EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0102

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Frar 2006 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal programm għall-kontroll ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u l-prodotti milll-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali għall-2006 (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 250)

ĠU L 46, 16.2.2006, p. 47–51 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 208–212 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/102(1)/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

208


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Frar 2006

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal programm għall-kontroll ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u l-prodotti milll-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali għall-2006

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 250)

(It-test Franċiż biss huwa awtentiku)

(2006/102/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1452/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jintroduċi miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti ta' l-agrikultura għad-dipartimenti barranin Franċiżi (1), li jemenda d-Direttiva 72/462/KEE u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 525/77 u (KEE) Nru 3763/91 (Poseidom), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(3),

Wara li kkunsidrat il-programm imressaq minn Franza għall-kontroll ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew prodotti dderivati mill-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/522/KEE tat-30 ta' Settembru 1993 dwar id-definizzjoni tal-miżuri eliġibbli għall-iffinanzjar tal-programmi għall-kontroll ta' l-organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti drivati mill-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali, l-Azores u Madeira (2), kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/633/KE (3), tiddefinixxi l-miżuri eliġibbli għall-iffinanzjar Komunitarju skond il-programmi għall-kontroll ta' l-organiżmi li huma ta' ħsara għall-pjanti u prodotti derivati mill-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali, l-Azores u Madeira.

(2)

Kundizzjonijiet speċifiċi ta' tkabbir fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali jitolbu attenzjoni partikolari u miżuri li jikkonċernaw il-produzzjoni ta' l-uċuħ tar-raba', b'mod partikolari miżuri għas-saħħa tal-pjanti, li jeħtieġ li jiġu adottati jew imsaħħa f'dawk ir-reġjuni. Il-miżuri għas-saħħa tal-pjanti li jridu jiġu adottati jew imsaħħa huma partikolarment għalja.

(3)

Programm ta' miżuri ġie ppreżentat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi; dan il-programm jispeċifika l-għanijiet li għandhom jitlaħqu, il-ħidmiet li għandhom jitwettqu, iż-żmien u n-nefqa tagħhom bil-ħsieb ta' kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja possibbli.

(4)

Skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1452/2001 il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tista' tkopri sa 60 % tan-nefqa eliġibbli, bl-esklużjoni tal-miżuri ta' protezzjoni tal-banana.

(5)

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 (4), il-miżuri veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti meħuda skond ir-regoli Komunitarji għandhom ikunu ffinanzjati mill-Fond Ewropew ta' Gwida u Garanzija Agrikola taħt is-sezzjoni “Garanzija”. Il-kontroll finanzjarju ta' dawn il-miżuri jaqa' taħt l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament hawn fuq imsemmi.

(6)

L-informazzjoni teknika pprovduta minn Franza għamlitha possibbli għall-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Pjanti li jistħarreġ is-sitwazzjoni b'mod preċiż u komprensiv.

(7)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Pjanti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'dan qed tiġi approvata kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programm uffiċjali għall-kontroll ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u l-prodotti drivati mill-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi mhux kontinentali fl-2006.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programm fl-2006 għandha tkun ta' 60 % tan-nefqa relatata mal-miżuri eliġibbli kif definiti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/522/KEE, b'massimu ta' EUR 249 600 (VAT eskluża).

Il-programm, l-iskeda ta' l-infiq tiegħu u l-iffinanzjar tiegħu qed jingħata bħala l-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

It-tqassim ta' l-infiq jingħata bħala l-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Avvanz ta' EUR 100 000 għandu jitħallas fi żmien 60 ġurnata wara l-wasla ta' talba ta' ħlas minn Franza.

Artikolu 4

1.   Il-perjodu ta' eliġibbiltà għall-infiq relatat ma' dan il-proġett għandu jibda fl-1 ta' Jannar 2006 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2006.

