Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0970R(01)

    Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/870/Euratom tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011) ( ĠU L 400, 30.12.2006 )

    ĠU L 54, 22.2.2007, p. 21–29 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/970/corrigendum/2007-02-22/oj

    22.2.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    21


    Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/870/Euratom tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-seba' programm kwadru tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari(2007-2011)

    ( Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 400, 30 ta' Diċembru 2006 )

    Id-Deċiżjoni 2006/870/Euratom għandha taqra hekk:

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta' Diċembru 2006

    dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari(2007-2011)

    (2006/870/EURATOM)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    L-isforzi konġunti nazzjonali u Ewropej fil-qasam tar-riċerka u t-taħriġ huma essenzjali biex jiġu promossi u żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-benessri taċ-ċittadini fl-Ewropa.

    (2)

    Is-Seba' Programm Kwadru għandu jikkomplimenta azzjonijiet oħra ta' l-UE fil-qasam tal-politika tar-riċerka li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona, partikolarment l-azzjonjiet fl-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-industrija, l-impjiegi u l-ambjent.

    (3)

    Is-Seba' Programm Kwadru jibni fuq il-kisbiet li għamel dak ta' qablu lejn il-ħolqien ta' Żona ta' Riċerka Ewropea, u jkompli jmexxihom 'il quddiem lejn l-iżvilupp ta' l-ekonomija u s-soċjetà ta' l-għarfien fl-Ewropa.

    (4)

    Il-Green Paper tal-Kummissjoni ’Lejn strateġija Ewropea għall-provvista ta' l-enerġija’ tenfasizza l-kontribut ta' l-enerġija nukleari għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra u għat-tnaqqis tad-dipendenza ta' l-Ewropa fuq l-enerġija importata.

    (5)

    Fl-24 ta' Awwissu 2005, il-Kummissjoni preżentat il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni esterna ta' l-implimentazzjoni u r-riżultati ta' l-attivitajiet Komunitarji mwettqin fil-ħames snin ta' qabel dik il-valutazzjoni, flimkien ma' l-osservazzjonijiet tagħha.

    (6)

    B'referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2004 li temenda d-direttivi tan-negozjati dwar ir-Reattur Esperimentali Termonukleari Internazzjonali (ITER), ir-realizzazzjoni ta' l-ITER fl-Ewropa, f'approċċ usa' għall-enerġija mill-fużjoni, għandu jkun l-element ċentrali ta' l-attivitajiet ta' riċerka dwar il-fużjoni nukleari li jsiru taħt is-Seba' Programm Kwadru.

    (7)

    L-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru tista' tagħti lok għall-istabbiliment ta' ħidmiet konġunti skond it-tifsira ta' l-Artikoli 45 sa 51 tat-Trattat.

    (8)

    Attivitajiet tar-riċerka appoġġati mis-Seba' Programm Kwadru għandhom jikkonformaw mal-prinċipji fundamentali ta' l-etika, inklużi dawk li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. L-opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji Ġodda qegħdin jitqiesu u ser ikomplu jitqiesu.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-dewmien kollu tal-programm li huwa r-referenza ewlenija skond it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 ta' bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda (3), għall-awtorita baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (10)

    Huwa importanti li tiġi żgurata l-amministrazzjoni soda tal-finanzi tas-Seba' Programm Kwadru u l-implimentazzjoni tiegħu bl-iktar mod effettiv u faċli għall-użu possibbli, kif ukoll il-faċilità ta' l-aċċess għall-parteċipanti kollha.

    (11)

    Taħt is-Seba' Programm Kwadru, ir-rwol tan-nisa fix-xjenza u riċerka għandu jingħata l-importanza dovuta, bil-għan li r-rwol attiv tan-nisa fir-riċerka jkompli jissaħħaħ.

    (12)

    Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) għandu jikkontribwixxi fil-forniment ta' appoġġ xjentifiku u teknoloġiku mmexxi mill-klijent li jingħata għall-formulazzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' linji politiċi Komunitarji. F'dan ir-rigward, huwa utli li l-JRC jkompli jiffunzjona bħala ċentru indipendenti ta' referenza għax-xjenza u t-teknoloġija fl-UE fl-oqsma tal-kompetenzi speċifiċi tiegħu.

    (13)

    Id-dimensjoni internazzjonali u globali fl-attivitajiet ta' riċerka Ewropej hi importanti għall-fini tal-ksib ta' benefiċċji reċiproċi. Is-Seba' Programm Kwadru għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li jkunu kkonkludew il-ftehim meħtieġa għal dan il-għan, u fil-livell tal-proġetti u fuq il-bażi tal-benefiċċju reċiproku, għandu jkun miftuħ ukoll għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali tal-kooperazzjoni xjentifika.

