Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0101

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programmi ta' stħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet u fl-għasafar selvaġġi li għandhom jitwettqu fl-Istati Membri fl-2006 (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 251)

    ĠU L 46, 16.2.2006, p. 40–46 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 201–207 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/101(1)/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    201


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta' Frar 2006

    dwar l-implimentazzjoni ta' programmi ta' stħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet u fl-għasafar selvaġġi li għandhom jitwettqu fl-Istati Membri fl-2006

    (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 251)

    (2006/101/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità biex jitwettqu miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-edukazzjoni u t-taħriġ veterinarju.

    (2)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa ta' l-Annimali u l-Benessri ta' l-Annimali, f' rapport tas-27 ta' Ġunju 2000 u l-opinjoni ta' l-EFSA ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-ispeċi ta' għasafar selvaġġi, irrikkomandaw li jsir stħarriġ fuq qatgħat tat-tjur tar-razzett u ta' l-għasafar selvaġġi għall-influwenza tat-tjur, b'mod partikolari sabiex tinsab il-prevalenza ta' l-infezzjonijiet bis-sottotipi H5 u H7 tal-virus ta' l-influwenza tat-tjur.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE tad-19 ta' Mejju 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza ta' l-għasafar (2) tiddefinixxi l-miżuri ta' kontroll tal-Komunità li għandhom jiġu applikati fil-każ li jkun hemm tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet. Madankollu, ma tipprevedix stħarriġ regolari ta' dik il-marda fit-tjur ta' l-irziezet u fl-għasafar selvaġġi.

    (4)

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2002/649/KE (3), 2004/111/KE (4) u d-Deċiżjoni 2005/464/KE (5) pprevedew għas-sottomissjoni ta' programmi ta' sorveljanza li jikkonċernaw l-influwenza tat-tjur mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

    (5)

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2002/673/KE (6), 2004/630/KE (7) u d-Deċiżjoni 2005/732/KE (8) approvaw il-programmi mressqa mill-Istati Membri għall-istħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet u fl-għasafar selvaġġi għall-perjodi speċifikati f'dawk il-programmi.

    (6)

    Matul dak l-istħarriġ il-preżenza ta' sottotipi differenti tal-viruses H5 u H7 ta' l-influwenza ta' l-għasafar b'patoġeniċità baxxa ġiet skoperta fi tjur f'diversi Stati Membri. Għalkemm il-prevalenza attwali tal-viruses ta' l-influwenza tat-tjur tista' tiġi kkunsidrata pjuttost baxxa, huwa importanti li s-sorveljanza titkompla u tiġi mtejba sabiex tinftiehem aħjar l-epidemjoloġija tal-viruses ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità baxxa biex jiġi evitat li viruses jiċċirkolaw fil-popolazzjoni tat-tjur ta' l-irziezet mingħajr ma ħadd jinduna bihom. Ir-riżultati ta' l-istħarriġ imwettqa mill-Istati Membri kienu utli ħafna fis-sorveljanza tal-preżenza tas-sottotipi tal-virus ta' l-influwenza tat-tjur li jistgħu jippreżentaw riskju sostanzjali jekk jinbidlu f'forma li tinfirex iktar malajr. Barra minn dan, huwa xieraq li tissaħħaħ is-sorveljanza ta' l-influwenza tat-tjur billi tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni attwali tal-marda fl-Ewropa. L-ammont totali tal-kontribuzzjoni tal-Komunità lill-Istati Membri għal dawn l-azzjonijiet għandu jiżgura żieda fis-sorveljanza.

    (7)

    Skond dan, l-Istati Membri għandhom iressqu l-programmi tagħhom għall-istħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni sabiex tkun tista' tingħata għajnuna finanzjarja mill-Komunità.

    (8)

    Fir-rigward tas-sorveljanza ta' l-għasafar selvaġġi, ir-riżultati minn xogħol xjentifiku li għaddej bħalissa li qegħdin jagħmluh l-EFSA u d-DĠ Ambjent għandhom jiġu kkunsidrati malli jkunu disponibbli. Dawn ir-riżultati se jintużaw biex tiġi riveduta d-Deċiżjoni preżenti.

