Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0973R(01)

    Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/973/KE tad- 19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Nies li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) ( ĠU L 400, 30.12.2006 )

    ĠU L 54, 22.2.2007, p. 91–100 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/973/corrigendum/2007-02-22/oj

    22.2.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    91


    Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/973/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il- Programm Speċifiku “Nies” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013)

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 400, 30 ta' Diċembru 2006 )

    Id-Deċiżjoni 2006/973/KE għandha taqra hekk:

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Diċembru 2006

    dwar il-Programm Speċifiku “Nies” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2006/973/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 166(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1) ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 166(3) tat-Trattat, id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, (2007 – 2013) (3) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kwadru”) għandu jiġi implimentat permezz ta' Programmi Speċifiċi li jiddefinixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom, jistabbilixxu t-tul tagħhom u jipprovdu għall-mezzi kkunsidrati meħtieġa.

    (2)

    Il-Programm Kwadru huwa strutturat f'erba' tipi ta' attivitajiet: kooperazzjoni transnazzjonali fuq temi definiti bħala politika (”Kooperazzjoni”), riċerka mmexxija minn investigaturi msejsa fuq inizjattivi tal-komunità tar-riċerka (”Ideat”), appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi (”Nies”), u appoġġ għall-kapaċitajiet ta' riċerka (”Kapaċitajiet”). Attivitajiet taħt “Nies”, fir-rigward ta' azzjonijiet indiretti għandhom jiġu implimentati permezz ta' dan il-programm speċifiku.

    (3)

    Ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka, għall-programm kwadru (minn hawn 'il quddiem “ir-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid”) għandhom japplikaw għal dan il-programm speċifiku.

    (4)

    Il-Programm Kwadru għandu jikkumplimenta l-attivitajiet imwettqin fl-Istati Membri kif ukoll azzjonijiet komunitarji oħra li huma meħtieġa għall-isforz strateġiku ġenerali għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' Liżbona, b'mod partikolari flimkien ma' dawk dwar il-fondi strutturali, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-industrija, is-saħħa, il-ħarsien tal-konsumatur, ix-xogħol, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent.

    (5)

    L-attivitajiet relatati ma' l-innovazzjoni u l-SMEs appoġġati taħt dan il-Programm Kwadru għandhom ikunu komplimentari għal dawk imwettqin taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni li ser jikkontribwixxu biex jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, u jippromwovu l-forom kollha ta' l-innovazzjoni.

    (6)

    L-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru tista' twassal għall-programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' ċertu Stati Membri biss, il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi mwettqa minn diversi Stati Membri, jew il-ħolqien ta' impenji konġunti jew arranġamenti oħra skond it-tifsira ta' l-Artikoli 168, 169 u 171 tat-Trattat.

    (7)

    Id-dimensjoni internazzjonali hija parti fundamentali tar-riżorsi umani fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa. Kif previst fl-Artikolu 170 tat-Trattat, dan il-programm huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li jkunu kkonkludew il-ftehim meħtieġa għal dan l-iskop, u huwa miftuħ ukoll f'livell ta' proġett, u abbażi ta' fejda reċiproka, għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali għall-kooperazzjoni xjentifika. Barra minn hekk, l-azzjonijiet kollha, kif ukoll azzjonijiet iddedikati f'dan il-programm speċifiku, huma miftuħa għar-riċerkaturi individwali minn pajjiżi terzi.

    (8)

    Attivitajiet ta' riċerka mwettqa fi ħdan dan il-programm għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' l-etika fundamentali, inklużi dawk li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (9)

    L-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru għandha tikkontribwixxi lejn il-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

    (10)

    Għandha tiġi żgurata tmexxija finanzjarja soda tal-Programm Kwadru u l-implimentazzjoni tiegħu bl-aktar mod effettiv u aċċessibbli possibbli, filwaqt li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-aċċessibbiltà tal-programm għall-parteċipanti kollha, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (5) li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u kull emenda futura.

    (11)

    Għandhom jittieħdu miżuri xierqa – b'mod proporzjonali għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej – sabiex jiġu monitorati kemm l-effikaċja ta' l-appoġġ finanzjarju mogħti kif ukoll l-effikaċja ta' l-użu ta' dawn il-fondi sabiex jiġu evitati rregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (6), Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (7) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (8).

    (12)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni huma essenzjalment miżuri ta' ġestjoni, u għalhekk għandhom jiġu adottati mill-proċedura ta' ġestjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (9). Min-naħa l-oħra riċerka li tinvolvi l-użu ta' embrijoni tal-bniedem u ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem iqajmu kwistjonijiet speċifiċi etiċi, kif deskritti fl-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni, għaldaqstant, miżuri għall-finanzjament ta' tali proġetti għandhom jiġu adottati bil-proċedura regolatorja prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (13)

    Fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm trid tingħata attenzjoni xierqa lill-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll, inter alia, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, it-trasparenza tal-proċessi ta' reklutaġġ, u l-iżvilupp tal-karriera fir-rigward tar-riċerkaturi mqabbda għal proġetti u programmi ffinazjati taħt l-azzjonijiet ta' dan il-programm, li għalih ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u Kodiċi ta' Mġiba għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi joffru qafas ta' referenza, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura volontarja tagħha.

