Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0387

    Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2006 li tawtorizza lir-Renju ta' Spanja sabiex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 11 u l-Artikolu 28e tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

    ĠU L 150, 3.6.2006, p. 11–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 180–181 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/387(1)/oj

    25.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    180


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Mejju 2006

    li tawtorizza lir-Renju ta' Spanja sabiex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 11 u l-Artikolu 28e tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

    (2006/387/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema Komuni ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud: bażi uniformi ta' stima (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura ta' l-impożizzjoni tat-taxxa jew sabiex jimpedixxi ċerti tipi ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

    (2)

    F'ittra datata l-21 ta' Ġunju 2005 u li waslet għand is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2005, ir-Renju ta' Spanja talab l-awtorizzazzjoni sabiex jintroduċi miżura li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE li jirregolaw l-ammont taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

    (3)

    Konformement ma' l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mir-Renju ta' Spanja b'ittra datata s-7 ta' Ottubru 2005. F'ittra datata l-10 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni innotifikat lir-Renju ta' Spanja li hija kellha t-tagħrif kollu meqjus minnha bħala meħtieġ sabiex tivvaluta t-talba.

    (4)

    L-Artikolu 11(A)(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE jistabbilixxi l-ammont taxxabbli ta' fornitura għall-finijiet tal-VAT bħala dak kollu li jikkostitwixxi l-ħlas magħmul għall-fornitura. L-Artikolu 28e(1) ta' dik id-Direttiva jirregola l-ammont taxxabbli ta' akkwisti intra-Komunitarji, b'referenza għall-Artikolu 11(A).

    (5)

    Il-miżura li teħtieġ deroga hija maħsuba sabiex timpedixxi t-telf tat-taxxa li jirriżulta mill-manipolazzjoni ta' l-ammont taxxabbli ta' fornituri ta' prodotti, servizzi, u akkwisti intra-Komunitarji suġġetti għall-VAT fejn bejjiegħ iżomm prezz imnaqqas lil xerrej konness li ma jkollux id-dritt tat-tnaqqis sħiħ.

    (6)

    Il-miżura għandha tkun immirata sabiex tapplika biss fil-każijiet ta' l-evitar jew ta' l-evażjoni tal-VAT u biss meta jkun sodisfatt numru ta' kundizzjonijiet. Il-miżura hija għalhekk proporzjonata għall-għan segwit.

    (7)

    Derogi simili ngħataw lill-Stati Membri oħra sabiex jimpedixxu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa u nstabu li kienu effettivi.

    (8)

    Hemm derogi, skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE, li jimpedixxu l-evitar tal-VAT konness ma' l-ammont taxxabbli ta' fornituri bejn partijiet relatati, inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2005 ta' Direttiva li tirrazzjonalizza wħud mid-derogi skond dak l-Artikolu (2). Huwa għalhekk meħtieġ li l-perjodu ta' l-applikazzjoni ta' din id-deroga jiġi terminat meta dik id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

    (9)

    Din id-deroga għandha tissalvagwardja l-ammont tal-VAT dovut fil-fażi finali tal-konsum u ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet li jiġu mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikolu 11(A)(1)(a) u mill-Artikolu 28e tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Renju ta' Spanja huwa b'dan awtorizzat sabiex jipprovdi li l-ammont taxxabbli ta' fornitura ta' prodotti jew ta' servizzi jew ta' akkwist intra-Komunitarju ta' prodotti għandu jkun l-istess bħall-valur tas-suq miftuħ, kif definit fl-Artikolu 11(A)(1)(d) tad-Direttiva msemmija fejn il-korrispettiv ikun sinifikattivament anqas mill-valur tas-suq miftuħ u fejn ir-riċevitur tal-fornitura, jew fil-każ ta' akkwist intra-Komunitarju, l-akkwirenti, ma jkollux dritt għal tnaqqis sħiħ taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE.

    Din il-miżura tista' tintuża biss sabiex timpedixxi l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa u meta l-korrispettiv, li fuqu l-ammont taxxabbli ikun altrimenti bbażat, ikun ġie influwenzat minn rabtiet familjari, ta' ġestjoni, tad-dritt ta' proprjetà, finanzjarji jew legali kif definiti fil-liġi nazzjonali. Għal dawn l-għanijiet, ir-rabtiet legali għandhom jinkludu r-relazzjoni formali bejn min iħaddem u l-impjegat.

    Artikolu 2

    L-awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artiklu 1 għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li tirrazzjonalizza d-derogi skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE li jimpedixxu l-evitar jew l-evażjoni tal-VAT permezz tal-valutazzjoni ta' fornituri bejn persuni konnessi, jew fil-31 ta' Diċembru 2009, skond liema data tiġi l-ewwel.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

    Magħmul fi Brussell, nhar il-15 ta' Mejju 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PLASSNIK


    (1)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/18/KE (ĠU L 51, 22.2.2006, p. 12).

    (2)  ĠU C 125, 24.5.2005, p. 12.


    Top