EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0974R(01)

Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/974/KE tad- 19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: Kapaċitajiet li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) ( ĠU L 400, 30.12.2006 )

ĠU L 54, 22.2.2007, p. 101–125 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/974/corrigendum/2007-02-22/oj

22.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

101


Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/974/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: “Kapaċitajiet” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013)

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 400, 30 ta' Diċembru 2006 )

Id-Deċiżjoni 2006/974/KE għandha taqra hekk:

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Diċembru 2006

dwar il-Programm Speċifiku: “Kapaċitajiet” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/974/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 166(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 166(3) tat-Trattat, id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007 – 2013) (3) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kwadru”) għandha tiġi implimentata permezz ta' Programmi Speċifiċi li jiddefinixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom, jiffissaw it-tul tagħhom u jipprovdu għall-mezzi meqjusa meħtieġa.

(2)

Il-Programm Kwadru huwa strutturat f'erba' tipi ta' attivitajiet: kooperazzjoni transnazzjonali fuq temi definiti bħala politika (”Kooperazzjoni”), riċerka mmexxija minn investigaturi msejsa fuq inizjattivi tal-komunità tar-riċerka (”Ideat”), appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi (”Nies”), u appoġġ għall-kapaċitajiet ta' riċerka (”Kapaċitajiet”). Attivitajiet taħt “Kapaċitajiet”, fir-rigward ta' azzjonijiet indiretti, għandhom ikunu implimentati permezz ta' dan il-Programm Speċifiku.

(3)

Ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' l-intrapriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka, għall-Programm Kwadru (minn hawn 'il quddiem imsejħa ’r-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid’) għandhom japplikaw għal dan il-programm speċifiku.

(4)

Il-Programm Kwadru għandu jikkumplimenta l-attivitajiet imwettqin fl-Istati Membri kif ukoll azzjonijiet komunitarji oħra li huma meħtieġa għall-isforz strateġiku ġenerali għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' Liżbona, b'mod partikolari dawk dwar il-fondi strutturali, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-industrija, is-saħħa, il-ħarsien tal-konsumatur, ix-xogħol, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent.

(5)

L-attivitajiet relatati ma' l-innovazzjoni u l-SMEs appoġġati taħt dan il-Programm Kwadru għandhom ikunu komplimentari għal dawk imwettqin taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni li ser jikkontribwixxu biex jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, u jippromwovu l-forom kollha ta' l-innovazzjoni.

(6)

L-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru tista' twassal għall-programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' ċertu Stati Membri biss, il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi mwettqa minn diversi Stati Membri, jew il-ħolqien ta' impenji konġunti jew arranġamenti oħra skond it-tifsira ta' l-Artikoli 168, 169 u 171 tat-Trattat.

(7)

Dan il-Programm Speċifiku għandu jipprovdi kontribut lill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) sabiex tiġi kkostitwita “Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju” sabiex jitjieb l-aċċess għas-self mill-BEI.

(8)

Kif previst taħt l-Artikolu 170 tat-Trattat, il-Komunità kkonkludiet numru ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tar-riċerka u għandhom isiru sforzi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka bl-għan li jkun hemm aktar integrazzjoni tal-Komunità fil-komunità internazzjonali tar-riċerka. Għalhekk, dan il-Programm Speċifiku huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi li kkonkludew il-ftehim meħtieġ għal dan il-għan u huwa wkoll miftuħ fuq livell ta' proġett, u fuq il-bażi ta' benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika.

(9)

Attivitajiet ta' riċerka mwettqa fi ħdan dan il-programm għandhom josservaw il-prinċipji ta' l-etika fundamentali, inklużi dawk li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(10)

L-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru għandha tikkontribwixxi lejn il-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

(11)

Għandha tiġi żgurata tmexxija finanzjarja soda tal-Programm Kwadru u l-implimentazzjoni tiegħu bl-aktar mod effettiv u aċċessibbli possibbli, filwaqt li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-aċċessibbiltà tal-programm għall-parteċipanti kollha, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (5) li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u kull emenda futura.

(12)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa – b'mod proporzjonali għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej – sabiex jiġu monitorati kemm l-effikaċja ta' l-appoġġ finanzjarju mogħti kif ukoll l-effikaċja ta' l-użu ta' dawn il-fondi sabiex jiġu evitati rregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (6), Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (7) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (8).

(13)

Peress illi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni huma essenzjalment miżuri ta' ġestjoni, dawn għalhekk għandhom jiġu adottati mill-proċedura ta' ġestjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (9). Min-naħa l-oħra riċerka li tinvolvi l-użu ta' embrijoni tal-bniedem u ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem iqajmu kwistjonijiet speċifiċi etiċi, kif deskritti fl-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni, għaldaqstant, miżuri għall-finanzjament ta' tali proġetti għandhom jiġu adottati bil-proċedura regolatorja prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(14)

Il-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet” għandu jkollu linja tal-baġit għalih fil-Baġit Ġenerali tal-Komunità Ewropea.

(15)

Fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm trid tingħata attenzjoni xierqa lill-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll, inter alia, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, it-trasparenza tal-proċessi ta' reklutaġġ, u l-iżvilupp tal-karriera fir-rigward tar-riċerkaturi mqabbda għal proġetti u programmi ffinazjati taħt l-azzjonijiet ta' dan il-programm, li għalih ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u Kodiċi ta' Mġiba għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi joffru qafas ta' referenza, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura volontarja tagħha,

ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Il-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet” għal attivitajiet Komunitarji fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inklużi attivitajiet ta' dimostrazzjoni, minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-“Programm Speċifiku” huwa b'dan adottat għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Il-Programm Speċifiku għandu jappoġġa l-attivitajiet għall-”Kapaċitajiet” billi jappoġġa aspetti ċentrali tal-kapaċitajiet Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni. kif ġej:

(a)

l-infrastrutturi tar-riċerka;

(b)

riċerka għall-benefiċċju ta' l-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju (SMEs);

(ċ)

reġjuni ta' għarfien;

(d)

potenzjal ta' riċerka;

(e)

ix-xjenza fis-soċjetà;

(f)

appoġġ għall-iżvilupp koerenti ta' linji politiċi dwar ir-riċerka

(g)

attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali

L-implimentazzjoni ta' dan il-Programm Speċifiku tista' jwassal għal programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' ċerti Stati Membri biss, il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi mwettqa minn diversi Stati Membri, jew il-ħolqien ta' inizjattivi konġunti jew arranġamenti oħra skond it-tifsira ta' l-Artikoli 168, 169 u 171 tat-Trattat.

L-għanijiet u d-deskrizzjoni ġenerali ta' dawn l-attivitajiet jingħataw fl-Anness I.

Artikolu 3

Skond l-Anness II tal-Programm Kwadru, l-ammont meqjus neċessarju għat-twettiq tal-Programm Speċifiku għandu jkun ta' EUR 4 097 miljun, li minnhom anqas minn 6 % għandhom ikunu għan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni. Tqassim indikattiv ta' dan l-ammont jidher fl-Anness II.

Artikolu 4

1.   L-attivitajiet kollha ta' riċerka mwettqa taħt il-Programm Speċifiku għandhom jitwettqu b'konformità mal-prinċipji etiċi fundamentali.

2.   L-oqsma ta' riċerka li ġejjin m'għandhomx jiġu ffinanzjati taħt dan il-programm:

attività ta' riċerka mmirata lejn il-klonazzjoni umana għal skopijiet riproduttivi,

attività ta' riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista' tagħmel tali bidliet ereditabbli (10),

attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex joħolqu embrijuni umani għall-għan waħdieni tar-riċerka jew għall-produzzjoni ta' ċelloli staminali, inkluż permezz tat-trasferiment tan-nukleu ta' ċelloli somatiċi.

3.   Ir-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali tal-bniedem, kemm adulti kif ukoll embrijoniċi, tista' tiġi ffinanzjata skond il-kontenut tal-proposta xjentifika u l-qafas legali ta' l-Istat jew Stati Membri involuti.

Kwalunkwe applikazzjoni għall-finanzjament ta' riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-embrijoni tal-bniedem għandha tinkludi, skond il-każ, id-dettalji tal-liċenzja u tal-miżuri ta' kontroll li jkunu ser jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kif ukoll id-dettalji ta' l-approvazzjoni (jiet) etiċi li jkunu ser jiġu pprovduti.

Fir-rigward tad-derivazzjoni taċ-ċelloli staminali embrijoniċi tal-bniedem, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u r-riċerkaturi għandhom ikunu soġġetti għal liċenzjar u kontroll stretti skond il-qafas legali ta' l-Istat(i) Membri involuti.

4.   L-oqsma tar-riċerka mniżżlin hawn fuq għandhom ikunu riveduti għat-tieni fażi ta' dan il-programm (2010 – 2013) fid-dawl ta' l-avvanzi xjentifiċi.

Artikolu 5

1.   Il-Programm Speċifiku għandu jiġi implimentat permezz ta' l-iskemi ta' finanzjament stabbiliti fl-Anness III għall-Programm Kwadru.

2.   L-Anness III għal dan il-Programm Speċifiku jistabbilixxi l-arranġamenti għal għotja lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għall-istabbiliment ta' Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar- Riskju.

3.   L-Anness IV għal dan il-Programm Speċifiku jistabbilixxi inizjattiva possibbli għall-implimentazzjoni konġunta ta' programmi nazzjonali ta' riċerka li tista' tkun is-suġġett ta' deċiżjoni separata abbażi ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat.

4.   Ir-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid għandhom japplikaw għal dan il-Programm Speċifiku.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal Programm ta' Ħidma għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku, li jniżżel f'aktar dettal l-objettivi u l-prijoritajiet xjentifiċi u teknoloġiċi mniżżla fl-Anness I, l-iskema ta' finanzjament li għandha tintuża għas-suġġett li dwaru hemm stedina għal proposti, u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni.

2.   Il-Programm ta' Ħidma għandu jqis l-attivitajiet ta' riċerka rilevanti mwettqa mill-Istati Membri, pajjiżi assoċjati u l-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali, u l-kisba tal-valur miżjud Ewropew kif ukoll l-impatt fuq il-kompettività industrijali u r-rilevanza għal linji politiċi Komunitarji oħra. Huwa għandu jkun aġġornat fejn xieraq.

3.   Proposti għal azzjonijiet indiretti taħt l-iskemi ta' finanzjament għandhom jiġu evalwati u l-proġetti għandhom jiġu magħżulin billi jiġu kkunsidrati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(1a) tar-regoli għal parteċipazzjoni u t-tixrid.

4.   Il-Programm ta' Ħidma jista' jidentifika:

(a)

organizzazzjonijiet li jirċievu abbonamenti f'forma ta' ħlas ta' sħubija;

(b)

azzjonijiet ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' entitajiet legali speċifiċi.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku.

2.   Il-proċedura ta' ġestjoni stabbilita fl-Artikolu 8(2) għandha tapplika għall-adozzjoni tal-miżuri li ġejjin:

(a)

il-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 6 jinkludi l-iskemi ta' finanzjament li għandhom jintużaw, il-kontenut tas-sejħiet għal proposti u l-evalwazzjoni u l-kriterji ta' l-għażla li għandhom jiġu applikati;

(b)

kwalunkwe aġġustament fit-tqassim indikattiv ta' l-ammont kif jidher fl-Anness II.

(ċ)

l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' attivitajiet imsemmi f' punti (a) sa (ġ) ta' l-Artikolu 2, fejn l-ammont stmat tal-kontribut Komunitarju taħt dan il-programm huwa daqs jew aktar minn EUR 0,6 miljun;

(d)

it-tfassil tat-termini ta' referenza għall-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikoli 7(2) u 7(3) tal-Programm Kwadru.

3.   Il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 8(3) għandha tapplika għall-approvazzjoni ta' finanzjament ta' attivitajiet li jinvolvu l-użu ta' embriji tal-bniedem u ċelluli staminali ta' embrijoniċi tal-bniedem.

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat.

2.   Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3.   Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat dwar il-progress ġenerali ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku, u għandha tipprovdilu l-informazzjoni f'waqtha dwar l-azzjonijiet ta' riċerka, taħriġ u żvilupp (RTD) proposti jew iffinanzjati taħt dan il-programm kif speċifikat fl-Anness V.

5.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-reviżjoni indipendenti previsti fl-Artikolu 7 dwar il-Programm Kwadru li għandhom isiru fir-rigward ta' l-attivitajiet imwettqa fl-oqsma koperti mill-Programm Speċifiku.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha filĠurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 19 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA

ANNESS I

OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNOLOĠIĊI, DESKRIZZJONI ĠENERALI TAT-TEMI U L-ATTIVITAJIET

INTRODUZZJONI

Dan il-Programm Speċifiku ser isaħħaħ il-kapaċitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Ewropa kollha u jiżgura li jsir l-aħjar użu tagħhom. Dan il-għan ser jinkiseb permezz ta':

Il-titjib ta' l-użu u l-iżvilupp ta' l-infrastrutturi ta' riċerka;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-SMEs għall-innovazzjoni u l-abbiltà tagħhom li jibbenefikaw mir-riċerka;

Appoġġ għall-iżvilupp ta' raggruppamenti reġjonali mmexxija mir-riċerka;

Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal għar-riċerka fir-reġjuni ta' konverġenza u l-aktar remoti ta' l-UE;

It-tqarrib lejn xulxin tax-xjenza u s-soċjetà għall-integrazzjoni armonjuża tax-xjenza u t-teknoloġija fis-soċjetà Ewropea;

Appoġġ għall-iżvilupp koerenti ta' linji politiċi ta' riċerka;

Azzjonijiet u miżuri b'appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali.