    (14)

    Dan il-programm jimmira li joħloq suq tax-xogħol Ewropew ġenwin għal riċerkaturi bħala żvilupp u implimentazzjoni ulterjuri ta' l-istrateġija integrata dwar ir-riżorsi umani fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa abbażi ta' l-“L-Istrateġija tal-Mobbiltà għall-ERA” (10) u r-“Riċerkaturi fl-ERA: professjoni waħda, bosta karrieri” (11), u jieħu kont tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-riżorsi umani fl-R&D tat-18 ta' April 2005.

    (15)

    Il-programm “Nies” jimmira li jżid il-potenzjal uman R & D fl-Ewropa skond kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità, inkluż bir-rikonoxximent tal-’professjoni’ tar-riċerkatur bil-ħsieb li tinżamm l-eċċellenza fir-riċerka bażika u l-iżvilupp organiku tar-riċerka teknoloġika, u li tiġi mħeġġa l-mobbiltà tar-riċerkaturi Ewropej minn, għal u fl-Ewropa. Barra minn hekk, huwa għandu jgħin biex jipprovdi l-aħjar kondizzjonijiet sabiex jiġu attirati l-aħjar riċerkaturi barranin biex iwettqu riċerka fl-Ewropa,

    ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

    Artikolu 1

    Il-Programm Speċifiku “Nies” għal attivitajiet Komunitarji fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inklużi attivitajiet ta' dimostrazzjoni, minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-“Programm Speċifiku” huwa b'dan adottat għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

    Artikolu 2

    Il-Programm Speċifiku għandu jappoġġa l-attivitajiet għal “Nies”, jistimola nies biex jidħlu fil-professjoni ta' riċerkatur, isaħħaħ, b'mod kwantitattiv u kwalitattiv, il-potenzjal uman fir-riċerka u t-teknoloġija fl-Ewropa inkluż fir-rigward tal-potenzjal tan-nisa. L-attivitajiet li jappoġġaw it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi, imsejħa “Azzjonijiet Marie Curie”, għandhom jiffukaw fuq l-aspetti ewlenin ta' l-iżvilupp tal-ħiliet u tal-karrieri u fuq rabtiet imsaħħa mas-sistemi nazzjonali.

    L-objettivi u d-deskrizzjoni ġenerali ta' dawk l-attivitajiet huma mniżżlin fl-Anness.

    Artikolu 3

    L-ammont meqjus neċessarju għat-twettiq tal-programm speċifiku għandu jkun EUR 4 750 miljun, li minnhom anqas minn 6 % għandhom ikunu għall-ispejjeż amministrattivi tal-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    1.   L-attivitajiet kollha ta' riċerka mwettqa taħt il-Programm Speċifiku għandhom jitwettqu b'konformità mal-prinċipji etiċi fundamentali.

    2.   L-oqsma ta' riċerka li ġejjin m'għandhomx jiġu ffinanzjati taħt dan il-programm:

    attività ta' riċerka mmirata lejn il-klonazzjoni umana għal skopijiet riproduttivi,

    attività ta' riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista' tagħmel tali bidliet li jintirtu (12),

    attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex joħolqu embrijuni umani għall-għan waħdieni tar-riċerka jew għall-produzzjoni ta' ċelloli staminali, inkluż permezz tat-trasferiment tan-nukleu ta' ċelloli somatiċi.

    3.   Ir-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali tal-bniedem, kemm adulti kif ukoll embrijoniċi, tista' tiġi ffinanzjata skond il-kontenut tal-proposta xjentifika u l-qafas legali ta' l-Istat jew Stati Membri involuti.

    Kwalunkwe applikazzjoni għall-finanzjament ta' riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-embrijoni tal-bniedem għandha tinkludi, skond il-każ, id-dettalji tal-liċenzja u tal-miżuri ta' kontroll li jkunu ser jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kif ukoll id-dettalji ta' l-approvazzjoni (jiet) etiċi li jkunu ser jiġu pprovduti.

    Fir-rigward tad-derivazzjoni taċ-ċelloli staminali embrijoniċi tal-bniedem, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u r-riċerkaturi għandhom ikunu soġġetti għal liċenzjar u kontroll stretti skond il-qafas legali ta' l-Istat(i) Membri involuti.

    4.   L-oqsma tar-riċerka mniżżlin hawn fuq għandhom ikunu riveduti għat-tieni fażi ta' dan il-programm (2010 – 2013) fid-dawl ta' l-avvanzi xjentifiċi.

    Artikolu 5

    1.   Il-programm speċifiku għandu jkun implimentat permezz ta' l-iskemi ta' finanzjament stabbiliti fl-Anness III għall-Programm Kwadru.

    2.   Ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni għandhom japplikaw għall-Programm Speċifiku.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku, li jistabbilixxi f'aktar dettall l-objettivi u l-attivitajiet imniżżla fl-Anness, l-iskema ta' finanzjament li għandha tintuża għall-azzjonijiet li dwarhom hemm sejħa għal proposti, u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni.

    2.   Il-programm ta' ħidma għandu jqis l-attivitajiet ta' riċerka, ta' taħriġ fir-riċerka u ta' żvilupp tal-karrieri rilevanti mwettqa mill-Istati Membri, pajjiżi assoċjati u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali u l-kisba tal-valur miżjud Ewropew kif ukoll l-impatt fuq il-kompettività industrijali u r-rilevanza għal linji politiċi Komunitarji oħra. Huwa għandu jkun aġġornat fejn xieraq.