    (14)

    Is-Seba' Programm Kwadru għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea billi jwassal appoġġ xjentifiku u teknoloġiku lill-pajjiżi kandidati għall-implimentazzjoni ta' l-acquis Komunitarju u għall-integrazzjoni tagħhom fiż-Żona ta' Riċerka Ewropea.

    (15)

    Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa biex ma jitħallewx isiru irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jinġabru lura fondi mitlufa, imħallsa b'mod mhux dovut jew użati b'mod mhux korrett, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (4), (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (5) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1074/1999 tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (6).

    (16)

    Il-Kumitat Xjentifiku u Tekniku ġie kkonsultat mill-Kummissjoni u ta l-opinjoni tiegħu.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Adozzjoni tas-Seba' Programm Kwadru

    B'dan qed jiġi adottat, għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2011, il-programm kwadru pluriennali għall-attivitajiet tar-riċerka u t-taħriġ nukleari, minn hawn 'il quddiem is-“Seba' Programm Kwadru”.

    Artikolu 2

    Objettivi

    1.   Is-Seba' Programm Kwadru għandu jsegwi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tat-Trattat, filwaqt li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien, bi tkomplija fuq iż-Żona ta' Riċerka Ewropea.

    2.   Is-Seba' Programm Kwadru għandu jinkludi riċerka Komunitarja, żvilupp teknoloġiku, kooperazzjoni internazzjonali, disseminazzjoni ta' informazzjoni teknika u attivitajiet ta' sfruttament kif ukoll taħriġ, li għandhom jiġu stabbiliti f'żewġ programmi speċifiċi:

    L-ewwel programm speċifiku għandu jkopri dawn li ġejjin:

    (a)

    riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, bil-għan li tiġi żviluppata t-teknoloġija għal sors ta' enerġija sigur, sostenibbli, li jirrispetta l-ambjent, u ekonomikament vijabbli;

    (b)

    fissjoni nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni bil-għan tat-tisħiħ b'mod partikolari tal-prestazzjoni tas-sikurezza, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kost-effettività tal-fissjoni nukleari u ta' użi oħra tar-radjazzjoni fl-industrija u fil-mediċina.

    It-tieni programm speċifiku għandu jkopri l-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka fil-qasam ta' l-enerġija nukleari.

    3.   Il-linji ġenerali tal-programmi speċifiċi huma deskritti fl-Anness I.

    Artikolu 3

    L-ammont massimu globali u l-ishma allokati għal kull programm

    1.   L-ammont globali massimu għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru għall-perijodu mill-2007 sa l-2011 għandu jkun ta' EUR 2 751 miljun. Dan l-ammont għandu jiġi mqassam kif ġej (f'miljuni ta' EUR):

    Riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni (7)

    1 947

    Fissjoni nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni

    287

    Attivitajiet nukleari taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

    517

    2.   Ir-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja fis-Seba' Programm Kwadru jidhru fl-Anness II.

    Artikolu 4

    Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet

    Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' disposizzjoni ta' liġi Komunitarja, inkluż il-ksur ta' obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tas-Seba' Programm Kwadru, li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-budgets amministrati minna, permezz ta' nefqa mhux ġustifikata.

    Artikolu 5

    Prinċipji etiċi fundamentali

    L-attivitajiet kollha ta' riċerka mwettqa taħt is-Seba' Programm Kwadru għandhom jitwettqu b'konformità mal-prinċipji etiċi fundamentali.

    Artikolu 6

    Monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha kontinwament u sistematikament timmonitorja l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u l-Programmi Speċifiċi tiegħu u regolarment tirrapporta u xxerred ir-riżultati ta' dan il-monitoraġġ.

    2.   Mhux aktar tard mill-2010, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-għajnuna ta' esperti esterni, evalwazzjoni interim ibbażata fuq l-evidenza tas-Seba' Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu mibnija fuq l-evalwazzjoni ex-post tas-Sitt Programm Kwadru. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-kwalità ta' l-attivitajiet ta' riċerka eżistenti, kif ukoll il-kwalità ta' l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni, u l-progress li sar lejn il-kisba ta' l-objettivi stabbiliti.

    3.   Wara t-tmiem tas-Seba' Programm Kwadru, il-Kummissjoni għandha tara li titwettaq evalwazzjoni esterna minn esperti indipendenti tal-motivazzjonijiet, l-implimentazzjoni u l-kisbiet tiegħu.

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta' din, flimkien ma' l-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussel, 18 ta' Diċembru 2006.

    Mill-Kunsill

    Il-President

    J.-E. ENESTAM

    ANNESS I

    OBJETTIVI, TEMI U ATTIVITAJIET XJENTIFIĊI U TEKNOLOĠIĊI

    INTRODUZZJONI

    Is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ huwa organizzat f'żewġ partijiet li jikkorrispondu għall-azzjonijiet “indiretti” dwar ir-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni u l-fissjoni nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, u l-attivitajiet ta' riċerka “diretti” tal-JRC.