Il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli u l-ugwaljanza bejn is-sessi ser jingħataw l-attenzjoni dovuta. Barra minn hekk, konsiderazzjonijiet ta' l-aspetti etiċi, soċjali, legali u kulturali usa' tar-riċerka li għandha ssir u l-applikazzjonjiet potenzjali tagħha, kif ukoll impatti soċio-ekonomiċi ta' żvilupp u tbassir xjentifiku u teknoloġiku, fejn rilevanti għandhom jagħmlu parti mill-attivitajiet taħt dan il-Programm Speċifiku.

L-azzjonijiet għall-koordinazzjoni ta' programmi mhux Komunitarji jistgħu jsiru f'dan il-Programm Speċifiku bl-użu ta' l-iskema ERA-NET u l-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi nazzjonali ta' riċerka li jiġu implimentati b'mod konġunt (l-Artikolu 169 tat-Trattat) kif deskritt fil-Programm Speċifiku Kooperazzjoni.

Ser jiġu mfittxija sinerġiji u komplementaritajiet ma' linji politiċi u programmi komunitarji oħra, bħall-politika reġjonali u ta' koeżjoni tal-Komunità, il-Fondi Strutturali, il-Programm għall-Kompetittività u Innovazzjoni u l-Programmi rilevanti ta' Edukazzjoni u Taħriġ (11).

Aspetti etiċi

Matul l-implimentazzjoni ta' dan il-Programm Speċifiku u fl-attivitajiet ta' riċerka li jirriżultaw minnu, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji etiċi fundamentali. Dawn jinkludu, inter alia, il-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE, inklużi dawn li ġejjin: il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-ħajja tal-bniedem, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, kif ukoll ta' l-annimali u l-ambjent skond il-liġi Komunitarja u l-aħħar verżjonijiet tal-konvenzjonijiet, il-linji gwida u l-kodiċi ta' kondotta internazzjonali rilevanti, eż. id-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki, il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina ffirmata f'Oviedo fl-4 ta' April 1997 u l-Protokolli Addizzjonali tagħha, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-ġenoma tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem adottata mill-UNESCO, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Ser jittieħed ukoll kont ta' l-Opinjonijiet tal-Grupp Ewropew ta' Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bijoteknoloġija (1991-1997) u l-Opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji Ġodda (mill-1998).

B'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-diversità ta' approċċi eżistenti fl-Ewropa, il-parteċipanti fi proġetti ta' riċerka għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u r-regolamenti etiċi attwali fil-pajjiżi fejn titwettaq ir-riċerka. Fi kwalunkwe każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ebda riċerka pprojbita fi kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż ieħor partikolari ma tiġi appoġġata mill-finanzjament Komunitarju sabiex titwettaq f'dak l-Istat Membru jew pajjiż.

Fejn xieraq, dawk li jwettqu proġetti ta' riċerka għandhom ifittxu l-approvazzjoni tal-kumitati etiċi nazzjonali jew lokali rilevanti qabel ma jinbdew l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku. Reviżjoni etika ser tiġi wkoll implimentata sistematikament mill-Kummissjoni għal proposti li jittrattaw ma' kwistjonijiet etikament sensittivi jew fejn aspetti etiċi ma jkunux ġew indirizzati b'mod adegwat. F'każijiet speċifiċi reviżjoni etika tista' sseħħ matul l-implimentazzjoni ta' proġett.

L-ebda iffinanzjar mhu se jingħata għal attivitajiet ta' riċerka li huma pprojbiti fl-Istati Membri kollha.

Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta' l-annimali anness għat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità tagħti kull rigward lill-ħtiġiet tal-benesseri ta' l-annimali meta tifformula u timplimenta linji politiċi Komunitarji inkluża r-riċerka. Id-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE ta' l-24 ta' Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta' l-annimali użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħrajn xjentifiċi (12) teħtieġ li l-esperimenti kollha jkunu maħsuba b'tali mod li jevitaw dieqa u uġigħ u tbatija mhux meħtieġa għall-annimali sperimentali; li jintuża numru minimu ta' annimali; u li jiġu involuti annimali bl-aktar grad baxx ta' sensittività newropsikoloġika; li jiġu kkawżati l-inqas uġigħ, tbatija, dieqa jew ħsara dejjiema. L-alterazzjoni tal-wirt ġenetiku ta' l-annimali u l-klonazzjoni ta' l-annimali jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk l-għanijiet jistgħu jiġi ġġustifikati etikament u l-kondizzjonijiet huma tali li l-benesseru ta' l-annimali jiġi ggarantit u jiġu rispettati l-prinċipji ta' bijodiversità.

Matul l-implimentazzjoni ta' dan il-programm, ser ikun hemm monitoraġġ regolari mill-Kummissjoni tal-progress xjentifiku u d-dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali sabiex jittieħed kont ta' kwalunkwe żvilupp.

Ir-riċerka fuq l-etika relatata ma' l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ssir fil-parti '“Xjenza fis-Soċjetà” ta' dan il-programm.

1.   INFRASTRUTTURI TA' RIĊERKA

Objettiv

Ottimizzazzjoni ta' użu u l-iżvilupp ta' l-aqwa infrastrutturi ta' riċerka li hawn fl-Ewropa, il-kontribut għall-ħolqien fl-oqsma kollha tax-xjenza u tat-teknoloġija ta' l-infrastrutturi ġodda ta' riċerka ta' interess pan-Ewropew li huma meħtieġa biex il-komunità xjentifika Ewropea tibqa' fuq quddiemnett tal-progress fir-riċerka, u tkun kapaċi tgħin lill-industrija ssaħħaħ il-bażi ta' l-għarfien u l-ħiliet teknoloġiċi tagħha.

Approċċ

Sabiex l-Ewropa ssir l-ekonomija l-iktar kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, l-infrastrutturi moderni u effettivi ta' riċerka huma kritiċi għall-ksib tat-tmexxija fix-xjenza u t-teknoloġija. L-infrastrutturi ta' riċerka għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta' l-għarfien u t-teknoloġija u fit-tixrid, l-applikazzjoni u l-isfruttament tagħhom, biex b'hekk tittrawwem l-innovazzjoni u l-kontribut għall-iżvilupp tal-Qasam Ewropew għar-Riċerka. L-aċċess għalihom huwa dejjem aktar indispensabbli fl-oqsma kollha tax-xjenza u t-teknoloġija u għat-tfassil ta' politika bbażata fuq il-provi. Ħafna infrastrutturi ta' riċerka evolvew minn faċilitajiet kbar dedikati kważi esklussivament għal dixxiplina speċifika, f'facilitajiet ta' servizz għal varjetà wiesgħa ta' komunitajiet xjentifiċi. Bis-saħħa ta' l-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, kunċetti reċenti ta' infrastrutturi qed jespandu sabiex jinkludu sistemi mqassma ta' ħardwer, softwer u kontenuti b'valur kumulattiv enormi bħala arkivji ta' għarfien f'ħafna dixxiplini differenti.

L-azzjoni proposta b'mod partikolari sejra tagħti kontribut lill-iżvilupp, l-isfruttament u ż-żamma ta' l-għarfien, permezz ta' l-appoġġ tagħha għall-infrastruttri ta' riċerka bbażati kemm fuq approċċ mill-qiegħ immexxija mill-eċċellenza kif ukoll b'waħda mmirata. It-titjib strateġiku ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni bbażati fuq e-infrastructures u l-infrastrutturi virtwali huwa wkoll meqjus bħala xprun fit-tibdil tal-mod kif titwettaq ix-xjenza. L-Istati Membri ser jibqgħu ċentrali fl-iżvilupp u l-finanzjament ta' l-infrastrutturi.

It-terminu ”Infrastrutturi ta' riċerka” fil-kuntest tal-Programm Kwadru Komunitarju għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku jirreferi għall-faċilitajiet, ir-riżorsi jew is-servizzi li huma meħtieġa mill-komunità ta' riċerka sabiex twettaq ir-riċerka fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi kollha. Din id-definizzjoni tkopri, inklużi r-riżorsi umani assoċjati:

Tagħmir jew sett ta' strumenti maġġuri użati għal finijiet ta' riċerka;

Riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħal ġbir, arkivji, informazzjoni strutturata jew sistemi relatati mal-ġestjoni tad-data, użati fir-riċerka xjentifika;

It-tħaddim ta' infrastrutturi bbażati fuq l-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni bħall-Grid, l-informatika, is-softwer u l-komunikazzjonijiet;

Kwalunkwe entità oħra ta' natura unika li tintuża għar-riċerka xjentifika.

Jistgħu jkunu eliġibbli għal appoġġ biss l-infrastrutturi ta' riċerka u n-netwerks ta' infrastrutturi ta' riċerka li huma ta' interess ċar għall-komunità xjentifika Ewropea (akkademika, pubblika u industrijali), f'termini ta' prestazzjoni u aċċess. Huma għandhom jagħtu kontribut sinifikanti lill-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' riċerka Ewropej.

Fir-rigward ta' l-infrastutturi tematiċi ta' riċerka fil-Programm Speċifiku ”Kooperazzjoni”, il-koordinazzjoni ġenerali għandha tiġi żgurata minn dan il-programm.

Attivitajiet

L-attivitajiet ser ikopru l-linji ta' azzjoni li ġejjin:

l-ottimizzazzjoni ta' l-użu ta' infrastrutturi ta' riċerka eżistenti u t-titjib tal-prestazzjoni tagħhom;

it-trawwim ta' l-iżvilupp ta' infrastutturi ta' riċerka ġodda (jew titjib maġġuri lil dawk eżistenti) ta' interess pan-Ewropew, li primarjament jibni fuq il-ħidma ta' l-ESFRI (Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi ta' Riċerka);

miżuri ta' appoġġ, inkluż l-appoġġ għall-ħtiġijiet li jinħolqu.

1.1.   Infrastrutturi ta' riċerka eżistenti

L-azzjonijiet ta' l-infrastrutturi ta' riċerka ser jimmiraw għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej u l-prestazzjoni ta' l-infrastutturi ta' riċerka speċifiċi, kif ukoll għaż-żieda ta' l-involviment tal-komunità ta' utenti f'opportunitajiet offruti mill-infrastrutturi ta' riċerka u l-impenn tagħhom lejn l-investiment f'riċerka ta' livell għoli. L-attivitajiet ser jikkonsistu mill-appoġġ għall-ottimizzazzjoni ta' l-Infrastrutturi ta' Riċerka Ewropej permezz ta' “Integrazzjoni” ta' kapaċitajiet u sforzi, li jwasslu għall-iktar użu effettiv ta' faċilitajiet, riżorsi u servizzi fl-oqsma kollha tax-xjenza u t-teknoloġija u t-trawwim ta' l-“Aċċess Transnazzjonali” għall-infrastrutturi eżistenti.

1.1.1.   Attivitajiet ta' Integrazzjoni

L-infrastrutturi ta' riċerka ta' livell dinji jeħtieġu investimenti kbar u għall-perjodu fit-tul f'riżorsi (umani u finanzjarji). Dawn għandhom jiġu użati u sfruttati minn komunità kemm jista' jkun kbira ta' xjenzjati u ta' industriji klijenti fuq skala Ewropea. L-ottimizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Infrastrutturi ta' Riċerka u l-prestazzjoni fuq livell Komunitarju jeħtieġu jkunu kontinwament immexxija 'l quddiem u mtejba sabiex jaqdu l-ħtiġijiet xjentifiċi li jinbtu u li dejjem qed jikbru. L-aħjar mod ta' kif dan jista' jintlaħaq hu permezz ta' stimolu ta' l-użu u l-iżvilupp tagħhom, inkluż it-titjib tagħhom, b'mod koordinat.

Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għal dan l-objettiv permezz tal-promozzjoni ta' Attivitajiet ta' Integrazzjoni. Huma ser jiżguraw li r-riċerkaturi Ewropej, inkluż riċerkaturi mill-industrija, inkluż SMEs u reġjuni periferiċi u dawk l-iktar imbiegħda, jistgħu jkollhom aċċess għall-aħjar infrastrutturi ta' riċerka biex iwettqu r-riċerka tagħhom, billi jappoġġaw id-dispożizzjoni integrata tas-servizzi relatati ma' l-infrastruttura għall-komunità ta' riċerka fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali fejn xieraq. Attivitajiet ta' integrazzjoni għandhom jimmiraw ukoll biex jirristrutturaw aħjar, fuq skala Ewropea, il-mod kif joperaw l-infrastrutturi ta' riċerka, u għat-trawwim ta' l-iżvilupp konġunt tagħhom f'termini ta' kapaċità u prestazzjoni.

Attivitajiet ta' Integrazzjoni għal infrastrutturi ta' riċerka eżistenti ser ikunu implimentati permezz ta':

sejħiet “minn isfel għal fuq” biex tiġi katalizzata l-koordinazzjoni reċiproka u l-ġbir ta' riżorsi fost operaturi ta' infrastrutturi bl-għan li titrawwem kultura ta' kooperazzjoni fosthom. Tali attivitajiet għandhom jimmiraw ukoll lejn strutturar aħjar, fuq skala Ewropea, tal-mod kif joperaw l-infrastrutturi ta' riċerka u l-mod kif utenti potenzjali jistgħu jkollhom aċċess għalihom, għat-trawwim ta' l-iżvilupp konġunt tagħhom f'termini ta' kapaċità u prestazzjoni, u lejn il-promozzjoni ta' l-użu koerenti u trans-dixxipplinari tagħhom;

”sejħiet immirati” meta tali azzjonijiet iffokati jkunu kjarament ta' benefiċċju għall-appoġġ ta' infrastrutturi ta' riċerka potenzjalment importanti għall-perijodu fit-tul, kif ukoll jitħaffef l-istabbiliment tagħhom fuq il-livell Komunitarju. Huma ser jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-attivitajiet li jkunu qed isiru fl-oqsma tematiċi sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet kollha mwettqa fuq il-livell Ewropew fi ħdan il-qafas Komunitarju jkunu jaqdu l-ħtiġijiet għall-infrastruttura ta' riċerka fil-qasam rispettiv tagħhom. Diġà jistgħu jkunu identifikati s-setturi (13) għal użu u tisħiħ aħjar ta' l-infrastrutturi Ewropej eżistenti, li jaqdu l-ħtiġijiet strateġiċi għall-perijodu fit-tul tal-partijiet interessati ta' l-ambjent akkademiku, pubbliku u industrijali u tas-soċjetà ġenerali, bħax-xjenzi tal-ħajja u l-applikazzjonijiet tagħhom, it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-iżvilupp tar-riċerka industrijali inkluża l-metroloġija, l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ambjent, u għax-xjenzi soċjali u l-umanistika.