    3.   Proposti għal azzjonijiet indiretti taħt l-iskemi ta' finanzjar għandhom jiġu evalwati u l-proġetti għandhom jiġu magħżulin billi jiġu kkunsidrati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(1b) tar-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid.

    4.   Il-programm ta' ħidma jista' jidentifika:

    (a)

    organizzazzjonijiet li jirċievu sottoskrizzjonijiet fil-forma ta' ħlas għal sħubija;

    (b)

    azzjonijiet ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' entitajiet legali speċifiċi.

    Artikolu 7

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku.

    2.   Il-proċedura ta' ġestjoni stabbilita fl-Artikolu 8(2) għandha tapplika għall-adozzjoni tal-miżuri li ġejjin:

    (a)

    il-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 6 jinkludi skemi ta' finanzjament li għandhom jintużaw, il-kontenut tas-sejħiet għal proposti kif ukoll l-evalwazzjoni u l-kriterji ta' l-għażla li għandhom jiġu applikati;

    (b)

    l-approvazzjoni ta' attivitajiet ta' finanzjament imsemmijin fl-Artikolu 2, fejn l-ammont stimat tal-kontribut Komunitarju taħt dan il-programm huwa ugwali għal jew iktar minn EUR 0,6 miljun;

    (ċ)

    it-tfassil tat-termini ta' referenza għall-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikoli 7(2) u 7(3) tal-Programm Kwadru.

    3.   Il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 8(3) għandha tapplika għall-approvazzjoni ta' finanzjament ta' attivitajiet li jinvolvu l-użu ta' embriji tal-bniedem u ċelluli staminali ta' embrijoniċi tal-bniedem.

    Artikolu 8

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat.

    2.   Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perijodu previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

    3.   Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perijodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat dwar il-progress ġenerali ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku, u għandha tipprovdilu l-informazzjoni f'waqtha dwar l-azzjonijiet kollha ta' RTŻ, proposti jew iffinanzjati taħt dan il-programm kif speċifikat fl-Anness II.

    5.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    Artikolu 9

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-reviżjoni indipendenti previsti fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni dwar il-Programm Kwadru (Nru) li għandhom isiru fir-rigward ta' l-attivitajiet imwettqa fl-oqsma koperti mill-Programm Speċifiku.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil–Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 11

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussel, 19 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KORKEAOJA

    ANNESS I

    OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNOLOĠIĊI, DESKRIZZJONI ĠENERALI TAT-TEMI U L-ATTIVITAJIET

    Introduzzjoni

    Fil-qasam xjentifiku u teknoloġiku l-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi umani jirrappreżentaw wieħed mill-vantaġġi kompetittivi ewlenin. Bħala prerekwiżit biex jiżdiedu l-kapaċità u l-prestazzjoni ta' l-Ewropa fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u għall-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea ta' Riċerka, l-għan strateġiku ġenerali ta' dan il-programm huwa li l-Ewropa ssir aktar attraenti għar-riċerkaturi. Dan għandu jsir billi jitfittex effett ta' strutturazzjoni konsiderevoli fl-Ewropa kollha fuq l-organizzazzjoni, il-prestazzjoni u l-kwalità tat-taħriġ fir-riċerka, fuq l-iżvilupp ta' karriera attiva tar-riċerkaturi, fuq il-kondiviżjoni ta' l-għarfien permezz ta' riċerkaturi bejn setturi u organizzazzjonijiet tar-riċerka, fuq iż-żieda fl-isħubija bejn l-industrija u l-akkademja, u fuq parteċipazzjoni qawwija tan-nisa u riċerkaturi fi stadju bikri fir-riċerka u l-iżvilupp.

    Il-programm ser jiġi implimentat b'investimenti sistematiċi fin-nies, prinċipalment permezz ta' sett koerenti ta' “Azzjonijiet Marie Curie”, partikolarment billi jiġi meħud kont tal-valur miżjud Ewropew skond l-effett strutturali tagħhom fuq il-Qasam ta' Riċerka Ewropea. Il-bini fuq l-esperjenza ma' l-“Azzjonijiet Marie Curie” taħt il-Programmi Kwadru preċedenti, dawn l-azzjonijiet jindirizzaw riċerkaturi skond il-ħiliet tagħhom u l-iżvilupp tal-kompetenza fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom, minn taħriġ inizjali ta' riċerka speċifikament intiż għaż-żgħażagħ, sa l-iżvilupp ta' karriera u t-taħriġ tul il-ħajja fis-settur pubbliku u privat. Il-mobbiltà, kemm transnazzjonali kif ukoll intersettorali, hija fundamentali għal dan il-programm. Iż-żieda fil-mobbiltà ta' riċerkaturi u t-tisħiħ ta' riżorsi ta' dawk l-istituzzjonijiet li jattiraw riċerkaturi internazzjonalment ser iħeġġu liċ-ċentri ta' eċċellenza madwar l-Unjoni Ewropea. Rikonoxximent ta' esperjenzi miksubin f'setturi u pajjiżi differenti, u kondizzjonijiet xierqa ta' xogħol ukoll huma elementi prinċipali fl-“Azzjonijiet Marie Curie”. Miżuri speċjali li jħeġġu riċerkaturi fl-istadju bikri u li jappoġġaw stadji bikrin tal-karriera xjentifika, kif ukoll miżuri li jnaqqsu “telf ta’ l-aħjar imħuħ”, bħal għotjiet ta' integrazzjoni mill-ġdid, ser jiġu introdotti.

