This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006D1639
Decision No 1639/2006/EC of the European Parliament and of the Council of 24 October 2006 establishing a Competitiveness and Innovation Framework Programme (2007 to 2013)
Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013)
Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013)
ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15–40
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1287
9.11.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
15 |
DEĊIŻJONI Nru 1639/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' l-24 ta' Ottubru 2006
li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 156, 157(3) u 175(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 stabbilixxa l-għan li l-Unjoni Ewropea ssir l-ekonomija msejsa fuq l-għarfien l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja. Saħaq fuq l-importanza li tinħoloq klima favorevoli għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u qies bħala importanti t-tixrid ta' l-aħjar prattika u l-assigurazzjoni ta' konverġenza akbar bejn l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew ta' Gothenburg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 laħaq ftehim dwar l-Istrateġija ta' l-Unjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli li għandha l-għan li tassigura li t-tkabbir ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta' l-ambjent jimxu id f'id. Il-modalitajiet ta' produzzjoni ta' l-intrapriżi għandhom rwol importanti fl-iżvilupp sostenibbli. |
(2) |
Sabiex isir kontribut lejn it-titjib tal-kompetittività u l-kapaċità għall-innovazzjoni fil-Komunità, l-avvanz tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, u l-iżvilupp sostenibbli msejjes fuq it-tkabbir ekonomiku bbilanċjat, għandu jiġi stabbilit Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kwadru”). |
(3) |
Dan huwa konformi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2005 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa msejħa “Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi – bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona”, li ssejjaħ għal azzjoni li twassal għal tkabbir u kompetittività u li tagħmel lill-Ewropa post iktar attraenti fejn wieħed jinvesti u jaħdem, u tfakkar li l-inizjattiva intraprenditorjali għandha tkun stimolata, kapital ta' riskju suffiċjenti għandu jiġi attirat sabiex jinbdew in-negozji, u għandha tiġi sostnuta bażi industrijali Ewropea b'saħħitha filwaqt li tkun promossa l-innovazzjoni, b'mod partikolari l-eko-innovazzjoni, l-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' l-informatika u l-komunikazzjoni (ICT) u l-użu sostenibbli tar-riżorsi). Filwaqt li l-kompetittività hija fil-biċċa l-kbira mmexxija minn negozji enerġetiċi li joperaw fi swieq miftuħa u kompetittivi u li huma appoġġati mill-kundizzjonijiet ta' qafas xierqa, partikolarment minn qafas regolatorju li jwassal għall-innovazzjoni, il-finanzjament Komunitarju għandu rwol xi jwettaq billi jagħti appoġġ u jipprovdi finanzjament kumplimentari sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' falliment tas-suq. |
(4) |
Il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Karta”), iffirmata mill-Kunsill Ewropew f'Santa Maria de Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000, tiddeskrivi l-intrapriżi ż-żgħar bħala s-sinsla ta' l-ekonomija Ewropea. In-natura speċifika, ir-rekwiżiti u l-aspettattivi ta' l-intrapriżi ż-żgħar u tas-snajja' għandhom jiġu kkunsidrati b'mod iktar effettiv fil-politika nazzjonali u Ewropea. Il-miżuri Komunitarji biex jippromwovu l-SMEs, bħall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-10 ta' Novembru 2005 msejħa “L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona – Politika Moderna ta' l-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi”, għandhom jikkunsidraw l-għanijiet stabbiliti fil-Karta, u l-Programm Kwadru għandu jintuża bħala mezz ta' progress lejn l-għanijiet stabbiliti minnha. |
(5) |
Il-Programm Kwadru għandu jindirizza b'mod partikolari lill-SMEs, kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar it-tifsira ta' intrapriżi micro, żgħar u ta' daqs medju (4). Għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-karatteristiċi u r-rekwiżiti speċifiċi ta' “gazelles” kif ukoll ta' gruppi speċifiċi ta' mikrointrapriżi u intrapriżi tas-snajja, u gruppi speċifiċi li jinkludu intraprendituri nisa. |
(6) |
Il-Programm Kwadru għandu jgħaqqad flimkien dawk il-miżuri Komunitarji speċifiċi fil-qasam ta' l-intraprenditorjat, l-SMEs, il-kompetittività industrijali, l-innovazzjoni, l-ICT, it-teknoloġiji ambjentali u l-enerġija intelliġenti li, s'issa, kienu rregolati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/413/KE tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar l-implimentazzjoni ta' programm Komunitarju ta' azzjoni li jsaħħaħ il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea (5), id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar serje ta' linji gwida għan-networks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet (6), ir-Regolament (KE) Nru 1655/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE) (7), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorjat, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (2001-2005) (8), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/48/KE tat-22 ta' Diċembru 2000 li jadotta programm pluriennali Komunitarju biex jistimula l-iżvilupp u l-użu tal-kontenut diġitali Ewropew fin-network globali u biex imexxi 'l quddiem id-diversità lingwistika fis-soċjeta' ta' l-informazzjoni (9), id-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar programm multi-annwali għall-azzjoni fil-qasam ta' l-enerġija: 'Enerġija Intelliġenti – Ewropa' (2003-2006) (10) bil-għan li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli fil-kuntest ta' l-enerġija u d-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 li jadotta programm multi-annwali (2003-2005) għall-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, it-tixrid ta' l-aħjar prattiki u t-titjib tan-networks u s-sigurtà ta' l-informazzjoni (MODINIS) (11). |
(7) |
Il-Programm Kwadru għandu jistabbilixxi numru ta' għanijiet komuni, kif ukoll il-pakkett finanzjarju totali biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, tipi differenti ta' miżuri ta' implimentazzjoni, u l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u għall-ħarsien ta' l-interessi finanzjari tal-Komunitajiet. |
(8) |
Skond il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003 msejħa 'Politika ta' Innovazzjoni: aġġornament ta' l-approċċ ta' l-Unjoni fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Liżbona' u fid-dawl tal-Manwal ta' Oslo ta' l-OECD, l-innovazzjoni tinkludi t-tiġdid u t-tkabbir ta' firxa ta' prodotti u servizzi u s-swieq assoċjati; it-twaaqif ta' metodi ġodda ta' tfassil, produzzjoni, forniment u distribuzzjoni; l-introduzzjoni ta' tibdil fl-amministrazzjoni, fl-organizzazzjoni tax-xogħol, u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema u tkopri l-innovazzjoni teknoloġika, l-innovazzjoni mhux teknoloġika u dik ta' l-organizzazzjoni. |
(9) |
Il-Programm Kwadru għandu jeskludi attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku mwettqa skond l-Artikolu 166 tat-Trattat. Hu għandu jkun komplementari għas-Seba' Programm Kwadru Komunitarju għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (12) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “is-Seba' Programm RTD”) , billi jittratta l-innovazzjoni, li tinkludi l-innovazzjoni mhux teknoloġika kif ukoll dik teknoloġika, li tkun għaddiet lilhinn mill-fażi ta' dimostrazzjoni finali u tkun lesta għall-produzzjoni kummerċjali (l-ittestjar ta' innovazzjonijiet għall-applikazzjoni fis-swieq). Għandu jkun aċċertat li ma jkunx hemm differenza fl-iffinanzjar bejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni tar-riċerka (attivitajiet ta' trasferiment tat-teknoloġija li jinkludu l-fażi 'pre-seed'). B'hekk l-iffinanzjar tat-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka għall-kummerċjalizzazzjoni hu xogħol li jrid jitwettaq f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u ma' programmi oħra rilevanti ta' riċerka. |
(10) |
Il-Programm Kwadru għandu jkopri wkoll il-produzzjoni kummerċjali ta' teknoloġiji eżistenti li jkunu ser jintużaw b'mod ġdid u innovattiv. F'ċerti ċirkostanzi, proġetti pilota għal dimostrazzjoni teknoloġika tkun koperta f'żewġ programmi, iġifieri fil-Programm Kwadru u fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka. Dan jiġri biss meta ċerti soluzzjonijiet teknoloġiċi (pereżempju standards tekniċi fil-qasam ta' l-ICT) iridu jiġu validati waqt il-fażi tal-produzzjoni kummerċjali ta' teknoloġija diġà dimostrata b'mod ieħor. |
(11) |
Il-Programm Kwadru għandu jikkomplementa l-Fondi Strutturali u programmi rilevanti oħra tal-Komunità, filwaqt li jirrikonoxxi li kull strument għandu jaħdem skond il-proċeduri speċifiċi tiegħu stess. B'hekk, l-istess spejjeż eliġibbli m' għandhomx jirċievu finanzjament doppju. |
(12) |
L-għanijiet komuni tal-Programm Kwadru għandhom jitwettqu permezz ta' programmi speċifiċi msejħa “Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni”, “il-Programm għall-appoġġ tal-politika dwar l-ICT”, u “l-Programm għall-Enerġija Intelliġenti – Ewropa”. |
(13) |
Il-prinċipji tat-trasparenza u ta' l-opportunità indaqs bejn is-sessi għandhom jiġu kkunsidrati fil-programmi u fl-attivitajiet kollha koperti mill-Programm Kwadru. |
(14) |
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għad-dewmien kollu tal-Programm Kwadru, pakkett finanzjarju li huwa r-referenza ewlenija fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u amministrazjoni finanzjarja soda (13), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(15) |
Baġit speċifiku u indikattiv għandu jiġi rriservat għal kull programm speċifiku. |
(16) |
Sabiex ikun żgurat li l-finanzjament jindirizza biss il-fallimenti tas-suq, u bil-ħsieb li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq, il-finanzjament mill-Programm Kwadru għandu jkun konformi mar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat u l-istrumenti li jakkompanjawh u d-definizzjoni Komunitarja ta' SMEs għandhom ikunu fis-seħħ. |
(17) |
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ŻEE”) u l-protokolli għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdu għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati fi programmi Komunitarji. Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi għandha tkun possibbli fejn jippermettu l-Ftehim u l-proċeduri. |
(18) |
Il-Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi għandhom jiġu ssorveljati u evalwati regolarment sabiex ikunu jistgħu jiġu aġġustati mill-ġdid. Fejn ikun possibbli, rapporti ta' evalwazzjoni għandhom jeżaminaw l-integrazzjoni tas-sessi fl-attivitajiet tal-programm. |
(19) |
Miżuri xierqa għandhom jittieħdu wkoll sabiex ma jitħallewx iseħħu irregolaritajiet u frodi u l-passi meħtieġa għandhom jittieħdu sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa meta mhux dovuti jew użati ħażin skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (14) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħra (15) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Ufiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (16). |
(20) |
It-tkabbir u l-kompetittività ta' l-intrapriżi fis-setturi industrijali u dawk tas-servizzi jiddependu fuq il-ħila tagħhom li jaġġustaw malajr għall-bidla, li jisfruttaw il-potenzjal innovattiv tagħhom u li jiżviluppaw prodotti ta' kwalità għolja. Din l-isfida tikkonċerna intrapriżi ta' kull daqs, iżda hija partikolarment serja għal intrapriżi iżgħar. Huwa għalhekk xieraq li jkun stabbilit il-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni. |
(21) |
Il-Komunità tista' tkun il-katalista u l-koordinatriċi ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri. Tista' tikkontribbwixxi għar-riżultati tagħhom u tikkomplementahom, partikolarment billi tippromwovi l-iskambju ta' esperjenzi u prassi nazzjonali u reġjonali, billi tiddefinixxi u xxerred l-aħjar prassi, u ideat innovattivi, u billi tikkontribwixxi lejn id-disponibbiltà tal-provvista ta' servizzi ma' l-Ewropa kollha li jappoġġjaw lin-negozji u l-innovazzjoni, partikolarment għall-SMEs. |
(22) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2004 imsejjaħ 'It-Tħeġġiġ tat-Teknoloġiji għall-Iżvilupp Sostenibbli: Pjan ta' Azzjoni dwar it-Teknoloġiji Ambjentali għall-Unjoni Ewropea' jsejjaħ għal programmi Komunitarji li jappoġġaw l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ambjentali u jsejjaħ għall-mobilizzazzjoni ta' strumenti finanzjarji sabiex jaqsmu r-riskji ta' investiment f'teknoloġiji ambjentali. |
(23) |
Biex jgħinu fil-ħolqien ta' suq Ewropew għal prodotti u servizzi innovattivi, huwa meħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni joħolqu kondizzjonijiet tajbin għal prodotti u servizzi innovattivi, inkluż permezz ta' approċċ proattiv għall-akkwist pubbliku sabiex jgħin fil-ħolqien ta' swieq ewlenin, filwaqt li jkun imtejjeb l-aċċess għall-SMEs u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, u permezz ta' regolamenti u standards aħjar ibbażati fuq antiċipazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fuq il-kwistjoni ta' akkwist pubbliku favur l-innovazzjoni. |
(24) |
Rigward l-innovazzjoni teknoloġika, l-SMEs għandhom ikunu mħeġġa biex jinvolvu ruħhom fis-setturi tat-teknoloġija għolja bħall-ispazju u s-sigurtà u biex jiżviluppaw applikazzjonijiet offruti mis-sistema tal-pożizzjoni bis-satellita Galileo. |
(25) |
L-eko-innovazzjoni hi kwalunkwe forma ta' innovazzjoni mmirata lejn progress sinifikattiv u dimostrabbli għall-għan ta' żvilupp sostenibbli, billi jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent jew billi jintlaħaq użu iktar effiċjenti u responsabbli ta' riżorsi naturali, inkluża l-enerġija. L-eko-innovazzjoni hi kunċett progressiv u l-Programm Kwadru irid għalhekk jibqa' jirrispondi għal bidliet. Il-promozzjoni ta' l-eko-innovazzjoni permezz tal-Programm Kwadru għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Teknoloġiji Ambjentali. |
(26) |