    I.A.   RIĊERKA DWAR L-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI

    Objettiv

    L-iżvilupp tal-bażi ta' għarfien għall-ħolqien, u t-twettiq ta' ITER bħala l-pass ewlieni lejn, il-ħolqien ta' prototipi ta' reatturi għal impjanti ta' l-enerġija siguri, sostenibbli, jirrispettaw l-ambjent u ekonomikament vijabbli.

    Motivazzjoni

    Hemm nuqqasijiet serji fil-provvista ta' l-enerġija ta' l-Ewropa, rigward konsiderazzjonijiet tal-perijodu qasir, medju u twil. B'mod partikolari, huma meħtieġa miżuri sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-provvista, il-bidla fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li ma jiġix mhedded it-tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni.

    Minbarra l-isforzi li l-UE qiegħda tagħmel fil-qasam tar-riċerka fl-enerġiji rinnovabbli, il-fużjoni għandha l-potenzjal li tagħti kontribut ewlieni għall-ħolqien ta' provvista ta' enerġija sostenibbli u sigura għall-UE għal xi għexieren ta' snin minn issa, wara l-penetrazzjoni ta' reatturi ta' fużjoni kummerċjali fis-suq. L-iżvilupp b'suċċess tagħha jipprovdi enerġija mingħajr periklu, sostenibbli u li tirrispetta l-ambjent. Il-mira fit-tul tar-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni, li tħaddan l-attivitajiet kollha ta' fużjoni fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi assoċjati, hi l-ħolqien konġunt, f'madwar tletin jew ħamsa u tletin sena u soġġett għall-progress teknoloġiku u xjentifiku, ta' prototipi ta' reatturi għal impjanti ta' l-enerġija li jissodisfaw dawn il-ħtiġiet, u li huma ekonomikament vijabbli.

    L-istrateġija biex tintlaħaq il-mira fil-perijodu fit-tul tinvolvi, bħala l-ewwel prijorità tagħha, il-bini ta' ITER (faċilità sperimentali ewlenija li tkun tista' turi l-fattibbilità xjentifika u teknika ta' l-enerġija mill-fużjoni), u wara dan il-bini ta' DEMO, impjant ta' l-enerġija mill-fużjoni “dimostrattiv”. Ma' dan ikun hemm programm dinamiku ta' appoġġ għall-R&Ż għall-ITER u għall-iżviluppi fil-materjali, it-teknoloġiji u l-fiżika għall-fużjoni meħtieġa għad-DEMO. Dan ikun jinvolvi lill-industrija Ewropea, l-assoċjazzjonijiet tal-fużjoni u pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-Partijiet għall-Ftehim ITER.

    Attivitajiet

    1.   Ir-realizzazzjoni ta' l-ITER

    Din tinkludi attivitajiet għar-realizzazzjoni konġunta ta' l-ITER (bħala infrastruttura internazzjonali tar-riċerka), b'mod partikolari għat-tħejjija tas-sit, l-istabbiliment ta' l-Organizzazzjoni ITER u l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER, l-amministrazzjoni u l-persunal, is-sostenn ġenerali tekniku u amministrattiv, il-bini tat-tagħmir u l-istallazzjonijiet u s-sostenn għall-proġett waqt il-bini.

    2.   R&Ż bi tħejjija għat-tħaddim ta' ITER

    Programm iffokat ta' fiżika u teknoloġija ser jisfrutta l-faċilitajiet rilevanti u r-riżorsi fil-programm tal-fużjoni, jiġifieri JET u apparati oħra ta' iżolament manjetiku, eżistenti, futuri jew dawk li qegħdin jinbnew (Tokamaks, Stellarators, RFPs). Huwa ser jevalwa teknoloġiji speċifiċi ewlenin ta' l-ITER, jikkonsolida l-għażliet tal-proġett ITER, u jħejji għat-tħaddim ta' l-ITER permezz ta' attivitajiet sperimentali u teoretiċi.

    3.   Attivitajiet ta' teknoloġija bi tħejjija għad-DEMO

    Dan jinvolvi l-iżvilupp vigoruż ta' materjali ta' fużjoni u ta' teknoloġiji ċentrali għall-fużjoni, inklużi kutri, u l-istabbiliment ta' tim ta' proġett iddedikat sabiex iħejji għall-bini tal-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni tal-Materjali tal-Fużjoni (IFMIF) biex jikkwalifika l-materjali għad-DEMO. Huwa ser jinkludi testijiet ta' l-irradjazzjoni u l-immudellar tal-materjali, studji tad-disinn kunċettwali tad-DEMO, u studji dwar l-aspetti ta' sigurtà, dawk ambjentali u dawk soċjo-ekonomiċi ta' l-enerġija mill-fużjoni.