    L-“Azzjonijiet Marie Curie” huma miftuħin għall-oqsma kollha ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku indirizzati fit-Trattat. L-oqsma ta' riċerka jintgħażlu liberament mill-applikanti. Madankollu tinżamm il-possibbiltà li jiġu mmirati ċerti attivitajiet fil-programm, per eżempju rigward dixxiplini xjentifiċi u oqsma teknoloġiċi, reġjuni parteċipanti, tipi ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka u popolazzjoni ta' riċerkaturi, sabiex jingħata rispons għall-evoluzzjoni tal-ħtiġiet ta' l-Ewropa fil-qasam tat-taħriġ fir-riċerka, il-mobbiltà, l-iżvilupp tal-karrieri u l-kondiviżjoni ta' l-għarfien. Sabiex jiġu żgurati taħriġ u mobbiltà fi ħdan oqsma ġodda ta' riċerka u teknoloġija, ser tiġi żgurata koordinazzjoni adatta ma' partijiet oħra tal-Programm Kwadru, inkluża l-possibbiltà għal sejħiet konġunti.

    Parteċipazzjoni qawwija minn intrapriżi, inklużi SMEs, hija kkonsidrata valur miżjud kruċjali għal dan il-programm. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni industrija-akkademja f'termini ta' taħriġ fir-riċerka, żvilupp tal-karrieri u qsim ta' għarfien, li tieħu kont tal-protezzjoni ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, hija mħeġġa fl-“Azzjonijiet Marie Curie” kollha, filwaqt li azzjoni speċifika qed tindirizza toroq u sħubiji industrija-akkademja, b'attenzjoni speċjali għall-SMEs.

    Id-dimensjoni internazzjonali, bħala komponent fundamentali tar-riżorsi umani fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa, ser tiġi indirizzata f'termini ta' żvilupp tal-karrieri mingħajr diskriminazzjoni, kif ukoll ta' tisħiħ u arrikkiment tal-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' riċerkaturi u l-ġibda tat-talent fir-riċerka lejn l-Ewropa. Id-dimensjoni internazzjonali ser tkun inkorporata fl-“Azzjonijiet Marie Curie” kollha u barra minn hekk ser tkun soġġetta għal azzjonijiet awtonomi.

    Ser jingħata kont debitu tal-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli u ugwaljanza bejn is-sessi. Il-programm jimmira li jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jħeġġeġ opportunitajiet indaqs fl-“Azzjonijiet Marie Curie” kollha u billi jsiru valutazzjonijiet komparattivi tal-parteċipazzjoni skond is-sess (mira ta' parteċipazzjoni femminili ta' mill-inqas 40 %). Barra minn hekk, l-azzjonijiet ser ikunu mfasslin biex jassistu riċerkaturi biex isiru stabbiliti fit-triq ta' karriera stabbli u biex jiżguraw li riċerkaturi jistgħu jiksbu bilanċ xieraq xogħol/ħajja, billi jittieħed kont tas-sitwazzjoni familjari tagħhom, u biex jikontribwixxu għall-iffaċilitar li terġa' tibda karriera ta' riċerka wara waqfa. Barra minn hekk, konsiderazzjonijiet ta' l-aspetti etiċi, soċjali, legali u kulturali usa' tar-riċerka li għandha ssir u l-applikazzjonjiet potenzjali tagħha, kif ukoll impatti soċjo-ekonomiċi ta' żvilupp u tbassir xjentifiku u teknoloġiku, ser jiġu indirizzati taħt dan il-Programm Speċifiku fejn rilevanti.

    Sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' l-Ewropa biex issir aktar attraenti għar-riċerkaturi, l-“Azzjonijiet Marie Curie” ser joħolqu sinerġiji konkreti ma' azzjonijiet oħra kemm fil-qafas tal-politika Komunitarja dwar ir-riċerka, kif ukoll fl-azzjonijiet taħt linji politiċi Komunitarji oħra, per eżempju dwar l-edukazzjoni, il-koeżjoni u l-impjiegi. Tali sinerġiji ser jitfittxu ukoll ma' azzjonijiet fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Azzjonijiet li jgħaqqdu l-edukazzjoni xjentifika ma' karrieri, u azzjonijiet ta' riċerka u koordinazzjoni dwar metodi ġodda fl-edukazzjoni xjentifika huma previsti taħt il-parti Xjenza fis-Soċjetà tal-programm “Kapaċitajiet” (13).

    Aspetti etiċi

    Waqt l-implimentazzjoni ta' dan il-programm speċifiku u fl-attivitajiet ta' riċerka li jirriżultaw minnu, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji etiċi fundamentali. Dawn jinkludu, inter alia, il-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE, inklużi dawn li ġejjin: il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-ħajja tal-bniedem, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, kif ukoll ta’ l-annimali u l-ambjent skond il-liġi Komunitarja u l-aħħar verżjonijiet tal-konvenzjonijiet, il-linji gwida u l-kodiċi ta’ kondotta internazzjonali rilevanti, eż. id-Dikjarazzjoni ta’ Ħelsinki, il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina ffirmata f’Oviedo fl-4 ta’ April 1997 u l-Protokolli Addizzjonali tagħha, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-ġenoma tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem adottata mill-UNESCO, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

    Ser jittieħed ukoll kont ta' l-Opinjonijiet tal-Grupp Ewropew ta' Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bijoteknoloġija (1991-1997) u l-Opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji Ġodda (mill-1998).

