Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0388

    Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2006 li tawtorizza lil-Litwanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

    ĠU L 150, 3.6.2006, p. 13–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 182–183 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/388(1)/oj

    25.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    182


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Mejju 2006

    li tawtorizza lil-Litwanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

    (2006/388/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema Komuni ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud: bażi uniformi ta' stima (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura ta' l-impożizzjoni tat-taxxa jew sabiex jimpedixxi ċerti tipi ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

    (2)

    Permezz ta' ittra reġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-28 ta' Ġunju 2005, ir-Repubblika tal-Litwanja (minn hawn 'il quddiem imsemmija “l-Litwanja”) talbet awtorizzazzjoni sabiex tintroduċi miżuri li jidderogaw mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE.

    (3)

    Konformement ma' l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b'ittra datata 22 ta' Awwissu 2005 bit-talba magħmula mil-Litwanja. B'ittra datata 23 ta' Awwissu 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li hija kellha t-tagħrif kollu meqjus minnha bħala meħtieġ sabiex tivvaluta t-talba.

    (4)

    L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, fil-verżjoni disposta fl-Artikolu 28g tagħha, jistipula li taħt is-sistema interna, il-persuna taxxabbli li tforni l-prodotti jew servizzi tkun normalment obbligata tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

    (5)

    L-iskop tad-deroga mitluba mil-Litwanja huwa li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-riċevitur ikun obbligat iħallas il-VAT dovuta fuq il-fornitura ta' prodotti u servizzi f'każijiet ta' proċeduri ta' falliment jew ta' proċeduri ta' ristrutturazzjoni suġġetti għal sorveljanza ġudizzjarja, f'każijiet ta' transazzjonijiet ta' injam, ta' fornitura ta' skart ferruż u mhux ferruż u ta' xogħol ta' kostruzzjoni.

    (6)

    Il-persuni taxxabli taħt proċeduri ta' falliment jew proċeduri ta' ristrutturazzjoni suġġetti għal sorveljanza ġudizzjarja ikunu spiss impeduti, minħabba diffikultajiet finanzjarji, milli jħallsu l-VAT fatturata għal fornituri ta' prodotti u servizzi tagħhom. Madankollu, ir-riċevitur jista' jnaqqas il-VAT minkejja li din ma tħallsitx mill-fornitur.

    (7)

    Qegħdin jitfaċċaw problemi fis-suq tal-injam fil-Litwanja minħabba n-natura tas-suq u n-negozji nvoluti. Is-suq huwa dominat minn kumpaniji lokali żgħar, li ħafna drabi jkunu bejjiegħa ta' dak li jixtru u intermedjari, li l-awtoritajiet fiskali sabuha diffiċli sabiex jikkontrollaw. L-aktar forma komuni ta' evażjoni tinvolvi l-fatturazzjoni ta' fornituri minn negozji li mbagħad jisparixxu mingħajr ma jħallsu t-taxxa iżda li jħallu lill-klijent b'fattura valida f'idu li tkun valida għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa.

    (8)

    Qegħdin jitfaċċaw ukoll problemi ta' nuqqas ta' ħlas ta' VAT fatturata fil-Litwanja fis-settur tar-riċiklaġġ ta' skart ta' metalli ferrużi u mhux ferrużi.

    (9)

    Hemm ukoll problemi komparabbli fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-Litwanja, partikolarment fejn tidħol VAT fatturata minn subkuntratturi li sussegwentement jisparixxu.

    (10)

    Permezz ta' dispożizzjoni li r-riċevitur ikun il-persuna obbligata li tħallas il-VAT fil-każijiet, imsemmija hawn fuq, li jolqtu ħażin il-finanzi pubbliċi, id-deroga tneħħi d-diffikultajiet misjuba mingħajr ma jintlaqat l-ammont ta' taxxa dovuta. Ir-riżultat ta' dan huwa li jiġi simplifikat ix-xogħol ta' l-awtoritajiet fiskali sabiex jimponu t-taxxa u jimpedixxu ċerti tipi ta' evażjoni u ta' evitar ta' taxxa.

    (11)

    Il-miżura hija proporzjonata għall-għanijiet segwiti għaliex m'hijiex maħsuba li tapplika b'mod ġenerali iżda biss fir-rigward ta' operazzjonijiet speċifiċi u ta' setturi li jippreżentaw problemi konsiderevoli fl-impożizzjoni tat-taxxa jew fir-rigward ta' l-infurzar kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

    (12)

    Derogi simili ngħataw lil Stati Membri oħra u nstabu effettivi.

    (13)

    L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata sal-31 ta' Diċembru 2009, sabiex fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba sa dik id-data tkun tista' ssir valutazzjoni dwar jekk id-deroga tibqax ġustifikata jew le. Madankollu, fis-16 ta' Marzu 2005, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva li tirrazzjonalizza uħud mid-derogi skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE (2). Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi terminat il-perjodu ta' applikazzjoni għal dawk il-partijiet ta' din id-Deċiżjoni koperti mill-proposta meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

    (14)

    Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet li jiġu mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, fil-verżjoni disposta fl-Artikolu 28(g) tiegħu, il-Litwanja hija b'dan awtorizzata li tinnomina l-persuna taxxabli, li lilha jsiru l-fornituri ta' prodotti jew servizzi msemmija fl-Artikolu 2, bħala l-persuna obbligata li tħallas il-VAT.

    Artikolu 2

    Ir-riċevitur ta' fornitura ta' prodotti jew servizzi jista' jiġi nnominat bħala l-persuna obbligata li jħallas il-VAT fiċ-ċirkostanzi li ġejjin ta':

    (1)

    fornituri ta' prodotti u servizzi minn persuna taxxabli waqt li tkun qiegħda taħt proċedura ta' falliment jew proċedura ta' ristrutturazzjoni li tkun suġġetta għal sorveljanza ġudizzjarja;

    (2)

    fornituri ta' injam;

    (3)

    fornituri ta' skart u rottam ferruż, ta' residwi u materjal ieħor riċiklabbli li jikkonsistu f'metalli ferrużi u mhux ferrużi;

    (4)

    fornituri ta' xogħol ta' kostruzzjoni minn subkuntrattur għal xi kuntrattur ġenerali, jew għal xi subkuntrattur ieħor jew għal xi kumpannija li tagħmel ix-xogħol ta' kostruzzjoni hija stess.

    Artikolu 3

    L-awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 1 għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2009. Madankollu, l-effett tal-punti (3) u (4) ta' l-Artikolu 2 għandu jintemm fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li tirrazzjonalizza d-derogi skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE li tinkludi skema speċjali għall-applikazzjoni tal-VAT għal dak is-settur, sakemm id-data tkun qabel il-31 ta' Diċembru 2009.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

    Magħmul fi Brussell, nhar il-15 ta' Mejju 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PLASSNIK


    (1)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/18/KE (ĠU L 51, 22.2.2006, p. 12).

    (2)  ĠU C 125, 24.5.2005, p. 12.


    Top