Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 32007D0375

    2007/375/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Frar 2007 dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal żjut minerali użati bħala karburant għal produzzjoni ta' l-alumina f'Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u f'Sardinja implimentata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament (C 78/2001 (ex NN 22/01), C 79/2001 (ex NN 23/01), C 80/2001 (ex NN 26/01)) (notifikata bid-dokument numru C(2007) 286) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 147, 8.6.2007, p. 29-39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statutul juridic al documentului care este în vigoare

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/375/oj

    8.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 147/29


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-7 ta' Frar 2007

    dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal żjut minerali użati bħala karburant għal produzzjoni ta' l-alumina f'Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u f'Sardinja implimentata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament (C 78/2001 (ex NN 22/01), C 79/2001 (ex NN 23/01), C 80/2001 (ex NN 26/01))

    (notifikata bid-dokument numru C(2007) 286)

    (Il-verżjonijiet bl-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan biss huma awtentiċi)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/375/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi ż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li qieset il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1   IL-PROĊEDURA

    (1)

    It-tassazzjoni fuq iż-zjut minerali kienet suġġetta għall-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Novembru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi għad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (2). L-użu taż-żjut minerali għall-produzzjoni ta' l-alumina ma kienx eskluż mill-ambitu tad-Direttiva 92/81/KEE, lanqas ma kien l-iskop għal eżenzjoni obbligatorja jew fakultattiva skond l-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva. L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (3) stabbilixxa rata minima ta' dazju tas-sisa fuq żejt karburanti oħxon, li l-Istati Membri kellhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 1993. Madanakollu, permezz ta' diversi deċiżjonijiet, il-Kunsill awtorizza lil Franza, lill-Irlanda u lill-Italja biex iż-zjut minerali użati għall-produzzjoni ta' l-alumina f'Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u f'Sardinja rispettivament jeżentawhom mid-dazju tas-sisa li kien ikun impost li kieku ma kienx għal din l-eżenzjoni. L-aktar deċiżjoni riċenti hi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa u l-eżenzjonijiet ta' ċerti żjut minerali minn dan id-dazju meta dawn jintużaw għal skopijiet speċifiċi (4), li tawtorizzaw l-eżenzjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2006.

    (2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarja dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku (5) idderogat id-Direttiva 92/82/KEE mill-31 ta' Diċembru 2003 'l quddiem. L-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96/KE, jistipula li d-Direttiva ma tapplikax għal għadd ta' użi ta' enerġija, inkluż l-użu doppju tal-prodotti ta' l-enerġija. It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(4)(b) jistipula li l-użu tal-prodotti ta' l-enerġija għat-tnaqqis fil-kimika u fil-proċessi elettrolitiċi u metallurġiċi għandu jitqies bħala użu doppju. L-użu taz-żejt karburanti oħxon għall-produzzjoni ta' l-alumina jaqa' f'din il-kategorija. Għalhekk, b'effett mill-31 ta' Diċembru 2003, ma japplikax iżjed id-dazju minimu tas-sisa fuq żejt karburanti użat fil-produzzjoni ta' l-alumina. Id-derogi għad-Deċiżjoni 2001/224/KE u għal derogi simili kienu inkorporati fl-Anness II tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (3)

    Permezz tad-Deċiżjonijiet C(2001)3296, C(2001)3300 u C(2001)3295 tat-30 ta' Ottubru 2001 (6) il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward ta' l-eżenzjonijiet. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE (7) tas-7 ta' Diċembru 2005 (notifikata bid-dokument numru C(2005)4436), il-Kummissjoni għalqet dik il-proċedura fir-rigward ta' l-għajnuna mogħtija matul il-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2003, billi dddikjarat li parti mill-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Rigward il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004, il-proċedura kienet estiża. Il-Premessi 6 sa 15 tad-Deċiżjoni 2006/323/KE jagħtu deskrizzjoni dettaljata tal-korrispondenza li saret qabel Diċembru 2005 bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri kkonċernati, il-benefiċjarji ta' l-għajnuna u l-Assoċjazzjoni ta' l-Aluminju Ewropea (minn hawn 'il quddiem “EAA”).

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2006/323/KE ntbagħtet lil Franza, lill-Irlanda u lill-Italja permezz ta' l-ittri (D/206670, D/206671, D/206673) tat-8 ta' Diċembru 2005. Id-Deċiżjoni ntbagħtet lill-benefiċjarji kkonċernati u lill-EAA permezz ta' l-ittri (D/50525, D/50526, D/50527 and D/50528) tat-23 ta' Jannar 2006. It-tliet Stati Membri u ż-żewġ benefiċjarji appellaw mid-Deċiżjoni (8). Il-benefiċjarja Irlandiża, Aughinish Alumina Ltd (minn hawn 'il quddiem “Aughinish”) appellat ukoll biex tkun sospiża l-applikazzjoni tad-deċiżjoni. L-applikazzjoni ġiet irreġistrata bħala l-Każ T-69/06R. Il-Qorti tal-Prim' Istanza b'ordni tat-2 ta' Awissu 2006 (9) ma laqgħetx l-applikazzjoni minħabba miżuri temporanji.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2006/323/KE ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fl-4 ta' Mejju 2006 u l-partijiet terzi ġew mistiedna biex jissottomettu l-kummenti permezz ta' avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fid-9 ta' Mejju 2006 (10). Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn Aughinish b'ittra datata d-9 ta' Ġunju 2006 (reġistrata fl-istess jum bħala A/34490) u mill-benefiċjarja Taljana Eurallumina SpA (minn hawn 'il quddiem “Eurallumina”), b'ittra datata 24 ta' Lulju 2006 (reġistrata fil-25 ta' Lulju 2006 bħala A/35967). Din ta' l-aħħar iżda ntbagħtet u waslet xahar tard wara l-istedina għall-kummenti ppublikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għalhekk fil-prinċipju l-Kummissjoni mhix obbligata li tqis il-kummenti fil-qafas ta' din il-proċedura. Il-Kummissjoni informat b'dan lill-Eurallumina permezz ta' l-ittra (D/56648) datata t-2 ta' Awissu 2006 L-Eurallumina wieġbet permezz ta' l-ittra A/36269) datata t-3 ta' Awissu 2006 (reġistrata fl-4 ta' Awissu 2006 bħala A/36269). Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kummenti mressqa mill-Eurallumina huma ripetizzjoni ta' ħafna mill-kummenti li kienet diġà rċeviet il-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni ta' qabel u huma simili għall-kummenti li rċeviet fil-ħin, u li huma indirizzati f'din id-deċiżjoni.

    (6)

    Il-kummenti mill- Aughinish ġew mgħoddija lil Franza, lill-Irlanda u lill-Italja permezz ta' l-ittri (D/55106, D/55107 and D/55109) datati l-20 ta' Ġunju 2006.

    (7)

    Franza u l-Irlanda talbu li jiġi estiż iż-żmien biex iwieġbu għad-Deċiżjoni 2006/323/KE, u l-Kummissjoni laqgħet din it-talba. Il-Kummissjoni fakkret lill-Irlanda u lill-Italja dwar l-istedina tagħha għall-kummenti permezz ta' l-ittri (D/52054 and D/52055) datati d-9 ta' Marzu 2006. Franza, l-Irlanda u l-Italja kkummentaw dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni permezz ta' l-ittri datati l-14 ta' Frar 2006 (reġistrata fil-15 ta' Frar 2006 bħala A/31248), it-12 ta' April 2006 (reġistrata fit-18 ta' April 2006 bħala A/32940) u fis-17 ta' Mejju 2006 (registrata fit-18 ta' Mejju 2006 bħala A/33852), rispettivament.

    (8)

    Franza kkummentat dwar il-kummenti ta' l-Aughinish permezz ta' l-ittra datata s-27 ta' Lulju (reġistrata fit-28 ta' Lulju 2006 bħala A/35952). L-Italja informat lill-Kummissjoni permezz ta' e-mail datata l-24 ta' Lulju li hi ma kelliex aktar kummenti x'tagħmel.