    4.   Attivitajiet ta' R&Ż għall-medda ta' żmien itwal

    L-attivitajiet ser jinkludu żvilupp ulterjuri ta' kunċetti mtejba għal skemi ta' iżolament manjetiku b'vantaġġi potenzjali għall-impjanti ta' l-enerġija mill-Fużjoni (b'enfasi fuq it-tkomplija tal-bini tat-tagħmir stellaratur W7-X), tat-teorija u l-immudellar immirati lejn il-fehim komprensiv ta' l-aġir tal-plażma tal-fużjoni u l-koordinazzjoni, fil-kuntest ta' attività għaż-żamma tal-kuntatti, ta' l-attivitajiet tar-riċerka ċivili mwettqa mill-Istati Membri dwar l-iżolament inerzjali.

    5.   Riżorsi umani, edukazzjoni u taħriġ

    Bil- ħsieb tal-ħtiġijiet immedjati u dawk tal-perijodu medju ta' ITER, u għall-iżvilupp ulterjuri tal-fużjoni, ser jitwettqu inizjattivi mmirati lejn l-iżgurar tad-disponibilità ta' riżorsi umani adegwati, f'termini ta' numri, firxa ta' ħiliet u taħriġ u esperjenza ta' livell għoli, b'mod partikolari fir-rigward tal-fużjoni fiżika u ta' l-inġenerija.

    6.   Infrastrutturi

    Il-bini tal-proġett internazzjonali ITER għar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni ser ikun element ta' l-infrastrutturi ta' riċerka ġodda b'dimensjoni Ewropea b'saħħitha.

    7.   Proċessi ta' trasferiment tat-teknoloġija

    L-ITER ser ikun jeħtieġ strutturi organizzattivi ġodda u aktar flessibbli biex jippermettu li l-proċess ta' innovazzjoni u progress teknoloġiku li hu joħloq ikun trasferit malajr lejn l-industrija, sabiex l-isfidi li jippermettu li l-industrija Ewropea ssir aktar kompetittiva jkunu jistgħu jintlaħqu.

    I.B.   FISSJONI NUKLEARI U PROTEZZJONI MIR-RADJAZZJONI

    Objettiv

    L-istabbiliment ta' bażi teknika u xjentifika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-ġestjoni aktar sigura ta' skart radjuattiv b'ħajja twila, bit-tisħiħ b'mod partikolari tal-prestazzjoni tas-sikurezza, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kost-effettività ta' l-enerġija nukleari u l-iżgurar ta' sistema robusta u soċjalment aċċettabbli ta' protezzjoni tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra l-effetti ta' radjazzjoni ijonizzanti.

    Motivazzjoni

    L-enerġija nukleari attwalment tiġġenera terz ta' l-elettriċità kollha kkunsmata fl-UE u, bħala l-aktar sors sinifikattiv ta' elettriċità ta' tagħbija bażi li, matul il-funzjonament ta' impjant ta' l-enerġija nukleari, ma jemittix CO2, tikkostitwixxi element importanti fid-dibattitu dwar il-mezzi għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-tnaqqis tad-dipendenza ta' l-Ewropa fuq l-enerġija impurtata. Globalment, is-settur nukleari Ewropew huwa kkaratterizzat mill-aktar teknoloġija avvanzata u jipprovdi impjiegi ta' ħila kbira għal diversi mijiet ta' eluf ta' nies. Teknoloġija nukleari aktar avvanzata tista' toffri l-prospettiva ta' titjib sinifikattiv fl-effiċjenza u l-użu ta' riżorsi, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura standards ta' sikurezza saħansitra ogħla u produzzjoni anqas ta' skart minn proġettazzjonijiet attwali.

    Madankollu, hemm tħassib importanti li jaffettwa l-użu kontinwu ta' dan is-sors ta' enerġija fl-UE. Għadhom meħtieġa sforzi sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tar-rekord eċċellenti tal-Komunità fir-rigward ta' sikurezza u t-titjib tal-protezzjoni mir-radjazzjoni jkompli jkun qasam ta' prijorità. Il-kwistjonijiet ewlenin huma s-sigurtà operattiva tar-reatturi u l-amministrazzjoni ta' l-iskart b'ħajja twila, li t-tnejn li huma qed jiġu indirizzati permezz ta' ħidma kontinwa fil-livell tekniku, għalkemm huma meħtieġa wkoll kontributi politiċi u tas-soċjetà. Fl-użi kollha tar-radjazzjoni, sew fl-industrija kif ukoll fil-mediċina, il-prinċipju li jirbaħ fuq kollox huwa dak tal-protezzjoni tal-bniedem u ta' l-ambjent. L-oqsma tematiċi kollha li ser jiġu indirizzati hawnhekk huma kkaratterizzati minn tħassib li jiġi fuq kollox sabiex jiġu żgurati livelli għolja ta' sigurtà. B'mod simili, hemm ħtiġijiet li jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar fix-xjenza u l-inġinerija nukleari kollha rigward id-disponibbiltà ta' infrastrutturi u kompetenzi fir-riċerka. Barra minn hekk, l-oqsma tekniċi individwali huma marbuta minn suġġetti prinċipali trasversali, bħal ma huma ċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, il-kimika attinika, l-analiżi tar-riskju u l-valutazzjoni tas-sikurezza u anke kwistjonijiet ta' governanza u oħra marbuta mas-soċjetà.