    B'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-diversità ta' approċċi eżistenti fl-Ewropa, il-parteċipanti fi proġetti ta' riċerka għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u r-regolamenti etiċi attwali fil-pajjiżi fejn titwettaq ir-riċerka. Fi kwalunkwe każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ebda riċerka pprojbita fi kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż ieħor partikolari ma tiġi appoġġata mill-finanzjament Komunitarju sabiex titwettaq f'dak l-Istat Membru jew pajjiż.

    Fejn xieraq, dawk li jwettqu proġetti ta' riċerka għandhom ifittxu l-approvazzjoni tal-kumitati etiċi nazzjonali jew lokali rilevanti qabel ma jinbdew l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku. Reviżjoni etika ser tiġi wkoll implimentata sistematikament mill-Kummissjoni għal proposti li jittrattaw ma' kwistjonijiet etikament sensittivi jew fejn aspetti etiċi ma jkunux ġew indirizzati b'mod adegwat. F'każijiet speċifiċi reviżjoni etika tista' sseħħ matul l-implimentazzjoni ta' proġett.

    L-ebda iffinanzjar mhu se jingħata għal attivitajiet ta' riċerka li huma pprojbiti fl-Istati Membri kollha.

    Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta' l-annimali anness għat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità tagħti kull rigward lill-ħtiġiet tal-benesseri ta' l-annimali meta tifformula u timplimenta linji politiċi Komunitarji inkluża r-riċerka. Id-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE ta' l-24 ta' Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta' l-annimali użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħrajn xjentifiċi (14) teħtieġ li l-esperimenti kollha jkunu maħsuba b'tali mod li jevitaw dieqa u uġigħ u tbatija mhux meħtieġa għall-annimali sperimentali; li jintuża numru minimu ta' annimali; u li jiġu involuti annimali bl-aktar grad baxx ta' sensittività newropsikoloġika; li jiġu kkawżati l-inqas uġigħ, tbatija, dieqa jew ħsara dejjiema. L-alterazzjoni tal-wirt ġenetiku ta' l-annimali u l-klonazzjoni ta' l-annimali jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk l-għanijiet jistgħu jiġi ġġustifikati etikament u l-kondizzjonijiet huma tali li l-benesseru ta' l-annimali jiġi ggarantit u jiġu rispettati l-prinċipji ta' bijodiversità.

    Matul l-implimentazzjoni ta' dan il-programm, ser ikun hemm monitoraġġ regolari mill-Kummissjoni tal-progress xjentifiku u d-dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali sabiex jittieħed kont ta' kwalunkwe żvilupp.

    Ir-riċerka dwar etika relatata ma’ l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ser titwettaq fil-parti “Xjenza fis-Soċjetà” tal-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet”.

    Attivitajiet

    Se jiġu appoġġati l-“Azzjonijiet Marie Curie” li ġejjin:

    Taħriġ inizjali tar-riċerkaturi

    Din l-azzjoni tappoġġa t-taħriġ inizjali tar-riċerkaturi, tipikament diretta lejn l-ewwel erba' snin (jew ekwivalenti għal full-time) tal-karrieri tagħhom, b'żieda ta' massima ta' sena addizzjonali jekk meħtieġ għat-tlestija tat-taħriġ inizjali. Permezz ta' mekkaniżmu ta' netwerking transnazzjonali, immirat għall-istrutturazzjoni ta' sehem sostanzjali tal-kapaċità ta' taħriġ inizjali fir-riċerka ta' kwalità għolja fl-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati fis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat, l-azzjoni timmira li ttejjeb il-perspettivi ta' karriera tar-riċerkaturi fiż-żewġ setturi, b'hekk tissaħħaħ ukoll l-attrazzjoni taż-żgħażagħ għal karrieri fir-riċerka.

    L-azzjoni ser tiġi implimentata permezz ta' appoġġ għal netwerks magħżulin b'mod kompetittiv ta' organizzazzjonijiet kumplimentari minn pajjiżi differenti impenjati fit-taħriġ ta' riċerka. F'dan, appoġġ kwadru huwa previst għall-aħjar riċerkaturi fl-istadju bikri biex jingħaqdu ma' timijiet stabbiliti ta' riċerka. In-netwerks ser jinbnew fuq programm konġunt ta' taħriġ ta' riċerka, li jwieġeb għal ħtiġijiet ta' taħriġ identifikati sew f'oqsma xjentifiċi jew teknoloġiċi speċifiċi, b'referenzi xierqa għal oqsma interdixxiplinari u dawk sopra-dixxiplinari ġodda li qed jemerġu. Dawn il-programmi ta' taħriġ ser jindirizzaw b'mod partikolari l-iżvilupp u t-twessigħ tal-kompetenzi fir-riċerka tar-riċerkaturi fl-istadju bikri. It-taħriġ ser ikun iffukat primarjament fuq għarfien xjentifiku u teknoloġiku permezz ta' riċerka dwar proġetti individwali, ikkomplimentata b'moduli ta' taħriġ li jindirizzaw ħiliet u kompetenzi oħrajn rilevanti, per eżempju fil-qasam tal-ġestjoni u l-finanzjament ta' proġetti u programmi ta' riċerka, drittijiet ta' proprjetà intellettwali u metodi oħra ta' sfruttament tar-riżultati tar-riċerka, intraprenditorija, aspetti etiċi, komunikazzjoni u interazzjoni mas-soċjetà.