    2   DESKRIZZJONI FID-DETTAL TAL-MIŻURI KKONĊERNATI

    (9)

    Il-miżuri jikkonsistu f'eżenzjonijiet totali mid-dazju tas-sisa fuq iż-żejt karburanti oħxon industrijali meta jintuża' għall-produzzjoni ta' l-alumina. Il-benefiċjarji ta' l-eżenzjoni Franċiza, Irlandiża u Taljana, huma rispettivament l-Alcan, l-Aughinish u l-Eurallumina (11).

    (10)

    L-eżenzjoni Irlandiża tinsab fis-Sezzjoni 100(1)(e) ta' l-Att dwar il-Finanzi Irlandiż ta' l-1999, li jikkonċedi l-ħelsien mit-taxxa fuq żejt minerali għal “żejt karburanti għall-użu fil-manifattura ta' l-alumina jew b'konnessjoni ma' dan, jew għall-manutenzjoni ta' l-impjanti fejn issir il-manifattura msemmija”. Il-memorandum ta' spjegazzjoni ta' l-Att dwar il-Finanzi jispjega li “is-sezzjoni 100 tipprovdi għall-ħelsien mit-taxxa fuq żejt minerali fir-rigward ta' żejt li jkun għal użu b'għanijiet partikolari jew f'sitwazzjonijiet oħra partikolari. Dawn jinkludu l-użu mhux għal skopijiet ta' karburant għall-karozzi jew karburant li jsaħħan, esportazzjoni, żejt karburanti għal użu intiż għall-produzzjoni ta' l-alumina, żejt użat għan-navigazzjoni bil-baħar, żejt oħxon użat għall-avjazzjoni kummerċjali u żejt riċiklat”. L-eżenzjoni għaż-żejt minerali użat għall-produzzjoni ta' l-alumina ilha teżisti fl-Irlanda sa mill-1983. Filwaqt li l-Istrument Statutorju oriġinali li jipprovdi għall-eżenzjoni kien revokat fl-1999, l-eżenzjoni kienet preżervata skond l-Att dwar il-Finanzi ta' l-1999.

    (11)

    L-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa għat-Taljani tapplika għall-impriżi kollha li jużaw iż-żjut minerali għall-produzzjoni ta' l-alumina skond it-tifsira tal-punt 14 tat-Tabella A tat-Test Uniku dwar is-sisa. L-eżenzjoni ddaħħlet permezz bil-Liġi tat-12 ta' Novembru 1990, n 331, bl-eżekuzzjoni tad-Decreto Legge tal-15 ta' Settembru 1990, n. 261, l-Artikolu 8(5). It-test ġie riprodott fit-testi legali suċċessivi kkonċernati, inklużi l-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/81/KEE u t-“Test Uniku dwar is-sisa” sussegwenti.

    (12)

    L-eżenzjoni Franċiża għandha l-bażi legali tagħha fil-Liġi dwar il-Finanzi korrettiva ta' l-1997 (“Loi de finances rectificative pour 1997”). Fl-Artikolu 6 din tistipula li il-kunsinni ta'żejt oħxon li fih kontenut tas-sulfat b'inqas minn 2 % inkluż fl-indiċi ta' identifikazzjoni 28bis tat-Tabella B ta' l-Artikolu 265(1) tal-Kodiċi tad-Dwana huma eleġibbli għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-kunsum Intern fuq il-prodotti tal-petrol meta dawn ikunu intiżi għall-użu bħala karburant għall-produzzjoni ta' l-alumina. L-Artikolu 265 bis tal-kodiċi tad-dwana jikkonċerna l-prodotti li ma jkunux intiżi għall-użu bħala karburant għall-karozzi jew karburant li jsaħħan biss, iżda, pereżempju, ma jkunx fih dispożizzjonijiet simili dwar l-użu taż-żjut minerali f'setturi industrijali oħra.

    (13)

    Il-Premessi 16 sa 23 tad-Deċiżjoni 2006/323/KE jagħtu deskrizzjoni aktar dettaljata tal-miżuri u l-benefiċjarji kkonċernati. L-Istati Membri kkonċernati ma indikawx jekk kinux se jkomplu japplikaw l-eżenzjoni wara l-2006 u lanqas ma informaw lill-Kummissjoni dwar tibdil fil-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari tibdil dovut għat-transpożizzjoni tad-Direttiva 2003/96, li jista' jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

    (14)

    Ir-rati tat-taxxa rilevanti nbidlu minn meta nbdiet il-proċedura. Fl-1 ta' Lulju 2006, ir-rati applikabbli tat-taxxa tas-sisa fuq żejt karburanti oħxon biex jintuża għall-kummerċ fi Franza u l-Irlanda kienu jammontaw għal EUR 18,50, u EUR 15,00. Fl-istess data, ir-rati applikabbli fl-Italja kienu jammontaw għal EUR 63,75 għal kull tunnellata ta' żejt karburanti oħxon b'kontenut ta' sulfat ta' aktar minn 1 % u EUR 31,39 għal kull tunnellata ta' żejt karburanti oħxon b'kontenut ta' sulfat ta' anqas minn 1 %.

    3   IR-RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA U TIĠI ESTIŻA L-PROĊEDURA STIPULATA FL-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT

    (15)

    Fid-Deċiżjoni tagħha tat-30 ta' Ottubru 2001 biex tinbeda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibilità ta' l-għajnuna skond il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna statali għal finijiet reġjonali (12) u b'mod partikolari fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna operattiva li jinsabu f'dawk il-linji gwida. Il-Kummissjoni wkoll qanqlet dubji fir-rigward tal-kompatibilità ta' l-għajnuna skond il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna Statali għall-ħarsien ambjentali ta' l-1994 (13) u dawk ta' l-2001 (14) 4 (minn hawn 'il quddiem “Il-linji gwida dwar l-ambjent”).

    (16)

    Fid-Deċiżjoni 2006/323/KE, il-Kummissjoni spjegat li kellha dubji simili rigward il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004. Minħabba li l-Istati Membri u l-partijiet interessati ma kellhomx l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar is-sitwazzjoni legali li nħolqot bid-Direttiva 2003/96/KE, il-Kummissjoni ikkunsidrat li jkun xieraq li testendi l-proċedura ta' investigazzjoni formali.

    4   KUMMENTI MINN FRANZA, L-IRLANDA U L-ITALJA U MINN PARTIJIET TERZI

    (17)

    L-Istati Membri u l-benefiċjarji ġeneralment isostnu l-kummenti li għamlu qabel u li huma miġbura fil-qosor fil-Premessi 26-56 tad-Deċiżjoni 2006/323/KE. Uħud mill-argumenti ġew elaborati f'aktar dettal. B'żieda ma' dan, huma jagħmlu l-kummenti li ġejjin.

    (18)

    Il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u dan huwa kkonfermat mid-Direttiva 2003/96/KE. Dawn jaqgħu fl-ambitu tan-natura u l-loġika tas-sistemi ta' taxxa rispettivi. Kieku kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, id-Direttiva 2003/96/KE espliċitament tippermetti l-għajnuna, għall-inqas għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2006. Fi kwalunkwe każ, dik id-Dierettiva ħolqot aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji. It-talba għall-irkupru ta' l-għajnuna wkoll tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta' l-amministrazzjoni xierqa, minħabba l-kontradizzjonijiet mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li kienu bbażati fuq proposti tal-Kummissjoni, id-dewmien konsiderevoli u l-mod li bih imxiet il-Kummissjoni bl-investigazzjoni. Il-benefiċjarji ħaddmu investiment kapitali fit-tul billi straħu fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u d-Direttiva. Għalhekk il-Kummissjoni għandha titwaqqaf milli tadotta azzjoni li manifestament tmur kontra kif ħadmet għal ħafna żmien.

    (19)

    Ir-regoli fid-Direttiva 2003/96/KE jipprevalu r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tista' biss tikkontesta l-validità tal-miżuri skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96/KE u mhux skond ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tmur kontra l-prinċipju ta' l-effet utile.