    Ser tkun meħtieġa wkoll riċerka biex jiġu esplorati opportunitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda u biex ikun hemm rispons, b'mod flessibbli, għal ħtiġijiet ġodda ta' politika li jirriżultaw matul is-Seba' Programm Kwadru.

    Attivitajiet

    1.   Ġestjoni ta' l-iskart radjuattiv

    Attivitajiet ta' riċerka u żvilupp orjentati lejn l-implimentazzjoni dwar l-aspetti prinċipali kollha li jkun baqa' ta' rimi ġeoloġiku fil-fond ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv b'ħajja twila u, skond ma jkun il-każ, dimostrazzjoni dwar it-teknoloġiji u s-sigurtà, u sabiex tingħata importanza lill-iżvilupp ta' perspettiva Ewropea komuni dwar il-kwistjonijiet prinċipali marbuta ma' l-amministrazzjoni u r-rimi ta' l-iskart. Riċerka dwar il-partizzjoni u t-trasmutazzjoni u/jew kunċetti oħra mmirati lejn it-tnaqqis ta' l-ammont u/jew il-periklu ta' l-iskart għar-rimi.

    2.   Sistemi ta' reatturi

    Riċerka biex issostni t-tħaddim kontinwu bla periklu tat-tipi kollha rilevanti ta' sistemi ta' reatturi eżistenti (inklużi l-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil), b'kont meħud ta' sfidi ġodda bħal ma huma l-estensjoni fit-tul tal-ħajja u l-iżvilupp ta' metodoloġiji ġodda u avvanzati ta' valutazzjoni tas-sikurezza (kemm l-element tekniku kif ukoll dak uman) inkluż fir-rigward ta' aċċidenti gravi, u għall-valutazzjoni tal-potenzjal u ta' l-aspetti ta' sikurezza u ta' ġestjoni ta' l-iskart ta' sistemi ta' reatturi futuri, fit-terminu qasir u dak medju, u b'hekk jinżammu l-istandards ta' sikurezza għolja diġà miksuba fl-UE u li jtejbu konsiderevolment il-ġestjoni fil-perijodu fit-tul ta' skart radjuattiv.

    3.   Protezzjoni mir-radjazzjoni

    Ir-riċerka, b'mod partikolari dwar ir-riskji minn dożi baxxi, dwar l-użi mediċi u dwar il-ġestjoni ta' l-aċċidenti, biex tipprovdi l-bażi xjentifka għal sistema robusta, ekwitabbli u soċjalment aċċettabbli ta' protezzjoni li ma tillimitax aktar milli dovut l-użi wiesa' u ta' ġid tar-radjazzjoni fl-industrija u fil-mediċina. Riċerka biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt tat-terroriżmu nukleari u radjoloġiku u l-bdil tad-destinazzjoni ta' materjal nukleari.

    4.   Infrastrutturi

    B'appoġġ għad-disponibbiltà ta', u l-kooperazzjoni bejn, infrastrutturi ta' riċerka bħal ma huma faċilitajiet ta' ttestjar ta' materjali, laboratorji ta' riċerka taħt l-art u faċilitajiet radjobijoloġiċi u banek ta' tessut, meħtieġa għaż-żamma ta' standards għoljin ta' kisba teknika, innovazzjoni u sikurezza fis-settur nukleari Ewropew.

    5.   Riżorsi umani, edukazzjoni u taħriġ

    B'appoġġ għaż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-kompetenza xjentifika u l-kapaċità umana (per eżempju permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ konġunti) sabiex tiġi garantita d-disponibbiltà ta' riċerkaturi u impjegati kwalifikati kif suppost fis-settur nukleari fuq il-perijodu aktar fit-tul.

    II.   ATTIVITAJIET NUKLEARI TAĊ-ĊENTRU KONĠUNT TAR-RIĊERKA (JRC)

    Objettiv

    Il-forniment ta' appoġġ xjentifiku u tekniku orjentat lejn il-klijent għall-proċess ta' tfassil ta' politika Komunitarja fil-qasam nukleari, bl-iżgurar ta' l-appoġġ għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' linji politiċi eżistenti filwaqt li jkun hemm rispons b'mod flessibbli għat-talbiet ta' politika ġodda.