2.   Il-perjodu jista' b'eċċezzjoni jiġi estiż biss bil-qbil espliċitu bil-miktub tal-Kumitat ta' Monitoraġġ kif imsemmi fil-punt I.I ta' l-Anness III qabel ma l-ħidmiet ikunu ġew kompluti.

Artikolu 5

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata sakemm l-implimentazzjoni tal-programm tkun f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Komunità, inklużi r-regoli tal-kompetizzjoni u dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u li ebda kontribuzzjoni Komunitarja oħra kienet mitluba jew ser tintalab għal dawn il-miżuri.

Artikolu 6

1.   L-ispejjeż reali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mqassmin skond it-tip ta' azzjoni jew subprogrammi b'mod li juri l-konnessjoni bejn il-pjan finanzjarju indikattiv u l-ispejjeż reali. Notifikazzjonijiet simili jistgħu jsiru f'forma elettronika.

2.   Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 3 għandu jitħallas sakemm id-dokument speċifikat fit-2 paragrafu tal-punt I.II.4 ta' l-Anness III jiġi sottomess qabel il-15 ta' Marzu 2007.

3.   Il-Kummissjoni tista', fuq talbiet ġustifikati korrettament mir-Repubbika Franċiża, tirranġa l-pjanijiet finanzjarji fi ħdan limitu ta' 15 % tal-kontribuzzjoni tal-Komunità għal subprogramm jew miżura għall-perjodu sħiħ, sakemm l-ammont totali ta' nfiq eliġibbli skedati fil-programm ma jinqabiżx u b'hekk l-għanijiet ewlenin tal-programm ma jiġux kompromessi.

4.   Il-ħlasijiet kollha ta' għajnuna mogħtija mill-Komunità taħt din id-Deċiżjoni għandhom isiru lir-Repubblika Franċiża, li għandha tkun risponsabbli wkoll li tħallas lura lill-Komunità kwalunkwe ammont żejjed.

Artikolu 7

Ir-Repubblika Franċiża għandha tiżgura l-konfomità ma' l-informazzjoni li għandha tingħata lill-Kummissjoni stipolata fl-Anness III.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmula fi Brussell, tas-7 ta' Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 11. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament 1690/2004, (ĠU L 305, 1.10.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 251, 8.10.1993, p. 35. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 96/633/KE (ĠU L 283, 5.11.1996, p. 58).

(3)  ĠU L 283, tal-5.11.1996, p. 58.

(4)  ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.


ANNESS I

PROGRAMM U TABELLA FINANZJARJA GĦALL-2006

Il-programm għall-2006 se jikkonsisti fi tliet subprogrammi:

1.

subprogramm interdipartimentali għall-Martinique, Guadeloupe, Guyana u La Réunion, f'żewġ partijiet:

it-tfassil ta' database dwar l-organiżmi ta' ħsara preżenti fid-dipatimenti Franċiżi mhux kontinentali

l-iżvilupp ta' metodi ta' l-individwazzjoni tat-tixrid naturali tal-psorosi taċ-ċitru;

2.

sub-programm imfassal għad-dipartiment tal-Martinique f' żewġ partijiet:

evalwazzjoni u dijanjostika tas-saħħa tal-pjanti permezz ta' l-użu tal-laboratorju reġjonali u l-unità mobbli tiegħu (“labo vert”)

maniġġjar integrat tal-pesti fil-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix;

3.

subprogramm imfassal għad-dipartiment tal-Guyana:

it-twaqqif ta' sistema fitosanitarja ta' twissija agrikola fil-produzzjoni tar-ross

tisħiħ tal-kapaċità dijanjostika permezz ta' l-użu tal-laboratorju reġjonali u l-unità mobbli tiegħu (“labo vert”)

Tabella finanzjarja għall-2006 (f'eur)

 