Meta wieħed jikkunsidra l-attivitajiet tal-Programm ta' l-Ambjent LIFE+ (“LIFE+”), il-Programm Kwadru għandu jinkoraġġixxi l-addozzjoni ta' teknoloġiji ambjentali permezz ta' proġetti pilota u proġetti li jirriproduċu s-suq, filwaqt li jqarreb id-dimostrazzjoni b'suċċess ta' teknoloġiji innovattivi u l-addozzjoni fis-suq u billi jneħħi l-ostakli għall-penetrazzjoni fis-suq, jippromwovi approċċi volontarji f'oqsma bħal dik tat-tmexxija ambjentali, u billi joħloq networks bejn il-partijiet relevanti. Għandu jappoġġja l-eko-innovazzjoni minn intrapriżi permezz ta' proġetti u investiment konġunt f'fondi ta' kapital ta' riskju, iżda m'għandhux jiffinanzja doppjament l-istess spejjeż li jieħdu fondi minn LIFE+. |
(27) |
Strumenti finanzjarji Komunitarji msejsa fuq is-suq għall-SMEs jikkomplementaw u jżidu l-influwenza ta' skemi finanzjari fil-livell nazzjonali. Dawn jistgħu jrawwmu b'mod partikolari l-investiment privat għall-ħolqien ta' kumpanniji innovattivi ġodda, u jappoġġjaw kumpanniji b'potenzjal qawwi għat-tkabbir fil-fażi ta' espansjoni tagħhom sabiex inaqqsu nuqqas ta' interess azzjonarju magħruf. Dawn jistgħu jtejbu l-aċċess ta' l-SMEs eżistenti għall-finanzi tas-self għal attivitajiet li jappoġġjaw il-kompetittività u l-potenzjal għat-tkabbir tagħhom. |
(28) |
Il-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) huwa l-għodda speċjalizzata tal-Komunità li għandha l-għan li tipprovdi kapital ta' riskju u strumenti ta' garanzija għall-SMEs. Jagħti attenzjoni speċjali biex jappoġġja l-mikro-ffinanzjar kif ukoll l-iffinanzjar fi stadju bikri skond id-domanda tas-suq u l-aħjar prassi. Dan jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet Komunitarji, inklużi soċjetà msejsa fuq l-għarfien, l-innovazzjoni, it-tkabbir, l-impjiegi u l-promozzjoni ta' spirtu intraprenditorjali. L-EIF jiżgura l-kontinwità meħtieġa fit-tmexxija tal-programmi Komunitarji u għandu esperjenza estensiva f'dan il-qasam. It-tħaddim ta' l-istrumenti finanzjari Komunitarji għall-SMEs mill-EIF f'isem il-Kummissjoni għalhekk tqies bħala prassi tajba mill-evalwazzjonijiet indipendenti. L-EIF għandha wkoll it-tagħrif espert sabiex tappoġġja azzjonijiet li qed jitfaċċaw imsejsa fuq assoċjazzjonijiet pubbliċi-privati imnedija mill-Istati Membri bil-għan li jiġbdu għejun ta' investiment ta' riskju għoli mis-swieq tal-kapital għall-benefiċċju tan-negozji innovattivi żgħar. |
(29) |
Bidliet li se jseħħu dalwaqt fl-ambjent finanzjarju u standards ta' kontabilità ġodda jagħmlu l-istituzzjonijiet finanzjarji iktar sensittivi għar-riskju, iwasslu għal kultura ta' klassifikazzjoni (rating), u jistgħu jnaqqsu l-provvista ta' kreditu lill-SMEs, għallinqas waqt fażi tranżitorja. Il-programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni għandu għalhekk iwieġeb għall-ħtiġijiet finanzjarji li qed jinbidlu ta' l-SMEs, inkluża l-ħtieġa għall-finanzjament mill-qrib u l-adattament tagħhom għall-ambjent finanzjarju l-ġdid filwaqt li jiġi evitat it-tagħwiġ tas-suq. Barra minn hekk, l-attivitajiet għandhom jikkontribwixxu biex itejbu l-kapaċitajiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji li jevalwaw ir-riskju relatat ma' l-innovazzjoni, bil-ħsieb li tkun żviluppata klassifikazzjoni tat-teknoloġija u biex itejbu l-kapaċitajiet ta' l-SMEs biex jużaw aħjar l-istrumenti ta' ffinanzjar ipprovduti mis-swieq. |
(30) |
Servizzi bi kwalità għolja li jappoġġjaw in-negozji u l-innovazzjoni għandhom irwol importani fl-assigurazzjoni ta' l-aċċess ta' l-SMEs għal informazzjoni marbuta mal-ħidma u l-opportunitajiet tas-suq intern għal prodotti u servizzi kif ukoll fit-trasferiment transnazzjonali ta' l-innovazzjoni, l-għarfien u t-teknoloġija. Għandhom ukoll irwol essenzjali xi jwettqu billi jiffaċilitaw l-aċċess ta' l-SMEs għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tapplika għalihom u dwar leġiżlazzjoni futura li jistgħu jlestu għaliha u li jistgħu jadattaw b'mod ekonomikament vijabbli. Ġew żviluppati ħafna esperjenzi u ħiliet permezz ta' networks Ewropej eżistenti ta' sostenn għan-negozji, bħaċ-Ċentri ta' Informazzjoni dwar l-Euro (Euro Info Centres – EICs) u ċ-Ċentri ta' Trasmissjoni ta' l-Innovazzjoni (Innovation Relay Centes – IRCs). Evalwazzjonijiet esterni saħqu li l-irwol orizzontali fl-għoti ta' servizzi Ewropej ta' sostenn għan-negozji għandu jissaħħaħ, inkluż permezz ta' l-aħjar użu mill-koperazzjoni bejn servizzi eżistenti u dipartimenti ta' għajnuna bil-ħsieb li jinħoloq “one-stop shop” fuq il-bażi ta' impenn ta' “no wrong door”. Dan jikkonċerna t-tixrid ta' informazzjoni dwar programmi Komunitarji u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta' SMEs f'dawk il-programmi, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni ta' SMEs fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka. L-evalwazzjonijiet saħqu wkoll fuq l-importanza li tkun iffaċilitata l-interazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-SMEs. |
(31) |
Il-Komunità għandha tgħammar lilha nnifisha b'bażi analitika soda sabiex tappoġġja t-tfassil tal-politika fl-oqsma ta' l-SMEs, l-intraprenditorjat, l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-setturi industrijali. Bażi bħal din għandha żżid il-valur ta' l-informazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali f'dawk l-oqsma. Il-Komunità għandha tipprovdi għall-iżvilupp komuni ta' l-istrateġiji tal-kompetittività fis-setturi ta' l-industrija u tas-servizzi, u għall-promozzjoni ta' l-aħjar prassi fir-rigward ta' ambjent u kultura intraprenditorjali, inklużi ħiliet, responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji u opportunitajiet indaqs għas-sessi, u għall-promozzjoni permezz, inter alia, ta' edukazzjoni u taħriġ kontinwu, u mill-iskola sa edukazzjoni ogħla, ta' l-iżvilupp ta' imprendituri żgħażagħ. |
(32) |
Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel ta' l-20 u l-21 ta' Marzu 2003 ta prijorità lill-innovazzjoni u l-intraprenditorjat u saħaq fuq il-ħtieġa 'li l-Ewropa tagħmel iżjed biex tibdel l-ideat f'valur miżjud reali. Dan sejjaħ għal iktar azzjoni sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li fihom in-negozju jasal għall-innovazzjoni. Il-mudell lineari ta' l-innovazzjoni, li jassumi li r-riċerka twassal direttament għall-innovazzjoni, wera li mhuwiex biżżejjed biex ifisser ir-rendiment ta' l-innovazzjoni u biex ifassal reazzjonijiet xierqa ta' politika ta' innovazzjoni. L-għarfien li l-intrapriżi huma fil-qalba tal-proċess ta' l-innovazzjoni, il-fondi sabiex ikunu mħeġġa l-attivitajiet ta' innovazzjoni ta' l-intrapriżi u t-tħejjija ta' l-adozzjoni ta' l-innovazzjoni fis-suq kif ukoll it-tmexxija ta' l-innovazzjoni u l-kultura ta' l-innovazzjoni għandhom għalhek jiffurmaw parti mill-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni. Dan għandu jgħin sabiex ikun żgurat li l-innovazzjoni taħdem biex tippromwovi l-kompetittività u tiġi mwettqa fil-prattika fuq livell ta' negozju. Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tal-25 u s-26 ta' Marzu 2004 żied li t-teknoloġiji nodfa huma essenzjali sabiex ikunu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji bejn l-intrapriżi u l-ambjent. Il-promozzjoni ta' l-eko-innovazzjoni, li tinkludi teknoloġiji nodfa innovattivi, tista' tgħinhom jisfruttaw il-potenzjal tagħhom. |
(33) |
Is-suq għat-trasferiment u l-assorbiment ta' l-għarfien ħafna drabi mhuwiex trasparenti, u n-nuqqas ta' informazzjoni u n-nuqqas ta' konnessjonijiet joħloq xkiel għas-suq. In-negozji jsibuha wkoll diffiċli li jinkorporaw teknoloġiji li mhumiex parti mill-qasam tradizzjonali ta' attività tagħhom u li jiksbu aċċess għal tipi ġodda ta' ħiliet. Riskji finanzjarji jistgħu jkunu għolja għall-innovazzjoni, jista' jkun hemm dewmien qabel isir profitt minħabba xkiel ta' żvilupp u t-taxxa tista' ma' tkunx newtrali bejn is-suċċess u l-falliment. Jista' jkun hemm nuqqas tal-ħiliet meħtieġa sabiex ikunu sfruttati l-opportunitajiet. Xkiel istituzzjonali jew regolatorju jista' jdewwem jew ifixkel l-iżvilupp ta' swieq ġodda u l-aċċess għalihom. Liġijiet dwar falliment jistgħu joħolqu nuqqas ta' inċentivi biex jittieħed riskju intraprenditorjali minħabba biża' ta' falliment. Barra minn hekk, ċirkostanzi ekonomiċi jistgħu jiddeterminaw jekk l-innovazzjoni sseħħx jew le. L-iżvilupp ta' ambjent tax-xogħol li jwassal għall-intraprenditorjat, il-kompetittività u l-innovazzjoni għandu jinkludi t-titjib fir-riforma ekonomika u amministrattiva relatata ma' l-intrapriża u l-innovazzjoni, b'mod partikolari għal kompetittività ikbar, għal tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi għall-SMEs u għal ambjent regolatorju aħjar għall-intraprenditorjat, għall-ħolqien tan-negozju u għat-trasferiment, it-tkabbir u l-innovazzjoni tan-negozju. |
(34) |
Dak ix-xkiel għad-dħul fis-suq ta' teknoloġiji innovattivi huwa partikolarment rilevanti għat-tekonoloġiji ambjentali. Il-prezzijiet tas-suq ħafna drabi ma jirriflettux kompletament l-ispejjeż ambjentali tal-prodotti u servizzi. Il-parti ta' l-ispejjeż li ma tkunx riflessa fil-prezzijiet tas-suq tinġarr mis-soċjetà kollha kemm hi, u mhux mill-produtturi tat-tniġġis. Dan il-falliment tas-suq, flimkien ma' l-interess Komunitarju li jkunu ppreżervati r-riżorsi, li jkun evitat it-tniġġis u li l-ambjent jitħares b'mod iktar ekonomikament vijabbli, jiġġustifika l-appoġġ imsaħħaħ għall-eko-innovazzjoni. |
(35) |
L-azzjonijiet għall-innovazzjoni tal-Komunità għandhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp tal-politika dwar l-innovazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u li jiffaċilitaw l-isfruttament ta' sinerġija bejn il-politika u attivitajiet ta' sostenn nazzjonali, reġjonali u Ewropej. Il-Komunità tista' tiffaċilità l-iskambji trans-nazzjonali, t-tagħlim reċiproku u n-networking u tista' tmexxi l-kooperazzjoni fil-politika dwar l-innovazzjoni. In-networking bejn il-partijiet interessati huwa essenzjali sabiex jiffaċilita l-fluss ta' l-għarfien u l-ideat li huma meħtieġa għall-innovazzjoni. |
(36) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill approvata fil-Kunsill tat-Telekommunikazzjonijiet fi Brussel tad-9 ta' Diċembru 2004 tipprovdi l-bażi għall-proposta ta' inizjattiva ġdida dwar is-soċjetà ta' l-infomazzjoni sabiex isaħħaħ il-kontribut tas-soċjetà ta' l-informazzjoni għar-rendiment ta' l-Ewropa. Fil-Komunikazzjoni tagħha hawn fuq imsemmija tat-2 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni tipproponi li l-isforzi jkunu ffokati fuq “it-twettiq ta' tkabbir iktar b'saħħtu u fit-tul u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u aħjar”. Din tagħti importanza lill-adozzjoni ta' l-ICTs kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku bħala element ewlieni fit-titjib tal-prestazzjoni ta' l-innovazzjoni u l-kompetittività ta' l-Ewropa. Il-Programm ta' appoġġ għall-politika dwar l-ICT għandu għalhekk jiġi stabbilit. |
(37) |
L-azzjonijiet taħt il-Programm ta' appoġġ għall-Politika dwar l-ICT għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet ta' l-istrateġija ta' l-i2010, filwaqt li jikkunsidraw Programmi Komunitarji oħra fil-qasam ta' l-ICT biex jiġu evitati sforzi doppji. |
(38) |
L-ICTs jipprovdu s-sinsla għall-ekonomija ta' l-għarfien. Huma responsabbli għal madwar nofs it-tkabbir tal-produttività f'ekonomiji moderni u joffru soluzzjonijiet uniċi sabiex ikunu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà. It-titjib tas-settur pubbliku u s-servizzi ta' interess ġenerali għandu jseħħ b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-linji politiċi Komunitarji rilevanti, per eżempju, fl-oqsma tas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ambjent, it-trasport u l-iżvilupp u l-kompetizzjoni tas-suq intern. |
(39) |
L-adozzjoni u l-aħjar użu ta' soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-ICT għandhom ikunu stimolati partikolarment għas-servizzi f'oqsma ta' interess pubbliku, li jinkludu t-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta' gruppi żvantaġġati bħall-persuni b'diżabilità jew l-anzjani. Is-sostenn Komunitarju għandu wkoll jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet għall-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni madwar l-Istati Membri. |
(40) |
L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm eTEN (Network Trans-Ewropea għat-Telecom) tirrakkomanda li jintuża approċċ immexxi mid-domanda għall-interventi Komunitarji lil proġetti li jappoġġaw servizzi trans-Ewropej f'oqsma ta' interess pubbliku. |
(41) |
Il-Komunikazzjonijet eGovernment u eHealth mill-Kummissjoni u konklużjonijiet relatati tal-Kunsill, sejħu għal żieda fl-isforzi għall-innovazzjoni, l-iskambju ta' l-aħjar prassi, l-interoperabilità u identifikaw il-ħtieġa għal iżjed sinerġiji bejn programmi relatati tal-Komunità. L-interoperabilità hi ta' importanza kbira għall-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni. |
(42) |
Qafas leġiżlattiv ġie ddefinit fid-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-ħarsien legali ta' databases (17), id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjeta' ta' l-informazzjoni (18) u d-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (19) sabiex jindirizza l-isfidi tal-kontenut diġitali fis-soċjetà ta' l-informazzjoni. |
(43) |
Prassi differenti bejn l-Istati Membri joħolqu xkiel tekniku li jfixlu l-aċċess wiesa' u l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Unjoni. |
(44) |
Azzjonijiet Komunitarji dwar il-kontenut diġitali għandhom iqisu l-ispeċifiċità multilingwistika u multikulturali tal-Komunità. |
(45) |
Ir-riżorsi naturali, li l-użu prudenti u razjonali tagħhom huwa previst fl-Artikolu 174 tat-Trattat, jinkludu, minbarra sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija, iż-żejt, il-gass naturali u fjuwils solidi, li huma sorsi essenzjali ta' l-enerġija imma huma wkoll is-sorsi ewlenin ta' l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju. |
(46) |
Il-Green Paper tal-Kummissjoni msejħa “Lejn strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija” uriet li l-Unjoni qiegħda ssir dejjem iżjed dipendenti fuq sorsi esterni ta' l-enerġija u li d-dipendenza tagħha tista' titla' għal 70 % fi żmien 20-30 sena. Għalhekk din saħqet fuq il-ħtieġa li l-politika tal-provvista tkun ibbilanċjata ma' azzjoni ċara għal politika tad-domanda u sejħet għal konsum immexxi aħjar u li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, partikolarment fis-setturi tat-trasport u l-bini. Din sejħet ukoll sabiex tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' sorsi ġodda u li jiġġeddu fuq in-naħa tal-provvista ta' l-enerġija sabiex iwieġbu għall-isfida ta' żieda fit-temperatura globali u sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit diġà minn pjanijiet ta' azzjoni u riżoluzzjonijiet li saru qabel ta' 12 % enerġija minn sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija fil-konsum gross intern sal-2010. |