    Il-programm konġunt ta' taħriġ fir-riċerka għandu jkun koerenti f'termini ta' standards ta' kwalità, b'arranġament xieraq għal superviżjoni u gwida. Il-programm konġunt ta' taħriġ għandu jisfrutta kompetenzi komplimentari tal-parteċipanti fin-netwerk, inkluż minn intrapriżi, kif ukoll sinerġiji oħra. Huwa għandu jeħtieġ ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalità tat-taħriġ u, jekk possibbli, ta' diplomi u ċertifikati oħra mogħtija. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi li jikkonċernaw l-impjieg għal terminu twil ta' riċerkaturi.

    L-involviment dirett jew indirett ta' organizzazzjonijiet minn setturi differenti huwa kkunsidrat essenzjali f'din l-azzjoni, inkluża parteċipazzjoni (b'rwol ta' mexxej) minn intrapriżi privati f'oqsma xierqa. Organizzazzjoni ta' riċerka waħda jew parteċipazzjonijiet ta' ġemellaġġ huma eliġibbli taħt din l-azzjoni, jekk jintwera biċ-ċar li l-elementi meħtieġa tal-programm ta' taħriġ fir-riċerka huma indirizzati effettivament f'kooperazzjoni ma' grupp usa' ta' msieħba, mingħajr ma dawn ikunu formalment parti min-netwerk.

    L-appoġġ Komunitarju taħt din l-azzjoni jkun jinkludi:

    ir-reklutaġġ ta' riċerkaturi fi stadju bikri li jridu jitħarrġu;

    il-possibbiltà li jiġu stabbiliti kattedri akkademiċi f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla jew pożizzjonijiet ekwivalenti f'organizzazzjonijiet u intrapriżi oħrajn ta' riċerka għal riċerkaturi b'esperjenza, bil-ħsieb li jiġi trasferit għarfien ġdid u tissaħħaħ is-superviżjoni tar-riċerkaturi fl-istadju bikri mħarrġin f'netwerk;

    netwerking u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti qosra ta' taħriġ (konferenzi, skejjel tas-sajf u korsijiet ta' taħriġ speċjalizzat), miftuħa kemm għal dawk li jitħarrġu fin-netwerk u għal riċerkaturi li ġejjin minn barra n-netwerk.

    Taħriġ tul il-ħajja u żvilupp tal-karrieri

    Din l-azzjoni hi mmirata għal riċerkaturi b'esperjenza fi stadji differenti tal-karrieri tagħhom, billi tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-kompetenza individwali tagħhom f'termini ta' kisba ta' ħiliet multi- jew interdixxiplinari jew ta' esperjenzi intersettorjali. L-għan huwa li jiġu appoġġati r-riċerkaturi fil-kisba u/jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni indipendenti ta' mexxej, per eżempju riċerkatur prinċipali, professur jew pożizzjoni għolja oħra fl-edukazzjoni jew l-intrapriża. L-azzjoni ser tassisti wkoll lir-riċerkaturi biex jerġgħu lura għal karriera fir-riċerka wara waqfa jew biex (terġa') tintegra lir-riċerkaturi f'karriera fir-riċerka fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati, inkluż fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, wara esperjenza ta' mobbiltà.

    Ir-riċerkaturi indirizzati taħt din l-azzjoni għandu jkollhom mill-inqas erba' snin ta' esperjenza fir-riċerka jew ekwivalenti għal full-time jew dottorat; peress li l-azzjoni hija diretta lejn it-taħriġ tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karrieri, huwa madankollu mistenni li r-riċerkaturi jkollhom tipikament profil ta' anzjanità f'termini ta' esperjenza.

    Din l-azzjoni ser tkun implimentata permezz ta’:

    (i)

    abbozz għal boroż ta' studju intra-Ewropej transnazzjonali individwali mogħtija direttament fuq livell Komunitarju, għall-aħjar riċerkaturi jew dawk l-aktar promettenti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, skond applikazzjoni magħmula mir-riċerkatur flimkien ma' l-organizzazzjonijiet ospitanti.

    (ii)

    il-ko-finanzjament ta' programmi reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali fil-qasam tat-taħriġ fir-riċerka u l-iżvilupp tal-karrieri fejn dan jissodisfa l-kriterji ta' valur miżjud Ewropew, trasparenza u aċċessibbiltà, jimmira għal għażla kompetittiva ta' programmi ta' finanzjament reġjonali, nazzjonali u internazzjonali eżistenti jew ġodda li jiffukaw fuq l-objettivi stabbiliti għal din l-azzjoni, ibbażati fuq mobbiltà mmexxija mill-individwu. Dawn il-programmi għandhom japplikaw kompetizzjoni miftuħa u bbażata fuq il-merti għar-riċerkaturi applikanti, imsawra fuq reviżjoni internazzjonali bejn il-pari, mingħajr limitazzjonijiet rigward l-oriġini u/jew id-destinazzjoni tagħhom. Hu mistenni li dawn il-programmi joffru kondizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-benefiċjarji aħħarija.