Kontribuzzjoni tal-KE

Kontribuzzjoni Nazzjonali

Infiq Eliġibbli 2006

Database dwar organiżmi ta' ħsara

54 000

36 000

90 000

Metodi ta' individwazzjoni għall-psorosi taċ-ċitru

30 000

20 000

50 000

Martinique

57 600

38 400

96 000

Guyana

108 000

72 000

180 000

Total

249 600

166 400

416 000


ANNESS II

TQASSIM TA' L-INFIQ GĦALL-2006 (F'EUR)

 

Staff

Tagħmir

Oġġetti ta' konsum

Infiq ieħor

Total

Database dwar organiżmi ta' ħsara

76 000

6 000

4 000

4 000

90 000

Metodi ta' individwazzjoni għall-psorosi taċ-ċitru

28 500

6 000

13 000

2 500

50 000

Martinique

76 000

2 500

7 500

10 000

96 000

Guyana

155 000

3 000

22 000

0

180 000

Total

335 500

17 500

46 500

16 500

416 000


ANNESS III

I.   DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

I.   Kumitat ta' Sorveljanza

1.   Stabbiliment

Indipendentement mill-iffinanzjar ta' din l-azzjoni, għandu jitwaqqaf kumitat għall-monitoraġġ tal-programm, magħmul minn rappreżentanti ta' Franza u tal-Kummissjoni. Għandu jirrevedi l-implimentazzjoni tal-programm regolarment u, fejn ikun xieraq, jipproponi aġġustamenti meħtieġa.

2.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi l-proċeduri interni tiegħu fi żmien xahar tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni preżenti lil Franza.

3.   Il-kompetenza tal-Kumitat għall-Monitoraġġ

Il-Kumitat:

għandu jkollu taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu il-progress sodisfaċenti tal-programm biex jinkisbu l-għanijiet stipulati. Il-kompetenza tiegħu għandha tkopri l-miżuri tal-programm fi ħdan il-limiti ta' l-għajnuna mogħtija mill-Komunità. Għandu jgħasses f'dak li għandu x'jaqsam mad-dispożizzjonijiet regolatorji inklużi dawk dwar l-eliġibbiltà ta' l-operazzjonijiet u tal-proġetti,

għandu, fuq il-bażi ta' l-informazzoni dwar l-għażla ta' proġetti diġà approvati u implimentati, jasal għal opinjoni dwar l-applikazzjoni ta' kriterji ta' għażla stipulati fil-programm,

għandu jipproponi kull azzjoni meħtieġa biex iħaffef l-implimentazzjoni tal-programm kemm-il darba l-informazzjoni mogħtija perjodikament mill-indikaturi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ad interim turi li jkun hemm dewmien,

għandu jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni dwar l-aġġustamenti proposti,

għandu joħroġ opinjoni dwar proġetti ta' assistenza teknika skedati fil-programm,

għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport finali,

għandu jirrapporta matul il-perjodu rilevanti lill-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Pjanti dwar il-progress tal-programm u l-infiq li jkun sar.

II.   Monitoraġġ u assessjar tal-programm tul il-perjodu ta' implimentazzjoni (monitoraġġ u assessjar kontinwu)

1.   L-aġenzija nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni għandha tkun responsabbli wkoll għall-monitoraġġ u l-assessjar kontinwu tal-programm.

2.   B'monitoraġġ kontinwu wieħed jifhem sistema ta' informazzjoni dwar l-istat tal-progress tal-programm. Monitoraġġ kontiwu jkopri l-miżuri li hemm fil-programm. Jinvolvi referenza għall-indikaturi finanzjarji u fiżiċi strutturati b'mod li jippermetti assessjar tal-korrispondenza bejn l-infiq fuq kull miżura u indikaturi fiżiċi predefiniti li juru l-grad ta' twettiq.

3.   Assessjar kontinwu ta' programm jinvolvi analiżi tar-riżultati kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni fuq il-bażi ta' kunsiderzzjonijiet operazzjonali, legali u ta' proċedura. L-għan hu li tiġi garantita l-korrispondenza bejn il-miżuri u l-għanijiet tal-programm.