(47) |
Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu fis-suq intern ta' l-elettriku (20) teħtieġ l-Istati Membri li jistipulaw għanijiet nazzjonali indikattivi konsistenti ma' l-għan gloabli indikattiv tal-Komunità ta' 12 % tal-konsum nazzjonali gross ta' l-enerġija sa l-2010 u partikolarment mas-sehem indikattiv ta' 22,1 % elettriku prodott minn sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija fil-konsum totali ta' l-elettriku tal-Komunità sa l-2010. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2004 msejħa 'Is-sehem ta' l-enerġija li tiġġedded fl-UE', wissiet li l-għan ta' sehem ta' 12 % ta' enerġija li tiġġedded mill-konsum globali ta' enerġija fil-Komunità fl-2010 mhux se jintlaħaq sakemm ma tittiħidx azzjoni konsiderevoli addizzjonali. |
(48) |
Id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar ir-rendiment f'termini ta' enerġija tal-bini (21) teħtieġ l-Istati Membri li japplikaw rekwiżiti minimi ta' rendiment ta' l-enerġija għall-bini ġdid u eżistenti, sabiex jiżguraw iċ-ċertifikazzjoni ta' l-enerġija tal-bini u jeħtieġu spezzjonijiet regolari tal-bojlers u tas-sistemi ta' l-air-conditioning fil-bini. |
(49) |
Id-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2003 dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' bijo-fjuwils jew fjuwils oħra li jiġġeddu għat-trasport (22) teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li proporzjon minimu ta' bijo-fjuwils jew fjuwils oħra li jiġġeddu jitqiegħdu fis-suq tagħhom. |
(50) |
Id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni tal-ko-ġenerazzjoni bbażata fuq domanda ta' sħana utli fis-suq intern ta' l-enerġija u li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (23) teħtieġ l-Istati Membri li jwettqu analiżi tal-potenzjal tagħhom għal ko-ġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u li jwaqqfu skemi ta' sostenn li jirrifletu l-potenzjali nazzjonali identifikati. |
(51) |
Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri Komunitarji, sabiex ikun hemm iktar penetrazzjoni fis-suq għas-sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija u sabiex titjieb l-effiċjenza ta' l-enerġija, jeħtieġ programmi ta' promozzjoni speċifiċi fuq livell Komunitarju sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-mixja lejn sistemi ta' enerġija sostenibbli, partikolarment sabiex jappoġġaw l-istandardizzazzjoni ta' tagħmir li jipproduċi jew jikkonsma sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija, sabiex tiżdied l-adozzjoni tat-teknoloġija u sabiex tinfirex l-aħjar prassi fi tmexxija tad-domanda. Dan japplika wkoll għal miżuri Komunitarji marbuta ma' l-ittikkettar ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija ta' tagħmir elettriku, elettroniku, ta' l-uffiċċju u tal-komunikazzjonijiet u l-istandardizzazzjoni ta' tagħmir tad-dawl, tas-sħana u ta' l-air-conditioning. Il-Programm dwar Enerġija Intelliġenti – Ewropa għandu għalhekk jiġi stabbilit. |
(52) |
Il-programm dwar L-Enerġija Intelliġenti – Ewropa għandu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali li jkunu mtejba d-diversifikazzjoni ta' l-enerġija u s-sigurtà tal-forniment, u li tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpanniji fl-Unjoni, b'mod partikolari ta' l-SMEs, filwaqt li jkun protett l-ambjent u jintlaħqu l-impenji internazzjonali f'dan il-qasam. Il-miżuri fil-programm speċifiku għal titjib fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għandhom jiffukaw ukoll fuq it-titjib teknoloġiku fi proċessi tal-produzzjoni u jipproponu gwadann fl-effiċjenza permezz ta' loġistiċi aħjar tat-trasport. |
(53) |
Sabiex jintlaħaq l-impatt kollu ta' l-istrateġija stabbilita għall-enerġija sostenibbli jeħtieġ mhux biss kontinwità mas-sostenn Komunitarju għall-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni u t-tneħħija ta' xkiel eżistenti mhux teknoloġiċi permezz ta' kampanji msaħħa ta' promozzjoni, iżda, u fuq kollox, sostenn sabiex l-investiment ikun aċċellerat u sabiex titħeġġeġ l-adozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi madwar il-Komunità. |
(54) |
Flimkien ma' vantaġġi ambjentali, sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu u l-effiċjenza ta' l-enerġija jinsabu fl-iktar industriji li qed jikbru malajr fil-Komunità, u joħolqu impjiegi ġodda u innovattivi. L-industrija Ewropea ta' l-enerġija li tiġġedded qiegħda fuq quddiem fid-dinja fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-ġenerazzjoni ta' enerġija elettrika li tiġġedded. Tali teknoloġiji joffru benefiċċji għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u jevitaw il-ħela tar-riżorsi. |
(55) |
Id-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE se tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006. |
(56) |
Tlieta mill-erba' oqsma speċifiċi tal-programm stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE għandhom jitkomplew taħt dan il-Programm Kwadru: (i) il-promozzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu razzjonali tar-riżorsi ta' l-enerġija ('SAVE'); (ii) il-promozzjoni ta' sorsi ta' l-enerġija ġodda u li jiġġeddu ('ALTENER'); u (iii) il-promozzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija ġodda u li jiġġeddu fit-trasport ('STEER'). |
(57) |
Id-dimensjoni internazzjonali ('COOPENER') tal-programm stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE għandha titkompla fil-qafas ta' l-istrumenti Komunitarji ġodda għall-għajnuna esterna bħala parti minn programm tematiku dwar l-ambjent u l-amministrazzjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali li jinkludu l-enerġija. Madankollu, għandu jkun hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-parti rilevanti tal-programm tematiku u l-Programm dwar l-Enerġija Intelliġenti – Ewropa biex tgħin lill-SMEs jieħdu vantaġġ mis-swieq potenzjali għal enerġija intelliġenti li jeżistu barra l-Ewropa. |
(58) |
Skond il-prinċipji ta' tmexxija tajba u regolamenti aħjar, il-Kummissjoni kkummissjonat esperti indipendenti sabiex iwettqu evalwazzjoni ex-ante ta' programm Komunitarju plurijennali mġedded fil-qasam ta' l-enerġija sabiex isegwi l-Programm dwar l-Enerġija Intelliġenti – Ewropa li għaddej bħalissa wara l-31 ta' Diċembru 2006. Fir-rapport tagħhom, l-esperti kkonkludew dwar il-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità tal-Programm dwar l-Enerġija Intelliġenti – Ewropa wara l-2006, u sabiex ikun imġedded fi strument iktar komprensiv u ambizzjuż. Dak il-Programm għandu jkun stabbilit ukoll bil-ħsieb li s-saħħa u l-eċċellenza Ewropej fil-qasam tat-teknoloġiji ta' l-enerġija sostenibbli u l-applikazzjoni tagħhom ikunu mtejba iktar. |
(59) |
Għandha tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jintlaħaq użu faċli u simplifikazzjoni amministrattiva fl-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u tqassam b'mod wiesa' gwida għall-utent li tistabbilixxi qafas ċar, sempliċi u trasparenti ta' prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji fil-Programm Kwadru. Dan għandu b'mod partikolari jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs. Il-gwida għall-utent għandu jiddeskrivi d-drittijiet u l-obbligi tal-benefiċjarji; dispożizzjonijiet finanzjarji bħal spejjeż eliġibbli u rati ta' sostenn; prinċipji li jirregolaw ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi, b'mod partikolari proċeduri ta' applikazzjonijiet li jkunu faċli biex jintużaw li jużaw proċess ta' applikazzjoni fuq żewġ stadji fejn ikun xieraq u bil-kondizzjoni li tali proċedura ma tkunx qed iżżid il-perjodu ta' żmien bejn l-evalwazzjoni u l-firma tal-kuntratt; ir-regoli għall-użu u t-tixrid tar-riżultati tal-proġett; u prinċipji għall-evalwazzjoni, l-għażla u l-għoti ta' proposti. |
(60) |
Il-Kummissjoni tista' tuża, fuq bażi ta' analiżi tal-benefiċċju ekonomiku, aġenzija eżekuttiva ġdida jew eżistenti għall-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li għandhom jingħataw ċerti dmirijiet fl-immaniġġar ta' programmi Komunitarji (24). |
(61) |
Il-Programm ta' Qafas għandu jgħin ukoll fil-ħsieb dwar l-istrutturi u l-ħtiġijiet futuri għal linji politiċi Ewropej għall-innovazzjoni. |
(62) |
Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni li jikkonċernaw it-titjib tal-kompetittività u l-innovazzjoni tal-Komunità ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa għal sħubijiet multilaterali, mobbiltà trans-nazzjonali u skambji madwar il-Komunità kollha ta' l-informazzjoni, u jistgħu għalhekk, minħabba n-natura ta' l-azzjonijiet u l-miżuri meħtieġa, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
(63) |
Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (25). |
(64) |
Filwaqt li titqies in-natura tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati taħt il-programmi speċifiċi, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitati differenti għall-implimentazzjoni ta' kull programm speċifiku. Dawk il-kumitati ser jiltaqgħu fl-istess ħin perjodikament biex ikunu jistgħu jsiru sessjonijiet konġunti biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' rilevanza orizzontali jew komuni, kif identifikati mill-Kumitat ta' Amministrazzjoni ta' l-EIP f'ħidma mal-Kummissjoni. |
(65) |
Biex tiġi mtejba l-koerenza bejn elementi tal-Programm Kwadru u l-effettività tiegħu, Bord għall-Pariri Strateġiċi dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni. |
(66) |
Id-Deċiżjoni Nru 456/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2005 li tistabbilixxi programm Komunitarju multi-annwali biex il-kontenuti diġitali fl-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli, faċli biex jintużaw u sfruttabbli (26) tistabbilixxi programm multi-annwali, imsejjaħ eContentplus. Dik id-Deċiżjoni se tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2008. Miżuri maħsuba li jagħmlu l-kontenut diġitali fl-Ewropa iżjed aċċessibbli, utilizzabli u sfruttabbli għandhom jitkomplew wara dik id-data taħt il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT stabbilit minn din id-Deċiżjoni. |
(67) |
IL-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 96/413/KE għandhom ikunu integrati fil-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni. Id-Deċiżjoni 96/413/KE għandha għalhekk tiġi mħassra, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
KAPITOLU I
Il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni
Artikolu 1
Stabbiliment
1. Programm Kwadru għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kompetittività u l-innovazzjoni, li tagħti attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet ta' l-SMEs u li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kwadru”), huwa b'dan stabbilit.
2. Il-Programm Kwadru għandu jikkontribbwixxi għall-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-Komunità bħala soċjetà avvanzata ta' għarfien, bi żvilupp sostenibbli msejjes fuq tkabbir ekonomiku robust u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna b'livell għoli ta' ħarsien u titjib tal-kwalità ta' l-ambjent.
3. Il-Programm Kwadru m' għandux ikopri attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 166 tat-Trattat. Hu ser jgħin biex iqarreb ir-riċerka u l-innovazzjoni, u biex jippromwovi kull forma ta' innovazzjoni.
Artikolu 2
Għanijiet
1. Il-Programm Kwadru għandu jkollu l-għanijiet li ġejjin:
(a) |
li jrawwem il-kompetittività ta' l-intrapriżi, b'mod partikolari ta' l-SMEs; |
(b) |
li jippromwovi kull forma ta' innovazzjoni inkluża l-eko-innovazzjoni; |
(ċ) |
li jaċċellera l-iżvilupp ta' Soċjetà ta' l-Informazzjoni sostenibbli, kompetittiva, innovattiva u inklużiva; |
(d) |
li jippromwovi l-effiċjenza ta' l-enerġija u sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija fis-setturi kollha inkluż it-trasport. |
2. L-għanijiet tal-Programm Kwadru għandhom jkunu segwiti permezz ta' l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi hekk kif stabbiliti fit-Titolu II (minn hawn “il quddiem imsejħa”il-programmi speċifiċi'):
(a) |
Il-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni; |
(b) |
Il-Programm ta' Sostenn għall-Politika dwar it-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u tal-Kommunikazzjonijiet (ICT); |
(ċ) |
Il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa. |
Artikolu 3
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru għandu jkun ta' EUR 3 621 300 000.
2. Tqassim indikattiv tal-baġit għall-programmi speċifiċi huwa stabbilit fl-Anness I.
3. L-awtorità tal-baġit għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet annwali disponibbli fil-limiti tal-qafas finanzjarju.
Artikolu 4
Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi
Il-Programm Kwadru għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':
(a) |
pajjiżi ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE; |
(b) |
pajjiżi aderenti u pajjiżi kandidati li jgawdu minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fi programmi Komunitarji stabbiliti fil-Ftehim Kwadru u d-Deċiżjonijiet ta' Assoċjazzjoni tal-Kunsill rispettivi; |
(ċ) |
pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, skond id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu determinati ma' dawk il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta' Ftehim Kwadru dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji; |
(d) |
pajjiżi terzi oħra, meta l-Ftehim u l-proċeduri jippermettu dan. |
KAPITOLU II
Implimentazzjoni tal-Programm Kwadru
Artikolu 5
Programmi ta' Ħidma Annwali
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali għall-programmi speċifiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46(2), filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li taġġusta għal żviluppi futuri, b'mod partikolari wara l-evalwazzjoni interim.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma annwali u tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom b'mod komprensiv u mingħajr dewmien.
2. L-emendi lill-programmi ta' ħidma annwali dwar l-allokazzjonijiet tal-baġit ta' iktar minn miljun EUR għandhom jkunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46(2).
Artikolu 6
Miżuri komuni ta' implimentazzjoni għall-Programm Kwadru
1. L-istrumenti speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I, fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II u fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu II ser jitqiesu bħala metodu komuni għall-Programm Kwadru. Jistgħu wkoll jintużaw sabiex iwettqu l-għanijiet ta' kull programm speċifiku kif speċifikat fil-programm ta' xogħol annwali rilevanti. Lista komprensiva ta' strumenti ser tkun stabbilita fid-dettall fil-gwida ta' l-utent imsemmi fl-Artikolu 47.