    (20)

    L-Irlanda u l-Anghinish jargumentaw li l-miżura Irlandiża tikkostiwixxi għajnuna eżistenti u li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat (15) 5 tal-KE hi żbaljata: wara li jiskadi l-perjodu ta' limitu ta' 10 snin, l-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2000 ma setgħetx kienet azzjoni li tinterrompi l-perjodu ta' limitu u l-miżura kienet tkun tikkostitwixxi għajnuna eżistenti anke għall-perjodu ta' wara s-17 ta' Lulju 1990. Huma jsostnu wkoll li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tan-natura tal-ftehimiet fl-1970 bejn l-Anghinish u l-awtoritajiet Irlandiżi hi diffettuża: kien hemm ftehimiet li jorbtu qabel l-adeżjoni ta' l-Irlanda għall-Komunitajiet.

    (21)

    L-Italja targumenta li l-miżura għandha rabta mill-qrib mat-twettiq ta' l-għanijiet ambjentali relatati mal-limitazzjonijiet derivati mill-produzzjioni ta' l-alumina. L-Aughinish targumenta li għall-inqas l-eżenzjoni hi skond l-ispirtu tal-linji gwida dwar l-għajnuna Ambjentali u “minkejja l-fatt li mhix tħallasproporzjon sinifikanti tat-taxxa, ingħatat inċentivi aktar minn biżżejjed biex iktar tipproteġi l-ambjent”.

    (22)

    L-Irlanda targumenta li l-miżuri alternattivi setgħu ġew implimentati mill-1 ta' Jannar 2004 li kieku kien magħruf li l-eżenzjoni setgħet tkun inkompatibbli mas-suq komuni. L-Irlanda tirreferi għall-possibilità li tifrex l-ambitu tal-ħelsien mit-taxxi biex ikun kopert l-użu doppju taż-żejt karburanti oħxon, jew, b'mod ġenerali, għall-prodotti ta' enerġija li ġeneralment għandhom użu doppju. Skond l-Irlanda, b'dan il-mod, il-ħelsien mit-taxxa seta' jinbidel f'miżura ġenerali jew f'għajnuna Statali aċċettabbli, pereżempju skond il-linji gwida għall-għajnuna Ambjentali. Minħabba dawn il-possibilitajiet, l-irkupru retrospettiv ikun inġust. Aktar minn hekk, l-Irlanda tisħaq, li l-Anghinish għamlet diversi investimenti fuq il-bażi ta' aspettattivi raġonevoli li l-eżenzjonijiet se jkomplu għall-inqas sa Diċembru 2006.

    (23)

    Il-Kummissjoni għandha tippermetti l-għajnuna abbażi ta' evalwazzjoni ekonomika ta' l-effetti fis-swieq ta' l-alumina u l-istruttura kompetittiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-aspetti esterni tal-kompetittività b'evalwazzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat, kif propost fil-pjan ta' azzjoni għall-għajnuna mill-Istat. Ingħata tagħrif dettaljat dwar is-swieq.

    (24)

    Il-Kummissjoni għandha tissospendi il-proċedura formali ta' investigazzjoni sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-kontestazzjonijiet kurrenti għad-Deċiżjoni 2006/323/KE. B'żieda ma' dan, l-Anghinish tissottometti, li ma kienx sew li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li testendi l-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) permezz ta' Premessa għad-Deċiżjoni 2006/323/KE. Il-Kummissjoni messha ħadet deċiżjoni separata.

    (25)

    L-EAA ma bagħtet l-ebda kummenti b'żieda mal-punti mqajma aktar kmieni, li huma miġbura fil-qosor fil- Premessa 50 tad-Deċiżjoni 2006/323/KE.

    (26)

    Il-kummenti mill-Istati Membri u l-benefiċjarji fil-biċċa l-kbira nzertaw jikkoinċidu mas-sottomissjonijiet li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kontestazzjonijiet pendenti għad-Deċiżjoni 2006/323/KE (16) 6.

    5   EVALWAZZJONI

    5.1   Il-problemi proċedurali mqajma mill-partijiet

    (27)

    Il-partijiet isostnu li l-Kummissjoni għandha tissospendi l-proċedura formali ta' investigazzjoni sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-kontestazzjonijiet kurrenti għad-Deċiżjoni 2006/323/KE (17) 7. Madanakollu, dik id-Deċiżjoni, tikkonċerna l-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2003, filwaqt li din id-deċiżjoni tikkoncerna l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004. B'żieda ma' dan, din id-deċiżjoni hi meqjusa valida sakemm tiġi annullata mill-Qortu tal-Prim' Istanza. Għaldaqstant, u minħabba t-tfixkil kontinwu fil-kompetizzjoni li tikkawża l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma tarax li hemm raġuni biex tissospendi l-konklużjoni tal-proċedura.

    (28)

    Il-Kummissjoni ma ħaditx id-deċiżjoni biex testendi l-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) sempliċiment billi talludi għal dan fi Premessa. Inġibdet l-attenzjoni speċifikament għall-estenzjoni tal-konklużjoni fil-preambolu tad-Deċiżjoni 2006/323/KE. Il-deċiżjoni biex tinbeda proċedura investigattiva skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat saret permezz ta' ittra lill-Istati Membri u għalhekk ma hemmx bżonn li tintuża l-istruttura ta' deċiżjoni normattiva, b'parti operattiva u b'artikoli nnumerati. Aktar minn hekk, jidher ċar mill-kontestazzjonijiet li saru għad-Deċiżjoni 2006/323/KE, u mill-kummenti li daħlu rigward l-estenzjoni għall-proċedura, li l-partijiet interessati seta' jkollhom għarfien sħiħ ta' l-aspetti kollha tal-kontenut ta' dik id-deċiżjoni.

    5.2   L-eżistenza ta' l-għajnuna mill-Istat mill-1 ta' Jannar 2004

    (29)

    L-Artikolu 87(1) tat-Trattat jipprovdi li “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat fi kwalunkwe forma li toħloq tfixkil jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti, sakemm tkun taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, għandha tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

    (30)

    Jidher ċar li l-eżenzjonijiet huma ffinanzjati mir-riżorsi ta' l-Istat minħabba li l-Istat jirrinunzja għal ċertu ammont ta' flus li kieku kien jiġbor.

    (31)

    Kif stipulati fil-Premessi 60, 61 u 62 tad-Deċiżjoni 2006/323/KE, il-miżuri jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarji u dan jista' jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni. L-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa jnaqqas l-ispejjeż ta' element importanti u għalhekk jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji li jitqiegħdu f'pożizzjoni aktar favorevoli minn impriżi oħra li jużaw żjut minerali f'industriji jew reġjuni oħra. Il-fatt li l-kompetituri fl-industrija ta' l-alumina fi Stati Membri oħra jistgħu assolutament ma jkunux suġġetti għal taxxi simili u li l-benefiċjarji kellhom iħallsu biex itaffu l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tagħhom, ma jnaqqas xejn minn din l-evalwazzjoni.

    (32)

    Il-miżuri jiffavorixxu ċerti intrapriżi għax japplikaw biss għal kumpaniji li jużaw karburant oħxon fil-produzzjoni ta' l-alumina u fil-prattika, f'kull Stat Membru hemm biss kumpanija waħda li tgawdi mill-eżenzjoni: l-Aughinish fir-Reġjun ta' Shannon, l-Eurallumina f'Sardinja u l-Alcan f'Gardanne. Għar-raġunijiet stipulati fil-Premessi 33 sa 40, ma jistgħux jitqiesu li huma ġustifikati min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistemi rispettivi ta' taxxi fuq l-enerġija.