    L-applikanti għall-modalità ta' ko-finanzjament ikunu l-atturi prinċipali fil-bini tal-kapaċità tar-riżorsi umani fir-riċerka fit-territorji rispettivi tagħhom. Dawn ikunu tipikament organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

    Korpi pubbliċi uffiċjali responsabbli għall-finanzjament u l-ġestjoni ta' programmi ta' boroż ta' studju, per eżempju ministeri, kumitati statali għar-riċerka, akkademji jew aġenziji ta' riċerka;

    Korpi pubbliċi jew privati oħra, inklużi organizzazzjonijiet kbar ta' riċerka, li jiffinanzjaw u jamministraw programmi ta' boroż ta' studju jew b'mandat uffiċjali jew rikonoxxuti minn awtoritajiet pubbliċi, bħal aġenziji stabbiliti minn gvernijiet taħt il-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku, organizzazzjonijiet tal-karità, eċċ.;

    Korpi fuq livell internazzjonali li jmexxu skemi komparabbli fuq livell Ewropew bħala parti mill-missjoni tagħhom.

    Għall-modalità ta' kofinazjament, il-Komunità primarjament ser tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' boroż ta' studju konformi mal-ħtiġiet u l-miri ta' din l-azzjoni, partikolarment skond il-mobbiltà transnazzjonali. Kompetizzjoni internazzjonali bejn ir-riċerkaturi ser tibqa' ċentrali sabiex tiġi żgurata l-għola kwalità ta' riċerka taħt din l-attività.

    Iż-żewġ modi ta' implimentazzjoni ser jitmexxew b'mod parallel mill-bidu, bil-mod ta' kofinanzjament inizjalment fuq skala kontrollata li tippermetti biex tinkiseb l-esperjenza meħtieġa. Matul il-Programm Kwadru valutazzjoni ta' impatt taż-żewġ modi ser tiddetermina l-modalitajiet implimentattivi għall-bqija tal-programm.

    Sħubiji u toroq industrija-akkademja

    Din l-azzjoni tfittex li tiftaħ u tippromwovi toroq dinamiċi bejn organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi u intrapriżi kummerċjali privati, inkluż b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll industriji ta' manifattura tradizzjonali. L-attivitajiet ser ikunu bbażati fuq programmi ta' kooperazzjoni għall-perijodu aktar fit-tul bil-ħsieb li jiżdiedu l-mobbiltà intersettorjali u jiżdiedu t-trasferiment u l-kondiviżjoni ta' l-għarfien (inklużi l-ġestjoni ta' proġetti, il-ġestjoni IPR u l-iżvilupp tal-prodott) kif ukoll il-promozzjoni tal-fehim reċiproku tal-kuntesti kulturali differenti u l-ħtiġiet ta' ħiliet taż-żewġ setturi.

    L-azzjoni ser tkun implimentata b'mod flessibbli, inter alia bbażata fuq prattiki tajbin dwar is-sħubija industrija-akkademja fl-UE, permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet miż-żewġ setturi minn mill-inqas żewġ Stati Membri jew Stati assoċjati differenti, b'sostenn għal interazzjonijiet bejn ir-riżorsi umani fi ħdan dak il-qafas. L-appoġġ Komunitarju ser jieħu waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:

    sekondar tal-persunal bejn iż-żewġ setturi fi ħdan is-sħubija, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kooperazzjoni intersettorjali;

    akkoljenza temporanja fiż-żewġ setturi ta' riċerkaturi b'esperjenza reklutati minn barra s-sħubija;

    netwerking u l-organizzazzjoni ta' workshops u konferenzi li jtejbu l-esperjenza intersettorjali u l-iskambju ta' għarfien, sabiex jintlaħaq numru akbar ta' membri tal-persunal miż-żewġ setturi;

    bħala miżura speċifika għall-SMEs kontribut għal tagħmir żgħir relatat mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kooperazzjoni.

    Id-dimensjoni internazzjonali

    Waqt li d-dimensjoni internazzjonali hi rikonoxxuta bħala komponent fundamentali tar-riżorsi umani fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa, din id-dimensjoni hija indirizzata permezz ta' azzjonijiet ddedikati kemm f'termini ta' żvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi Ewropej u f'termini ta' tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' riċerkaturi.

    L-iżvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati ser jingħata appoġġ permezz ta':

    (i)

    boroż ta’ studju internazzjonali lil hinn mill-Ewropa, bl-obbligu li jirritornaw, għar-riċerkaturi b'esperjenza fi ħdan il-qafas ta’ taħriġ tul il-ħajja u diversifikazzjoni tal-kompetenzi, għall-kisba ta' ħiliet u għarfien ġodda;

    (ii)

    għotjiet għar-ritorn u r-ri-integrazzjoni fil-livell internazzjonali tar-riċerkaturi b'esperjenza wara esperjenza internazzjonali. Taħt din l-azzjoni n-netwerking ta' riċerkaturi mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati barra mill-pajjiż ser jingħata wkoll appoġġ bil-ħsieb li dawn jinżammu informati dwar u involuti b'mod attiv fi żvilupp fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    Il-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' riċerkaturi ser tingħata sostenn permezz ta':

