal użu kritiku.

    (7)

    L-Artikolu 4(2)(ii) jiddikjara li, suġġett għall-Artikolu 4(4), it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-bromur tal-metil minn intrapriżi minbarra l-produtturi jew l-importaturi se jkunu pprojbiti wara l-31 ta’ Diċembru 2005. L-Artikolu 4(4) jiddikjara li l-Artikolu 4(2) ma għandux japplika għat-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi kkontrollati jekk dawn ikunu użati biex iwettqu t-talbiet liċenzjati għall-użu kritiku ta’ dawk l-utenti identifikati kif stabbilit fl-Artikolu 3(2). Għalhekk, minbarra l-produtturi u l-importaturi, il-fumigaturi li huma rreġistrati mill-Kummissjoni fl-2007 se jkollhom il-permess iqiegħdu fis-suq il-bromur tal-metil, u jużawh għall-użu kritiku, wara l-31 ta’ Diċembru 2006. Tipikament, fumigatur jitlob importatur kemm għall-importazzjoni u kemm għall-provvista tal-bromur tal-metil. Il-fumigaturi rreġistrati għall-użu kritiku mill-Kummissjoni fl-2006 se jkollhom il-permess jittrasferixxu ’l quddiem għall-2007 l-bromur tal-metil li jkun fadlilhom u li ma ntużax fl-2006 (minn hawn ’l quddiem “il-ħażniet”). Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet proċeduri ta’ liċenzjar sabiex tnaqqas dawn il-ħażniet ta’ bromur tal-metil qabel ma jiġi importat jew prodott aktar bromur tal-metil biex jilħaq it-talbiet liċenzjati għal użu kritiku fl-2007.

    (8)

    Peress li użu kritiku tal-bromur tal-metil japplika mill-1 ta’ Jannar 2007, u bl-għan li kumpaniji interessati u operatur jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta’ liċenzjar, huwa xieraq li din id-deċiżjoni attwali tibda tapplika minn dik id-data.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika Pollakka għandhom jiġu permessi l-użu ta’ total ta’ 521 836 kg ta’ bromur tal-metil għal użu kritiku mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2007 għal kwantitajiet speċifiċi u kategoriji għall-użu deskritt f’Annessi I sa V.

    Artikolu 2

    Il-ħażniet iddikjarati bħala disponibbli għal użu kritiku mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu mill-ammont li jista’ jkun importat jew prodott sabiex jitħaddem f’użu kritiku f’dak l-Istat Membru.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2007.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Renju ta’ l-Olanda u lir-Repubblika tal-Polonja.

    Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (2)  Użi oħrajn huma għall-kwarantina u qabel ma ssir il-konsenja, bħall-oġġetti ta’ l-għalf u għall-użu fil-laboratorju u użu analitiku.

    (3)  UNEP/OzL.Pro.18/10. Rapport tat-Tmintax-il Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Montreal dwar is-Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta’ l-Ożonu, li saret bejn it-30 ta’ Ottubru u t-3 ta’ Novembru 2006 fi New Delhi. www.unep.org/ozone/Meeting_Documents/mop/index.asp


    ANNESS I

    Ir-Renju ta’ Spanja

    Kategoriji ta’ użu kritiku permess

    Kg

    Frawli li jixxeblek (imkabbra fil-għoli)

    217 000

    Fjuri maqtugħin (Andalucia u Catalonia)

    35 000

    Frott tal-frawli (riċerka biss)

    50

    Bżar (riċerka biss)

    70

    Total

    252 120

    Ħażniet ta’ bromur tal-metil disponibbli għall-użu kritiku fl-Istat Membru - 18 090 kg


    ANNESS II

    Ir-Repubblika Franċiża

    Kategoriji ta’ użu kritiku permess

    Kg

    Fjuri maqtugħin: Ranunculus, Anemone, Paeonia u Ġilju tal-Widien fl-għelieqi miftuħa

    9 600

    Zunnarija

    1 400

    Frawli li tixxeblek

    25 000

    Mixtla tal-Foresta

    1 500

    Żrieragħ

    96

    Qastan

    1 800

    Total

    39 396

    Ħażniet ta’ bromur tal-metil disponibbli għall-użu kritiku fl-Istat Membru - 392 kg


    ANNESS III

    Ir-Repubblika Taljana

    Kategoriji ta’ użu kritiku permess

    Kg

    Tadam (protett)

    80 000

    Bżar (protett)

    50 000

    Frawli li jixxeblek

    35 000

    Fjuri maqtugħin

    20 000

    Imtieħen

    18 000

    Total

    203 000

    Ħażniet ta’ bromur tal-metil disponibbli għall-użu kritiku fl-Istat Membru - 12 893 kg


    ANNESS IV

    Ir-Renju ta’ l-Olanda

    Kategoriji ta’ użu kritiku permess

    Kg

    Diżinfestazzjoni ta’ wara l-ħsad tal-frawli li jixxeblek.

    120

    Total

    120

    Ħażniet ta’ bromur tal-metil disponibbli għal dan l-użu kritiku fl-Istat Membru - 25 kg


    ANNESS V

    Ir-Repubblika tal-Polonja

    Kategoriji ta’ użu kritiku permess

    Kg

    Ħxejjex aromatiċi mediċinali u faqqiegħ imnixxef bħala prodotti mnixxfa

    1 500

    Frawli li jixxeblek

    24 500

    Kawkaw u żerriegħa tal-kafè

    1 200

    Total

    27 200

    Ħażniet ta’ bromur tal-metil disponibbli għall-użu kritiku fl-Istat Membru - 205 kg


    Top