2. Il-finanzjament mogħti għandu jirrispetta kompletament ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat u l-istrumenti li jmorru magħhom. Il-regoli Komunitarji rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti għandhom japplikaw. Il-prinċipji tat-trasparenza u ta' l-integrazzjoni tas-sessi għandhom jiġu kkunsidrati.
Artikolu 7
Għajnuna Teknika
Il-pakkett finanzjarju stabbilit taħt din id-Deċiżjoni jista' jkopri wkoll infiq meħtieġ marbut ma' azzjonijiet ta' tħejjija, sorveljanza, kontroll, verifika u evalwazzjoni direttament meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta' din id-Deċiżjoni u biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.
Dawn l-azzjonijiet jistgħu, b'mod partikolari, jinkludu studji, laqgħat, attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjonijiet, infiq fuq għodda informatika, sistemi u networks għall-iskambju u l-ipproċessar ta' informazzjoni, u kull infiq ieħor għal assistenza jew tagħrif espert ta' natura teknika, xjentifika u amministrattiva li l-Kummissjoni tista' teħtieġ għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Sorveljanza u evalwazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment l-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu. Għandha teżamina wkoll sinerġiji fi ħdan il-Programm Kwadru u ma' programmi Komunitarji komplementari oħra u fejn possibbli sinerġiji ma' programmi nazzjonali ko-finanzjati mill-Unjoni. Fejn ikun possibbli, ser teżamina d-dimensjoni tas-sessi u r-rispett għall-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-attivitajiet tal-programm.
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali ta' implimentazzjoni għall-Programm Kwadru u għal kull programm speċifiku li jeżamina l-attivitajiet appoġġjati skond l-implimentazzjoni finanzjarja, riżulati u, fejn possibbli, impatti. Minbarra, ir-rapport annwali tal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni għandu jidentifika b'mod ċar attivitajiet ta' eko-innovazzjoni.
2. Il-Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet interim u finali. Tali evalwazzjonijiet ser jeżaminaw kwistjonijiet bħalma huma r-rilevanza, l-koerenza u s-sinerġiji, l-effettività, l-effiċjenza, is-sostenibbiltà, l-utilità u, fejn possibbli u xieraq, id-distribuzzjoni tal-fondi fir-rigward tas-setturi. L-evalwazzjoni finali, barra minn hekk, għandha teżamina sa liema punt il-Programm Kwadru fit-total tiegħu u kull wieħed mill-programmi speċifiċi tiegħu jkunu laħqu l-objettivi tiegħu.
Kemm l-evalwazzjonijiet interim kif ukoll dawk finali ser jadottaw metodoloġiji xierqa biex ikejlu l-impatt tal-Programm Kwadru, u ta' kull programm speċifiku, skond l-objettivi tagħhom, inklużi l-kompetittività, l-innovazzjoni, l-intraprenditorjat, it-tkabbir fil-produttività, l-impjiegi u l-ambjent.
Tali evalwazzjonijiet ser jeżaminaw il-kwalità tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 21(2) pprovduti mill-imsieħba fin-network. L-evalwazzjonijiet interim jistgħu wkoll jinkludu elementi ta' evalwazzjoni ex-post fir-rigward ta' programmi ta' qabel.
3. L-evalwazzjonijiet interim u finali tal-programmi speċifiċi u l-allokazzjonijiet tal-baġit meħtieġa għandhom ikunu inklużi fil-programmi ta' ħidma annwali rispettivi.
Il-programmi ta' ħidma annwali ser jiddefinixxu sett ta' objettivi li jistgħu jitkejlu għal kull azzjoni speċifika u ser jiżviluppaw kriterji ta' evalwazzjoni adattati u sett ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi biex ikejlu l-effettività fl-eżitu li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm Kwadru fit-total tiegħu, u l-objettivi tal-programm speċifiku rilevanti.
L-evalwazzjoni interim u finali tal-Programm Kwadru u l-allokazzjonijiet tal-baġit meħtieġa għandhom ikunu inklużi fil-programm ta' ħidma annwali għall-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni.
4. L-evalwazzjoni interim tal-Programm Kwadru għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2009, u l-evalwazzjoni finali sal-31 ta' Diċembru 2011.
L-evalwazzjonijiet interim u finali tal-programmi speċifiċi għandhom ikunu magħmula b'mod li r-riżultati tagħhom ikunu jistgħu jitqiesu fl-evalwazzjoni interim u dik finali tal-Programm Kwadru.
5. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rapporti annwali ta' implimentazzjoni, ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni interim u dik finali tal-Programm Kwadru u tal-programmi speċifiċi tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 9
Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fejn ikunu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti permezz ta' l-applikazzjoni ta' miżuri sabiex jiġu evitati l-frodi, l-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, b'kontrolli effettivi u bl-irkupru ta' flus li tħallsu bi żball u, jekk jinsabu xi irregolaritajiet, b'penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.
2. Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż ksur ta' obbligazzjoni kuntrattwali stabbilita fuq il-bażi tal-Programm Kwadru, li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew baġits immexxija minnha, b'partita ta' nfiq mhux ġustifikata.
3. Il-miżuri kollha ta' implimentazzjoni li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni għandhom jipprovdu, b'mod partikolari, għas-sorveljanza u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha u għall-verifiki mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, jekk ikun meħtieġ verifiki fuq il-post.
TITOLU II
IL-PROGRAMMI SPEĊIFIĊI
KAPITOLU I
Il-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni
Taqsima 1
Artikolu 10
Stabbiliment u għanijiet
1. Il-Programm ta' l-Imprenditorjat u l-Innovazzjoni li jappoġġja l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, l-intraprenditorjat, l-innovazzjoni, inkluża l-eko-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali huwa b'dan stabbilit.
2. Il-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni għandu jipprovdi għal azzjonijiet li jappoġaw, itejbu, iħeġġu u jippromwovu:
(a) |
l-aċċess għall-finanzi għall-bidu u t-tkabbir ta' SMEs u investiment f'attivitajiet ta' innovazzjoni; |
(b) |
il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-koperazzjoni ta' l-SMEs, b'mod partikolari fil-qasam tal-koperazzjoni transkonfinali; |
(ċ) |
il-forom kollha ta' innovazzjoni fl-intrapriżi; |
(d) |
l-eko-innovazzjoni; |
(e) |
il-kultura ta' intraprenditorjat u innovazzjoni; |
(f) |
ir-riforma ekonomika u amministrattiva marbuta ma' l-intrapriża u l-innovazzjoni. |
Artikolu 11
Aċċess għall-finanzi għall-bidu u t-tkabbir ta' SMEs
Azzjonijiet marbuta ma' l-aċċess għall-finanzi għall-bidu u t-tkabbir ta' SMEs u ma' investiment f'attivitajiet ta' innovazzjoni, inkluża l-eko-innovazzjoni, jistgħu jinkludu:
(a) |
żieda fil-volumi ta' investiment ta' fondi kapitali ta' riskju u mezzi ta' investiment immexxija minn 'business angels'; |
(b) |
l-għoti ta' ingranaġġ lil strumenti għall-finanzjament tad-dejn ta' l-SMEs; |
(ċ) |
titjib ta' l-ambjent finanzjarju għall-SMEs u t-tħejjija tagħhom għall-investiment. |
Artikolu 12
Kooperazzjoni bejn l-SMEs
Azzjonijiet marbuta mal-kooperazzjoni bejn l-SMEs jistgħu jinkludu:
(a) |
it-trawwim ta' servizzi li jappoġġaw l-SMEs; |
(b) |
il-kontribut għal miżuri li jgħinu u jinkoraġġixxu lill-SMEs biex jikkoperaw ma' intrapriżi oħra u ma' partijiet oħra involuti fl-innovazzjoni bejn il-fruntieri, inkluż l-involviment ta' SMEs fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni Ewropea u internazzjonali; |
(ċ) |
il-promozzjoni u t-tħaffif tal-koperazzjoni internazzjonali bejn in-negozji, inkluż fuq livell reġjonali kif ukoll permezz ta' networks ta' SMEs li jfittxu l-koordinazzjoni u l-iżvilupp ta' l-attivitajiet ekonomiċi u industrijali tagħhom. |
Artikolu 13
Attivitajiet ta' innovazzjoni
Azzjonijiet marbuta ma' l-innovazzjoni jistgħu jinkludu:
(a) |
it-trawwim ta' innovazzjoni speċifika għas-settur, raggruppamenti, networks ta' innovazzjoni, sħubiji ta' innovazzjoni pubbliċi-privati u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u l-użu ta' tmexxija ta' l-innovazzjoni; |
(b) |
is-sostenn għal programmi nazzjonali u reġjonali għall-innovazzjoni tan-negozju; |
(ċ) |
is-sostenn għall-adozzjoni ta' teknoloġiji u kunċetti innovattivi u l-applikazzjoni innovattiva ta' teknoloġiji u kunċetti eżistenti; |
(d) |
is-sostenn għas-servizzi għat-trasferiment transnazzjonali ta' għarfien u teknoloġija u għall-protezzjoni u t-tmexxija tal-proprjetà intellettwali u industrijali; |
(e) |
l-iżvilupp u t-tiftix għal tipi ġodda ta' servizzi innovattivi; |
(f) |
it-trawwim tat-teknoloġija u l-għarfien permezz ta' l-arkivjar u t-trasferiment ta' data. |
Artikolu 14
Attivitajiet ta' eko-innovazzjoni
Azzjonijiet marbuta ma' l-eko-innovazzjoni jistgħu jinkludu:
(a) |
is-sostenn għall-adozzjoni ta' teknoloġiji ambjentali u attivitajiet eko-innovattivi; |
(b) |
l-investiment konġunt f'fondi ta' kapital ta' riskju li jipprovdu ekwità, fost oħrajn lill-kumpanniji li jinvestu fl-eko-innovazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Anness II; |
(ċ) |
it-trawwim ta' networks u ragruppamenti ta' eko-innovazzjoni u sħubijiet pubbliċi-privati fl-eko-innovazzjoni, l-iżvilupp ta' servizzi innovattivi għan-negozji u li jiffaċilitaw jew jippromwovu l-eko-innovazzjoni; |
(d) |
il-promozzjoni ta' approċċi ġodda u integrati ta' eko-innovazzjoni f'oqsma bħat-tmexxija ambjentali u t-tfassil favur l-ambjent ta' prodotti, proċessi u servizzi, li jikkunsidra ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. |
Artikolu 15
Kultura ta' intraprenditorjat u innovazzjoni;
Azzjonijiet marbuta mal-kultura ta' intraprenditorjat u innovazzjoni, jistgħu jinkludu:
(a) |
it-tħeġġiġ ta' mentalitajiet, ħiliet u kultura intraprenditorjali, u l-ibbilanċjar tar-riskji u l-gwadann intraprenditorjali, partikolarment għan-nisa u ż-żgħażagħ; |
(b) |
it-tħeġġiġ ta' ambjent tan-negozju favorevoli għall-innovazzjoni, l-iżvilupp ta' l-intrapriżi u t-tkabbir; |
(ċ) |
is-sostenn għall-iżvilupp tal-politika u l-koperazzjoni bejn l-atturi, inkluża l-koperazzjoni transnazzjonali tal-meniġers tal-programmi nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari bil-ħsieb li l-programmi u l-miżuri jkunu żviluppati favur l-SMEs; |
(d) |
l-inkoraġġiment għall-ħolqien u t-trasferiment ta' intrapriżi. |
Artikolu 16
Riforma ekonomika u amministrattiva marbuta ma' l-intrapriża u l-innovazzjoni.
Azzjonijiet fir-rigward ta' intrapriża u innovazzjoni marbuta mar-riforma ekonomika u amministrattiva jistgħu jinkludu:
(a) |
il-ġbir ta' data, l-analiżi u s-sorveljanza tar-rendiment, u l-iżvilupp u l-koordinament tal-politika; |
(b) |
il-kontribut lejn id-definizzjoni u l-promozzjoni ta' strateġiji tal-kompetittività marbuta mas-setturi ta' l-industrija u s-servizzi; |
(ċ) |
is-sostenn għat-tagħlim reċiproku għall-eċċellenza fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali. |
Taqsima 2
Artikolu 17
Strumenti finanzjari Komunitarji għall-SMEs
1. L-istrumenti finanzjarji Komunitarji għandhom jitħaddmu bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs f'ċerti fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tagħħom: il-konċepiment, il-bidu, l-espansjoni u trasferiment tan-negozju. Investimenti li jsiru minn SMEs f'attivitajiet bħalma huma l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni, inkluża l-eko-innovazzjoni, u t-trasferiment teknoloġiku u l-espansjoni transkonfinali ta' l-attivitajiet kummerċjali tagħhom għandhom ikunu inklużi fl-ambitu ta' l-istrumenti relevanti.
2. L-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
il-Faċilità għal Tkabbir Għoli u l-Innovazzjoni ta' l-SMEs (GIF); |
(b) |
il-Faċilità ta' Garanzija ta' l-SMEs (SMEG); |
(ċ) |
l-Iskema għall-Bini tal-Kapaċità (CBS). |
3. Arranġamenti ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw l-istrumenti differenti huma stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 18
Il-GIF
1. Il-GIF għandha titħaddem mill-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) f'isem il-Kummissjoni.
Il-GIF għandha twettaq il-ħidmiet li ġejjin:
(a) |
il-kontribut lejn it-twaqqif u l-iffinanzjar ta' SMEs u t-tnaqqis tad-differenza bejn l-ekwità u s-suq tal-kapital ta' riskju, li żżomm l-SMEs milli jisfruttaw il-potenzjal ta' tkabbir tagħhom, bil-ħsieb li jittejjeb is-suq Ewropew tal-kapital ta' riskju; |
(b) |
is-sostenn lil SMEs innovattivi b'potenzjal għoli ta' tkabbir, partikolarment dawk li qed iwettqu riċerka, żvilupp jew attivitajiet innovattivi oħra. |
2. Il-GIF għandha tkun tikkonsisti f'żewġ twieqi, kif ġej:
— |
l-ewwel tieqa, imsejħa “GIF1”, għandha tkopri investimenti tal-fażijiet tal-bidu (konċepiment u bidu). Din għandha tinvesti f'fondi ta' kapital ta' riskju speċjalizzati bħalma huma fondi tal-fażijiet bikrija (early stage), fondi li jitħaddmu reġjonalment, fondi ffokati fuq setturi speċifiċi, teknoloġiji jew riċerka u żvilupp teknoloġiku u fondi marbuta ma' inkubaturi, li minn naħa tagħhom għandhom jipprovdu kapital lill-SMEs. Din tista' wkoll tinvesti b'mod konġunt f'fondi u mezzi ta' l-investiment immexxija minn “business angels”. |
— |
it-tieni tieqa, imsejħa “GIF2”, għandha tkopri l-investimenti tal-fażijiet ta' espansjoni u għandha tinvesti f'fondi ta' kapital ta' riskju speċjalizzat, li minn naħa tagħhom għandhom jipprovdu kważi-ekwità jew ekwità lil SMEs innovattivi b'potenzjal għoli għat-tkabbir fil-fażi ta' espansjoni tagħhom. Investimenti GIF2 ser jevitaw kapital ta' akkwist jew kapital ta' bdil intiż għan-negozju ta' assi ta' kumpanniji falluti. |
Il-GIF tista' tinvesti f'intermedjarji billi taħdem, fejn ikun xieraq, ma' skemi nazzjonali jew reġjonali li għandhom l-għan li jiżviluppaw kumpanniji li jinvestu f'negozji żgħar.