    Motivazzjoni

    Il-JRC jappoġġa l-objettivi ta' l-istrateġija Ewropea għall-provvista ta' l-enerġija, b'mod partikolari bħala għajnuna sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Kyoto. Il-Komunità għandha abbiltà rikonoxxuta f'bosta aspetti tat-teknoloġija nukleari, u din hija mibnija fuq bażi solida ta' suċċessi miksuba fl-imgħoddi f'dan il-qasam. L-utilità tal-JRC fl-appoġġ li jagħti lil-linji politiċi Komunitarji u fil-kontribut tiegħu għax-xejriet ġodda fir-riċerka nukleari huma bbażati fuq il-kompetenzi xjentifiċi tiegħu u l-integrazzjoni tiegħu fil-komunità xjentifika internazzjonali u l-kooperazzjoni ma' ċentri ta' riċerka oħra kif ukoll id-disseminazzjoni ta' għarfien. Il-JRC għandu persunal kompetenti u faċilitajiet avvanzati biex iwettqu ħidma xjentifika/teknika rikonoxxuta, bil-ħsieb li r-riċerka Ewropea tinżamm fuq quddiem nett permezz tal-kwalità tal-ħidma xjentifika u teknika tiegħu. Il-JRC jappoġġa l-politika tal-Komunità li żżomm abbiltajiet u kompetenzi bażiċi għall-futur billi tagħti aċċess għall-infrastrutturi tagħha lil riċerkaturi oħra, permezz tat-taħriġ ta' xjentisti żgħażagħ u bl-ikkoltivar tal-mobbiltà tagħhom u b'hekk tappoġġa l-għarfien espert nukleari fl-Ewropa. Tfaċċaw ħtiġijiet ġodda b'mod partikolari fir-relazzjonijiet esterni u l-politika marbuta mas-sigurtà. F'dawn il-każijiet, huma meħtieġa informazzjoni/analiżi/sistemi interni u siguri li mhux dejjem jistgħu jinkisbu fis-suq.

    L-attivitajiet nukleari tal-JRC għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' R&Ż b'appoġġ kemm tal-Kummissjoni kif ukoll ta' l-Istati Membri. L-objettiv ta' dan il-programm huwa li tiġi żviluppata u miġbura flimkien l-għarfien, li jiġi provdut input lid-dibattitu dwar il-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari, is-sikurezza u l-affidabilità tagħha, is-sostenibbiltà u l-kontroll tagħha, it-theddid u l-isfidi tagħha, inkluża l-valutazzjoni ta' sistemi innovattivi u futuri.

    Attivitajiet

    L-attivitajiet tal-JRC ser jiffokaw fuq:

    1)

    Il-ġestjoni ta' l-iskart nukleari u l-impatt ambjentali bil-għan li jiġu mifhuma l-proċessi tal-fjuwil nukleari mill-produzzjoni ta' l-enerġija għar-rimi ta' l-iskart u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet effettivi għall-ġestjoni ta' skart nukleari ta' livelli għoli b'segwitu għaż-żewġ possibbiltajiet prinċipali (rimi dirett jew it-tqassim u trasmutazzjoni). Ser ikunu żviluppati wkoll attivitajiet biex itejbu l-għarfien u jiżviluppaw l-ipproċessar jew il-kondizzjonar ta' skart b'ħajja twila u riċerka bażika fl-aktinidi;

    2)

    Is-sikurezza nukleari, fl-implimentazzjoni tar-riċerka dwar iċ-ċikli tal-fjuwil sew tal-preżent kif ukoll tal-ġejjieni u dwar l-indennità tar-reatturi tat-tip tal-Punent u dak Russu, kif ukoll dwar id-disinn ta' reatturi ġodda. Barra minn hekk il-JRC ser jikkontribwixxi u jikkoordina l-kontribut Ewropew għall-inizjattiva ta' Forum Internazzjonali tar-IV Ġenerazzjoni dwar l-R&Ż, li fih huma involuti l-aqwa organizzazzjonijiet ta' riċerka fid-dinja. Il-JRC għandu jaġixxi bħala integratur tar-riċerka f'dan il-qasam bil-għan li jiżgura l-kwalità tal-kontribut Ewropew lill-GIF. Il-JRC ser jikkontribwixxi esklussivament għal dawk l-oqsma li jistgħu jtejbu l-aspetti tas-sigurtà u tas-salvagwardja ta' ċikli tal-fjuwil innovattivi, b'mod partikolari l-karatterizzazzjoni, l-ittestjar u l-analiżi ta' fjuwils ġodda; l-iżvilupp ta' għanijiet ta' sigurtà u ta' kwalità, il-ħtiġiet ta' sigurtà u metodi ta' evalwazzjoni avvanzati għas-sistemi;

    (3)

    Is-sigurtà Nukleari, fl-appoġġ għat-twettiq ta' l-impenji Komunitarji, b'mod partikolari l-kontroll tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil b'enfasi fuq il-fażi finali taċ-ċiklu, il-monitoraġġ tar-radjuattività fl-ambjent, jew l-implimentazzjoni tal-protokoll addizzjonali u s-salvagwardji integrati, u l-prevenzjoni ta' l-użu mhux xieraq ta' materjal nukleari u radjuattiv assoċjat mat-traffikar illeċitu ta' tali materjal.