    (33)

    L-użu doppju, l-użu ta' prodotti ta' enerġija li mhux karburant u l-ipproċessar tal-mineraloġija ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 2003/96/KE u, mill-1 ta' Jannar 2004, l-Istati Membri kellhom id-diskrezzjoni jintaxxawx jew le dawn it-tipi ta' użu. Tabilħaqq, eżenzjoni għal dawn it-tipi ta' użu ta' l-enerġija tista' tikkostitwixxi miżura ġenerali li ma tinvolvix għajnuna mill-Istat jekk din taqa' taħt in-natura u l-loġika tas-sistema ta' taxxa domestika. Il-Premessa 22 fil-preambolu tad-Direttiva 2003/96/KE tgħid li “il-prodotti ta' l-enerġija essenzjalment għandhom ikunu suġġetti għal qafas Komunitarju meta jintużaw bħala karburant li jsaħħan jew għall-karozzi. Għal dan il-għan, huwa fin-natura u l-loġika tas-sistema ta' taxxa li l-użu doppju, l-użu ta' enerġija li mhux karburant kif ukoll l- ipproċessar tal-mineraloġija jkunu esklużi mill-ambitu ta' dan il-qafas”.

    (34)

    B'żieda ma' dan, meta ġiet adottata d-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw b'mod konġunt (18) 8 li “Il-prodotti ta' l-enerġija għandhom essenzjalment ikunu suġġetti għal qafas Kominitarju meta jintużaw bħala karburant li jsaħħan jew għall-karrozzi. Jista' jkun ikkunsidrat li huwa fin-natura u l-loġika tas-sistema ta' taxxa li l-użu doppju, l-użu ta' enerġija li mhux karburant kif ukoll l-ipproċessar tal-mineraloġija jkunu esklużi mill-ambitu tal-qafas. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jieħdu miżuri biex kull użu jiġi ntaxxat jew le jew jiġi ntaxxat totalment jew parzjalment. L-elettriku użat bl-istess manjiera għandu jiġi ttrattat l-istess. Dawn l-eċċeżżjonijiet għas-sistema ġenerali jew id-divrenzjar f'dik is-sistema, li huma ġustifikati min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta' taxxa, ma jinvolvux għajnuniet mill-Istat.”

    (35)

    Il-Kunsill stqarr ukoll li “Barra minn hekk, il-Kunsill jistqarr li jifhem is-sitwazzjoni legali li qamet bl-adozzjoni ta' din id-Direttiva b'rabta mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, bl-istess mod kif ġiet stipulata mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa fl-14 ta' Novembru 2002.” Fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff, li ġie diskuss f'dik il-laqgħa (19) 9, il-Kummissjoni spjegat il-kunċett tal-miżuri ġenerali, li trid tiġi analiżżata s-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru individwali biex ikunu ddefiniti s-sistemi ġenerali ta' dazji tas-sisa applikabbli fil-livell nazzjonali, u stqarret ukoll li “l-abbozz tad-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija fih għażliet numerużi, li jagħmilha impossibbli biex ikun iddeterminat bil-quddiem jekk il-mod li tiġi implimentata mill-Istati Membri tkunx tfisser għajnuna mill-istat jew le skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87”. Għalhekk, il-Premessa (32) tal-preambolu u l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, ifakkru lill-Istati Membri dwar l-obbligazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat biex tiġi notifikata l-għajnuna mill-Istat.

    (36)

    F'dan il-każ speċifiku, la Franza, la l-Irlanda u l-Italja u lanqas ħadd mill-benefiċjarji ma wera li l-eżenzjonijiet humu fin-natura u l-loġika tas-sistemi domestiċi. Pereżempju, ħadd minnhom, ma spjega jekk l-użu doppju tal-prodotti ta' l-enerġija fi proċessar tal-prodotti ieħor kienx ġie eżentat, u jekk le, x'kienu r-raġunijiet għal dan. Lanqas ma spjegaw kif l-eżenzjonijiet jitqabblu mat-taxxi nazzjonali fuq l-elettriku li jintuża prinċipalment għal skopijiet ta' tnaqqis kimiku u fl-ipproċessar elettrolitiku u metallurġiku u l-użu ta' l-enerġija għall-ipproċessar tal-mineroloġija, li huma tipi oħra ta' użu ta' enerġija li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 2003/96/KE skond l-Artikolu 2(4)(b) tagħha.

    (37)

    L-Italja spjegat li kieku kull operatur industrijali ieħor għamel talba għall-istess benefiċċju, ma kienet ssib ebda xkiel biex ikollha aċċess għas-suq rilevanti. Madanakollu, mhux ċar xi tfisser eżattament din l-istqarrija u jekk din tfissirx li l-istess benefiċċju jkunx jista' jingħata wkoll lil xi industrija oħra minbarra l-alumina. Fi kwalunkwe każ il-benefiċċju ma jingħatax awtomatikament bħalma ġara fil-każ ta' l-alumina. Rigward ir-raġunijiet għall-eżenzjoni, l-Italja, fl-ittra tagħha tas-7 ta' Diċembru 2000, pereżempju, irreferiet għar-“rikonoxximent tal-gżira (Sardinja) bħala reġjun żvantaġġjat bil-kbir, u l-effetti negattivi possibli fuq l-impjieg” (“reconoscimento dell'isola (Sardegna) quale area fortemente disagiata, ed i possibili effetti negative sull'occupazione”.)

    (38)

    Rigward l-eżenzjoni Irlandiża, l-Artikolu 100 ta' l-Att dwar il-Finanzi ta' l-1999 fih eżenzjonijiet oħra speċifiċi, iżda l-Artikolu ma jwassalx l-eżenzjoni għall-prodotti ta' l-alumia sa l-ambitu tal-loġika ta' sistema globali. Pjuttost juri li l-eżenzjoni għall-alumina hi eżenzjoni partikolari flimkien ma' eżenzjonijiet speċifiċi oħra, kif inhu kkonfermat wkoll fil-preambolu tal-Liġi (20). B'żieda ma' dan, il-liġi Irlandiża teskludi wkoll kumpaniji ġodda potenzjali mill-eżenzjoni tat-taxxa meta l-użu doppju ta' l-enerġija jikkonċerna proċessar ieħor ta' prodotti. Fir-rigward tas-sitwazzjoni Irlandiża, l-Aughinish taċċetta li hi “ma temminx li hemm industriji oħra bħalha (li jibbenefikaw mit-tnaqqis fis-sisa bħall-industrija ta' l-alumina)”“mhix konxji ta' allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni”. Dan pjuttost jikkonferma n-natura selettiva tal-miżura.

    (39)

    Fl-ittra tagħhom tas-7 ta' Awissu 1998, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li huma talbu deroga mid-Direttiva 92/81 sabiex “jagħmlu reġim ta' sisa li ma jikkastigax lis-settur” (“pour pouvoir instaurer un regime d'accise non pénalisant pour le secteur”) (l-enfasi hi miżjuda). L-eżenzjoni tkun limitata għall-ħolqien mill-ġdid tal-kondizzjonijiet kompetittivi bejn Péchiney, li kienet ittieħdet mill-Alcan, u l-produtturi l-oħra fil-Komunità. L-Artikolu 265bis tal-kodiċi tad-dwana, ma fihx dispożizzjonijiet simili għall-użu ta' l-enerġija fis-setturi l-oħra.

    (40)

    Fil-fatt, l-Istati Membri u l-benefiċjarji naqsu milli jidentifikaw il-loġika globali tas-sistemi tagħhom ta' taxxa rispettivi. Abbażi ta' l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, jidher ċar li r-raġunijiet għall-għoti ta' l-għajnuna ġejjin miċ-ċirkostanzi tal-produzzjoni ta' l-alumina fir-reġjuni speċifiċi kkonċernati. Dawn ir-raġunijiet mhux ġejjin min-natura u l-loġika tas-sistemi ta' taxxi domestiċi rispettivi. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet jibqgħu selettivi ħafna, billi jiffavorixxu l-produzzjoni ta' prodott speċifiku u, de facto, intrapriżi speċifiċi u ma jistgħux jiġu ġustifikati fil-loġika tas-sistemi ta' taxxi domestiċi.