1.1.2.    E-Infrastructures ibbażati fuq l-ICT

It-twaqqif ta' l-e-Infrastructures jipprovdi servizzi essenzjali għall-komunitajiet ta' riċerka bbażati fuq proċessi kumplessi maħsuba biex jgħaddu l-poter tar-riżorsi distribwiti bbażati fuq l-ICT (kompjutazzjoni, konnettività, strumentazzjoni) lill-komunitajiet virtwali. It-tisħiħ ta' approċċ Ewropew u ta' attivitajiet Ewropej relatati f'dan is-settur jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-potenzjal ta' riċerka Ewropea u l-isfruttament tagħha, jikkonsolida l-e-Infrastructures bħala l-bażi taż-Żona Ewropea ta' Riċerka, “prekursur” ta' l-innovazzjoni interdixxiplinarja u mexxej fit-tibdil tal-mod kif titwettaq ix-xjenza. Jista' wkoll jagħti kontribut għall-integrazzjoni tat-timijiet ta' riċerka mir-reġjuni periferiċi u dawk l-iktar imbiegħda.

L-attivitajiet proposti għall-e-Infrastructures, ibbażati fuq sejħiet immirati għal proposti, jimmiraw għat-trawwim ta' iktar żvilupp u evoluzzjoni għal komunikazzjoni ta' kapaċità u prestazzjoni għolja (GÉANT) u għal infrastrutturi mħaddma bit-teknoloġija grid kif ukoll ta' kapaċitajiet ta' komputazzjoni ta' livell għoli li jisħqu dwar il-ħtieġa għall-appoġġ tat-tisħiħ ta' ċentri distribwiti ta' superkomputazzjoni ta' livell dinji, tal-ħażna ta' data u ta' sistemi avvanzati ta' viżwalizzazzjoni. L-attivitajiet ser jimmiraw ukoll għat-trawwim ta' l-adozzjoni mill-komunitajiet ta' utenti fejn xieraq, għaż-żieda tar-relevanza globali tagħhom u biex jgħollu l-livell ta' affidabbiltà u fiduċja, għall-bini fuq il-kisbiet ta' GÉANT u l-infrastrutturi tal-Grid u bbażati fuq standards miftuħin għall-interoperabbiltà.

Ser jkun meħtieġ li jiġi appoġġat b'mod ikkoordinat ta' libreriji diġitali, arkivji, ħażna tad-data, ġestjoni tad-data u l-ġbir meħtieġ ta' riżorsi, fuq livell Ewropew, sabiex l-arkivji tad-data jiġu organizzati għall-komunità xjentifika u għall-ġenerazzjonijiet ta' xjenzjati tal-ġejjieni. Ser jiġu indirizzati l-aspetti ta' affidabilità u fiduċja msaħħa tal-livell ta' data ta' l-e-Infrastructures. L-attivitajiet proposti ser jimmiraw ukoll għall-antiċipazzjoni u l-integrazzjoni ta' ħtiġiet u soluzzjonijiet ġodda sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien ta' test-beds fuq skala wiesgħa maħsuba għall-esperimentazzjoni fuq teknoloġiji ġodda li jfixklu u biex jindirizzaw ħtiġiet ġodda ta' l-utenti, inkluż l-e-learning. L-eIRG (e-Infrastructure Reflection Group) ser jgħin fuq bażi regolari b'rakkomandazzjonijiet strateġiċi.

1.2.   Infrastrutturi ta' riċerka ġodda

Dan il-Programm Speċifiku ser jgħin biex jippromwovi l-ħolqien ta' infrastrutturi ta' riċerka ġodda (inkluż titjib sostanzjali ta' dawk eżistenti) billi jiffoka prinċipalment fuq il-fażijiet preparatorji u fuq infrastrutturi ”uniċi” b'impatt kruċjali u pan-Ewropew għall-iżvilupp ta' l-oqsma xjentifiċi rilevanti fl-Ewropa.

1.2.1.   Studji fid-disinn ta' infrastrutturi ġodda ta' riċerka

Sabiex jinġieb 'il quddiem il-ħolqien ta' infrastrutturi ġodda ta' riċerka, permezz ta' strateġija mill-qiegħ għas-sejħiet għal proposti, bil-finanzjament ta' għotjiet esploratorji u ta' studji dwar il-fattibbiltà għal infrastrutturi ġodda.

1.2.2.   Appoġġ għall-kostruzzjoni ta' Infrastrutturi Ġodda

Sabiex jinġieb 'il quddiem il-ħolqien ta' infrastrutturi ġodda skond il-prinċipju ta' ”ġeometrija varjabbli”, mibni primarjament fuq il-ħidma mwettqa mill-ESFRI dwar l-iżvilupp ta' roadmap Ewropea għal infrastrutturi ta' riċerka ġodda. Il-Programm ta' Ħidma ser jidentifika proġetti ta' prijorità għal appoġġ Komunitarju possibbli.

L-attività relatata mal-kostruzzjoni ta' infrastrutturi ġodda ser tiġi implimentata f'approċċ ta' żewġ stadji abbażi ta' lista ta' kriterji stabbilita fil-Programm Kwadru.

Stadju 1: Appoġġ għall-fażi preparatorja

L-ewwel stadju ser jikkonsisti minn sejħiet limitati għall-proġetti prijoritarji identifikati mill-Programm ta' Ħidma. Il-fażi preparatorja tkun tinvolvi l-preparazzjoni tal-pjanijiet dettaljati tal-kostruzzjoni, tal-qafas ġuridiku, tal-ġestjoni u l-ippjanar pluriennali ta' l-infrastruttura ta' riċerka prevista u l-ftehim finali bejn il-partijiet interessati. Matul din il-fażi preparatorja, il-Kummissjoni ser taġixxi bħala “faċilitriċi”, b'mod partikolari biex tiffaċilita l-mekkaniżmi ta' inġinerija finanzjarja għall-fażi ta' kostruzzjoni.

Stadju 2: Appoġġ għall-fażi kostruttiva

Fit-tieni stadju, il-pjanijiet ta' kostruzzjoni ser ikunu implimentati bl-involviment possibbli ta' istituzzjonijiet finanzjarji privati bil-bini fuq il-ftehim tekniċi, legali, amministrattivi u finanzjarji miksuba, partikolarment bl-użu tal-komplementarjetà bejn l-istrumenti nazzjonali u dawk Komunitarji (bħall-fondi Struttuali jew il-Bank Ewropew għall-Investiment) u b'kont meħud, fejn xieraq, tal-potenzjal għal eċċellenza xjentifika tar-reġjuni ta' konverġenza kif ukoll ir-reġjuni l-aktar 'il barra. L-appoġġ finanzjarju tal-Programm Kwadru għall-fażi ta' kostruzzjoni jista' jkun ipprovdut lil dawk il-proġetti prijoritarji li għalihom hemm ħtieġa kruċjali għal tali appoġġ. F'dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' mekkaniżmu li ser jiddependi fuq in-natura u l-livell ta' finanzjament meħtieġ (eż. għotja diretta, self mill-Bank Ewropew għall-Investiment, li l-aċċess għalih jista' jkun iffaċilitat permezz tal-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar- Riskju (Anness III; Artikolu 171 tat-Trattat);

1.3.   Miżuri ta' appoġġ, inkluż l-appoġġ għall-ħtiġijiet emerġenti

Koordinazzjoni qawwija fi ħdan l-UE fil-formulazzjoni u l-adozzjoni ta' politika Ewropea dwar l-Infrastrutturi ta' Riċerka hija ċentrali għas-suċċess ta' din l-attività. Matul il-programm kollu ser ikun hemm għalhekk miżuri biex jappoġġaw din il-koordinazzjoni, inkluż appoġġ għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni internazzjonali.

Dawn l-attivitajiet ser ikunu mwettqin prinċiplament wara sejħiet perjodiċi għal proposti. Huma ser ikunu mmirati biex jistimolaw, b'mod partikolari, il-koordinazzjoni ta' programmi nazzjonali permezz ta' azzjonijiet ERA-NET, biex jappoġġaw analiżi ta' ħtiġijiet ġodda, biex jappoġġaw il-ħidma ta' l-ESFRI u eIRG, għall-implimentazzjoni effettiva tal-programm (eż. appoġġ għal konferenzi, studji ta' impatt eċċ.) kif ukoll id-dimensjoni internazzjonali ta' l-attivitajiet imwettqin taħt dan il-Programm Speċifiku. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali, l-attivitajiet imwettqa taħt din il-parti speċifika tal-programm ta' kapaċità ser jippermettu wkoll l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' pajjiżi terzi speċifiċi u l-interessi reċiproċi li fuqhom azzjonijiet speċifiċi ta' kooperazzjoni jistgħu jkunu bbażati u, fuq il-bażi ta' sejħiet immirati, l-iżvilupp ta' kollegamenti bejn infrastruttri ta' riċerka ewlenin f'pajjiżi terzi u dawn fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

2.   IR-RIĊERKA GĦALL-BENEFIĊĊJU TA' L-SMEs

Objettivi

Li jissaħħu l-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-SMEs Ewropej u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta' prodotti u swieq imsejsa fuq teknoloġiji ġodda billi tingħatalhom għajnuna biex ifittxu li jiksbu r-riċerka minn barra, iżidu l-isforzi tagħhom ta' riċerka, iwessgħu n-netwerks tagħhom, jisfruttaw aħjar ir-riżultati tar-riċerka u jiksbu għarfien teknoloġiku dwar kif jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Approċċ

L-SMEs jinsabu fil-qofol ta' l-industrija Ewropea. Għandhom ikunu element ċentrali fis-sistema ta' l-innovazzjoni u fil-katina tat-trasformazzjoni li ssarraf l-għarfien fi prodotti, proċessi u servizzi. Quddiem kompetizzjoni li qed tiżdied fis-suq intern u globalment, SMEs Ewropej jeħtieġu jżidu l-intensità ta' l-għarfien u r-riċerka tagħhom, isaħħu l-isfruttar tar-riċerka, jespandu ġeografikament l-attivitajiet ta' kummerċ tagħhom u jinternazzjonalizzaw in-netwerks ta' l-għarfien tagħhom. Il-parti l-kbira ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri rilevanti għall-SMEs ma jinkoraġġixxux u ma jappoġġawx il-kooperazzjoni fir-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija. Jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet fuq il-livell ta' l-UE biex jikkomplementaw u jtejbu l-impatt ta' dawk meħuda fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali.

Azzjonijiet speċifiċi ser jiġu implimentati biex jappoġġaw SMEs jew assoċjazzjonijiet ta' SME li jeħtieġu riċerka barranija: prinċipalment SMEs b'teknoloġija baxxa jew medja bi ftit jew ebda kapaċità ta' riċerka. L-SMEs b'intensità għolja ta' riċerka jistgħu jipparteċipaw bħala fornituri ta' servizzi ta' riċerka jew jesternalizzaw ir-riċerka sabiex jikkomplementaw il-kapaċità ta' riċerka fundamentali tagħhom. L-azzjonijiet ser jitwettqu fil-qasam kollu tax-xjenza u t-teknoloġija b'approċċ minn isfel għal fuq. L-azzjonijiet ser jinkludu appoġġ ta' dimostrazzjoni u attivitajiet oħrajn sabiex jiffaċilitaw l-isfruttament ta' riżultati ta' riċerka, bl-iżgurar tal-komplementarjetà mal-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. L-evalwazzjoni tal-proposti ta' proġetti ser iqisu debitament l-impatt ekonomiku mistenni għall-SMEs. Mezzi finanzjarji ser jiġu allokati permezz ta' żewġ skemi: Riċerka għall-SMEsRiċerka għall-assoċjazzjonijiet ta' SMEs.

L-ewwel hija maħsuba prinċipalment għal SMEs b'livell teknoloġiku minn baxx għal medju bi ftit ħila ta' riċerka jew mingħajrha, iżda wkoll għal SMEs bi grad għoli ta' attività ta' riċerka li jeħtiġilhom iqabbdu lil ħaddieħor jagħmel ir-riċerka biex jikkomplementaw il-qofol tal-kapaċità ta' riċerka tagħhom. It-tieni hija maħsuba għal assoċjazzjonijiet ta' SMEs li normalment huma f'qagħda aħjar li jsiru jafu jew jidentifikaw problemi tekniċi komuni tal-membri tagħhom, biex jaġixxu f'isimhom, u li jġibu 'l quddiem it-tixrid u t-twettiq effettiv tar-riżultati.

Azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ taħt “Riċerka għall-benefiċċju ta' l-SMEs” ser jinkludi l-koordinazzjoni ta' programmi nazzjonali/reġjonali mmirati għal SMEs u li jappoġġaw l-aħjar prattika, tixrid u sfruttar ta' riżultati, li jsaħħu l-aċċess ta' l-SMEs għas-Seba' Programm Kwadru u jivvalutaw l-impatt.

L-azzjonijiet jistgħu jibnu wkoll fuq il-programmi ta' riċerka nazzjonali rilevanti, li jikkomplementaw l-attivitajiet ta' riċerka ta' hawn taħt (14).