Minbarra l-iffinanzjar ipprovdut mill-GIF il-biċċa l-kbira tal-kapital investit f'kwalunkwe fond għandu jkun ipprovdut minn investituri li joperaw f'ċirkostanzi li jikkorrispondu mal-prinċipju ta' l-investitur f'ekonomija tas-suq, irrispettivament min-natura legali u mill-istruttura tas-sidien ta' dawk l-investituri.
Artikolu 19
Il-Faċilità SMEG
1. Il-Faċilità SMEG għandha titħaddem mill-EIF f'isem il-Kummissjoni.
Il-Faċilità SMEG għandha twettaq il-ħidmiet li ġejjin:
(a) |
tipprovdi kontro-garanziji jew, fejn ikun xieraq, ko-garanziji għal skemi ta' garanziji mħaddma fil-pajjiżi eliġibbli; |
(b) |
tipprovdi garanziji diretti għal kull intermedjarju finanzjarju xieraq ieħor. |
2. Il-Faċilità SMEG għandha tikkonsisti f'erba' twieqi, kif ġej:
— |
l-ewwel tieqa, (a) finanzjament ta' djun permezz ta' self jew kirja, għandha tnaqqas id-diffikultajiet partikolari li l-SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom biex ikollhom aċċess għall-finanzi jew minħabba r-riskju ogħla pperċepit li hu assoċjat ma' investiment f'ċerti attivitajiet marbuta ma' l-għarfien bħalma huma l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija jew minħabba n-nuqqas ta' biżżejjed garanziji; |
— |
it-tieni tieqa, (b) finanzjament ta' mikro-kreditu, għandha tħeġġeġ l-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex ikollhom rwol ikbar fl-għoti ta' self ta' ammont iżgħar li normalment ikun jinvolvi spejjeż proporzjonalment ogħla għal dawk li jissellfu u m'għandhomx biżżejjed garanziji. Barra minn garanziji jew kontro-garanziji, l-intermedjarji finanzjarji jistgħu jirċievu għotjiet sabiex itaffu ftit mill-ispejjeż amministrattivi għolja li jmorru mal-finanzjament ta' mikro-kreditu; |
— |
it-tielet tieqa, (ċ) garanziji għal investimenti f'ekwitajiet jew kważi-ekwitajiet fl-SMEs, għandha tinkludi investimenti li jipprovdu l-iffinanzjar tal-kapital tal-bidu u/jew kapital fil-fażi ta' bidu, kif ukoll tan-nofs, sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet partikolari li SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-istruttura finanzjara dgħajfa tagħhom, u dawk b'riżultat ta' trasferimenti tan-negozji; |
— |
ir-raba' tieqa, (d) il-konferma dokumentata (securitisation) tal-portafolji ta' finanzjament ta' l-SMEs permezz ta' dejn ser timmobilizza l-finanzjament simili addizzjonali taħt arranġamenti xierqa ta' qsim tar-riskju ma' l-istituzzjonijiet identifikati. Is-sostenn għal dawn it-tranżazzjonijiet għandha tiddependi mill-impenn ta' istituzzjonijiet minn fejn joriġina l-finanzjament (originating institutions) li jagħtu parti sinifikanti tal-likwidità li jibqa' mill-kapital immobilizzat għal self ġdid lil SMEs f'perjodu ta' żmien raġonevoli. L-ammont ta' dan il-finanzjament ġdid permezz ta' dejn għandu jiġi kkalkulat skond l-ammont tar-riskju tal-portafoll iggarantit u għandu jiġi nnegozjat, flimkien mal-perjodu ta' żmien, individwalment ma' kull istituzzjoni li toriġinah. |
Artikolu 20
Is-CBS
1. Is-CBS għandha titħaddem ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inklużi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), il-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB), l-EIF u l-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropa (CEB).
Is-CBS għandha twettaq il-ħidmiet li ġejjin:
(a) |
t-titjib ta' l-għarfien dwar l-investiment u t-teknoloġija ta' fondi u intermedjarji finanzjarji oħra li jinvestu f'SMEs innovattivi jew SMEs b'potenzjal għat-tkabbir; |
(b) |
l-istimolazzjoni tal-provvista ta' kreditu lill-SMEs permezz tat-titijib tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-kreditu għas-self lill-SMEs. |
2. Is-CBS għandha tikkonsisti fl-Azzjoni ta' Kapital tal-Bidu u l-Azzjoni ta' Sħubija.
L-Azzjoni ta' Kapital tal-Bidu għandha tipprovdi għotjiet sabiex tistimola l-provvista tal-kapital ta' riskju għall-SMEs innovattivi u SMEs oħra b'potenzjal għat-tkabbir, inklużi dawk fl-ekonomija tradizzjonali, permezz ta' sostenn lil fondi tal-konċepiment jew tal-bidu jew lil organizzazzjonijiet simili. Sostenn jista' jiġi pprovdut ukoll għall-impjieg fit-tul ta' persunal addizzjonali b'għarfien speċifiku dwar investiment jew teknoloġija.
L-Azzjoni ta' Sħubija għandha tipprovdi għotjiet lil intermedjarji finanzjarji sabiex ikopru l-ispiża ta' l-assistenza teknika sabiex itejbu l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-kreditu għall-finanzjament tad-dejn ta' l-SMEs, bil-għan li tkun stimolata l-provvista ta' finanzi lill-SMEs f'pajjiżi b'intermedjazzjoni bankarja baxxa.
Għall-iskop ta' l-Azzjoni ta' Sħubija “intermedjazzjoni baxxa” għandha tkun marbuta ma' operazzjonijiet bankarji f'pajjiżi fejn il-kreditu domestiku bħala perċentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku huwa b'mod sinifikattiv inqas mill-medja Komunitarja skond id-data rilevanti stabbilit mill-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Fond Monetarju Internazzjonali.
L-Azzjoni ta' Sħubija għandha takkumpanja l-linji ta' kreditu jew il-qsim tar-riskju pprovdut mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali lil banek jew istituzzjonijiet finanzjarji sħab mill-pajjiżi eliġibbli. Parti sinifikattiva mill-azzjoni għandha tkun marbuta mat-titjib tal-ħila tal-banek u ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra li jivvalutaw il-vijabilità kummerċjali ta' proġetti b'komponent sinifikattiv ta' eko-innovazzjoni.
Artikolu 21
Servizzi b'sostenn għan-negozji u għall-innovazzjoni
1. Servizzi b'sostenn għan-negozji u għall-innovazzjoni, b'mod partikolari lill-SMEs, għandhom jkunu mħeġġa.
2. Ikkunsidrati l-esperjenza u l-ħiliet imwaqqfa tan-networks preżenti ta' sostenn għan-negozji, l-appoġġ finanzjarju jista' jingħata lil sħab tan-network sabiex jipprovdu, b'mod partikolari:
(a) |
Servizzi ta' Informazzjoni, feedback u koperazzjoni bejn in-negozji u ta' internazzjonalizzazjoni; |
(b) |
Servizzi għall-innovazzjoni u għat-trasferiment kemm tat-teknoloġija u ta' l-għarfien; |
(c) |
Serviżżi li jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' SMEs fis-Seba Programm Kwadru għar-Riċerka. |
Id-dettalji dwar servizzi bħal dawn huma mniżżla fil-Anness III.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħżel sħab tan-network permezz ta' sejħiet għall-proposti marbuta mas-servizzi differenti msemmija fil-paragrafi 2. Wara dawk is-sejħiet għall-proposti l-Kummissjoni tista' twaqqaf Ftehim Kwadru ta' sħubija ma' sħab magħżula tan-network filwaqt li tispeċifika t-tip ta' attivitajiet li se jkunu offruti, l-proċedura għal għoti ta' għotjiet lilhom u d-drittijiet ġenerali u l-obbligazzjonijiet ta' kull parti. Is-sħubija qafas tista' tkopri l-perjodu kollu tal-programm.
4. Barra mis-servizzi msemmija fil-paragrafi 2, il-Kummissjoni tista' tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' attivitajiet oħra li jaqgħu fl-ambitu tal-Programm Kwadru wara sejħiet għall-proposti li jistgħu jkunu limitati għas-sħab tan-network. Tali servizzi ser jiżguraw li l-partijiet interessati u l-applikanti potenzjali jistgħu jirċievu għajnuna komprensiva relatata mal-possibilitajiet ta' sostenn skond il-Programm Kwadru.
5. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa s-sħab fin-network billi tagħmel disponibbli s-sostenn ta' koordinament u operattiv xieraq. Organizzazzjonijiet stabbiliti f'pajjiżi li mhumiex jipparteċipaw fil-Programm Kwadru jistgħu jitħallew igawdu minn dan il-koordinament u s-sostenn operattiv.
6. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sħab fin-network għandhom jikkoperaw ma' xulxin u, fil-każ li xi sieħeb fin-network ma' jistax jindirizza mistoqsija direttament, għandha tirreferi l-mistoqsija lil sieħeb kompetenti fin-network.
Artikolu 22
Proġetti pilota u ta' replika tas-suq għall-Innovazzjoni u l-Eko-Innovazzjoni
Il-Komunità għandha tipprovdi sostenn għal proġetti relatati ma' l-ewwel applikazzjonijiet jew repliki tas-suq ta' tekniki, prodotti jew prattiki innovattivi jew eko-innovattivi ta' relevanza għall-Komunità, li teknikament diġà wrew b'suċċess, iżda li, minħabba riskji residwi, għadhom ma ppenetrawx is-suq b'mod sinifikattiv. Tali proġetti għandhom ikunu mfassla biex jippromwovu l-użu aktar wiesa' ta' tali tekniki, prodotti jew prattiki il-pajjiżi li jipparteċipaw u biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tagħhom fis-suq.
Artikolu 23
Analiżi tal-politika, żvilupp, koordinament u ġemellaġġ
Dawn li ġejjin jistgħu isiru b'sostenn għall-analiżi, l-iżvilupp u l-koordinament tal-politika ma' pajjiżi parteċipanti:
(a) |
studji, ġbir ta' data, stħarriġ u pubblikazzjonijiet, ibbażati fejn ikun possibbli fuq statistiċi uffiċjali; |
(b) |
ġemellaġġi u laqgħat ta' esperti, inklużi esperti minn istituzzjonijiet pubbliċi, rappreżentanti ta' l-SMEs u partijiet interessati oħra, konferenzi u attivitajiet oħra; |
(ċ) |
tkabbir ta' l-għarfien, networking u attivitajiet rilevanti oħra; |
(d) |
stabbiliment ta' punti ta' referenza tar-rendimenti nazzjonali u reġjonali, u ħidma fuq prassi tajba inkluż it-tixrid u l-implimentazzjoni tagħha. |
Artikolu 24
Miżuri ta' sostenn għall-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni
Il-Kummissjoni għandha twettaq regolarment dan li ġej:
(a) |
analiżi u sorveljanza tal-kompetittività u kwistjonijiet settorjali, inkluż għar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea; |
(b) |
tħejjija ta' evalwazzjonijiet ta' l-impatt ta' miżuri Komunitarji b'rilevanza partikolari għall-kompetittività ta' l-intrapriżi u l-pubblikazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jiġu identifikati oqsma ta' leġiżlazzjoni eżistenti li teħtieġ simplifikazzjoni jew fejn miżuri leġiżlattivi ġodda jiġu mħejjija bil-ħsieb li l-innovazzjoni ssir aktar attraenti fil-Komunità; |
(ċ) |
evalwazzjoni ta' aspetti speċifiċi jew miżuri ta' implimentazzjoni speċifiċi marbuta mal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni; |
(d) |
it-tixrid ta' informazzjoni xierqa marbuta mal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni. |
Taqsima 3
Artikolu 25
Programm ta' Ħidma Annwali
Il-programm ta' ħidma annwali għandu juri fid-dettall, u skond l-għanijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10:
(a) |
miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu; |
(b) |
prijoritajiet; |
(ċ) |
għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi; |
(d) |
kriterji għall-evalwazzjoni xierqa u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi biex tiġi analizzata l-effettività fl-eżitu li jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-objettivi tal-programmi speċifiċi u tal-Programm Kwadru fit-total tiegħu; |
(e) |
skedi ta' ħidma; |
(f) |
ir-regoli għall-parteċipazzjoni; |
(g) |
il-kriterji għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-miżuri. |
Il-programm ta' ħidma annwali għandu jidentifika biċ-ċar il-miżuri li jippromwovu l-eko-innovazzjoni.
Attivitajiet taħt l-Artikolu 24 m'għandhomx ikunu koperti mill-programm ta' ħidma annwali.
KAPITOLU II
Il-Programm ta' sostenn għall-politika dwar l-ICT
Taqsima 1
Artikolu 26
Stabbiliment u għanijiet
1. Il-Programm ta' Sostenn għall-Politika dwar l-ICT, huwa b'dan stabbilit.
2. Il-Programm ta' Sostenn għall-Politika dwar l-ICT għandu jipprovdi għal dawn l-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-iżvilupp ta' l-Ispazju Waħdieni Ewropew ta' l-informazzjoni u t-tisħiħ tas-suq intern għall-prodotti u servizzi ta' l-ICT u prodotti u servizzi msejsa fuq l-ICT; |
(b) |
l-istimolu ta' l-innovazzjoni permezz ta' adozzjoni usa' ta' l-ICTs u investiment fihom; |
(ċ) |
l-iżvilupp ta' soċjetà ta' l-informazzjoni inklussiva u ta' servizzi iktar effiċjenti u effettivi fl-oqsma ta' interess pubbliku, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja. |
3. L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni u t-tkabbir ta' l-għarfien ta' l-opportunitajiet u tal-benefiċċji li l-ICTs jagħtu liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet pubbliċi u lin-negozji, partikolarment lill-SMEs.