    Barra minn hekk, il-JRC ser jiffaċilita dibattitu ibbażat fuq il-fatti u tfassil ta' deċiżjonijiet infurmat dwar it-taħlita ta' enerġija biex tilħaq il-ħtiġijiet ta' enerġija Ewropej (inklużi sorsi ta' enerġija li tiġġedded u enerġija nukleari).

    ANNESS II

    SKEMI TA' FINANZJAMENT

    Soġġett għar-regoli għall-parteċipazzjoni stabbiliti għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru, il-Komunità ser tappoġġa attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku, inklużi attivitajiet ta' dimostrazzjoni fil-programmi speċifiċi permezz ta' firxa ta' skemi ta' finanzjament. Dawn l-iskemi ser jintużaw, individwalment jew flimkien, biex jiffinanzjaw kategoriji differenti ta' azzjonijiet implimentati fis-Seba' Programm Kwadru.

    1.   SKEMI TA' FFINANZJAR FL-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI

    Fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, in-natura partikolari ta' l-attivitajiet f'dan il-qasam teħtieġ l-implimentazzjoni ta' arranġamenti speċifiċi. Ser jingħata appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet imwettqa fuq il-bażi ta' proċeduri li jidhru fi:

    1.1.

    Il-Kuntratti ta' Assoċjazzjoni, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jew Pajjiżi Terzi Assoċjati b'mod sħiħ jew entitajiet fl-Istati Membri jew fil-Pajjiżi Terzi Assoċjati b'mod sħiħ li jipprovdu għat-twettiq ta' parti mill-programm ta' riċerka Komunitarju dwar l-enerġija mill-fużjoni skond l-Artikolu 10 tat-Trattat;

    1.2.

    Il-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni (EFDA), ftehim multilaterali bejn il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet fi, jew li jaħdmu f'isem, l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati li fost l-oħrajn jipprovdu l-qafas għall-issuktar tar-riċerka dwarit-teknoloġija tal-fużjoni f'organizzazzjonijiet assoċjati u fl-industrija, l-użu tal-faċilitajiet tal-JET u l-kontribut Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali;

    1.3.

    L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER, ibbażata fuq l-Artikoli 45 sa 51 tat-Trattat;

    1.4.

    Ftehim internazzjonali bejn l-Euratom u pajjiżi terzi li jkopru attivitajiet fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp dwar l-enerġija mill-fużjoni, b'mod partikolari l-Ftehim ta' l-ITER;

    1.5.

    Kwalunkwe ftehim multilaterali ieħor konkluż bejn il-Komunità u organizzazzjonijiet assoċjati, b'mod partikolari l-Ftehim dwar il-Mobbiltà tal-Persunal;

    1.6.

    Azzjonijiet għall-kondiviżjoni ta' l-ispejjeż għall-promozzjoni u l-kontribut lejn ir-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni ma' korpi fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru fejn ma jkun hemm l-ebda Kuntratt ta' Assoċjazzjoni.

    Minbarra l-attivitajiet ta' hawn fuq, jistgħu jittieħdu azzjonijiet li jippromwovu u jiżviluppaw ir-riżorsi umani, fellowships, inizjattivi ta' infrastrutturi integrati kif ukoll azzjonjiet speċifiċi ta' appoġġ, b'mod partikolari għall-koordinazzjoni ta' riċerka fl-enerġija mill-fużjoni, biex isiru studji b'appoġġ għal dawn l-attivitajiet, u b'appoġġ ta' pubblikazzjonijiet, l-iskambju ta' informazzjoni; u t-taħriġ għall-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija.

    2.   SKEMI TA' FINANZJAMENT F'OQSMA OĦRA

    L-attivitajiet f'oqsma oħra minbarra l-enerġija mill-fużjoni mis-Seba' Programm Kwadru ta' l-Euratom ser jiġu ffinanzjati permezz ta' firxa ta' skemi ta' finanzjament. Dawn l-iskemi ser jintużaw, individwalment jew flimkien, biex jiffinanzjaw kategoriji differenti ta' azzjonijiet implimentati fis-Seba' Programm Kwadru kollu.

    Id-deċiżjonijiet għal programmi speċifiċi, programmi ta' ħidma u sejħiet għal proposti ser isemmu, skond u meta jkun f'loku:

    It-tip/i ta' skema/i użata/i biex jiffinanzjaw kategoriji differenti ta' azzjonijiet;

    Il-kategoriji ta' parteċipanti (bħalma huma organizzazzjonijiet ta' riċerka, universitajiet, industriji, awtoritajiet pubbliċi) li jistgħu jibbenefikaw minnhom;

    It-tipi ta' attivitajiet (riċerka, żvilupp, dimostrazzjoni, taħriġ, disseminazzjoni, trasferiment ta' għarfien u attiviatjiet oħra relatati) li jistgħu jiġu ffinanzjati minn kull waħda minnhom.