Barra dawn l-azzjonijiet speċifiċi, ser tiġi inkoraġġuta u ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs matul il-Programm Kwadru. Il-ħtiġijiet u l-potenzjal tar-riċerka ta' l-SMEs jitqiesu debitament fl-iżvilupp tal-kontenut ta' l-oqsma tematiċi tal-programm ”kooperazzjoni”, li ser ikun implimentat permezz ta' proġetti ta' daqs u kamp ta' applikazzjoni differenti skond il-qasam u t-tema.

Matul l-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru Komunitarju ta' l-RTD, il-komplementarjetà u s-sinerġija ser ikunu żgurati bl-azzjonijiet tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u Innovazzjoni sabiex il-parteċipazzjoni ta' l-SMEs tkun inkoraġġuta u ffaċilitata fil-Programm Kwadru Komunitarju ta' l-RTD.

Attivitajiet

Iż-żewġ skemi li ġejjin speċifiċi għall-SMEs ser ikunu implimentati:

Riċerka għall-SMEs

Din l-iskema tappoġġa gruppi żgħar ta' SMEs innovattivi sabiex isolvu problemi teknoloġiċi komuni jew komplementari. Il-proġetti, li huma għal żmien relattivament qasir, għandhom ikunu msejsa fuq il-ħtiġijiet ta' innovazzjoni ta' l-SMEs li jqabbdu operaturi ta' l-RTD jagħmlu r-riċerka u għandhom juru potenzjal ta' sfruttament ċar għall-SMEs ikkonċernati.

Riċerka għall-assoċjazzjonijiet ta' SMEs

Din l-iskema tappoġġa l-assoċjazzjonijiet ta' SMEs fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għal problemi komuni għal għadd kbir ta' SMEs f'setturi industrijali speċifiċi jew f'segmenti tal-katina tal-valur permezz ta', per eżempju, riċerka meħtieġa għall-iżvilupp u l-konformità ta' regoli u standards Ewropej, u biex jintlaħqu ħtiġiet regolatorji f'oqsma bħas-saħħa, is-sikurezza u l-ħarsien ta' l-ambjent. Il-proġetti, li jdumu diversi snin, għandhom jitmexxew minn assoċjazzjonijiet ta' SMEs li jqabbdu operaturi ta' l-RTD jagħmlu r-riċerka għall-benefiċċju tal-membri tagħhom u għandhom jinvolvu għadd ta' SMEs individwali.

Karatteristiċi komuni ta' l-iskemi

Intrapriżi u utenti finali oħra jistgħu jipparteċipaw fl-iskemi jekk hu fl-interess ta' l-SMEs jew ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-SMEs.

Minbarra r-riċerka, il-proġetti għandhom jinkludu attivitajiet li jmexxu 'l quddiem l-użu u l-isfruttament effettiv tar-riżultati tar-riċerka, bħal, testing, dimostrazzjoni, taħriġ, trasferiment ta' teknoloġija, ġestjoni ta' l-għarfien u ħarsien ta' l-IPR. Għar-Riċerka għal assoċjazzjonijiet ta' SMEs, il-proġetti għandhom jinkludu wkoll attivitajiet li jxerrdu b'mod effikaċji r-riżultati tar-riċerka għall-membri ta' assoċjazzjonijiet ta' SMEs, u jekk xieraq, aktar fil-wisa'.

Regoli speċjali ser japplikaw għad-drittijiet tal-proprjetà u ta' aċċess għaż-żewġ skemi.

Il-fokus ċar se jkun li jingħata appoġġ għal proġetti ta' riċerka. Barra minn hekk, ser jingħata appoġġ lil skemi nazzjonali li jipprovdu mezzi finanzjarji lill-SMEs jew assoċjazzjonijiet ta' SMEs sabiex iħejju proposti għal azzjonijiet taħt ir-“Riċerka għall-benefiċċju ta' l-SMEs” bil-għan li jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' skemi nazzjonali ġodda jew l-espansjoni ta' dawk eżistenti.

3.   REĠJUNI TA' L-GĦARFIEN

Objettivi

It-tisħiħ tal-potenzjal tar-riċerka tar-reġjuni Ewropej, partikolarment billi jitħeġġeġ u jiġi appoġġat, madwar l-Ewropa kollha, l-iżvilupp ta' “raggruppamenti orjentati għar-riċerka” reġjonali li jġibu flimkien universitajiet, ċentri ta' riċerka, impriżi u awtoritajiet reġjonali.

Approċċ

Ir-reġjuni kull ma jmur dejjem iżjed qed jitqiesu bħala atturi importanti fix-xenarju tar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-UE. Fl-istess ħin l-evidenza tindika li l-investiment fl-R&D itejjeb l-attrazzjoni reġjonali filwaqt li jżid il-kompetittività tan-negozji lokali. Raggruppamenti ta' R&D intensivi huma fost l-aħjar mexxejja ta' din l-attività ta' investiment li twassal fi qligħ dirett fil-vantaġġ kompetittiv lokali b'effetti ta' benefiċċju f'termini ta' tkabbir u impjiegi. L-Azzjoni Pilota dwar ir-Reġjuni ta' l-Għarfien ta' l-2003 (15) kkonfermat l-importanza ta' dawn ir-raggruppamenti u l-interess għall-appoġġ u l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp tagħhom.

Din l-azzjoni ser tippermetti lir-reġjuni Ewropej sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom għall-investiment fl-RTD, filwaqt li jkabbru kemm jistgħu il-potenzjal tal-partijiet interessati għal parteċipazzjoni b'suċċess fi proġetti Ewropej ta' riċerka u jiffaċilitaw l-emerġenza ta' raggruppamenti, b'hekk jippromwovu l-iżvilupp reġjonali fl-Ewropa. L-azzjonijiet ser jiffaċilitaw il-ħolqien ta' raggruppamenti reġjonali li jagħtu sehemhom fl-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Fondi għall-investiment u l-attivitajiet ta' R&D ser jiġu segwiti permezz ta' titjib fis-sinerġiji bejn il-Linji Politiċi Reġjonali u tar-Riċerka, primarjament bil-produzzjoni ta' strateġiji ta' riċerka reġjonali li l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jintegraw fl-istrateġija ta' l-iżvilupp ekonomiku tagħhom.

Ser tingħata attenzjoni b'mod partikolari lill-kooperazzjoni bejn reġjuni viċin xulxin fi Stati Membri differenti.

“Ir-Reġjuni ta' l-Għarfien” jimmiraw għall-appoġġ tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-aħjar linji politiċi u strateġiji għall-iżvilupp tar-raggruppamenti mmexxija mill-R&D. B'mod partikolari huwa ser itejjeb ir-rilevanza u l-effikaċja ta' l-aġendi reġjonali ta' riċerka permezz ta' tagħlim reċiproku; il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-raggruppamenti; u jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' l-iżvilupp sostenibbli tar-raggruppamenti eżistenti mmexxija mill-R&D kif ukoll għat-trawwim ta' seed-beds għall-ħolqien ta' raggruppamenti ġodda, b'mod partikolari f'“Reġjuni ta' l-Għarfien” emerġenti. Ser jiġi pprovdut appoġġ b'mod partikolari lill-proġetti mmexxija mid-domanda u orjentati lejn il-problemi li jindirizzaw oqsma u setturi teknoloġiċi speċifiċi (16).

Din l-azzjoni ser tapplika għar-reġjuni kollha, inklużi dawk ta' Konverġenza (17).

Attivitajiet

Il-proġetti normalment ikunu jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali, l-aġenziji reġjonali għall-iżvilupp, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka, u l-industrija kif ukoll fejn hu xieraq it-trasferiment ta' teknoloġija, organizzazzjonijiet finanzjarji jew tas-soċjetà ċivili. Il-proġetti tar-Reġjuni ta' l-Għarfien ser ikopru l-attivitajiet li ġejjin:

Analiżi, żvilupp u implimentazzjoni ta' l-aġendi ta' riċerka ta' raggruppamenti reġjonali jew transkonfini u l-kooperazzjoni bejniethom. Dawn ser jinkludu analiżi kif ukoll pjan ta' implimentazzjoni li jiffoka fuq il-kapaċità u l-prijoritajiet ta' l-R&D. Il-proġetti ser jużaw it-tbassir, il-punti ta' referenza jew metodi oħra, li juru l-benefiċċji mistennija, bħat-tisħiħ tar-rabitiet bejn ir-raggruppamenti involuti, involviment ottimizzat fi proġetti ta' riċerka Ewropej u impatti akbar fuq l-iżvilupp reġjonali. Huma jistgħu jħejju wkoll għal azzjonijiet pilota interreġjonali. Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan b'mod partikolari li jinkoraġġixxu l-komplementarjetà bejn il-fondi reġjonali Komunitarji u fondi Komunitarji u nazzjonali oħrajn.

“Mentoring” ta' reġjuni bi profil ta' riċerka anqas żviluppat minn reġjuni żviluppati ħafna bbażat fuq it-twaqqif ta' raggruppamenti ffokati fuq l-R&D. Il-konsorzji reġjonali transnazzjonali ser jimmobilizzaw u jassoċjaw atturi assoċjati tar-riċerka fl-akkademja, fl-industrija u fil-gvern sabiex jagħtu soluzzjonijiet ta' ”gwida” ma' u għal reġjuni teknoloġikament anqas żviluppati.

Inizjattivi għat-titjib ta' l-integrazzjoni ta' l-atturi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka f'ekonomiji reġjonali, permezz ta' l-interazzjonijiet tagħhom fuq livell ta' raggruppament. Dawn ser jinkludu attivitajiet transnazzjonali għat-titjib tar-rabtiet bejn il-partijiet interessati fir-riċerka u l-komunitajiet kummerċjali lokali kif ukoll l-attivitajiet rilevanti bejn ir-raggruppamenti. Bil-għan li juru l-benefiċċju ta' l-integrazzjoni, dawn l-attivitajiet jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta' komplementarjetajiet ta' RTD.

Ser jingħata wkoll appoġġ għall-attivitajiet għall-promozzjoni ta' skambju sistematiku reċiproku ta' informazzjoni kif ukoll interazzjonijiet bejn proġetti simili u fejn hu xieraq, ma' azzjonijiet ta' programmi Komunitarji rilevanti oħra (eż. workshops għall-analiżi u s-sinteżi, assemblej għad-diskussjoni (round-tables), pubblikazzjonijiet), li jenfasizzaw l-involviment notevoli ta' Pajjiżi kandidati u Assoċjati kif ukoll ta' Stati Membri li ngħaqdu ma' l-UE wara l-1 ta' Mejju 2004.

4.   POTENZJAL GĦAR-RIĊERKA

Objettiv

Li tiġi stimulata r-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ għar-riċerka ta' l-Unjoni mkabbra permezz tal-ftuħ u l-iżvilupp ta' l-eċċellenza eżistenti u dik emerġenti fir-reġjuni ta' konverġenza ta' l-UE u dawk l-aktar imbiegħda ta' l-UE, u li jiġi megħjun it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerkaturi tagħhom biex jieħdu sehem b'suċċess fl-attivitajiet ta' riċerka fuq il-livell Komunitarju.

Approċċ

Sabiex ir-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ għar-riċerka ta' l-Unjoni mkabbra tingħata appoġġ, azzjoni dedikata mmirata għall-ftuħ tal-potenzjal tal-gruppi ta' riċerka, partikolarment fir-reġjuni ta' konverġenza u reġjuni l-aktar imbiegħda ta' l-Unjoni Ewropea, li attwalment m'humiex jużaw il-possibilitajiet tagħhom bis-sħiħ jew li jeħtieġu għarfien ġdid u appoġġ biex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom. L-azzjonijiet ser jibnu fil-parti l-kbira tagħhom fuq miżuri ta' l-imgħoddi jew eżistenti bħaċ-Ċentri Ewropej ta' Eċċellenza f'dawk li kienu l-pajjiżi Aderenti u Kandidati fil-ħames Programm Kwadru u fil-boroż Marie Curie għat-Trasferiment ta' l-Għarfien. Huma ser jikkomplementaw ukoll l-isforzi li għandhom jittieħdu mill-Fond Soċjali Ewropew taħt il-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida (2007 – 2013) li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem għar-riċerka f'livell nazzjonali f'żoni eliġibbli.