    (41)

    Finalment, l-ezenzjonijiet ikkonċernati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    5.3   Għajnuna ġdida, mhux dik eżistenti

    (42)

    Kif spjegat fil-Premessi (65)-(70) tad-Deċiżjoni 2006/323/KE, l-għajnuna mogħtija sa mill-1 ta' Jannar 2004 ma tikkostitwixxix għajnuna eżistenti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

    (43)

    L-allegazzjoni ta' l-Irlanda u ta' l-Aughinish li l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu għajnuna ta' qabel l-adeżjoni hi kuntrarja għall-ittra ta' Mejju 1983 li permezz tagħha l-Irlanda aċċettat li l-għajnuna kienet notifikata skond it-termini ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. B'żieda ma' dan, l-impenn biex isir provvediment għall-eżenzjoni mhux l-istess bħal meta fil-fatt tingħata l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni. Finalment, il-leġiżlazzjoni kkonċernata kienet mibdula radikalment wara l-adeżjoni.

    (44)

    Kif spjegat fil-Premessa (70) tad-Deċiżjoni 2006/323/KE, l-għajnuna mogħtija mill-Irlanda sas-17 ta' Lulju 1990 tikkostitwixxi għajnuna eżistenti bis-saħħa tal-perjodu ta' limitu pprovdut fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. It-tmiem tal-perjodu ta' limitu ta' 10 snin ma jfissirx li kull għajnuna mogħtija wara li jintemm dan il-perjodu jikkostitwixxi wkoll għajnuna eżistenti. Fl-1983 l-għajnuna lill-Aughinish ma ngħatatx darba għal dejjem. L-Istrument Statutorju maħruġ mill-Irlanda biex jagħti l-eżenzjoni hu espress f'termini ġenerali bħala eżenzjoni għall-manifattura ta' l-alumina u, skond kif tgħid il-leġiżlazzjoni, l-eżenzjoni tiġi estiża għall-produtturi l-oħra ta' l-alumina li bdew jipproduċu fl-Irlanda. Barra minn hekk, l-eżenzjoni li tikkonċerna lill-Aughinish ma kinitx definita fiż-żmien meta kien ġie adottat l-Istrument Statutorju, lanqas ma setgħet issir valutazzjoni tal-valur f'dak iż-żmien: la l-evoluzzjoni tar-rati tad-dazju tas-sisa li minnhom kienet eżentata l-Aughinish, lanqas it-tul taż-żmien ta' dik l-eżenzjoni ma kienu ġew definiti mill-Istrument Statutorju. Għaldaqstant, l-eżenzjoni hija skond id-definizzjoni ta' skema ta' għajnuna fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, jiġifieri “att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu implimentati aktar miżuri, tista' tingħata għajnuna individwali lil impriżi definiti fl-att b'mod ġenerali u astratt”. Għalhekk, l-għajnuna tikkostitwixxi sensiela ta' għoti ta' għajnuna, kull darba li l-Aughinish wettqet proċedura tad-dwana li, fin-nuqqas ta' l-eżenzjoni, kienet titgħabba bl-obbligu tad-dazju tas-sisa. Għalhekk, l-għajnuna mogħtija mis-17 ta' Lulju 1990 ma tikkostitwixxix għajnuna eżistenti skond l-Artikou 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

    5.4   Kompatibilità ta' l-għajnuna mogħtija mill-1 ta' Jannar 2004

    5.4.1   Kompatibilità skond ir-regoli għall-għajnuna ambjentali

    (45)

    Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-għajnuna mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja mill-1 ta' Jannar 2004 tikkwalifikax għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni ta' għajnuna mill-Istat espressa fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat. L-għajnuna tikkostitwixxi eżenzjoni mit-taxxa fuq l-eneġija u taxxi bħal dawn mhumiex maħsuba biss biex iżidu l-finanzjament ta' l-awtoritajiet, iżda wkoll biex inaqqsu l-konsum ta' l-enerġija u b'hekk iħarsu l-ambjent. Il-linji gwida ta' l-2001 dwar l-għajnuna ambjentali fihom regoli għal eżenzjonijiet minn taxxi għall-ambjent. Għar-raġunijiet ta' trattament ugwali, ta' trasparenza u ta' ċertezza legali, dawn ir-regoli jorbtu lill-Kummissjoni.

    (46)

    Fir-rigward tal-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004, it-Taqsima E.3, il-Premessi (47)-(52), tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali jistipulaw regoli applikabbli għall-għajnuna kollha operattiva fil-forma ta' tnaqqis ta' taxxi jew eżenzjonijiet. Kif spjegat fil-Premessi (73) and (74) tad-Deċiżjoni 2006/323/KE, id-dazji tas-sisa fuq żjut minerali jistgħu jitqiesu bħala taxxi għall-ambjent, iridu jitqiesu bħala taxxi eżistenti skond it-tifsira tal-punt 51.2 tal-linji gwida, għandhom impatt pożittiv apprezzabbli skond it-tifsira tal-punt 51.2(a) u jistgħu jitqiesu li ġew deċiżi fiż-żmien li kienet adottata t-taxxa tas-sisa. Konsegwentement, skond il-punt 51.2 tal-linji gwida, id-dispożizzjonijiet fil-punt 51.1 jistgħu jiġu applikati.

    (47)

    Skond il-punt 51.1 jistgħu jiġu awtoriżżati eżenjonijiet mit-taxxi li jkopru perjodu ta' 10 snin Wara li jintemm dan il-perjodu, u f'konformità mal-punt 23 tal-linji gwida għall-għajnuna ambjentali, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-miżuri kkonċernati, u l-Kummissjoni tista' tadotta l-istess approċċ fl-analiżi tagħha bħal dik imfassla f'dan il-punt meta jitqiesu r-riżultati pożittivi miksuba fejn jidħol l-ambjent permezz ta' l-adozzjoni ta' taxxi. L-eżenzjonijiet Irlandiżi u Taljani f'dan il-każ ingħataw sa mill-1993 u l-eżenzjoni Franċiża ngħatat sa mill-1997, li jfissser li l-miżuri ilhom fis-seħħ għal aktar minn 10 snin.

    (48)

    Ħadd mill-Istati Membri ma kkonferma jew ċaħad li l-eżenzjonijiet se jibqgħu japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2006. Ħadd mill-Istati Membri ma indika li hemm żmien ristrett għall-eżenzjonijiet li japplikaw bħalissa, lilhinn mid-data tal-31 ta' Diċembru 2006, li skond il-leġizlazzjoni tal-Komunita' dwar it-taxxi mhix restrizzjoni li torbot, minħabba li l-eżenzjonijiet ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 2003/96/KE. Lanqas ħadd mill-Istati Membri ma nnotifika b'estensjoni tal-miżuri kkonċernati skond il-linji gwida għall-għajnuna ambjentali. Id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tat-taxxi fl-Istati Membri rispettivi lanqas ma jidher li għandhom limiti bħal dawn. Il-Kummissjoni tikkonsidra li f' dan il-każ, iċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt 23 tal-linji gwida għadhom jgħoddu. Għaldaqstant, skond il-punt 51.1 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tista' tawtorizza li tingħata aktar għajnuna, iżda biss bil-kondizzjoni li din tkun soġġetta għal żmien limitat ta' massimu ta' 10 snin.

    (49)

    Kif spjegat fil-Premessa (75) tad-Deċiżjoni 2006/323/KE, ma ġewx issodisfati l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt 51.1(a) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali u għalhekk f'dan il-każ jistgħu jkunu applikati biss id-dispożizzjonijiet tal-punt 51.1(b).