    Fejn jistgħu jintużaw skemi ta' finanzjament differenti, il-programm ta' ħidma jista' jispeċifika l-iskema ta' finanzjament li għandha tintuża għas-suġġett dwaru liema jkunu mistiedna proposti.

    L-iskemi ta' finanzjament huma dawn li ġejjin:

    (a)

    B'appoġġ ta' azzjonijiet li huma implimentati prinċipalment abbażi ta' sejħa għall-proposti:

    1.

    Proġetti kollaborattivi

    Apoġġ għal proġetti ta' riċerka mwettqa minn konsorzji b'parteċipanti minn pajjiżi differenti, li jkollhom il-mira li jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġija ġdida, prodotti jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, il-kamp ta' applikazzjoni u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw minn qasam għall-ieħor u minn suġġett għall-ieħor. Il-proġetti jistgħu jvarjaw minn azzjonijiet iffukati ta' riċerka fuq skala żgħira jew ta' daqs medju sa proġetti akbar ta' natura integrattiva li jimmobilizzaw volum sinifikanti ta' riżorsi biex jilħqu objettiv definit.

    2.

    Networks ta' Eċċellenza

    Appoġġ għal programmi ta' riċerka konġunti implimentati minn għadd ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka li jintegraw l-attivitajiet tagħhom f'qasam partikolari, imwettqa minn timijiet ta' riċerka fil-qafas ta' kooperazzjoni fil-perijodu aktar fit-tul. L-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi konġunti ta' riċerka tkun tirrikjedi impenn formali min-naħa ta' l-istituzzjonijiet li jkunu qed jintegraw parti mir-riżorsi u l-attivitajiet tagħhom.

    3.

    Azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ

    Appoġġ għal attivitajiet li għandhom l-għan li jikkoordinaw jew jappoġġaw riċerka (netwerking, skambji, studji, konferenzi, eċċ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll permezz ta' modi oħra, minbarra s-sejħiet għall-proposti.

    4.

    Azzjonijiet għall-promozzjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-mobbiltà

    Appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi.

    (b)

    b'appoġġ ta' azzjonijiet implimentati abbażi ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill, ibbażati fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Komunità ser tipprovdi appoġġ finanzjarju għal inizjattivi fuq skala kbira ffinanzjati minn għadd ta' sorsi permezz ta' dawn:

    Kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' Impriżi Konġunti mwettqa abbażi tal-proċeduri u d-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikoli 45 sa 51 tat-Trattat ta' l-Euratom.

    Kontribuzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda ta' interess Ewropew.

    Il-Komunità ser timplimenta l-iskemi ta' finanzjament b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament li għandu jiġi adottat għar-regoli dwar il-parteċipazzjoni f'impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet, l-istrumenti rilevanti ta' għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari l-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll ir-regoli internazzjonali f'dan il-qasam. F'konformità ma' dan il-qafas internazzjonali, ser ikun meħtieġ li jkun possibbli li l-iskala u l-forma tal-parteċipazzjoni finanzjarja jiġu aġġustati fuq bażi ta' każ b'każ, b'mod partikolari jekk ikun disponibbli l-finanzjament minn sorsi oħra tas-settur pubbliku, inklużi sorsi oħra Komunitarji ta' finanzjament bħall-Bank Ewropew għall-Investimenti (BEI).

    Fil-każ ta' parteċipanti f'azzjoni indiretta stabbilita f'reġjun li jkun baqa' lura fl-iżvilupp (ir-reġjuni ta' konverġenza (8) u dawk l-iktar remoti), finanzjament addizzjonali mill-Fondi Strutturali ser ikun mmobilizzat kulfejn dan ikun possibbli u xieraq

    3.   AZZJONIJIET DIRETTI – IĊ-ĊENTRU KONĠUNT TAR-RIĊERKA

    Il-Komunità ser tniedi attivitajiet li jiġu implimentati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li jissejħu azzjonijiet diretti.


    (1)  Opinjoni mgħotija nhar il-15 ta' Ġunju 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9.

    (3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

    (5)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (6)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.

    (7)  Fl-ammont previst għar-riċerka ta' l-enerġija mill-fużjoni, mill-anqas EUR 900 miljun ser ikunu riservati għal attivitajiet minbarra l-kostruzzjoni ta' ITER, imniżżel fl-Anness I.

    (8)  Ir-reġjuni ta' konverġenza huma dawk definiti fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25). Dan jinkludi r-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament mill-fondi Strutturali taħt l-objettiv ta' konverġenza u reġjuni eliġibbli għall-finanzjament mill-fond ta' Koeżjoni.


    Top