B'fokus fuq it-tisħiħ u l-espansjoni tal-kollaborazzjonijiet ta' dawn il-gruppi ta' riċerka maċ-ċentri ta' riċerka fi Stati Membri oħra ta' l-UE jew f'pajjiżi assoċjati ser jingħata kontribut importanti lill-ftuħ tal-potenzjal tagħhom u lil dak għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom għall-perijodu fit-tul. Permezz ta' l-ottimizzazzjoni ta' l-esponiment u r-rikonoxximent internazzjonali tagħhom, il-potenzjal tat-tmexxija u l-kwalità tax-xjenzjati tagħhom, ser tiżdied il-viżibbiltà ta' dawn il-gruppi ta' riċerka u ser tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Attivitajiet

L-azzjoni ser tiffavorixxi b'mod partikolari assoċjazzjonijiet strateġiċi, inklużi l-ġemellaġġi, bejn il-gruppi ta' riċerka kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, fir-reġjuni ta' konverġenza u dawk l-aktar imbiegħda ta' l-UE, magħżula fuq il-bażi tal-kwalità u l-potenzjal għoli, ma' gruppi ta' riċerka stabbiliti sew f'partijiet oħra ta' l-Ewropa. Enfasi partikolari ser titqiegħed fuq l-effetti mistennija għall-perijodu fit-tul tas-sħubija kemm fuq livell ta' l-UE kif ukoll f'dak reġjonali. Bil-ħsieb tar-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ tagħhom (jiġifieri t-tisħiħ ta' l-għarfien tagħhom, l-iżvilupp ta' kompetenza addizzjonali inkluża l-ġestjoni tar-riċerka, jew il-kisba ta' viżibbiltà), l-azzjoni ser tinkludi l-appoġġ għal gruppi ta' riċerka magħżula fir-reġjuni li jikkwalifikaw fil-qafas tal-programmi ta' riċerka żviluppati fi ħdan is-sħubiji strateġiċi għal:

L-iskambju ta' ħila u ta' esperjenza permezz ta' sekondamenti transnazzjonali reċiproċi ta' persunal ta' riċerka bejn iċ-ċentri magħżula fir-reġjuni li jikkwalifikaw u organizzazzjoni msieħba waħda jew aktar fi Stat Membru ieħor ta' l-UE jew f'pajjiż assoċjat, li fiha mekkaniżmi obbligatorji awtomatiċi ta' ritorn tal-persunal sekondat li joriġina miċ-ċentri magħżula fir-reġjuni li jikkwalifikaw;

Ir-reklutaġġ miċ-ċentri magħżula, ta' eċċellenza eżistenti jew emerġenti, ta' riċerkaturi b'esperjenza li jkunu ġejjin minn Stati oħrajn ta' l-UE, inkluż managers, biex jinvolvu ruħhom fit-trasferiment ta' l-għarfien u/jew fit-taħriġ ta riċerkaturi, inkluż bħala mezz b'mod partikolari għall-inkoraġġiment tar-ritorn ta' ċittadini li jkunu telqu mill-pajjiż;

L-akkwist u l-iżvilupp ta' ċertu tagħmir ta' riċerka u l-iżvilupp ta' ambjent materjali għaċ-ċentri magħżula ta' eċċellenza eżistenti jew emerġenti b'appoġġ għall-programmi ta' riċerka żviluppati fi ħdan sħubija strateġika.

L-organizzazzjoni ta' workshops u konferenzi biex jiffaċilitaw it-trasferiment ta' għarfien fuq livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali li jinvolvi kemm il-persunal ta' riċerka taċ-ċentri magħżula nnifishom kif ukoll ir-riċerkaturi mistiedna, minn pajjiżi oħra fil-qafas ta' l-iżvilupp tal-kapaċità ta' taħriġ u r-reputazzjoni internazzjonali taċ-ċentri magħżula; il-parteċipazzjoni tal-persunal ta' riċerka taċ-ċentri magħżula taħt l-iskema f'konferenzi internazzjonali jew avvenimenti ta' taħriġ għal żmien qasir, għall-qsim ta' l-għarfien, il-bini tan-netwerks u biex jesponu rwieħhom għal ambjent iżjed internazzjonali;

It-tixrid u l-attivitajiet promozzjonali biex tkun garantita iżjed viżibbiltà taċ-ċentri magħżula u l-attivitajiet tagħhom.

Barra minn hekk, u indipendentement minn dawn il-miżuri ta' appoġġ, l-azzjoni ser tipprovdi faċilitajiet ta' evalwazzjoni li permezz tagħhom kull ċentru ta' riċerka fir-reġjuni li jikkwalifikaw, sew jekk japplika għal finanzjament jew le, jista' jikseb evalwazzjoni minn espert internazzjonali indipendenti mil-livell tal-kwalità ġenerali tar-riċerka u ta' l-infrastrutturi tiegħu. L-evalwazzjoni tkun titwettaq minn esperti indipenedenti internazzjonali ta' livell għoli nominati mill-Kummissjoni.

5.   IX-XJENZA FIS-SOĊJETÀ

Objettiv

Bil-ħsieb li tinbena soċjetà ta' Għarfien Ewropea li tkun miftuħa, effettiva u demokratika, l-għan huwa li tiġi stimulata l-integrazzjoni armonjuża ta' sforz xjentifiku u teknoloġiku, u ta' linji politiċi ta' riċerka assoċjati fil-fibra soċjali Ewropea, billi fuq skala Ewropea jiġu inkoraġġuti r-riflessjoni u d-dibattitu dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, u r-relazzjoni tagħhom ma' l-ispektrum sħiħ tas-soċjetà u l-kultura.

Approċċ

”Ix-Xjenza fisSoċjeta” tirrappreżenta espansjoni u estensjoni sinifikanti fil-ħidma pilota li saret fis-Sitt Programm Kwadru, proporzjonata ma' l-ambizzjoni mkabbra tal-politika ta' riċerka Ewropea.

Il-parti l-kbira ta' l-iżvilupp tas-soċjetajiet Ewropej tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tagħhom li joħolqu, jisfruttaw u jxerrdu l-għarfien u, minn hemm, li jkomplu jinnovaw kontinwament. Ir-riċerka xjentifika, bħala parti mit-“trijangolu ta' l-għarfien” tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, għandha rwol prinċipali f'dan ir-rigward, u għandha tibqa' waħda mill-muturi għall-promozzjoni tat-tkabbir, il-benesseri u l-iżvilupp sostenibbli.

Biex jinkiseb dan l-għan, huwa imperattiv li jinħoloq ambjent soċjali u kulturali li jwassal għal riċerka ta' suċċess u ta' sfruttament. Dan ifisser li tħassib u ħtiġijiet leġittimi tas-soċjetà jintlaqgħu, li għalihom jeħtieġ dibattitu demokratiku msaħħaħ b'pubbliku aktar involut u infurmat, kif ukoll kondizzjonijiet aħjar għall-għażliet kollettivi dwar kwistjonijiet xjentifiċi, u l-possibbiltà li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jqabbdu lil ħaddieħor jagħmel ir-riċerka fir-rigward tat-tħassib tagħhom. Huwa għandu jwaqqaf ukoll klima favorevoli għall-vokazzjonijiet xjentifiċi, żieda ġdida fl-investimenti fir-riċerka u t-tixrid sussegwenti ta' l-għarfien li fuqu l-istrateġija ta' Liżbona hija mibnija. Din l-attività ser timmira wkoll lejn l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fid-dinja xjentifika.

Din it-taqsima tal-programm Kapaċitajiet imbagħad ser tiffoka fuq l-iżvilupp ta' sett ta' kondizzjonijiet li jippermettu tali ambjent favorevoli ma jkunx iżjed eċċezzjoni iżda jsir ir-regola fl-Ewropa.

Jeħtieġ li r-riskju tal-firda xjentifika fis-soċjetajiet tagħna jiġi indirizzat mill-ewwel. Jissepara dawk li m'għandhomx aċċess għall-Għarfien relevanti mill-ftit li għandhom; dawk li ma jistgħux jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika fi-riċerka minn dawk li jistgħu. Dan iwassal għal sentimenti ambigwi espressi minn ċittadini fir-rigward tal-benefiċċji potenzjali mix-xjenza u t-teknoloġija, u s-subordinazzjoni effettiva tagħhom għall-iskrutinju pubbliku. Minn naħa l-waħda, huma fil-pront jitolbu aktar riċerka biex tindirizza l-problemi li attwalment għandhom jaffettwaw is-soċjetà (mard, tniġġis, epidemiji, qgħad, eċċ.) u biex jantiċipaw aħjar l-impatti possibbli tagħhom fil-futur. Min-naħa l-oħra, huma ma jistgħux ma jurux sfiduċja għal ċerti użi tax-xjenza u interferenzi possibbli ta' min għandu interess fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Fost il-kawżi għal integrazzjoni tax-xjenza fis-soċjetà li sikwit tkun anqas minn sodisfaċenti nsibu dawn li ġejja:

parteċipazzjoni pubblika insuffċjenti fl-iffissar tal-prijoritajiet u fit-twaqqif ta' direzzjonijiet tal-politika xjentifika, li jkunu jippermettu dibattitu usa' dwar ir-riskji u l-konsegwenzi possibbli marbuta magħhom,

riżervi dejjem ikbar fir-rigward ta' ċerti żviluppi xjentifiċi, is-sensazzjoni ta' nuqqas ta' kontroll, u kwistjonijiet miftuħa dwar ir-rispett tal-valuri fundamentali,

is-sens ta' iżolazzjoni tad-dinja tax-xjenza mir-realtajiet ta' kuljum tal-ħajja ekonomika u soċjali,

dubji dwar l-oġġettività ta' l-evidenza xjentifika disponibbli għas-settur pubbliku li jfassal il-politika.

kwalità insuffiċjenti ta' l-informazzjoni xjentifika disponibbli għall-pubbliku.

L-istrateġija magħżula timmira li:

il-mekkaniżmi għall-aċċess għal, u l-validazzjoni ta' l-għarfien espert meħtieġ għas-sisien ta' linji politiċi iżjed robusti jsiru iktar inklużivi u trasparenti,

tiffissa punti ta' referenza għal sforz ta' riċerka etikament sod fid-dawl tad-drittijiet fundamentali,

tippermetti li l-Ewropa jkollha rwol aktar attiv fuq livell dinji, fid-dibattitu u l-promozzjoni tal-valuri komuni, opportunitajiet indaqs u djalogu soċjali,

timla l-vojt bejn dawk li għandhom edukazzjoni xjentifika u dawk li ma għandhomx, tippromwovi interess għall-kultura xjentifika fl-ambjent dirett taċ-ċittadini kollha (permezz ta' bliet, reġjuni, fondazzjonijiet, ċentri xjentifiċi, mużewijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.),

tinkoraġġixxi djalogu soċjali dwar il-politika ta' riċerka, u tistimola l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikabbru sehemhom f'attivitajiet ta' riċerka,

tesplora modi biex ittejjeb il-governanza tas-sistema Ewropea ta' riċerka u innovazzjoni,

tipprovdi stampa tax-xjenza u tar-riċerkaturi li tinftiehem minn kulħadd, l-aktar miż-żgħażagħ,

tippromwovi l-progress tan-nisa f'karrieri xjentifiċi u l-użu aħjar tat-talenti professjonali u xjentifiċi tagħhom għall-ġid ta' kulħadd,

iġġedded il-komunikazzjoni xjentifika, billi tiffavorixxi mezzi moderni għall-ksib ta' impatt akbar, tgħin ix-xjenzjati jaħdmu qrib il-professjonisti tax-xandir.

’Ix-Xjenza fis-Soċjetà’ ser tkun implimentata permezz ta':

Azzjonijiet relatati mal-politika u riċerka appoġġati direttament minn din it-tema;

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-identifikazzjoni ta' miri komuni, u t-tisħiħ tal-prassi nazzjonali, fl-ispirtu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;

Il-promozzjoni, l-appoġġ u l-monitoraġġ ta' l-adozzjoni u l-impatt ta' kwistjonijiet tax-’Xjenza fis-Soċjetà’ f'partijiet oħra tal-Programm Kwadru (18). Il-koordinazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet relatati max-Xjenza fis-Soċjetà kemm fl-ambitu tal-Programm Kwadru kif ukoll fi ħdan attivitajiet Komunitarji rilevanti oħra (eż. dwar l-edukazzjoni u l-kultura) ser tiġi żgurata b'din it-tema.

Tliet linji ta' azzjoni ser jiġu segwiti.

L-ewwel linja ta' azzjoni: Governanza aktar dinamika tar-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà

It-tisħiħ u t-titjib tas-sistema xjentifika Ewropea

Tant hemm stennija mis-sistema xjentifika Ewropea biex tagħti sostenn lill-potenzjal innovattiv tagħna li s-soċjetà għandha ssir taf aktar dwar il-komponenti tagħha, l-ekonomija tagħha, ir-regolamenti u d-drawwiet tagħha. Ser jiġu ttrattati tliet aspetti ta' sinifikat wiesa', li jiffukaw fuq l-atturi u d-dinamika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka:

titjib fl-użu, u l-monitoraġġ ta' l-impatt, tal-konsulenza xjentifika u l-għarfien espert dwar it-tfassil tal-politika fl-Ewropa (inkluż il-ġestjoni tar-riskju), u l-iżvilupp ta' għodod u skemi prattiċi (eż. netwerks elettoniċi);

il-promozzjoni tal-fiduċja u l-awtoregolazzjoni fil-komunità xjentifika;

l-inkoraġġiment tad-dibattitu dwar it-tixrid ta' l-informazzjoni, inkluż l-aċċess għar-riżultati xjentifiċi u l-futur tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, b'kont meħud ukoll ta' miżuri li jtejbu l-aċċess tal-pubbliku.

Involviment usa' għall-antiċipazzjoni u l-kjarifika ta' kwistjonijiet politiċi, soċjali u etiċi

L-aspirazzjonijiet u t-tħassib tas-soċjetà, u l-prinċipji etiċi fundamentali, jeħtieġ li jiġu integrati aħjar matul il-proċess ta' riċerka, bil-ħolqien ta' ambjent iżjed sigur u kostruttiv għar-riċerkaturi u għas-soċjetà kollha kemm hi. Tlett aspetti huma involuti, kif ġej:

Involviment usa' fi kwistjonijiet relatati max-xjenza;

Kondizzjonijiet għal dibattitu informat dwar l-etika u x-xjenza;

Enfasi akbar fuq diskussjoni fil-komunità tar-riċerka dwar l-aspetti soċjali tar-riċerka.

Fehim imtejjeb tal-pożizzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija (S+T) fis-soċjetà

Sabiex ir-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà tiġi indirizzata permezz ta' linji politiċi tajbin, l-għarfien miġbur fl-istorja, il-wirt S&T, is-soċjoloġija u l-filosofija tax-xjenzi għandu jitwessa', jiġi kkonsolidat u mxerred fuq livell Ewropew. Għal dan il-għan, l-akkademiċi minn dawn id-dixxiplini għandhom jiffurmaw netwerks sabiex ir-riċerka u d-dibattiti li kapaċi jikxfu l-parteċipazzjoni reali tax-xjenza fil-bini ta' soċjetà u identità Ewropea jkunu strutturati, waqt li jenfasizzaw b'mod partikolari:

Ir-rabtiet bejn ix-xjenza, id-demokrazija u l-liġi;

Ir-riċerka dwar l-etika fix-xjenza u t-teknoloġija;

L-influwenza reċiproka tax-xjenza u l-kultura;

Ir-rwol u d-dehra tax-xjenzjati;

Fehim pubbliku tax-xjenza u l-promozzjoni tad-dibattitu pubbliku.