Artikolu 27
L-ispazju uniku Ewropew għall-informazzjoni
L-azzjonijiet marbuta ma' l-ispazju uniku Ewropew għall-informazzjoni għandu jkollhom l-għan li:
(a) |
jiżguraw aċċess kontinwu għal servizzi msejsa fuq l-ICT u jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' qafas xierqa għall-konverġenza mgħaġġla, xierqa u effettiva ta' komunikazzjonijiet u servizzi diġitali, bl-inkorporazzjoni fost oħrajn ta' l-interoperabilità, l-użu ta' standards magħrufa, kif ukoll l-aspetti ta' sigurtà u fiduċja; |
(b) |
itejbu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-kontenut diġitali filwaqt li jitqiesu il-multilingwiżmu u d-diversità kulturali; |
(ċ) |
jissorveljaw lis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni Ewropea, permezz ta' ġbir ta' data u analiżi ta' l-iżvilupp, id-disponibbiltà u l-użu ta' servizzi ta' komunikazzjoni diġitali inkluż it-tkabbir ta' l-internet, l-aċċess għall-broadband u l-adozzjoni tiegħu, kif ukoll l-iżviluppi tal-kontenut u tas-servizzi. |
Artikolu 28
L-innovazzjoni permezz ta' l-adozzjoni usa' ta' l-ICTs u l-investiment fihom
L-azzjonijiet marbuta ma' l-innovazzjoni permezz ta' l-adozzjoni usa' ta' l-ICTs u l-investiment fihom għandu jkollhom l-għan li:
(a) |
jippromwovu l-innovazzjoni fi proċessi, servizzi u prodotti li jseħħu permezz ta' l-ICTs, partikolarment f'SMEs u servizzi pubbliċi, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet meħtieġa; |
(b) |
jiffaċilitaw l-interazzjoni privata u pubblika kif ukoll sħubiji għall-aċċellerazzjoni ta' l-innovazzjoni u l-investimenti fl-ICTs; |
(ċ) |
jippromwovu u jkabbru l-għarfien dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji li l-ICTs u l-applikazzjonijiet il-ġodda tagħhom jagħtu liċ-ċittadini u lin-negozji, inklużi t-tisħiħ tal-fiducja fl-ICTs il-ġodda u l-ftuħ għalihom, u l-istimolar tad-dibattitu fuq il-livell Ewropew dwar tendenzi emerġenti u żviluppi ta' l-ICT. |
Artikolu 29
Soċjetà ta' l-Informazzjoni inklussiva, servizzi iktar effiċjenti u effettivi fl-oqsma ta' l-interess pubbliku u kwalità ta' ħajja aħjar
L-azzjonijiet marbuta ma' l-iżvilupp ta' soċjetà ta' l-informazzjoni inklussiva u ta' servizzi iktar effiċjenti u effettivi fl-oqsma ta' l-interess pubbliku, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja għandu jkollhom l-għan li:
(a) |
jwessgħu l-aċċessibilità għall-ICT inkluż għall-kontenut diġitali u għal-litteriżmu diġitali; |
(b) |
isaħħu l-fiduċja u l-kunfidenza kif ukoll is-sostenn ta' l-użu ta' l-ICT, filwaqt li jindirizzaw b'mod partikolari kwistjonijiet ta' privatezza; |
(ċ) |
itejbu l-kwalità, l-effiċjenza d-disponibbilità u l-aċċessibilità ta' servizzi elettroniċi f'oqsma ta' interess pubbliku u għall-parteċipazzjoni bl-ICT, inklużi fejn xieraq servizzi pubbliċi interoperabbli pan-Ewropej jew transkonfinali kif ukoll l-iżvilupp ta' materji primi ta' interess komuni u l-qsim ta' prassi tajba. |
Taqsima 2
Sub-taqsima 1
Artikolu 30
Ġenerali
Il-Programm ta' Sostenn għal politika dwar l-ICT jista' jkun implimentat bi proġetti, azzjonijiet ta' l-aħjar prassi, u networks tematiċi, inklużi azzjonijiet għall-ittestjar fuq skala wiesgħa u d-dimostrazzjoni ta' servizzi pubbliċi innovattivi b'dimensjoni pan-Ewropea.
Proġetti, azzjonijiet ta' l-aħjar prassi u networks tematiċi għandu jkollhom l-għan li jistimolaw l-implimentazzjoni u l-aħjar użu ta' soluzzjonijiet innovattivi msejsa fuq l-ICT, partikolarment għal servizzi f'oqsma ta' interess pubbliku u għall-SMEs. Sostenn Komunitarju għandha jiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet għall-iżvilupp tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni fost l-Istati Membri.
Artikolu 31
Proġetti, azzjonijiet ta' l-aħjar prassi u networks tematiċi
1. Dawn li ġejjin għandhom ikunu appoġġati:
(a) |
proġetti inklużi l-implimentazzjoni, u proġetti piloti u ta' replika tas-suq; |
(b) |
azzjonijiet ta' l-aħjar prassi sabiex iferrxu l-għarfien u jaqsmu l-esperjenza madwar il-Komunità; |
(ċ) |
networks tematiċi li jgħaqqdu flimkien varjetà ta' partijiet interessati madwar għan stabbilit, sabiex ikunu ffaċilitati l-attivitajiet ta' koordinament u t-trasferiment ta' l-għarfien. |
2. Il-proġetti għandu jkollhom l-għan li jippromwovu l-innovazzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġija u t-tixrid ta' teknoloġiji ġodda li huma lesti għall-adozzjoni mis-suq.
Il-Komunità tista' tagħmel għotja sabiex tikkontribwixxi għall-baġit tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 1 (a).
3. L-azzjonijiet ta' l-aħjar prassi għandhom isiru f'raggruppamenti li jindirizzaw temi speċifiċi u għandhom jintrabtu flimkien permezz ta' networks tematiċi.
Il-kontribut Komunitarju għall-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (b) għandha tkun limitata għall-ispejjeż diretti meqjusa meħtieġa jew xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi ta' l-azzjoni.
4. In-networks tematiċi jistgħu jkunu marbuta ma' azzjonijiet ta' l-aħhar prassi.
Sostenn għal attivitajiet tematiċi għandhom jingħataw għall-ispejjeż eliġibbli addizzjonali ta' koordinament u implimentazzjoni tan-network. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità tista' tkopri l-ispejjeż addizzjonali ta' dawk il-miżuri.
Sub-taqsima 2
Artikolu 32
Applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għall-sostenn Komunitarju għal proġetti, azzjonijiet ta' l-aħjar prattika u networks tematiċi msemmija fl-Artikolu 31 għandhom jinkludu pjan finanzjarju li jelenka l-komponenti kollha tal-finanzjament tal-proġetti, inkluż is-sostenn finanzjarju mitlub minn għand il-Komunità, u kull talba oħra għal sostenn minn sorsi oħra. Applikanti li japplikaw għal forom oħra ta' sostenn Komunitarju bħalma huma servizzi u studji jistgħu wkoll jiġu mitluba biex jipprovdu informazzjoni rigward il-pjan finanzjarju fejn xieraq.
Artikolu 33
Analiżi, żvilupp u koordinament tal-politika ma' pajjiżi parteċipanti
Dawn li ġejjin jistgħu isiru b'sostenn għall-analiżi, l-iżvilupp u l-koordinament tal-politika ma' pajjiżi parteċipanti:
(a) |
studji, ġbir ta' data, stħarriġ u pubblikazzjonijiet, ibbażati fejn ikun possibbli fuq statistiċi uffiċjali; |
(b) |
laqgħat ta' esperti, inklużi esperti minn istituzzjonijiet pubbliċi, esperti mibgħuta minn SMEs u partijiet interessati oħra, konferenzi u attivitajiet oħra; |
(ċ) |
tkabbir ta' l-għarfien, networking, u attivitajiet rilevanti oħra bejn esperti minn istituzzjonijiet pubbliċi u partijiet interessati; |
(d) |
stabbiliment ta' punti ta' referenza tar-rendimenti nazzjonali, u ħidma fuq prassi tajba inkluż it-tixrid u l-implimentazzjoni tagħhom. |
Artikolu 34
Promozzjoni, kommunikazzjoni u qsim u tixrid ta l-informazzjoni
1. Dawn li ġejjin jistgħu jsiru b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT jew għat-tħejjija ta' attivitajiet futuri:
(a) |
attivitajiet ta' promozzjoni, tixrid, informazzjoni u komunikazzjoni; |
(b) |
skambji ta' informazzjoni, għarfien u esperjenza, l-organizzazzjoni ta' konferenzi, seminars, laqgħat ta' ħidma jew laqgħat oħra u t-tmexxija ta' attivitajiet ta' gruppi. |
2. Miżuri bil-għan tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, proċessi jew servizzi, attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni tal-bejgħ mhux ser ikunu eliġibbli għas-sostenn.
Artikolu 35
Proġetti ta' interess komuni: xiri bbażat fuq speċifikazzjonijiet tekniċi elaborati f'koordinament ma' l-Istati Membri
Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi proġetti ta' interess komuni li jinkludi d-dmirijiet tekniċi u ta' organizzazzjoni fejn dan ikun xieraq, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm ta' Sostenn għall-Politika ta' l-ICT, u fejn hemm interess komuni ċar ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasferiment ta' prodotti, servizzi, jew ta' komponenti ta' servizzi prinċipali jew materjal ta' bini fuq livell Ewropew. Inizjattivi eżistenti ser jitqiesu sabiex jiġu evitati sforzi doppji.
Il-Kummissjoni, b'koordinament ma' l-Istati Membri, għandha tiftiehem dwar speċifikazzjonijiet tekniċi u skedi ta' implimentazzjoni komuni għal proġetti bħal dawn. Fuq il-bażi ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-iskedi ta' implimentazzjoni komuni miftiehma, il-Kummissjoni għandha toħroġ sejħiet għall-offerti għall-implimentazzjoni tal-proġetti kkonċernati. Tali sejħiet għall-offerti għandhom isiru biss mill-Kummissjoni skond ir-regoli Komunitarji għall-akkwist pubbliku.
Taqsima 3
Artikolu 36
Programm ta' Ħidma Annwali
Il-programm ta' ħidma annwali għandu jistabbilixxi fid-dettall u skond l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 26:
(a) |
il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu; |
(b) |
il-prijoritajiet; |
(ċ) |
l-għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi; |
(d) |
il-kriterji għall-evalwazzjoni xierqa u l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi biex tiġi analizzata l-effettività fl-għoti ta' riżultati li jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-objettivi tal-programmi speċifiċi u tal-Programm Kwadru fit-total tiegħu; |
(e) |
l-iskedi ta' ħidma; |
(f) |
ir-regoli għall-parteċipazzjoni; |
(g) |
il-kriterji għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-miżuri. |
KAPITOLU III
Il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa
Taqsima 1
Artikolu 37
Stabbiliment u għanijiet
1. Il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa b'sostenn għall-effiċjenza ta' l-enerġija, sorsi ta' enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni ta' l-enerġija huwa b'dan stabbilit. Il-programm għandu jikkontribwixxi sabiex jiżgura enerġija mhux perikoluża u sostenibbli għall-Ewropa, filwaqt li jtejjeb il-kompetittività Ewropea.
2. Il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa għandu jipprovdi għal azzjoni, partikolarment:
(a) |
li trawwem l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu razzjonali tar-riżorsi ta' l-enerġija; |
(b) |
li tippromwovi sorsi ġodda u li jiġġeddu ta' enerġija u li tappoġġa d-diversifikazzjoni ta' l-enerġija; |
(ċ) |
li tippromwovi l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu ta' sorsi ġodda u li jiġġeddu ta' l-enerġija fit-trasport. |
Artikolu 38
Għanijiet Operattivi
F'termini operattivi, il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa għandu jkollu l-għan li:
(a) |
jipprovdi l-elementi meħtieġa għat-titjib tas-sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-potenzjal ta' bliet u reġjuni, kif ukoll għat-tħejjija ta' miżuri leġiżlattivi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi relatati; l-iżvilupp tal-mezzi u l-istrumenti għall-ħidma konsegwenti, s-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-miżuri adottati mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha fl-oqsma indirizzati minn dak il-programm; |
(b) |
it-tkabbir ta' l-investiment madwar l-Istati Membri fit-teknoloġiji ġodda u bl-aħjar rendiment fl-oqsma ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, is-sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija u d-diversifikazzjoni ta' l-enerġija, inkluż fit-trasport, billi titneħħa d-differenza bejn id-dimostrazzjoni b'suċċess ta' teknoloġiji innovattivi u l-adozzjoni wiesgħa tagħhom fis-suq sabiex jinkiseb il-valur miżjud ta' l-investiment mis-settur privat u pubbliku, ikun hemm promozzjoni ta' teknoloġiji strateġiċi ewlenin, jitnaqqsu l-ispejjeż, tiżdied l-esperjenza tas-suq u jsir kontribut lejn it-tnaqqis tar-riskji finanzjarji u riskji u xkiel ipperċepiti oħra li jfixklu dan it-tip ta' investiment; |
(ċ) |
it-tneħħija ta' xkiel mhux teknoloġiku għall-modalitajiet effiċjenti u intelliġenti ta' produzzjoni u l-konsum ta' l-enerġija permezz tal-promozzjoni tat-tkabbir tal-kapaċità istituzzjonali, fost oħrajn, il-livelli lokali u reġjonali, billi jitkabbar l-għarfien, notevolment permezz tas-sistema ta' l-edukazzjoni, billi jitħeġġu l-iskambji ta' l-esperjenza u l-għarfien bejn l-atturi ewlenin involuti, in-negozji u ċ-ċittadini b'mod ġenerali u billi jkun stimolat it-tixrid ta' l-aħjar prassi u l-aħjar teknoloġiji disponibbli, notevolment permezz tal-promozzjoni tagħhom fuq livell Komunitarju. |
Artikolu 39
L-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu razzjonali tar-riżorsi (SAVE)
Azzjonijiet sabiex titrawwem l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu razzjonali tar-riżorsi ta' l-enerġija jistgħu jinkludu:
(a) |
it-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu razzjonali ta' l-enerġija, partikolarment fis-setturi tal-bini u l-industrija, bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet koperti bl-Artikolu 41; |
(b) |
is-sostenn tat-tħejjija ta' miżuri leġiżlattivi u l-applikazzjoni tagħhom. |
Artikolu 40
Riżorsi ġodda u li jiġġeddu (ALTENER)
Azzjonijiet li jippromwovu riżorsi ġodda u li jiġġeddu ta' l-enerġija jistgħu jinkludu:
(a) |
l-promozzjoni ta' sorsi ġodda u li jiġġeddu ta' l-enerġija għall-produzzjoni ċentralizzata u deċentralizzata ta' l-elettriku, tas-sħana u tat-tkessiħ biex b'hekk tiġi appoggjata d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija, bl-eċċezzjoni ta' l-azzjonijiet koperti bl-Artikolu 41; |
(b) |
l-integrazzjoni ta' sorsi ġodda u li jiġġeddu ta' l-enerġija fl-ambjent lokali u fis-sistemi ta' l-enerġija; |
(ċ) |
is-sostenn tat-tħejjija ta' miżuri leġiżlattivi u l-applikazzjoni tagħhom. |
Artikolu 41
L-enerġija fit-trasport (STEER)
Azzjonijiet li jippromwovu l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu ta' sorsi ġodda u li jiġġeddu ta' l-enerġija fit-trasport jistgħu jinkludu:
(a) |
inizjattivi ta' sostenn marbuta ma' l-aspetti kollha ta' l-enerġija tat-trasport, u d-diversifikazzjoni tal-fjuwil; |
(b) |
il-promozzjoni ta' fjuwils li jiġġeddu u l-effiċjenza ta' l-enerġija fit-trasport; |
(ċ) |
is-sostenn tat-tħejjija ta' miżuri leġiżlattivi u l-applikazzjoni tagħhom. |
Artikolu 42
Inizjattivi integrati
Azzjonijiet li jgħaqqdu numru ta' oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikoli 39, 40 u 41 jew marbuta ma' ċerti prijoritajiet Komunitarji jistgħu jinkludu:
(a) |
l-integrazzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija fid-diversi setturi ta' l-ekonomija; |
(b) |
l-għaqda ta' diversi strumenti, għoddod u atturi fi ħdan l-istess azzjoni jew proġett. |
Taqsima 2
Artikolu 43
Proġetti ta' promozzjoni u ta' tixrid
Dawn li ġejjjin għandhom ikunu appoġġati:
(a) |
studji strateġiċi fuq il-bażi tal-qsim ta' l-analiżi u s-sorveljanza regolari ta' l-iżviluppi tas-suq u t-tendenzi ta' l-enerġija għat-tħejjija ta' miżuri leġiżlattivi futuri jew ir-reviżjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti, inkluż fir-rigward tal-ħidma tas-suq intern ta' l-enerġija, għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija għal perjodu ta' żmien medju u fit-tul fil-qasam ta' l-enerġija għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għat-tħejjija ta' impenji volontarji fit-tul ma' l-industrija u partijiet interessati oħra u għall-iżvilupp ta' sistemi ta' standards, ittikkettar u ċertifikazzjoni, fejn xieraq ukoll b'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(b) |
il-ħolqien, it-tkabbir jew l-organizzazzjoni mill-ġdid ta' strutturi u strumenti għall-iżvilupp ta' l-enerġija sostenibbli, inkluża t-tmexxija lokali u reġjonali ta' l-enerġija, u l-iżvilupp ta' prodotti finanzjarji u strumenti tas-suq xierqa, mibnija fuq l-esperjenza ta' networks tal-preżent u ta' l-imgħoddi; |
(ċ) |
il-promozzjoni ta' sistemi ta' l-enerġija u tagħmir sostenibbli bil-għan li jkun iffaċilitat iktar id-dħul tagħhom fis-suq u jkun stimolat l-investiment sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni mid-dimostrazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji iktar effiċjenti, kampanji ta' għarfien u l-ħolqien ta' ħiliet istituzzjonali; |
(d) |
l-iżvilupp ta' informazzjoni, strutturi ta' edukazzjoni u taħriġ, l-użu ta' riżultati, il-promozzjoni u t-tixrid ta' għarfien u l-aħjar prassi bl-involviment tal-konsumaturi kollha, it-tixrid ta' riżultati ta' l-azzjonijiet u l-proġetti u l-kooperazzjoni ma' l-Istati Membri permezz ta' networks operattivi; |
(e) |
is-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni u l-impatt ta' miżuri Komunitarji leġiżlattivi u ta' sostenn. |
Artikolu 44
Proġetti ta' replika tas-suq
Il-Komunità għandha tipprovdi sostenn għall-proġetti relatati mar-replika tas-suq ta' tekniki, proċessi, prodotti jew prattiki innovattivi ta' rilevanza Komunitarja, li diġà ġew pruvati teknikament b'suċċess. Dawn għandhom ikunu mfassla biex jippromwovu l-użu aktar wiesa' ta' tali tekniki, proċessi, prodotti jew prattiki innovattivi fil-pajjiżi li jipparteċipaw u biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tagħhom fis-suq.