    (i)

    boroż ta' studju internazzjonali lejn l-Ewropa sabiex jiġu attratti riċerkaturi minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja lejn l-Istati Membri u pajjiżi assoċjati, għat-titjib ta' l-għarfien għall-Ewropa u biex jinbnew rabtiet ta' livell għoli. Riċerkaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw jew minn pajjiż b'ekonomiji emerġenti jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ għal fażi ta' ritorn. Ser jiġi appoġġat ukoll in-netwerking ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi fi Stati Membri u pajjiżi assoċjati, bil-ħsieb li jiġu strutturati u żviluppati l-kuntatti tagħhom mar-reġjuni ta' oriġini tagħhom;

    (ii)

    sħubiji bejn diversi organizzazzjonijiet tar-riċerka fl-Ewropa u organizzazzjoni waħda jew aktar fi:

    pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat

    pajjiżi li magħhom il-Komunità għandha Ftehim ta' Kooperazzjoni Xjentifika u Teknika.

    Abbażi ta' programmi konġunti ser jingħata appoġġ Komunitarju għal skambji qosra ta' riċerkaturi fi stadju bikri u riċerkaturi b'esperjenza, għall-organizzazzjoni ta' konferenzi u avvenimenti oħra li huma ta' benefiċċju reċiproku, kif ukoll għall-iżvilupp ta' skambju sistematiku ta' prattika tajba b'impatt dirett fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-riżorsi umani fir-riċerka u l-iżvilupp.

    Dawn l-azzjonijiet ser jiġu implimentati f'konformità ma' l-attivitajiet internazzjonali taħt il-Programmi “Kooperazzjoni” u “Kapaċitajiet”.

    Azzjonijiet speċifiċi

    B'appoġġ għall-ħolqien ta' suq tax-xogħol Ewropew ġenwin għar-riċerkaturi, għandu jiġi implimentat sett koerenti ta' azzjonijiet ta' akkompanjament, bil-ħsieb li jitneħħew ostakoli għall-mobbiltà u li jissaħħu l-perspettivi tal-karrieri għar-riċerkaturi fl-Ewropa. Dawn l-azzjonijiet ser jimmiraw, b'mod partikolari, li jqajmu l-kuxjenza tal-partijiet interessati u tal-pubbliku ġenerali, inkluż permezz tal-premjijiet “Marie Curie”, biex tiġi stimolata u appoġġata azzjoni fil-livell ta' Stat Membru u biex jiġu komplimentati azzjonijiet Komunitarji. L-azzjonijiet speċifiċi ser jinkludu wkoll miżuri ta' inċentivi għal istituzzjonijiet pubbliċi li jippromwovu l-mobbiltà, il-kwalità u l-profil ta' riċerkaturi, fejn dawn l-attivitajiet jissodisfaw il-kriterji tal-valur miżjud, id-disponibbiltà u t-trasparenza Ewropea.

    ANNESS II

    Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 (5).

    1.

    Informazzjoni dwar azzjonijiet, li tippermetti l-monitoraġġ tal-ħajja sħiħa ta' kull proposta, li tkopri partikolarment:

    proposti sottomessi;

    riżultati ta' evalwazzjoni għal kull proposta;

    ftehim ta' għotja;

    azzjonijiet kompluti.

    2.

    Informazzjoni dwar l-eżitu ta' kull sejħa u implimentazzjoni ta' azzjonijiet, li tkopri partikolarment:

    riżultati ta' kull sejħa;

    ir-riżultat tan-negozjati dwar ftehim ta' għoti;

    implimentazzjoni ta' azzjonijiet, inklużi data tal-ħlas u eżitu ta' azzjonijiet.

    3.

    Informazzjoni dwar il-programm ta' implimentazzjoni, inkluż informazzjoni rilevanti fil-livell tal-Programm Kwadru, il-Programm Speċifiku u kull attività.

    Din l-informazzjoni (partikolarment, dwar proposti, l-evalwazzjoni u l-ftehim ta' l-għoti tagħhom) għandha tingħata f'format strutturat li jista' jinqara u jkun trattat elettronikament permezz ta' sistema ta' l-informazzjoni u tar-rapportar ibbażata fuq l-IT li tippermetti li ssir analiżi faċli tad-data.


    (1)  Opinjoni mgħotija nhar it-30 ta' Novembru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 10.

    (3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 18.8.2006, p. 3).

    (6)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

    (7)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (8)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

    (9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006 p. 11).

    (10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija ta' Mobilità għaż-Żona ta' Riċerka Ewropea” – COM(2001) 331, 20.6.2001 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2001/C367/01.

    (11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Riċerkaturi fil-Qasam ta' Riċerka Ewropea: professjoni waħda, bosta karrieri” – COM(2003) 436, 18.7.2003 – u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2003/C282/01.

    (12)  Riċerka dwar it-trattament tal-gonadi kontra l-kanser tista' tkun iffinanzjata.

    (13)  Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-programm, għal kull laqgħa tal-kumitat tal-programm kif hu definit fl-aġenda, il-Kummissjoni ser tirrimborża, skond il-linji gwida stabbiliti tagħha, l-ispejjeż ta' rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, kif ukoll espert/konsulent għal kull Stat Membru għal dawk il-punti fl-aġenda fejn Stat Membru jirrikjedi kompetenza xierqa.

    (14)  ĠU L 358, 18.12.1986, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 230, 16.9.2003, p. 32).


    Top