Ir-rwol evoluttiv ta' l-universitajiet

Il-ħidma ser timmira li tagħti appoġġ lir-riformi xierqa li jippermettu l-universitajiet biex ikollhom rwol attiv fil-ħolqien, it-tixrid u l-kondiviżjoni ta' l-għarfien, flimkien ma' l-industrija u s-soċjetà kollha kemm hi (b'mod konformi ma' l-inizjattivi Komunitarji dwar ir-riċerka universitarja). L-enfasi ser ikun fuq:

Id-definizzjoni ta' kondizzjonijiet ta' qafas aħjar għal riċerka universitarja aktar effiċjenti;

Il-promozzjoni għat-twaqqif ta' sħubiji strutturati mas-settur kummerċjali, b'rigward għall-kapaċitajiet ta' ġestjoni tar-riċerka ta' l-universitajiet;

It-tisħiħ ta' l-iskambju ta' l-għarfien bejn l-universitajiet u s-soċjetà kollha kemm hi.

It-tieni linja ta' azzjoni: It-tisħiħ tal-potenzjal, it-twessigħ ta' l-orizzonti

Is-sessi u r-riċerka

Ibbażat fuq l-orjentamenti fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill (19) u orjentamenti ta' politika rilevanti oħrajn tal-Komunità, ser jiġi implimentat qafas għal azzjonijiet pożittivi sabiex ir-rwol tan-nisa fir-riċerka xjentifika jissaħħaħ, u d-dimensjoni tas-sessi fir-riċerka titjieb. Dan il-qafas ser jipprovdi kuntest għal dibattitu politiku, monitoraġġ, koordinazzjoni u sostenn tar-riċerka. Ser ikun fih:

It-tisħiħ tar-rwol tan-nisa f'riċerka xjentifika u fil-korpi tat-tfassil ta' deċiżjonijiet xjentifiċi;

Id-dimensjoni tas-sessi fir-riċerka;

L-integrazzjoni tas-sessi fil-politika u fil-programmi ta' riċerka Komunitarji.

Iż-żgħażagħ u x-xjenza

L-attivitajiet huma maħsuba biex jiġbdu aktar nies minn kull sfond fil-karrieri xjentifiċi, irawmu rabtiet bejn il-ġenerazzjonijiet, u jgħollu l-livell ta' litteriżmu xjentifiku b'mod ġenerali. L-iskambji u l-kooperazzjoni fuq livell Ewropew ser jiffokaw fuq metodi ta' tagħlim ta' suġġetti xjentifiċi adatti għal udjenzi ta' żgħażagħ, l-appoġġ għall-għalliema tax-xjenza (kunċetti, materjal), l-iżvilupp tar-rabtiet bejn l-iskejjel u l-ħajja professjonali. Minbarra dan, jistgħu jiġu ffinanzjati avvenimenti b'ambitu Ewropew wiesa' li jlaqqgħu flimkien xjenzjati distinti – bħala ”mudelli għall-oħrajn” – u xjenzjati żgħar li jaspiraw għal karriera distinta. Ir-riċerka ta' sostenn ser tiġi indirizzata, billi jitqiesu kuntesti soċjali u valuri kulturali. Inżammu tliet aspetti:

Appoġġ għall-edukazzjoni xjentifika formali u informali fi skejjel kif ukoll permezz ta' ċentri tax-xjenza u mużewijiet u mezzi rilevanti oħrajn;

Tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni xjentifika u l-karrieri xjentifiċi;

Azzjonijiet ta' riċerka u koordinazzjoni dwar metodi ġodda fl-edukazzjoni xjentifika.

It-tielet linja ta' azzjoni: Komunikazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà

L-attivitajiet ser jippromwovu kanali reċiproċi ta' komunikazzjoni effettivi li jippermettu lill-pubbliku u lil dawk li jfasslu l-linji politiċi jinvolvu ruħhom fix-xjenza, u lix-xjenzjati jinvolvu ruħhom mal-pubbliku. L-approċċ ser jiffavorixxi kooperazzjoni eqreb u skambju ta' l-aħjar prattika bejn ix-xjenzjati u l-professjonisti tax-xandir, iżda wkoll parteċipazzjoni akbar ta' gruppi mmirati, notevolment tfal u ż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi f'kuntatt mal-pubbliku, u l-istampa speċjalizzata. L-isforz ser jiffoka fuq:

Forniment ta' informazzjoni xjentifika affidabbli u f'waqtha lill-istampa u medja oħrajn;

Azzjonijiet ta' taħriġ għall-mili tal-vojt bejn il-medja u l-komunità xjentifika;

Inkoraġġiment ta' dimensjoni Ewropea f'avvenimenti xjentifiċi li jimmiraw li jilħqu l-pubbliku;

Promozzjoni tax-xjenza b'mezzi awdjoviżivi permezz ta' ko-produzzjonijiet Ewropej u ċ-ċirkolazzjoni ta' programmi xjentifiċi;

Promozzjoni ta' komunikazzjoni transnazzjonali eċċellenti fil-qasam tar-riċerka u x-xjenza permezz ta' Premji popolari;

Riċerka mmirata lejn it-tisħiħ ta' inter-komunikazzjoni dwar ix-xjenza, kemm tal-metodi tagħha kif ukoll tal-prodotti tagħha, biex jiżdied il-fehim reċiproku bejn id-dinja tax-xjenza, u l-udjenza usa' ta' dawk li jfasslu politika, il-medja u l-pubbliku ġenerali.

6.   APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP KOERENTI TA' LINJI POLITIĊI TAR-RIĊERKA

Objettiv

It-titjib ta' l-effettività u l-koerenza ta' linji politiċi tar-riċerka Komunitarji u nazzjonali u l-artikolazzjoni tagħhom ma' linji politiċi oħrajn, it-titjib ta' l-impatt tar-riċerka pubblika u r-rabtiet tagħha ma' l-industrija, u t-tisħiħ ta' l-appoġġ pubbliku u l-effett ta' lieva fuq l-investiment minn atturi privati.

Approċċ

L-attivitajiet li jsiru taħt din il-parti ser jagħtu wkoll appoġġ għall-iżvilupp koerenti tal-linji politiċi tar-riċerka, jikkumplementaw l-attivitajiet ta' koordinazzjoni taħt il-programm Kooperazzjoni, u jagħtu kontribut għal-linji politiċi u għall-inizjattivi Komunitarji (eż. il-leġiżlazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida) li jkollhom l-għan li jtejbu l-koerenza u l-impatt tal-linji politiċi ta' l-Istati Membri.

Dawn l-attivitajiet ser jagħtu kontribut lill-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, partikolarment lill-objettiv tat-3 % f'investiment fir-riċerka, billi jgħinu lill-Istati Membri u lill-Komunità jiżviluppaw linji politiċi ta' riċerka u żvilupp aktar effettivi. L-għan hu li titjieb ir-riċerka pubblika u r-rabtiet tagħha ma' l-industrija u li jitrawwem l-investiment privat fir-riċerka, bit-tisħiħ ta' l-appoġġ pubbliku u l-effett ta' lieva li għandu fuq l-investiment privat. Dan jitlob għal adattabbiltà ta' politika tar-riċerka, il-mobilizzazzjoni ta' firxa usa' ta' strumenti, il-koordinazzjoni ta' sforzi minn konfini nazzjonali għall-ieħor u l-mobilizzazzjoni ta' politika oħra sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ta' qafas aħjar għar-riċerka.

Attivitajiet

Żewġ linji ta' azzjoni ser jiġu segwiti (20):

L-ewwel linja ta' azzjoni: Il-monitoraġġ u l-analiżi tal-linji politiċi pubbliċi u ta' l-istrateġiji industrijali relatati mar-riċerka, inkluż l-impatt tagħhom

L-objettiv hu li tiġi provduta informazzjoni, provi u analiżi b'appoġġ għad-disinn, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-koordinazzjoni transnazzjonali tal-linji politiċi pubbliċi. Dan ser jinkludi:

Servizz ta' informazzjoni u intelliġenza (ERAWATCH) biex jappoġġa t-tfassil tal-politika ta' riċerka bbażata fuq l-evidenza u biex jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) billi jipprovdi fehim aħjar tan-natura, l-elementi kostituttivi u l-evoluzzjoni tal-linji politiċi, l-inizjattivi u s-sistemi nazzjonali u reġjonali tar-riċerka. Dan ser jinkludi analiżi regolari, minn perspettiva Ewropea, ta' kwistjonijiet rilevanti għat-tfassil tal-politika tar-riċerka, b'mod partikolari: fatturi li jmexxu l-evoluzzjoni tas-sistemi ta' riċerka u l-implikazzjonijiet tagħhom għal strutturi ta' politika u tmexxija; kwistjonijiet emerġenti/sfidi u għażliet ta' politika; u reviżjoni fuq livell Ewropew tal-progress ta' l-Istati Membri lejn l-ERA u l-objettiv ta' 3 %.

Attività ta' monitoraġġ ta' l-investimenti fil-qasam tar-riċerka industrijali biex tipprovdi sors ta' informazzjoni konsistenti fih innifsu u komplementarju biex jgħin fl-għażla tad-direzzjoni tal-politika pubblika u biex tippermetti lill-intrapriżi joħolqu punt ta' referenza għall-istrateġiji tagħhom ta' investiment fl-R&D,  inter alia fis-setturi ta' interess prinċipali għall-ekonomija ta' l-UE. Dan ser jinkludi tabelli ta' valutazzjoni perijodiċi ta' investimenti f'livelli ta' intrapriżi u settorjali, stħarriġ dwar ix-xejriet ta' l-investiment privat fl-R&D, analiżi tal-fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet u l-prattika ta' l-investiment ta' l-intrapriżi fl-R&D, analiżi ta' l-impatti ekonomiċi, u valutazzjoni ta' l-implikazzjonijiet għall-politika.

L-iżvilupp u l-analiżi ta' indikaturi dwar l-attività tar-riċerka u l-impatti tagħha fuq l-ekonomija. Dan ser jinkludi l-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin tax-xjenza u t-teknoloġija nazzjonali u reġjonali u tat-tabelli ta' valutazzjoni bl-użu, fejn ikun xieraq, ta' indikaturi statistiċi uffiċjali; il-valutazzjoni tal-punti b'saħħithom u d-dgħjufijiet tas-sistemi ta' l-R&D ta' l-Istati Membri; u l-analiżi tal-pożizzjoni u l-prestazzjoni ta' l-UE fir-riċerka xjentifika u teknoloġika.

Dawn l-attivitajiet ser jitwettqu f'kollaborazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka kif ukoll permezz ta' studji u gruppi ta' esperti.

It-tieni linja ta' azzjoni: Koordinazzjoni tal-linji politiċi tar-riċerka

L-għan huwa li tissaħħaħ, fuq bażi volontarja, il-koordinazzjoni tal-linji politiċi tar-riċerka permezz ta':

Azzjonijet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC);

Inizjattivi ta' kooperazzjoni transnazzjonali mwettqa fuq livell nazzjonali u reġjonali dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, li fejn xieraq jinvolvu partijiet interessati oħrajn (inkluż l-industrija, organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili).

Dawn l-attivitajiet ser jindirizzaw kwistjonijiet ta' interess komuni dwar ir-riċerka u linji politiċi rilevanti oħrajn li għandhom jiġu mmobilizzati għar-realizzazzjoni ta' l-ERA u l-kisba ta' l-għan ta' l-UE ta' 3 % f'investiment fir-riċerka. Dawn ser: jagħtu kontribut lill-iżvilupp ta' linji politiċi nazzjonali u reġjonali iżjed effettivi permezz ta' tagħlim reċiproku u r-reviżjoni tal-pari; jinkoraġġixxu inizjattivi kkombinati jew konġunti bejn gruppi ta' pajjiżi u reġjuni interessati fl-oqsma li jinvolvu dimensjoni jew impatt transnazzjonali qawwija; u fejn xieraq, jidentifikaw kwistjonijiet li jeħtieġu azzjonijiet komplimentari u li jsaħħu lil xulxin fuq livell Komunitarju u dak ta' l-Istati Membri.

L-inizjattivi meħuda minn diversi pajjiżi u reġjuni jistgħu jkopru attivitajiet bħar-reviżjoni tal-pari tal-linji politiċi nazzjonali u reġjonali, l-iskambju ta' esperjenzi u persunal, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet ta' l-impatt konġunti, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi konġunti.

7.   ATTIVITAJIET TA' KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Objettiv

Il-Komunità Ewropea teħtieġ politika internazzjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija koerenti u b'saħħitha, biex issir kompetittiva u biex ikollha rwol prinċipali fuq il-livell dinji. L-azzjonijiet internazzjonali taħt id-diversi programmi fi ħdan il-Programm Kwadru ser jitwettqu fl-ambitu ta' strateġija globali ta' kooperazzjoni internazzjonali.

Din il-politika għandha tliet objettivi interdipendenti:

Li tagħti appoġġ għall-kompetittività Ewropea permezz ta' sħubija strateġika ma' pajjiżi terzi f'oqsma magħżula tax-xjenza u bl-ingaġġ ta' l-aqwa xjenzjati minn pajjiżi terzi sabiex jaħdmu fl-Ewropa u magħha;

Li tiffaċilita l-kuntatti ma' l-imsieħba f'pajjiżi terzi bil-għan li tipprovdi aċċess aħjar għar-riċerka mwettqa xi mkien ieħor fid-dinja;

Li tindirizza problemi speċifiċi li jiffaċċaw il-pajjiżi terzi jew ta' natura globali, fuq il-bażi ta' l-interess u l-benefiċċju reċiproċi.