    (50)

    Mill-1 ta' Jannar 2004, it-tassazzjoni fuq iż-żjut minerali intenzjonati għall-użu doppju, l-użu mhux bħala karburant u għall-ipproċessar tal-mineroloġija ma taqax fl-ambitu tal-miżuri armonizzati tal-Komunità u għalhekk, minn dik id-data, l-eżenzjonijiet jikkonċernaw it-taxxi domestiċi imposti fin-nuqqas ta' taxxa tal-Komunità skond it-tifsira tal-Punt 51.1(b), it-tieni inċiż, tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali. Dik id-dispożizzjoni titlob li kumpaniji li jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet iħallsu “proporzjon sinifanti” tat-taxxa nazzjonali. Ir-raġuni għal dan hi biex il-kumpaniji jitħallewlhom l-inċentiv li jtejbu l-hidma tagħhom favur l-ambjent. Dan joħroġ minn kif inhu miktub il-punt 51.1(b), l-ewwel inċiż, tal-linji gwida, li jippermetti li jkun hemm tnaqqis ta' taxxi permezz ta' taxxa armonizzata jekk il-benefiċjarji jħallsu aktar mir-rata minima tal-Komunità “sabiex il-kumpaniji jkollhom l-inċentiv li jtejbu l-protezzjoni ta' l-ambjent”. Dan japplika wkoll fejn it-taxxa nazzjonali hi ħafna ogħla minn taxxi komparabbli fi Stati Membri oħra jew fi wħud minnhom, bħalma kien fil-każ ta' l-Italja. Fil-prattika tal-Kummisssjoni (21) 1, jidher ċar li ġeneralment 20 % tat-taxxa domestika jew il-minimu Komunitarju li japplika għal użu ieħor ta' enerġija li jaqa' fl-ambitu tad-Direttiva 2003/96/EC (EUR 15 kull tunnellata), jista' jitqies bħala parti sinifikanti, anke jekk il-minimu Komunitarju ma japplikax għall-użu ta' l-enerġija kkonċernata. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-eżenzjoni biss ta' aktar minn 20 % tat-taxxa domestika jew aktar minn EUR 15 kull tunnellata, liema tkun l-aktar baxxa minnhom, tista' tiġi kkunsidrata li tkun kompatibbli mas-suq komuni; l-eżenzjoni sal-livell ta' 20 %, jew sa EUR 15 kull tunnellata, tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli

    5.4.2   Il-kompatibilità ta' l-għajnuna skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat u skond dispożizzjonijiet oħra

    (51)

    Għar-raġunijiet spjegati fil-Premessi (78)-(81) u (82)-(86) tad-Deċiżjoni 2006/323/KE, l-għajnuna ma tistax tkun kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat, lanqas ma hi koperta mill-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat.

    (52)

    Hu xieraq li l-valutazzjoni tkun ibbażata fuq it-Taqsima E.3.2 tal-linji gwida għall-għajnuna ambjentali minħabba li r-regoli f'dik it-Taqsima jqisu l-fatturi ekonomiċi, b'mod partikolari r-riskju li tintilef il-kompetittività internazzjonali minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni tat-taxxa u anke jippermettu li jkun hemm eżenzjonijiet sħaħ għal ċerti kumpaniji jekk jagħmlu ftehim ma' l-Istati Membri kkonċernati biex itejbu l-ħidma ambjentali tagħhom. Madanakollu, fil-każijiet preżenti, ma kien hemm l-ebda ftehim bħal dan u għalhekk eżenzjoni sħiħa mit-taxxa skond il-Punt 51.1(a) tal-linji gwida ambjentali ma tistax tkun ġustifikata. Minkejja dan, l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni dwar is-swieq ta' l-alumina tikkonferma li l-awtorizzazzjoni ta' parti kbira ta' l-għajnuna hija xierqa u, kif ġie konkluż aktar qabel, tista' tkun ġustifikata skond il-Punt 51(1)(b) tal-linji gwida għall-għajnuna ambjentali bir-riżultati kollox ma' kollox pożittivi miksuba f'termini ambjentali permezz ta' l-adozzjoni tat-taxxi. Madanakollu, din l-awtorizzazzjoni hi soġġetta għal ħlas mill-benefiċjarji ogħla mir-rata minima Komunitarja jew ta' parti sinifikanti mit-taxxa domestika, billi dan hu meqjus neċessarju biex il-kumpaniji jkollhom l-inċentiv li jħarsu iżjed l-ambjent. M'hemmx lok li jitqiesu dispożizzjonijiet oħra f'komunikazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parti ta' l-għajnuna li ma tistax tkun kompatibbli abbażi tal-linji gwida ambjentali.

    (53)

    Billi m'hemmx lok li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq komuni, l-unika għajnuna li tista' tkun kompatibbli hi l-parti ta' l-għajnuna li hi konformi mal-linji gwida ambjentali kif speċifikat fil-Premessa (50).

    6   L-IRKUPRU TA' L-GĦAJNUNA INKOMPATIBBLI

    (54)

    Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.

    (55)

    Il-Premessi (95)-(100) tad-Deċizjoni 2006/323/KE jispjegaw għaliex il-prinċipji ta' aspetattivi leġittimi u ta' ċertezza legali, jew prinċipji oħra ġenerali tal-liġi tal-Komunità, jipprekludu l-irkupru mingħand il-benefiċjarji ta' l-għajnuna illegali u inkompattibli mogħtija sat-2 ta' Frar 2002. Madanakollu, il-Premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni jispjegaw għaliex dawn il-prinċipji ma jipprekludux l-irkupru ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli mogħtija mit-3 ta' Frar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2003. Ir-raġunijiet f'dawn il-premessi ta' l-aħħar huma wkoll applikabbli indaqs fir-rigward ta' l-għajnuna mogħtija mill-1 ta' Jannar 2004.

    (56)

    Barra dan, il-preparazzjoni u l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96/KE ma setgħux wasslu għal aspetattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji, u l-irkupru lanqas ma hu prekluż mill-prinċipju taċ-ċertezza legali. Il-Premessa 32 tal-preambolu tad-Direttiva tirreferi għall-obbligazzjoni ta' l-Istati Membri stipulata fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat li jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat u tistipula b'mod espliċitu li d-Direttiva “ma tippreġudikax l-eżitu ta' xi proċedura fil-futur għall-għajnuna mill-Istat li tista' tingħata skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat”. Ir-riferenza għal xi proċedura fil-futur għall-għajnuna mill-Istat f'dik il-Premessa ma tistax tittieħed bħala awtorizzazzjoni għal għajnuna soġġetta għal proċedura li kienet diġà nbdiet meta kienet adottata d-Direttiva. Fil-fatt, diġà kien hemm l-istess kliem fil-Premessa 6 tal-preambolu tad-Deċiżjoni 2001/224/KE, li estendiet id-derogi sa tmiem is-sena 2006. Il-memorandum ta' spjegazzjoni li qiegħed mal-proposta tal-Kummissjoni għal dik id-deċiżjoni (22) 2 jgħid, “Il-Kummisssjoni tipproponi li (...) testendi għal perjodu ta' sentejn id-(....)derogi li jeħtieġu eżami dettaljat, partikolarment fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (...) Minkejja dan, ma hemm xejn f'din id-Deċiżjoni li jissupera l-ħtiġiet ta' l-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'għajnuna potenzjali mill-Istat skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Dawn in-notifiki jkunu eżaminati skond it-termini ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat”. B'żieda ma' dan, fis-Sajf tas-sena 2000 il-Kummissjoni kienet diġà talbet lill-Istati Membri biex jinnotifikaw il-miżuri konċernati.

    (57)

    Il-Premessa 22 tal-preambolu għad-Direttiva 2003/96/KE tgħid li: “prodotti ta' enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġetti għal qafas Komunitarju meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan jew karburant għall-karozzi. Għal dan il-għan, huwa fin-natura u l-loġika tas-sistema ta' taxxa li jkun eskluż mill-ambitu ta' dan il-qafas l-użu doppju u l-użu ta' prodotti ta' enerġija li mhux karburant kif ukoll l-ipproċessar tal-mineraloġija. (...)” Dik il-Premessa, għalkemm ma tirreferix għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, ma tistax tinftiehem li tirrestrinġi l-kunċett ta' l-għajnuna mill-Istat kif stipulat fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni spjegat il-kunċett ta' miżuri ġenerali f'Dokument ta' ħidma ta' l-Istaff li spjega: “F'din il-kwistjoni, trid tkun analiżżata s-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru individwali biex tkun iddefinita s-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa applikabbli fuq livell nazzjonali.”  (23) 3 Dak id-dokument kien diskuss waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2002. Id-dokument ikompli billi jispjega l-kondizzjonijiet li bihom tista' tkun kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna fil-forma ta' miżuri ta' taxxa. Il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2003, meta kienet adottata d-Direttiva 2003/96/KE, jirreferu espressament għall-ispjegazzjonijiet li ngħataw waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2002.