Taqsima 3
Artikolu 45
Programm ta' Ħidma Annwali
Il-programm ta' ħidma annwali għandu juri fid-dettall u skond l-għanijiet.kif stabbiliti fl-Artikolu 37:
(a) |
il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu; |
(b) |
il-prijoritajiet; |
(ċ) |
l-għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi; |
(d) |
il-kriterji għall-evalwazzjoni xierqa u l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi biex tiġi analizzata l-effettività fl-għoti ta' riżultati li jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-objettivi tal-programmi speċifiċi u tal-Programm Kwadru fit-total tiegħu; |
(e) |
l-iskedi ta' ħidma; |
(f) |
ir-regoli għall-parteċipazzjoni; |
(g) |
il-kriterji għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-miżuri. |
TITOLU III
DIŻPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 46
Kumitati
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitati li ġejjin:
(a) |
il-Kumitat għall-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni, imsejjaħ il-Kumitat ta' Tmexxija EIP (EIPC); |
(b) |
il-Kumitat għall-Programm għas-Sostenn għall-Politika dwar l-ICT, imsejjaħ il-Kumitat ta' Tmexxija ICT (ICTC); |
(ċ) |
il-Kumitat għall-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa, imsejjaħ il-Kumitat ta' Tmexxija IEE (IEEC). |
Koordinazzjoni u koperazzjoni sħiħa matul il-Programm Kwadru sħiħ, inklużi l-immaniġġjar strateġiku, u implimentazzjoni koerenti ġenerali għandha tiġi żgurata mill-Kummissjoni megħjuna mill-EIPC, f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-ICTC u l-IEEC.
2. Għall-kumitati msemmija fil-paragrafu 1, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.
3. Il-Kumitati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jadottaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom.
Artikolu 47
Gwida għall-utent
1. Wara id-dħul fis-seħħ tal-Programm Kwadru, il-Kummissjoni għandha tippublika gwida għall-utent, li tista' tinqara u tintuża faċilment, li tistabbilixxi qafas ċar, sempliċi u trasparenti tal-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji fil-Programm Kwadru. Il-gwida għall-utent għandu, b'mod partikolari jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ż-żmien bejn it-tfigħ ta' l-applikazzjonijiet u n-notifika tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni jkun l-iqsar possibbli. Ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni għandhom jintbagħtu f'perjodu ta' żmien xieraq.
Artikolu 48
Bord Strateġiku Konsultattiv dwar il Kompetittività u l-Innovazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tingħata pariri minn Bord Strateġiku Konsultattiv dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni magħmul minn rappreżentanti ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-industrija u tal-kummerċ, inklużi dawk li jirrappreżentaw lill-SMEs, u minn esperti oħra. L-għarfien tagħhom għandu jkun relatat mas-setturi u mal-kwistjonijiet indirizzati mill-Programm Kwadru, li jinkludi l-iffinanzjar, l-ICT, l-enerġija u l-eko-innovazzjoni.
Artikolu 49
Tħassir
Id-Deċiżjoni 96/413/KE hija b'dan imħassra.
Artikolu 50
Miżuri tranżitorji
Il-miżuri ta' implimentazzjoni fit-twettiq ta' l-għan stabbilit fl-Artikolu 27(b) għandhom jitwettqu taħt id-Deċiżjoni Nru 456/2005/KE sal-31 ta' Diċembru 2008.
Minn hemm 'il quddiem l-azzjonijiet li jinbdew taħt id-Deċiżjoni Nru 456/2005/KE fi jew qabel dik id-data għandhom ikunu amministrati f'konformità ma' dik id-Deċiżjoni, minbarra li l-Kumitat stabbilit minn dik id-Deċiżjoni għandha tinbidel mill-ICTC stabbilit fl-Artikolu 46 (1)(b) ta' din id-Deċiżjoni.
Għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 21 (2)(a), il-Kummissjoni tista' sal-31 ta' Diċembru 2007 tkompli bl-operazzjoni tan-Network taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Euro u bil-konklużjoni ta' Ftehim mal-membri tagħha dwar għotjiet annwali speċifiċi, iffinanzjati taħt dan il-Programm Kwadru, u li żżomm il-modalitajiet ta' l-operat tal-pogramm multi-annwali għall-Intraprenditorjat u l-Intrapriżi, stabbilit bid-Deċiżjoni 2000/819/KE.
Artikolu 51
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, nhar l-24 ta' Ottubru 2006.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
P. LEHTOMÄKI
(1) ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22.
(2) ĠU C 115, 16.5.2006, p. 17.
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Ġunju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2006.
(4) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(5) ĠU L 167, 6.7.1996, p. 55.
(6) ĠU L 183, 11.7.1997, p. 12. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1376/2002/KE (ĠU L 200, 30.7.2002, p. 1).
(7) ĠU L 192, 28.7.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1682/2004 (ĠU L 308, 5.10.2004, p. 1).
(8) ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1776/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 289, 3.11.2005, p. 14).
(9) ĠU L 14, 18.1.2001, p. 32.
(10) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 29. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).
(11) ĠU L 336, 23.12.2003, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2113/2005/KE (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 34).
(12) Għadu mhux pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
(13) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(14) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
(15) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
(16) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.
(17) ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20.
(18) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(19) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.
(20) ĠU L 283, 27.10.2001, p. 33. Direttiva kif emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.
(22) ĠU L 123, 17.5.2003, p. 42.
(23) ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.
(24) ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.
(25) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(26) ĠU L 79, 24.3.2005, p. 1.
ANNESS I
Tqassim indikattiv tal-baġit
L-allokazzjonijiet indikattivi tal-baġit għall-programmi speċifiċi għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
60 % tal-baġit globali għat-tkomplija tal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni, li minnu madwar kwint għandu jkun allokat għall-promozzjoni ta' l-eko-innovazzjoni; |
(b) |
20 % tal-baġit globali għat-tkomplija tal-Programm għas-Sostenn tal-Politika dwar l-ICT; |
(c) |
20 % tal-baġit globali għall-“Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa”. |
ANNESS II
Arranġamenti ta' implimentazzjoni għall-istrumenti finanzjarji Komunitarji għall-SMEs imsemmija fl-artikolu 17
1. ARRANĠAMENTI KOMUNI GĦALL-ISTRUMENTI FINANZJARJI KOMUNITARJI KOLLHA GĦALL-SMES
A. Baġit
L-allokazzjoni tal-baġit għandha tkopri l-ispiża kollha ta' kull strument, inklużi l-obbligazzjonijiet ta' ħlas lejn intermedjarji finanzjarji bħalma hu t-telf minn garanziji, miżati għat-tmexxija għall-EIF u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jmexxu r-riżorsi ta' l-UE, kif ukoll kull spiża jew nefqa eliġibbli oħra.
It-trasferiment ta' riżorsi bejn l-istrumenti għandu jinżamm flessibbli sabiex ilaħħqu ma' l-iżviluppi ġodda u l-kundizzjonijiet differenti tas-suq li jirriżultaw matul il-Programm Kwadru.
B. Kontijiet fiduċjarji
Kontijiet Fiduċjarji Separati għandhom jiġi stabbiliti mill-EIF u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti sabiex iżommu l-fondi tal-baġit marbuta ma' kull strument. Dawn il-kontijiet jistgħu jipproduċu l-imgħax. L-imgħax imħallas sal-31 ta' Diċembru 2013 jew qabel jista' jingħadd mar-riżorsi u jista' jintuża għall-għanijiet ta' l-istrument rispettiv.
Il-ħlas li jsir mid-depożitarju sabiex jonora obbligazzjonijiet ta' ħlas lill-intermedjarji finanzjarji jista' jkun iddebitat mill-kont Fiduċjarju korrispondenti. Ammonti li għandhom jitħallsu lura mid-depożitarju lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, il-ħlasijiet ta' tmexxija tad-depożitarju u spejjeż u nfiq ieħor eliġibbli għandhom jkunu iddebitati mill-kont fiduċjarju skond it-termini stabbiliti fil-Ftehim bejn il-Kummissjoni u d-depożitarju. Il-kont Fiduċjarju għandu jkun ikkreditat bi rċevuti li joriġinaw mill-Kummissjoni, bl-imgħax u, skond l-istrument, bir-rikavati minn investimenti li saru (GIF) jew b'miżati ta' impenn jew garanzija kif ukoll ammonti riċevibbli oħra (Faċilità SMEG).
Wara l-31 ta' Diċembru 2013, bilanċi fil-kontijiet fiduċjarji, minbarra fondi impenjati u mhux iddebitati u fondi raġonevolment meħtieġa biex ikopri l-ispejjeż u l-infiq eliġibbli, għandhom jingħataw lura lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.
C. Miżati
Għandha tapplika politika xierqa dwar il-miżati għall-ħidma ta' l-istrumenti. Il-miżati għandhom jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-prassi tas-suq filwaqt li tqis:
— |
It-tul ta' żmien globali ta' l-istrument rispettiv u l-ħtiġijiet ta' sorveljanza korrispondenti li jestendu lil hinn mill-perjodu ta' impenn tal-baġit; |
— |
il-pajjiżi eliġibbli; |
— |
kemm l-istrument ikun innovattiv jew kumpless; |
— |
in-numru assoċjat ta' attivitajiet bħalma huma r-riċerka dwar is-suq, l-identifikazzjoni ta' intermedjarji u n-negozjati magħhom, l-istrutturar tat-tranżazzjoni, l-għeluq, is-sorveljanza u r-rappurtaġġ. |
D. Viżibilità u Tkabbir ta' l-Għarfien
Kull intermedjarju għandu jipprovdi livell xieraq ta' viżibbiltà u trasparenza lis-sostenn mogħti mill-Komunità, inkluża l-informazzjoni xierqa dwar l-opportunitajiet finanzjarji li huma disponibbli bil-Programm Kwadru.
Għandu jkun żgurat li l-benefiċjarji finali jkunu nfurmati kif xieraq dwar l-opportunitajiet disponibbli ta' l-iffinanzjar.
2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-GIF
A. Daħla
Aspetti fiduċjarji, ta' tmexxija u ta' sorveljanza għandhom jiġu miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-EIF. Il-Kummissjoni għandha tapplika linji gwida speċifiċi dwar it-tmexxija tat-teżor.
B. Intermedjarji
GIF1 u GIF2 għandhom jimmiraw intermedjarji orjentati lejn il-kummerċ li huma mmexxija minn timijiet indipendenti li jgħaqqdu t-taħlita xierqa ta' ħiliet u esperjenza. L-intermedjarji għandhom jintgħażlu b'konformità ma' l-aħjar prassi tan-negozju u s-suq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, filwaqt li jkun evitat kull kunflitt ta' interess bil-għan li jaħdmu permezz ta' firxa wiesgħa ta' fondi speċjalizzati jew strutturi simili.
C. Kriterji għall-eliġibilità
Il-GIF għandu jikkumplimenta l-attivitajiet imsejsa fuq il-fondi proprji ta' l-EIF permezz ta' l-adozzjoni ta' politika ta' investiment li tinvolvi profil ta' riskju ogħla, kemm fir-riward ta' fondi intermedjarji u l-linji politiċi ta' investiment tagħhom.