Approċċ

Sabiex jiġu identifikati u stabbiliti l-oqsma prijoritarji tar-riċerka ta' interess reċiproku u benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi terzi fil-mira (Pajjiżi Msieħba fil-Kooperazzjoni Internazzjonali (21) għall-azzjonijiet speċifiċi ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-Programmi Speċifiċi ta' Kooperazzjoni, id-djalogi politiċi li għaddejja u n-netwerks ta' sħubija ser jissaħħu ma' reġjuni differenti f'dawn il-pajjiżi terzi biex jipprovdu input biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet. Il-koerenza ta' l-attivitajiet nazzjonali dwar il-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali ser tissaħħaħ bl-appoġġ tal-koordinazzjoni ta' programmi nazzjonali (ta' l-Istati Membri u Pajjiżi assoċjati) permezz ta' koordinazzjoni multilaterali tal-linji politiċi u l-attivitajiet nazzjonali ta' l-RTD. Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-Programm Kwadru ser tkun immirata b'mod speċjali lejn il-gruppi ta' pajjiżi li ġejjin (22):

Pajjiżi kandidati (23);

Pajjiżi msieħba Mediterranji (MPC), il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (WBC) (24) kif ukoll il-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant u l-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali (25) (EECA);

Pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'fokus fuq il-ħtiġijiet partikolari ta' kull pajjiż jew reġjun konċernat (26);

Ekonomiji emerġenti (26).

L-azzjonijiet ta' riċerka ta' kooperazzjoni internazzjonali li jkunu orjentati lejn it-temi jsiru taħt il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni. L-azzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-potenzjal tal-bniedem isiru taħt il-Programm Speċifiku Nies. Azzjonijiet u miżuri ta' appoġġ orizzontali b'fokus minbarra dak ta' qasam tematiku jew interdixxiplinarju speċifiku koperti fil-programm “Kooperazzjoni”, ser jiġu implimentati, u jistgħu jkunu supplimentati, f'numru limitat ta' każijiet, b'azzjonijiet ta' kooperazzjoni speċifiċi ta' interess reċiproku. Il-koordinazzjoni globali ta' l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni internazzjonali taħt il-programmi differenti ser tissaħħaħ bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ koerenti u jiġu żviluppati sinerġiji ma' strumenti Komunitarji oħrajn (eż. IPA, l-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, ir-regolament ta' l-ALA, u skemi ta' Għajnuna għall-Iżvilupp). B'kont meħud ta' l-esperjenza miksuba permezz ta' INTAS u filwaqt li jibnu fuq il-ħidma tagħha fil-qafas tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant u ta' l-Asja Ċentrali, attivitajiet li jipprovdu kontinwità ser jitwettqu permezz ta' dan il-programm u l-programmi speċifiċi “Kooperazzjoni” u “Nies”.

Il-Kummissjoni ser tiżgura l-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-Programm Kwadru kollu inkluż id-djalogu politiku ma' pajjiżi msieħba, reġjuni u fora internazzjonali.

Attivitajiet

L-attivitajiet prinċipali għall-iżvilupp ta' linji politiċi ta' kooperazzjoni xjentifika internazzjonali maqbula konġuntament huma:

Koordinazzjoni bi-reġjonali tal-kooperazzjoni S&T inkluż l-iffissar ta' prijoritajiet u d-definizzjoni ta' linji politiċi tal-Kooperazzjoni S&T

Il-kooperazzjoni Komunitarja fl-S&T għall-iffissar ta' prijoritajiet ser tkun ibbażata fuq djalogu ta' politika komprensiv ma' pajjiżi u reġjuni msieħba fir-rikonoxximent tal-kondizzjonijiet soċjo-kulturali u l-kapaċitajiet ta' riċerka tagħhom. Dan id-djalogu għall-kooperazzjoni fl-S&T jitwettaq fuq livelli multipli, bħal permezz ta' fora internazzjonali (il-varji konvenzjonijiet tan-NU), djalogi bi-reġjonali istituzzjonalizzati (27) inklużi: Il-Laqgħat Asja-Ewropa (ASEM); l-Amerika Latina, il-Karibew u l-UE (UE-LAC); is-Sħubiji tal-Mediterran u tal-Balkani tal-Punent; l-UE-AKP (Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku) u l-Istati ta' l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (28) u ftehim bilaterali u multilaterali kif ukoll permezz ta' laqgħat trans-reġjonali informali ta' xjenzjati u msieħba soċjali.

L-ogħla prijorità ser tingħata lit-tisħiħ tad-djalogi bi-reġjonali/bilaterali biex jiggwidaw u jwaqqfu l-qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-S&T u l-identifikazzjoni konġunta ta' setturi tar-riċerka ta' interess u benefiċċju reċiproku. Tali djalogu u sħubija fl-S&T jikkostitwixxu l-aktar l-mod effettiv għall-kisba ta' objettivi maqbula fuq livell dinji u reċiprokament, fir-rigward tal-ħtiġijiet speċifiċi fuq livell reġjonali u ta' pajjiż. Konsegwentement, il-kooperazzjoni internazzjonali fl-S&T fil-Programm Kwadru ser tkun immexxija b'mod koerenti permezz tal-formulazzjoni integrata ta' linji politiċi ta' riċerka li tirriżulta minn dawn id-djalogi u minn ftehim fl-S&T (29).

Dawn l-inizjattivi ser ikunu implimentati permezz ta' attivitajiet speċifiċi ta' kooperazzjoni internazzjonali li ser jiżviluppaw id-djalogu bi-reġjonali b'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, il-Pajjiżi Assoċjati u Pajjiżi Msieħba fil-Kooperazzjoni Internazzjonali.

Dan l-iffissar tal-prijoritajiet u d-definizzjoni tal-linji politiċi tal-Kooperazzjoni fl-S&T se jkollhom impatti diretti u li jistgħu jitkejlu fuq l-attivitajiet l-oħra previsti għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fl-S&T taħt il-Programm Speċifiku Kapaċitajiet, jiġifieri: tisħiħ u żvilupp ta' Ftehim fl-S&T, Sħubiji ta' Kooperazzjoni fl-S&T u effett ta' sinerġija pożittiv fuq il-koordinazzjoni tal-linji politiċi nazzjonali u l-attivitajiet dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-S&T.

Fi ħdan il-qafas tal-Ftehim fl-S&T, skond il-prijoritajiet definiti, ser tingħata prijorità lill-identifikazzjoni ta' elementi ġodda, emerġenti li jistħoqqilhom azzjonijiet u approvazzjoni fuq livell politiku li għandhom ikunu implimentati permezz tat-temi.

Minbarra dan, il-parteċipazzjoni ta' xjenzjati fil-programmi ta' riċerka nazzjonali ta' pajjiżi terzi ser tippermetti l-isfruttament totali tal-possibilitajiet tal-Ftehim fl-S&T u ser tippermetti lix-xjenzjati jiksbu għarfien minn sistemi ta' riċerka ta' pajjiżi terzi u tal-kulturi tagħhom b'mod reċiproku. Għal dan, il-Programm Kwadru ser ikopri l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni fir-riċerka ta' xjenzjati mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati fil-programmi ta' riċerka nazzjonali ta' pajjiżi terzi fejn hemm interess u benefiċċju reċiproku. Tali kollaborazzjoni ser isseħħ fuq bażi kompetittiva.

Il-proġetti konġunti żviluppati fi ħdan id-djalogi u l-Ftehim ta' kooperazzjoni fl-S&T imsemmija hawn fuq ser ikunu mmexxija mill-ħtiġijiet, ser ikunu ta' daqs sinifikanti f'termini ta' sħubiji, kompetenzi u finanzjament, u ser ikollhom impatt soċjo-ekonomiku importanti. Il-proġetti ser ikunu mmirati speċifikament fuq il-prijoritajiet identifikati permezz tad-djalogu ta' politika u l-kooperazzjoni fl-S&T fi ħdan il-fora reġjonali, u ser ikun hemm sejħiet speċifiċi skond ir-reġjun jew skond il-gruppi ta' Pajjiżi Msieħba fil-Kooperazzjoni Internazzjonali. Ir-riżultati ta' dawn id-djalogi ser jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet għall-azzjonijiet speċifiċi ta' kooperazzjoni internazzjonali fit-temi differenti fil-Programm Speċifiku Kooperazzjoni.

Koordinazzjoni bilaterali għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta' sħubiji ta' l-S&T

Ir-realizzazzjoni tal-prijoritajiet identifikati ser ikomplu jiġu elaborati aktar u mibdula f'azzjonijiet bit-twaqqif ta' Sħubiji ta' Kooperazzjoni ekwi fl-S&T li jlaqqgħu partijiet interessati multipli (imsieħba mir-riċerka, l-industrija, il-gvern u s-soċjetà ċivili) għall-bini ta' kapaċità ta' riċerka u r-riċerka. Dawn taw prova li huma l-mekkaniżmu l-aktar xieraq biex sinerġikament jimmobilizza l-punti b'saħħithom ta' dawn l-imsieħba. Dawn is-Sħubiji ser jeħtieġu strateġiji pluridixxiplinarji biex jiġu ttrattati ħtiġijiet diversi fuq livell globali, reġjonali u/jew ta' pajjiż.

L-iżvilupp ta' Sħubiji fl-S&T ser ikunu bbażati fuq tmexxija bi-reġjonali u koordinazzjoni ta' inizjattivi ta' politika f'setturi prijoritarji definiti. Dawn ser jiġu operati minn gruppi ta' tmexxija magħmula minn numru limitat ta' rappreżentanti minn kull reġjun, miftuħa għall-imsieħba kollha fir-reġjuni konċernati, billi jitqiesu l-interessi u l-kapaċitajiet ta' riċerka tagħhom. Dawn is-sħubiji ser jippromwovu attivitajiet ta' riċerka konġunti u djalogu ta' politika permanenti dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kooperazzjoni implimentata kif ukoll dwar l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet futuri.

Appoġġ għall-koordinazzjoni ta' linji politiċi u attivitajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-S&T

Sabiex tiġi promossa/inkoraġġuta strateġija effettiva u effiċjenti ta' kooperazzjoni Komunitarja fil-qasam xjentifiku fuq livell ta' l-UE, il-koordinazzjoni kontiwa tal-linji politiċi nazzjonali hija essenzjali biex jiġu realizzati l-impenji meħuda permezz tad-djalogi bi-reġjonali u bilaterali fl-S&T.

Din il-koordinazzjoni ser issaħħaħ l-effiċjenza u l-impatt ta' l-inizjattivi li għaddejja ta' kooperazzjoni bilaterali fl-S&T bejn l-Istati Membri u l-Pajjiżi Msieħba fil-Kooperazzjoni Internazzjonali u ttejjeb is-sinerġiji pożittivi bejniethom. Hija ser ittejjeb ukoll il-komplementarjetajiet bejn l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tal-Komunità u dawk ta' l-Istati Membri fl-S&T.

Barra minn hekk ser tappoġġa l-implimentazzjoni ta' “viżjoni kondiviża” billi tiffaċilita l-approċċi programmatiċi innovattivi u b'ħidma aktar mill-qrib fost u ma' l-Stati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni koerenti fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija ta' l-UE.

ANNESS II

TQASSIM INDIKATTIV TA' L-AMMONT (f'EUR Miljun)

Infrastrutturi tar-Riċerka (30)

1 715

Riċerka għall-benefiċċju ta' l-SMEs

1 336

Reġjuni ta' l-Għarfien

126

Potenzjal għar-Riċerka

340

Xjenza fis-Soċjetà

330

Żvilupp koerenti ta' linji politiċi ta' riċerka

70

Attivitajiet ta' Kooperazzjoni Internazzjonali

180

TOTAL

4 097

ANNESS III

FAĊILITÀ FINANZJARJA GĦALL-QSIM TAR-RISKJU

Skond l-Anness II, il-Komunità ser tipprovdi kontribut (azzjoni ta' koordinazzjoni u appoġġ) lill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) li jkun imsieħeb għall-qsim tar-riskju għall-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju (RSFF). L-RSFF, li ser tkun ko-finanzjata mill-Komunità u l-EIB, hija mmirata lejn it-trawwim ta' investiment tas-settur privat madwar l-Ewropa fl-iżvilupp u d-demonstrazzjoni ta' riċerka u teknoloġija (RTD) kif ukoll l-innovazzjoni.

Il-kontribut Komunitarju ser iżid il-kapaċità tal-Bank li jirregola r-riskju, b'hekk jippermetti għal (i) volum akbar ta' operazzjonijiet ta' self u garanziji ta' l-EIB għal ċertu livell ta' riskju, u (ii) l-iffinanzjar ta' azzjonijiet ta' l-RTD Ewropej aktar riskjużi li ma jkunux possibbli mingħajr tali appoġġ Komunitarju, b'hekk jgħin li jingħelbu defiċjenzi tas-suq. Huwa ser jimmira li:

iżżid il-valur f'oqsma fejn is-suq ma jistax jipprovdi l-finanzjament meħtieġ; u

jipprovdi effett katalittiku f'self ta' kapital għal investiment privat.

Il-kontribut Komunitarju ser ikun kommess għall-RSFF f'konformità mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness II.

L-EIB ser isellef fondi ġġenerati mis-swieq finanzjarji internazzjonali u jipprovdi garanziji lill-imsieħba finanzjarji skond ir-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri standard tiegħu.

Huwa ser juża dan il-kontribut fuq “bażi ta' min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”, bħala provvista u allokazzjoni ta' kapital fi ħdan il-bank sabiex ikopri parti mir-riskji assoċjati ma' l-operazzjonijiet tiegħu li jappoġġaw azzjonijiet eliġibbli Ewropej ta' RTD.