    (58)

    Għalkemm “l-użu doppju ta' l-enerġija” ma jaqax fl-ambitu tad-Direttiva 2003/96/KE, l-Artikolu 18 tad-Direttiva jawtoriżża lill-Istati Membri li jkomplu japplikaw l-eżenzjonijiet imniżżla fl-Anness II tiegħu. Dak l-Anness jinkludi t-tliet eżenzjonijiet li għalihom tirreferi din id-Deċiżjoni, għall-perjodu previst fl-aħħar estensjoni fl-2001, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2006. L-awtoriżżazzjoni, madanakollu, mhix awtoriżżazzjoni skond ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tinforza. Għall-kuntrarju, dan juri preċiżament ir-rilevanza potenzjali tal-Premessa 32. L-argument imressaq mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji li l-awtoriżżazzjoni mill-Kunsill tissupera l-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat hu żbaljat.

    (59)

    Meta kienet adottata d-Direttiva 2003/96/KE, il-Kummissjoni u l-Kunsill b'mod konġunt iddikjaraw li “il-Kummissjoni għandha tagħmel minn kollox biex tassigura li l-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri dwar l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis mit-taxxa stipulati fid-Direttiva jkunu kkonsidrati li huma kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”. Naturalment, il-Kummissjoni trid taġixxi skond il-qafas tar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, f'dan il-każ b'mod partikolari l-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali. Fi kwalunkwe każ, l-istqarrija ma tapplikax għall-eżenzjonijiet li għalihom tirreferi din id-deċiżjoni, minħabba li dawn ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva.

    (60)

    Id-Direttiva 2003/96/KE, id-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff u l-istqarrija konġunta tal-Kummissjoni u tal-Kunsill imsemmija aktar 'il fuq qatt ma kkonfermaw in-nuqqas ta' għajnuna mill-Istat inkompatibbli. Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kienet bdiet il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) u kull min kien interessat seta' staqsa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni finali. Il-bidu ta' proċedura skond l-Artikolu 88(2) dgħajfet l-eżistenza ulterjuri ta' aspetattivi leġittimi (jekk kien hemm) fir-rigward tan-nuqqas ta' għajnuna inkompatibbli.

    (61)

    Id-Deċiżjoni 2001/224/KE u deċiżjonijiet li saru qabel mill-Kunsill dwar l-eżenzjonijiet ma kinux deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet ilha li esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibilità ta' l-eżenzjonijiet mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat.

    (62)

    Fir-rigward tat-tul taż-żmien ta' l-investigazzjoni f'dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien neċessarju li tistenna li tkun adottatata d-Direttiva 2003/96/KE u li testendi l-proċedura bid-Deċiżjoni 2006/323/KE sabiex tkun tista' tieħu l-opinjonjiet ta' l-Istati Membri dwar is-sitwazzjoni f'kull Stat Membru b'riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/96/KE li ppermettiet il-possibbiltà ta' għadd ta' riżultati. Fi kwalunkwe każ, “negozjant prudenti” għandu jkun konxju li la darba tibda investigazzjoni dwar għajnuna illegali, u mbagħad jekk din jinstab li l-għajnuna kienet inkompatibbli mat-Trattat, il-konsegwenza kważi inevitabbli tkun li l-Kummissjoni tordna li tiġi rkuprata l-għajnuna. L-Istati Membri u l-benefiċjarji setgħu talbu lill-Kummissjoni biex ittemm il-proċeduri qabel, kieku xtaqu jikkunsidraw investimenti jew miżuri alternattivi biex ikunu konformi mal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali.

    (63)

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-benefiċjarji ma jistax ikollhom aspetattivi leġittimi li jipprekludu l-irkupru ta' l-għajnuna inkompatibbli mill-Istat wara l-31 ta' Diċembru 2003, u l-irkupru anqas mhu prekluż abbażi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

    7   SOSPENSJONI TA' ĦLAS TA' L-GĦAJNUNA KOMPATIBBLI

    (64)

    Fis-sentenza tagħha fil-każ C-355/95P, Textilwerke Deggendorf GmbH (TWD) v. il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “meta l-Kummissjoni teżamina l-kompatibilità ta' għajnuna mill-Istat mas-suq komuni trid tikkonsidra l-fatturi rilevanti kollha, inkluż, fejn hu xieraq, iċ-ċirkostanzi diġà kkunsidrati f'deċiżjoni ta' qabel u l-obbligazzjonijiet li dik id-deċiżjoni setgħet imponiet fuq Stati Membru”. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompatibilità ta' għajnuna ġdida tista' tiddependi fuq l-eżistenza ta' għajnuna illegali preċedenti li ma tħallsitx lura, minħabba li l-effett kumulattiv ta' l-għajnuniet seta' jfixkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq komuni Għaldaqstant meta teżamina l-kompatibilità ta' l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tqis kemm l-effett kumulattiv ta' din l-għajnuna ma' waħda mill-imgħoddi u l-fatt li din l-għajnuna mgħoddija ma kinitx tħallset lura (24) 4.

    (65)

    Għalhekk, skond din il-każistika, meta l-Kummissjoni teżamina miżura ta' għajnuna ġdida tqis il-fatt li l-benefiċjarji setgħu ma kinux konformi ma' deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fejn ġew ordnati li jirrifondu l-għajnuna illegali u inkompatibbli preċedenti. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni teżamina l-effetti fuq il-benefiċjarji ta' l-għajnuna l-ġdida mħallta ma' l-għajnuna inkompatibbli l-imgħoddija li ma kinitx rimburżata.

    (66)

    Franza, l-Irlanda u l-Italja għadhom ma rkuprawx l-għajnuna li l-Kummissjoni sabet li kienet inkompatibbli fid-Deċiżjoni 2006/323/KE (25). L-ammonti li jridu jkunu rkuprati, kif ikkalkulati mill-Istati Membri u mingħajr mhu magħdud l-interess, jammontaw għal EUR 786 668, EUR 8 095 881,43 u EUR 6 612 489,02 rispettivament Aktar minn hekk, din id-deċiżjoni identifikat ukoll għajnuna inkompatibbli mogħtija għal perjodu addizzjonali, li għandha wkoll tkun irkuprata. L-akkumulazzjoni ta' dawn l-ammonti ta' għajnuna flimkien ma' għajnuna oħra kompatibbli tkompli tfixkel il-kompetizzjoni sal-punt li jkun kontra l-interess komuni u ma nstabu l-ebda raġunijiet li jiġġustifikaw dan it-tfixkil. Għaldaqstant, kull ħlas ta' għajnuna kompatibbli kif imfisser fil-Punt 50 aktar 'il fuq għandu jiġi sospiż sakemm kull għajnuna inkompatibbli tkun irkuprata mingħand il-benefiċjarji.

    8   KONKLUŻJONI

    (67)

    Ġie konkluż li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa fuq żjut karburanti ħoxna użati fil-produzzjoni ta' l-alumina mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja mill-1 ta' Jannar 2004 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. L-għajnuna hi parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni minħabba li l-benefiċjarji ma ħallsux parti sinifikanti mit-taxxa. Il-parti ta' l-eżenzjoni li taqbeż ir-rata ta' 20 % tal-livell tat-taxxa li kieku kellha titħallas, jew EUR 15,00 għal kull 1 000 kg, liema mit-tnejn huwa l-ammont l-aktar baxx, tista' tkun kompatibbli mas-suq komuni bil-kondizzjoni li din tingħata għal massimu ta' 10 snin, u wara tiġi riveduta l-kompatibilità ta' l-għajnuna. L-għajnuna li jkun fadal għandha tkun dikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

    (68)

    Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jintalbu biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jirkupraw mingħand ir-riċevituri l-għajnuna inkompatibbli mogħtija mill-1 ta' Jannar 2004 'il quddiem.