GIF 1
GIF 1 għandu jinvesti f'fondi intermedjarji ta' kapital ta' riskju u f'mezzi oħra ta' investiment li jinvestu f'SMEs li għandhom sa 10 snin, u normalment jibda mir-rondi pre-A (konċepiment) u A (fażi bikrija) u jipprovdi investiment ta' segwitu fejn ikun xieraq. L-investiment normali aggregat massimu f'fond intermedjarju ta' kapital ta' riskju għandu jkun 25 % tal-kapital kollu miżmum mill-fond rilevanti, jew sa 50 % għal fondi ġodda li jidher li se jkollhom irwol katalitiku partikolarment b'saħħtu fl-iżvilupp tas-swieq tal-kapital ta' riskju għal teknoloġija speċifika jew f'reġjun speċifiku kif ukoll il-mezzi ta' investiment ta' investituri informali. L-investiment aggregat massimu f'fond intermedjarju ta' kapital ta' riskju għandu jkun 50 % f'dawk il-każi fejn il-konċentrazzjoni ta' l-investiment tal-fond hu fuq SMEs li huma attivi fl-eko-innovazzjoni. Għallinqas 50 % tal-kapital investit f'kull fond għandu jkun ipprovdut minn investituri li joperaw f'ċirkostanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq (skond il-“prinċipju ta' l-investitur f'ekonomija tas-suq”), irrispettivament min-natura legali u t-tqassim ta' l-ishma bejn l-investituri li qed jipprovdu dik il-parti tal-kapital. L-ebda impenn f'fond waħdieni m' għandu jaqbeż l-EUR 30 miljun. Il-GIF1 jista' jinvesti b'mod konġunt ma' riżorsi proprji ta' l-EIF jew riżorsi taħt il-mandat ta' l-EIB jew riżorsi oħra amministrati mill-EIF.
GIF 2
Il-GIF 2 għandu jinvesti f'fondi intermedjarji ta' kapital ta' riskju li jinvestu f'SMEs, normalment fir-rondi B u C (espansjoni). L-investiment massimu aggregat ta' fond intermedjarju ta' kapital ta' riskju normalment ikun 15 % tal-kapital totali miżmum mill-fond rilevanti, jew sa 25 % għal:
— |
fondi ġodda li jidher li se jkollhom rwol katalitiku partikolarment b'saħħtu fl-iżvilupp ta' swieq ta' kapital ta' riskju għal teknoloġija speċifika jew f'reġjun speċifiku; |
— |
fondi li l-konċentrazzjoni ewlenija ta' investiment tagħhom hija fuq SMEs attivi fl-eko-innovazzjoni; |
— |
fondi mwaqqfa minn timijiet ġodda ta' tmexxija. |
Fil-każ ta' investiment konġunt ta' GIF 2 mar-riżorsi proprji ta' l-EIF jew riżorsi taħt il-mandat EIB jew riżorsi oħra mmexxija mill-EIF, il-kontribut massimu tal-GIF2 għandu jkun 15 %. Għallinqas 50 % tal-kapital investit f'kwalunkwe fond għandu jkun ipprovdut minn investituri li joperaw f'ċirkostanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq (skond il-“prinċipju ta' l-investitur f'ekonomija tas-suq”), irrispettivament min-natura legali u t-tqassim ta' l-ishma bejn l-investituri li qed jipprovdu din il-parti tal-kapital. L-ebda impenn f'fond waħdieni m'għandu jaqbeż l-EUR 30 miljun.
D. Investment pari passu
L-investiment li sar taħt il-GIF f'fond intermedjarju għandu jitqies pari passu ma' l-investituri privati.
E. Rwol Fundamentali
Għall-fondi ġodda li jidher li se jkollhom irwol katalitiku partikolarment b'saħħtu fl-iżvilupp ta' swieq ta' kapital ta' riskju għal teknoloġija speċifika jew f'reġjun speċifiku, l-EIF tista' tagħmel il-parti ta' investitur fundamentali.
F. Trasparenza tal-kundizzjonijiet
L-EIF għandu jiżgura li t-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-iffinanzjar skond GIF 1 u GIF 2 jkunu trasparenti u li jinftiehmu.
G. Ħajja tal-GIF
Il-GIF għandha tkun faċilità fit-tul li normalment tieħu pożizzjonijiet ta' 5 sa 12 snin f'fondi intermedjarji. F'kull każ, il-ħajja ta' l-investiment taħt il-GIF ma' jistax jaqbeż 19-il sena mill-firma tal-ftehim ta' delegazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-EIF. Strateġiji xierqa ta' ħruġ se jeħtieġu li jiġu ddefiniti fil-Ftehim bejn l-EIF u l-intermedjarji.
H. Realizzazzjoni ta' l-investimenti
Billi ħafna mill-investimenti li se jsiru taħt il-GIF għandhom jkunu f'entitajiet mhux ikkwotati u mhux likwidi, it-twettiq ta' dawn l-investimenti għandu jkun imsejjes fuq id-distribuzzjoni tar-rikavati li jingħataw lill-intermedjarju mill-bejgħ ta' l-investimenti tagħhom f'SMEs.
I. Investiment mill-ġdid tar-rikavati minn investimenti mwettqa
Ir-rikavati, inklużi d-dividendi u rimborsi li jingħataw lill-EIF qabel il-31 ta' Diċembru 2013, għandhom jingħaddu mar-riżorsi tal-GIF u jintużaw għall-għanijiet tal-GIF.
3. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FAĊILITÀ SMEG
A. Daħla
Aspetti fiduċjarji, ta' tmexxija u ta' sorveljanza għandhom jinftiehmu bejn il-Kummissjoni u l-EIF u għandhom jkunu konformi mal prattiki kummerċjali normali. Il-Kummissjoni għandha tapplika linji gwida speċifiċi dwar it-tmexxija tat-teżor.
B. Intermedjarji
L-intermedjarji għandhom jintgħażlu minn fost l-iskemi ta' garanziji li diġà qed jaħdmu jew li jistgħu jkunu mwaqqfa fil-pajjiżi eliġibbli, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' garanzija reċiproka, jew kull istituzzjoni finanzjarja internazzjonali xierqa oħra. Il-proċeduri ta' l-għażla għandhom jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji, u għandhom jevitaw kwalunkwe kunflitt ta' interess.
L-intermedjarji għandhom jintgħażlu f'konformità ma' l-aħjar prassi tas-suq fir-rigward ta' l-effetti fuq:
— |
il-volum ta' finanzjament (dejn, ekwità, jew kważi-ekwità) li jsir disponibbli lil SMEs; u/jew |
— |
l-aċċess ta' l-SMEs għall-finanzi; u/jew |
— |
it-teħid tar-riskji fil-finanzjament ta' SMEs mill-intermedjarju kkonċernat. |
C. Eliġibilità
Il-kriterji finanzjari li jmexxu l-eliġibilità taħt il-Faċilità SMEG għandhom jkunu ddeterminati għal kull intermedjarju fuq il-bażi ta' l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jilħqu kemm jista' jkun SMEs. Dawn ir-regoli għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet u l-prassi tas-suq fit-territorju rilevanti.
Il-finanzjament għall-akkwist ta' assi tanġibbli jew intanġibbli, inklużi attivitajiet innovattivi, żvilupp teknoloġiku u l-akkwist ta' liċenzji għandu jkun eliġibbli.
Il-kriterji marbuta mar-raba' tieqa ta' SMEG, (d) securitisation tal-portfolli ta' l-SMEs tal-finanzjament tad-dejn, għandhom jinkludu tranżazzjonijiet individwali u dawk bejn iktar minn bejjiegħ wieħed kif ukoll tranżazzjonijiet bejn iktar minn pajjiż wieħed. L-eliġibilità għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar prassi tas-suq, partikolarment fir-rigward tal-kwalità ta' kreditu u d-diversifikazzjoni tar-riskju tal-portfoll securitised.
D. Termini tal-garanziji
Il-garanziji maħruġa mill-EIF f'isem il-Kummissjoni taħt it-twieqi (a) finanzjament tad-dejn, (b) mikro-kreditu, u (c) ekwità jew kważi-ekwità tal-Faċilità SMEG għandha tkopri parti mir-riskju meħud mill-intermedjarju finanzjarju f'portfoll ta' finanzjament ta' tranżazzjonijiet individwali. Ir-raba' tieqa tal-Faċilità SMEG, (d) securitisation, għandha tinvolvi l-qsim tar-riskju ta' ċerti ammonti securitised li huma ikbar mill-ewwel biċċa tat-telf jew li jħallu r-riskju ta' parti sinifikattiva ta' l-ewwel parti tat-telf lill-oriġinatur u jaqsmu r-riskju tal-parti li jifdal.
Il-garanziji mogħtija mill-EIF marbuta mat-twieqi (a) il-finanzjament tad-dejn, (b) mikro-kreditu, (c) interess ta' l-azzjonisti jew kważi-interess ta' l-azzjonisti tal-Faċilità SMEG normalment se jkunu kklassifikati pari passu mal-garanziji, jew fejn xieraq, bil-finanzjament mogħti mill-intermedjarju.
L-EIG jista' jitlob ħlas lil intermedjarju finanzjarju kkalkulat fuq ammonti impenjati iżda mhux użati skond skeda miftiehma (“ħlas ta' impenn”) kif ukoll ħlasijiet ta' garanzija. Jista' wkoll jitlob ħlas marbut ma' tranżazzjonijiet individwali ta' securitisation.
E. Il-telf kumulattiv massimu limitu ta' l-EIF
In-nefqa ta' l-SMEG għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea se jkollhom limitu sabiex, taħt l-ebda ċirkostanza, ma jaqbżu l-allokazzjoni tal-baġit disponibbli għall-EIF taħt l-SMEG. M'għandux ikun hemm responsabbiltà kontinġenti fuq il-baġit.
L-obbligu ta' l-EIF li jħallas is-sehem tiegħu tat-telf ta' l-intermedjarju għandu jibqa' sakemm l-ammont kumulattiv tal-ħlasijiet li saru biex ikopru t-telf minn portfoll ta' finanzjament speċifiku, fejn xieraq imnaqqas mill-ammont kumulattiv ta' l-irkupri tat-telf korrispondenti, jilħaq ammont miftiehem minn qabel, li mbagħad il-garanzija ta' l-EIF għandha tkun ikkanċellata awtomatikament.
F. Irkupri ta' telf u dħul ieħor li għandu jitħallas lill-Kont Fiduċjarju
Kull irkupru ta' telf li jasal mingħand intermedjarju speċifiku għandu jkun kkreditat lill-Kont Fiduċjarju u jitqies fil-kalkolu tat-telf kumulattiv massimu b'limitu tal-EIF lejn l-intermedjarju. Kull dħul ieħor, bħalma huma ħlasijiet ta' impenn u ħlasijiet ta' garanzija, għandhom jkunu kkreditati lill-Kont Fiduċjarju u, jekk jaslu wara l-31 ta' Diċembru 2013, għandhom jingħaddu mar-riżorsità l-SMEG.
G. Ħajja ta' l-SMEG
Garanziji individwali ta' l-SMEs għandu jkollhom maturità sa 10 snin.
4. L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-CBS
A. Daħla
Dettalji ta' l-implimentazzjoni għall-azzjoni tal-Kapital tal-Konċepiment u ta' l-Azzjoni ta' Sħubija, inklużi l-aspetti fiduċjarji, ta' tmexxija u ta' sorveljanza, għandhom jkunu soġġetti għal ftehim bejn il-Kummissjoni u l-EIF jew l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti.
L-intermedjarji għandhom jintgħażlu f'konformità ma' l-aħjar prassi tas-suq.
Il-proċeduri għall-għażla tal-provvista ta' għajnuna teknika għandhom jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji, u għandhom jevitaw il-kunflitti ta' l-interessi.
B. Azzjoni ta' Kapital tal-Konċepiment
L-azzjoni ta' Kapital tal-konċepiment għandha taħdem fuq bażi fiduċjarju. L-allokazzjoni tal-baġit għandha tkopri l-ispiża kollha ta' l-azzjoni, inklużi l-ħlasijiet għat-tmexxija jew kull spiża jew infiq ieħor eliġibbli. L-għotjiet mogħtija għandhom jappoġġaw lill-fondi ta' investiment li jinkludu kapital tal-konċepiment fil-programm globali ta' investiment tagħhom, billi jkopru parti mill-ispejjeż ta' tmexxija li jirriżultaw.
C. Azzjoni ta' Sħubija
L-azzjoni ta' sħubija għandha taħdem permezz ta' l-EIF jew istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti oħra. Din għandha tkopri l-għajnuna teknika, ħlasijiet ta' tmexxija u spejjeż oħra eliġibbli li jappoġġaw it-tkabbir tal-kapaċità.
5. EVALWAZZJONI
L-evalwazzjonijiet esterni għandhom jitwettqu minn esperti indipendenti, li jqisu l-impatt ta' l-Inizjattiva għat-Tkabbir u l-Impjiegi stabbilita taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar miżuri ta' assistenza finanzjarja għall-innovazzjoni u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li joħolqu l-impjiegi – l-inizjattiva għat-tkabbir u l-impjieg (1) u tal-Programm Plurijennali għall-Intrapriżi u l-Intraprenditorija, partikolarment għal SMEs.L-evalwazzjonijiet esterni għandhom jevalwaw l-impatt ta' l-istrumenti Komunitarji finanzjarji għall-SMEs u jipprovdu analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tar-riżultati miksuba, partikolarment, billi jevalwaw l-effett ta' ingranaġġ u l-benefiċċju f'termini ta' nfiq ta' kull strument. Ir-rapporti ta' evalwazzjoni għandhom jippreżentaw dejta statistika għall-Unjoni globalment u għall-Istati Membri individwali u għall-pajjiżi l-oħra li jipparteċipaw, inkluż:
— |
għall-GIF, in-numru ta' SMEs milħuqa u n-numru ta' impjiegi maħluqa; |
— |
ir-rata tar-rendita għall-investituri; |
— |
għall-Faċilità SMEG, in-numru u l-valur ta' self mogħti mill-intermedjarji finanzjari lill-SMEs u n-numru ta' SMEs milħuqa u n-numru u l-valur ta' operazzjonijiet ta' self li fallew; |
— |
għall-azzjoni ta' Kapital tal-konċepiment, in-numru ta' organizzazzjonijiet appoġġati u l-volum ta' investimenti ta' kapital tal-konċepiment; |
— |
għall-Azzjoni ta' Sħubija, in-numru ta' intermedjarji appoġġati u SMEs milħuqa; |
— |
kull riżultat speċifiku marbut ma' l-eko-innovazzjoni. |
Viżibbiltà xierqa għandha tingħata lir-riżultati u l-esperjenza miġjuba mir-rapporti ta' l-evalwaturi esterni u l-qsim ta' l-aħjar prassi bejn il-partijiet interessati.
ANNESS III
Dettalji tas-servizzi li jappoġġaw in-negozju u l-innovazzjoni msemmija fl-Artikolu 21
(a) |
Servizzi ta' Informazzjoni, Feedback, Koperazzjoni fin-Negozju u internazzjonalizzazzjoni
|
(b) |
Servizzi għall-innovazzjoni u għat-Trasferiment ta' Teknoloġija u Għarfien
|
(c) |
Serviżżi li jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' SMEs fis-seba' Programm Kwadru għar-Riċerka
|