Abbażi ta' l-evalwazzjoni finanzjarja tiegħu, l-EIB ser jivvaluta l-livell ta' riskji finanzjarji u jiddeċiedi l-valur tal-provvista u l-allokazzjoni ta' kapital.

Il-valutazzjoni tar-riskji u l-kategorizzazzjoni, u d-deċiżjonijiet li jirriżultaw dwar il-provvista u l-allokazzjoni ta' kapital, ser isegwu l-proċeduri standard tal-Bank, taħt il-Faċilità Finanzjarja Strutturata, approvati u mmonitorjati mill-partijiet interessati, kif aġġornata u mmodifikata minn żmien għal żmien. Dawn mhux ser jitbiddlu bħala riżultat tal-kontribut Komunitarju.

Ir-riskju għall-baġit Komunitarju huwa limitat għall-ammonti mħallsa jew kommessi li jiġu mħallsa. Ma jkun hemm l-ebda responsabbiltà kontinġenti għall-baġit Komunitarju, billi kwalunkwe riskju li jkun fadal jinġarr mill-EIB.

Il-kontribut Komunitarju ser jiġi żborżat kull sena abbażi ta' pjan pluriennali u b'kont meħud ta' l-evoluzzjoni tad-domanda. L-ammont annwali ser jiġi stabbilit fil-Programm ta' Ħidma, abbażi tar-rapport ta' attività u l-previżjonijiet ippreżentati mill-EIB.

Il-ftehim ser jiġi konkluż ma' l-EIB, wara konsultazzjonijiet mill-qrib ma' l-Istati Membri, ser jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom il-fondi Komunitarji jistgħu jintużaw bħala provvisti u allokazzjoni ta' kapital. Dan ser jinkludi it-termini u l-kondizzjonijiet li ġejjin:

L-eliġibbiltà ta' azzjonijiet RTD Komunitarji. Konvenzjonalment, l-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' riċerka ffinanzjati mill-Komunità taħt dan il-Programm speċifiku għandhom ikunu eliġibbli awtomatikament. Entitajiet legali stabbiliti f'pajjiżi terzi minbarra l-Pajjiżi assoċjati huma eliġibbli wkoll jekk dawn jipparteċipaw f'azzjonijiet indiretti tas-Seba' Programm Kwadru u l-ispejjeż tagħhom huma eliġibbli għal finanzjament Komunitarju. Infrastrutturi ta' riċerka oħrajn ta' interess Ewropew jistgħu jitiqiesu wkoll.

L-RSFF se tkun offruta fl-Istati Membri kollha u f'pajjiżi assoċjati sabiex ikun żgurat li l-entitajiet legali kollha, irrispettivament mid-daqs (inklużi SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka, inklużi l-universitajiet) fl-Istati Membri kollha, jistgħu jibbenefikaw minn din il-faċilità għall-finanzjament ta' l-attivitajiet tagħhom f'azzjonijiet eliġibbli.

Attivitajiet ta' innovazzjoni ta' natura kummerċjali huma eliġibbli għall-RSFF permezz biss ta' l-użu tal-kontribut ta' l-EIB stess.

F'konformità mar-regolament dwar ir-Regoli għal Parteċipazzjoni adottat skond l-Artikolu 167 tat-Trattat, il-ftehim ser jistabbilixxi wkoll proċeduri għall-Komunità biex toġġezzjona, f'każijiet debitament ġustifikati, dwar l-użu tal-kontribut Komunitarju mill-EIB.

Ir-regoli sabiex jiġi ddefinit is-sehem tar-riskju finanzjarju li ser ikun kopert mill-kontribut Komunitarju u l-limitu ta' riskju li lil hinn minnu l-EIB jista' juża l-kontribut Komunitarju kif ukoll il-qsim ta' dħul korrespondenti.

Il-livell tal-kontribut Komunitarju għal kull operazzjoni għandu jiddependi mill-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju mwettqa mill-EIB. Il-livell tal-provvista u l-allokazzjoni ta' kapital totali għall-parti kbira ta' l-operazzjonijiet ta' l-RSFF mistennija tinżel fil-marġini ta' 15 %-25 % tal-valur nominali ta' tali operazzjonijiet. Fl-ebda każ il-livell tat-total ta' l-ammonti tal-provvista u l-allokazzjoni ta' kapital tal-kontribut Komunitarju m'għandu jaqbeż 50 % tal-valur nominali tas-self jew tal-garanzija. Ser ikun hemm qsim ta' riskju taħt kull operazzjoni.

L-arranġamenti li bihom il-Komunità ser timmonitorja l-operazzjonijiet ta' self u ta' garanziji ta' l-EIB relatati mal-kontribut Komunitarju, inklużi operazzjonijiet permezz ta' l-imsieħba finanzjarji ta' l-EIB.

L-EIB tista' tuża biss il-kontribut Komunitarju għal operazzjonijiet approvati bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Programm Speċifiku u l-31 ta' Diċembru 2013.

L-interessi u d-dħul iġġenerati mill-kontribut Komunitarju waqt dan il-perijodu għandhom jiġu rapportati kull sena mill-EIB lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F'konformità ma' l-Artikolu 18.2 tar-regolament finanzjarju, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala dħul assenjat lill-RSFF u jiddaħħlu fil-baġit.

Fl-adozzjoni tal-Programm ta' Ħidma, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li talloka mill-ġdid, għall-fini ta' kwalunkwe azzjoni indiretta oħra ta' l-“Infrastruttura ta' Riċerka” ta' dan il-Programm Speċifiku, kwalunkwe ammont mhux użat mill-RSFF u, għalhekk, kopert mill-ġdid mill-EIB, wara l-evalwazzjoni ta' nofs it-term imsemmija fl-Anness II tal-Programm Kwadru. L-evalwazzjoni ta' nofs it-term se tinkludi valutazzjoni esterna ta' l-impatt ta' l-RSFF.

Il-Kummissjoni ser timmonitorja mill-qrib l-użu effettiv tal-Kontribut Komunitarju, inkluż il-valutazzjonijiet ex-post tal-fatturi ta' l-azzjoni li kienu suċċess, u rapport regolari għall-Kumitat tal-Programm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tinkludi kisbiet prinċipali f'dan ir-rigward fir-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-iżvilupp ta' riċerka u teknoloġiku li hija ser tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skond l-Artikolu 173 TKE.

ANNESS IV

IMPLIMENTAZZJONI KONĠUNTA TA' PROGRAMMI TA' RIĊERKA MHUX KOMUNITARJI

Inizjattiva waħda għall-implimentazzjoni konġunta tal-programmi ta' riċerka nazzjonali hija identifikata hawn taħt, fuq bażi indikattiva, u tista' tkun is-suġġett ta' deċiżjoni separata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 169 tat-Trattat. Aktar inizjattivi jistgħu jiġu identifikati u proposti waqt l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru.

Fil-każ tat-teħid ta' deċiżjoni bħal din, tkun imwaqqfa struttura dedikata għall-implimentazzjoni, flimkien ma' struttura organizzattiva u l-korpi xierqa ta' governanza meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni. Skond l-Anness II, il-Komunità tista' tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-inizjattiva sa l-ammont imniżżel fl-Anness II u tista' tipparteċipa attivament fl-implimentazzjoni bil-mezzi l-aktar xierqa għall-azzjoni.

L-inizjattiva ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat KE fil-qasam ta' l-SMEs li jwettqu Attivitajiet ta' Riċerka

L-għan ser ikun li jinbeda u jitwettaq programm konġunt fl-R&D għall-ġid ta' l-SMEs li jwettqu riċerka bl-objettiv li titqawwa l-ħila ta' riċerka u innovazzjoni tagħhom. Hija ser tistimola u tappoġġa proġetti R&D immexxija minn dawn l-SMEs billi tibni fuq l-EUREKA. Din l-inizjattiva tikkomplementa azzjonijiet oħra li jimmiraw l-SMEs imwettqa fil-kuntest tas-Seba' Programm Kwadru.

Il-Komunità ser tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-inizjattiva u ser tipparteċipa fl-implimentazzjoni bil-mezzi l-aktar xierqa għall-azzjoni.

ANNESS V

INFORMAZZJONI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-KUMMISSJONI SKOND L-ARTIKOLU 8(5).

1.

Informazzjoni dwar azzjonijiet, li tippermetti l-monitoraġġ tal-ħajja sħiħa ta' kull proposta, li tkopri partikolarment:

proposti sottomessi;

riżultati ta' evalwazzjoni għal kull proposta;

ftehim ta' għotja;

azzjonijiet kompluti.

2.

Informazzjoni dwar l-eżitu ta' kull sejħa u implimentazzjoni ta' azzjonijiet, li tkopri partikolarment:

riżultati ta' kull sejħa;

ir-riżultat tan-negozjati dwar ftehim ta' għoti;

implimentazzjoni ta' azzjonijiet, inklużi data tal-ħlas u eżitu ta' azzjonijiet.

3.

Informazzjoni dwar il-programm ta' implimentazzjoni, inkluż informazzjoni rilevanti fil-livell tal-Programm Kwadru, il-Programm Speċifiku u kull attività.

Din l-informazzjoni (partikolarment, dwar proposti, l-evalwazzjoni u l-ftehim ta' l-għoti tagħhom) għandha tingħata f'format strutturat li jista' jinqara u jkun trattat elettronikament permezz ta' sistema ta' l-informazzjoni u tar-rapportar ibbażata fuq l-IT li tippermetti li ssir analiżi faċli tad-data.


(1)  Opinjoni tat-30 ta' Novembru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 10.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

(6)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(7)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(8)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999 p. 23. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(10)  Riċerka dwar it-trattament tal-gonadi kontra l-kanċer tista' tkun iffinanzjata.

(11)  Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-programm, għal kull laqgħa tal-kumitat tal-programm kif hu definit fl-aġenda, il-Kummissjoni ser tirrimborża, skond il-linji gwida stabbiliti tagħha, l-ispejjeż ta' rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, kif ukoll espert/konsulent għal kull Stat Membru għal dawk il-punti fl-aġenda fejn Stat Membru jirrikjedi kompetenza xierqa.

(12)  ĠU L 358, 1.12.1986, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2003/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 230, 16.9.2003, p. 32).

(13)  Identifikati wkoll mill-ESFRI.

(14)  Din tista' tinkludi l-possibbiltà ta' implimentazzjoni konġunta ta' programmi li jimmiraw SMEs li jwettqu riċerka, waqt li tibni fuq l-Eureka.

(15)  Azzjoni pilota dwar ir-“Reġjuni ta' l-Għarfien” iddaħħlet fil-baġit Komunitarju ta' l-2003 fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew. Din ġiet segwita minn Sejħa għal proposti oħra taħt is-sitt Programm Kwadru Komunitarju għall-RTD (2004) taħt il-programm “Żvilupp koerenti ta' linji politiċi”.

(16)  Dan ma jeskludix l-abbinament ta' setturi teknoloġiċi differenti fejn ikun rilevanti.

(17)  Ir-reġjuni ta' konverġenza huma dawk kif imsemmija f'Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jirregolaw proviżjonijiet ġenerali fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond għall-Koeżjoni Ewropea, u li jirrevokaw Regolament (KE) Nru 1260/1999 (paġna 332: Reg- 1083/2006 ... (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25, corrigendum ĠU L 239, 1.9.2006, p. 248)). Dan jinkludi r-reġjuni bil-għan ta' “konverġenza”, ir-reġjuni eliġibli għall-fondi mill-Fond ta' Koeżjoni, u r-reġjuni l-aktar imbiegħeda.

(18)  Inkluż it-tħaddim tal-proċeduri għar-reviżjoni etika għall-proposti li jindirizzaw kwistjonijiet sensittivi taħt il-programm speċifiku ’Kooperazzjoni’.

(19)  ’Women and science: excellence and innovation – gender equality in science’ – SEC(2005) 370; Konklużjonijiet ta-Kunsill tat-18 ta' April 2005.

(20)  L-attivitajiet dwar it-tisħiħ u t-titjib tas-sistema Ewropea tax-xjenza, bħal kwistjonijiet ta' konsulenza xjentifika u għarfien espert u li jikkontribwixxu għal “regolazzjoni aħjar”, huma ttrattati mill-parti Xjenza fis-Soċjetà f'dan il-Programm Speċifiku.

(21)  Ara r-Regoli għall-parteċipazzjoni

(22)  Fil-preżent, 9 Pajjiżi Mediterranji Sħab u 6 pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat.

(23)  Barra minn Pajjiżi Kandidati assoċjati.

(24)  Barra minn Pajjiżi Kandidati assoċjati u potenżjali

(25)  l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Każakstan, il-Kirgistan, il-Moldova, ir-Russja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Użbekistan.

(26)  Ta' min jinnota li l-Amerika Latina tinkludi kemm pajjiżi li għadhom jiżviluppaw u kemm ekonomiji emerġenti.

(27)  Djalogu bi-reġjonali f'dan il-kuntest tfisser djalogu bejn l-Istati Membri, il-KE u l-pajjiżi terzi konċernati

(28)  Li jista' jinvolvi wkoll iċ-Ċentru Internazzjonali għax-Xjenza u t-Teknoloġija (ISTC) u ċ-Ċentru għax-Xjenza u t-Teknoloġija (STCU).

(29)  Fid-dawl ta' l-interessi tal-Komunità, ġew konklużi ftehim ma' l-imsieħba industrijali maġġuri jew dawk b'ekonomija emerġenti kollha, u ma' kważi l-pajjiżi kollha inklużi fil-Politika Ewropea tal-Viċinat.

(30)  Inkluż kontribut ta' mhux aktar minn EUR 200 miljun lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għall-Faċilità tal-Finanzjament tal-Qsim tar-Riskju, kif imsemmi fl-Anness III. Ammont ta' EUR 100 miljun ser jiġi ddedikat għal pagamenti annwali għall-perijodu 2007 – 2010.


Top