Rapport ta' implimentazzjoni u skrutinju tal-programm

4.   Franza għandha tinnotifika lill-Kummissjoni, fi żmien xahar mill-adozzjoni tal-programm, bl-isem ta' l-awtorità responsabbli għat-tfassil u l-preżentazzjoni tar-rapport finali ta' implimentazzjoni.

Ir-rapport finali ta' implimentazzjoni fuq il-programm preżenti jitressaq lill-Kummissjoni mill-awtorità kompetenti sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu 2007, u għandu imbagħad jitressaq lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti malajr kemm jista' jkun wara dik id-data.

Għandu jkun fih:

evalwazzjoni teknika konċiża tal-programm kollu (grad ta' twettiq ta' l-għanijiet fiżiċi u kwalitattivi u progress magħmul) u assessjar ta' l-impatt ekonomiku u fitosanitarju immedjat.

Dikjarazzjoni ta' l-ispejjeż finanzjarji, inkluż infiq u dħul, u dikjarazzjoni minn Franza li tgħid li l-ebda kontribuzzjoni mill-Komunità ma kienet mitluba jew se tintalab għal dawk il-miżuri inklużi fil-programm.

5.   Il-Kummissjoni tista' flimkien ma' Franza titlob għal evalwatur indipendenti li għandu, fuq bażi ta' monitoraġġ kontinwu, iwettaq il-valutazzjoni kontinwa li tissemma fil-punt 3. Huwa jista' jressaq proposti għall-aġġustament tas-subprogrammi u/jew miżuri, u jemenda l-kriterji ta' selezzjoni għall-proġetti, eċċ., fid-dawl tad-diffikultajiet misjuba matul l-implimentazzjoni. Fuq il-bażi ta' monitoraġġ ta' l-immaniġġjar għandu jagħti opinjoni fuq il-miżuri amministrattivi li għandhom jittieħdu.

II.   KONFORMITÀ MAL-POLITIKI TAL-KOMUNITÀ

Il-programm għandu jiġi implimentat skond id-dispożizzjonijiet fuq il-koordinament tal-politiki tal-Komunità u l-konformità magħhom. L-informazzjoni li ġejja għandha tingħata minn Franza fir-rapport finali.

Protezzjoni ta' l-ambjent

a)   Informazzjoni Ġenerali:

deskrizzjoni tal-fatturi ambjentali ewlenin u problemi tar-reġjun ikkonċernat, li jagħti, inter alia, deskrizzjoni taż-żoni ta' konservazzjoni importanti (żoni sensittivi),

deskrizzjoni komprensiva ta' l-effetti ewlenin ta' benefiċċju u ta' ħsara li l-programm, fid-dawl ta' l-investimenti ppjanati, x'aktarx li se jkollu fuq l-ambjent,

deskrizzjoni ta' l-azzjoni ppjanata għall-prevenzjoni, tnaqqis jew kumpens għal effetti ta' ħsara serja fuq l-ambjent,

rapport dwar il-konsultazzjonijiet ma' l-awtoritajiet ta' l-ambjent responsabbli (opinjoni tal-Ministeru ta' l-Ambjent jew l-ekwivalenti tiegħu) u, jekk kien hemm xi konsultazzjonijiet, mal-pubbliku kkonċernat.

b)   Deskrizzjoni ta' l-attivitajiet ippjanati

Għall-miżuri tal-programm li x'aktarx ikollhom effetti ta' ħsara sinifikanti fuq l-ambjent:

il-proċeduri li jkunu applikati għall-assessjar tal-proġetti individuali waqt l-implimentazzjoni tal-programm;

il-mekkaniżmi ppjanati għall-monitoraġġ ta' l-impatt ambjentali waqt l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni tar-riżulati u eliminazzjoni, tnaqqis jew kumpens ta' l-effetti ta' ħsara.


Top