    (69)

    Franza l-Irlanda u l-Italja għandhom jintalbu li jissospendu l-applikazzjoni ta' l-eżenzjonijiet sakemm ikunu rkupraw mingħand il-benefiċjarji rispettivi l-għajnuna li titqies inkompatibbli mas-suq komuni fid-Deċiżjoni 2006/323/KE u f'din id-Deċiżjoni.

    (70)

    L-awtoritajiet Franċiżi, Irlandiżi u Taljani għandhom immedjatament jibagħtu kopja ta' din id-Deċiżjoni lill-benefiċjarji tal-miżuri,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja għaż-zjut karburanti ħoxna użati għall-produzzjoni ta' l-alumina b'effett mill-1 ta' Jannar 2004 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

    Artikolu 2

    L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 hi kompatibbli mas-suq komuni sakemm il-benefiċjarji jħallsu għall-inqas 20 % tat-taxxa tas-sisa li kieku kellha titħallas, jew il-minimu ta' taxxa kif determinata mid-Direttiva 2003/96 (EUR 15,00 għal kull 1 000 Kg), liema ammont ikun l-aktar baxx, soġġett għall-kundizzjoni li l-għajnuna tkun limitata għall-massimu ta' 10 snin.

    Artikolu 3

    L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 hi inkompatibbli mas-suq komuni sakemm il-benefiċjarji ma jħallsux għall-inqas ir-rata ta' 20 % tat-taxxa tas-sisa li kieku kellha titħallas, jew il-minimu Komunitarju (EUR 15,00 għal kull 1 000 Kg), liema ammont ikun l-aktar baxxa.

    Artikolu 4

    1.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jirkupraw mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 u li kienet illegalment mogħtija lill-benefiċjarji.

    2.   L-irkupru għandu jsir bla dewmien u skond il-proċeduri tal-liġi nazzjonali sakemm dawn il-proċeduri jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni.

    3.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-interessi mid-data li kienu għad-dispożizzzjoji tal-benefiċjarji sad-data li fiha jkunu rkuprati. L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta b'komformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitlu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (26).

    4.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jikkanċellaw il-ħlas kollu ta' għajnuna pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 3 b'effett mid-data ta' notifika ta' din id-deċiżjoni.

    5.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jiżguraw li din id-deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 5

    Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jissospendu l-ħlas għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2, lill-benefiċjarji li għadhom ma ħallsux lura l-għajnuna li kienet inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 2006/323/KE u għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 ta' din id-deċiżjoni minħabba li kienet għaddiet għand il-benefiċjarji b'mod illegali, bl-interessi.

    Artikolu 6

    1.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom iżommu lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-proċeduri nazzjonali biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni sakemm jintemmu dawn il-proċeduri.

    2.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-ammont totali li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji, filwaqt li jindikaw kemm l-ammont prinċipali u l-interessi billi jużaw it-tabella fl-Anness u jibagħtu rapport dettaljat tal-miżuri li ttieħdu diġà u li huma ppjanati biex ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni. Fl-istess limitu ta' żmien, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dokumenti kollha li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

    3.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Franza l-Irlanda u l-Italja għandhom jibagħtu lill-Kummisjoni l-provi li juru li huma komformi ma' l-Artikolu 6.

    4.   Wara li jiskadu l-perjodi imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, wara talba sempliċi mill-Kummissjoni, Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jibagħtu rapport dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u previsti biex ikunu komformi ma' din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta' għajnuna u l-interessi għall-irkupru diġà koperti mingħand il-benefiċjarji.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, 7 ta' Frar 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 30, 2.2.2002, p. 17, p. 21 u p. 25ĠU C 109, 9.5.2006, p. 2.

    (2)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 12. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 94/74/KE (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 46).

    (3)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 19. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 94/74/KE.

    (4)  ĠU L 84, 23.3.2001, p. 23. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7.12.2005 għal riferenza dettaljata ta' deċiżjonijiet li ttieħdu qabel.

    (5)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

    (6)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

    (7)  ĠU L 119, 4.5.2006, p. 12.

    (8)  Il-Każijiet T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06.

    (9)  ĠU C 249, 14.10.2006, p. 10.

    (10)  Ara n-noti 1 u 7 f'qiegħ il-paġna.

    (11)  Ara www.alcan.com, www.glencore.com u www.eurallumina.com.

    (12)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

    (13)  ĠU C 72, 10.3.1994, p. 3.

    (14)  ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

    (15)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (16)  Ara n-nota 7 f'qiegħ il-paġna.

    (17)  Ara n-nota 7 f'qiegħ il-paġna.

    (18)  Addendum au projet de process verbal, 14140/03, ta' l-24.11.2003, http://register.consilium.eu.int/pdf/en/03/st11/stl4140-ad01.en03.pdf.

    (19)  Id-Dokument tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni: Aspetti ta' għajnuna mill-Istat fil-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar tassazzjoni fuq l-enerġija SEC(2002) 1142 ta' l-24.10.2002. L-istess kliem diġà deher aktar kmieni fir-Rapport lill-Kunsill ta' l-Ecofin u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill (in-nota tal-presidenza tal-Kunsill tal-Coreper/Ecofin tat-13.12.2001,14640/01, FISC 255 tat-30.11.2001). Ara wkoll il-Premessa 63 tad-Deċiżjoni tas-7 ta' Novembru 2005.

    (20)  Ara l-Premessa 10.

    (21)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.6.2004 fil-Każ C42/2003 (ĠU L 165, 25.6.2005, p. 21), id-Deċiżjoni tat-13.2.2002 fil-Każ N449/01 (ĠU C 137, 8.6.2002, p. 24), id-Deċiżjoni tal-11.12.2002 fil-Każ N74/A/2002 (ĠU C 104, 30.4.2003, p. 9) u d-Deċiżjoni tal-11.12.2001 fil-Każijiet NN3A/2001 u NN4A/2001 (ĠU C 104, 30.4.2003, p. 10). Dawn il-każijiet huma partikolarment relevanti, għaliex huma wkoll dwar l-eżenzjonijiet mit-taxxi fuq l-enerġija. Mill-banda l-oħra, indikazzjoni dwar x'tista' l-Kummissjoni tikkunsidra bħala baxx wisq tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż parzjali tat-taxxa fuq l-ilma ta' l-iskart fid-Danimarka, id-Deċiżjoni tat-3.4.2002 fil-Każ NN30/A-C/2001 (ĠU C 292, 27.11.2002, p. 6).

    (22)  COM(2000)678.

    (23)  Ara n-nota 17 ta' qiegħ il-paġna aktar 'il fuq.

    (24)  [1997] ECR I-2549, il-paragrafi 25-27.

    (25)  Kien hemm appell mid-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda skond l-art. 242 tat-Trattat tal-KE, l-appell m'għandux effett ta' sospensjoni.

    (26)  ĠU L 140 tat-30.4.2004, p. 1.


    ANNESS

    Informazzjoni dwar l-ammont ta' għajnuna riċevuta, li trid tiġi rkuprata u li diġà giet irkuprata (*)

    Identità tal-benefiċjarju

    L-ammont totali ta' l-għajnuna riċevuta taħt din l-iskema

    L-ammont totali ta' l-għajnuna rkuprata

    (Prinċipal)

    L-ammont totali diġà mħallas lura

     

     

     

    Prinċipal

    Interessi ta' rkupru

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     


    (*)  miljuni fil-munita nazzjonali.


    Sus