    (9)

    Kull speċi naturali ta' għasafar selvaġġi li jgħixu fil-Komunità huma koperti mir-reġim ta' protezzjoni tad-Direttiva 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (9) u għalhekk ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva għandhom jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ f'kull sorveljanza għall-influwenza tat-tjur.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Sas-7 ta' Frar 2006, l-Istati Membri għandhom iressqu għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni l-programmi għall-implimentazzjoni ta' stħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet u f'għasafar selvaġġi skond l-Anness.

    Artikolu 2

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri previsti fl-Artikolu 1 għandha tkun b'rata ta' 50 % ta' l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri sa massimu ta' EUR 2 000 000 għall-Istati Membri f'daqqa.

    Artikolu 3

    L-ammonti massimi għall-ispejjeż tat-testijiet li se jiġu rrimbursati, m'għandhomx jaqbżu:

    a)

    Test ELISA:

    EUR 1 għal kull test;

    b)

    agal gel immune diffusion test:

    EUR 1.2 għal kull test;

    c)

    test HI għall-H5/H7

    EUR 12 għal kull test;

    d)

    test ta' l-iżolazzjoni tal-virus

    EUR 30 għal kull test.

    e)

    Test PCR

    EUR 15 għal kull test.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, is-6 ta' Frar 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, tat-12.12.2003, p. 31).

    (2)  ĠU L 167, tat-22.6.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

    (3)  ĠU L 213, 9.8.2002, p. 38.

    (4)  ĠU L 32, 5.2.2004, p. 20. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2004/615/KE (ĠU L 278, tas-27.8.2004, p. 59).

    (5)  ĠU L 164, 24.6.2005, p. 52, kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/726/KE, ĠU L 273, tad-19.10.2005, p. 21.

    (6)  ĠU L 228, 24.8.2002, p. 27.

    (7)  ĠU L 287, 8.9.2004, p. 7. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar minn 2004/679/KE (ĠU L 310, tas-7.10.2004, p. 75).

    (8)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 95.

    (9)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).


    ANNESS

    PROGRAMMI TA' SORVELJANZA GĦALL-INFLUWENZA TAT-TJUR FIT-TJUR TA' L-IRZIEZET U FL-GĦASAFAR SELVAĠĠI LI GĦANDHOM ISIRU FL-ISTATI MEMBRI FI FRAR-DIĊEMBRU 2006

    A.   Għanijiet, rekwiżiti u kriterji ġenerali għall-istħarriġ

    A.1.   L-Għanijiet

    1.

    Biex tiġi osservata l-inċidenza ta' l-infezzjonijiet bis-sottotipi H5 u H7 tal-virus ta' l-influwenza tat-tjur billi jiġu ripetuti eżerċizzji preċedenti ta' screening b'mod immodifikat u iktar iffukat.

    2.

    Biex titkompla s-sorveljanza għall-influwenza fl-għasafar selvaġġi għal sistema ta' twissija minn kmieni ta' tipi ta' influwenza tat-tjur li jistgħu jiġu introdotti fil-qatgħat ta' tjur ta' l-irziezet minn għasafar selvaġġi.

    3.

    Biex isir kontribut lejn l-għarfien dwar it-theddid ta' l-influwenza tat-tjur lis-saħħa ta' l-annimali mill-annimali selvaġġi.

    4.

    Biex tiġi mħeġġa konnessjoni u integrazzjoni tan-networks umani u veterinarji għas-sorveljanza ta' l-influwenza.

    A.2.   Rekwiżiti u kriterji ġenerali

    1.

    Il-ġbir ta' kampjuni mhux se jiġi estiż lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2006.

    Għat-tjur ta' l-irziezet, il-ġbir ta' kampjuni għandu jkopri perjodu li jkun addattat għall-perjodi ta' produzzjoni għal kull kategorija ta' tjur kif meħtieġ.

    2.

    Il-31 ta' Marzu 2007 għandha tkun id-data għas-sottomissjoni tar-riżultati finali ta' l-istħarriġ.

    3.

    L-ittestjar ta' kampjuni għandu jsir mil-Laboratorji Nazzjonali għall-influwenza tat-tjur (LN) fl-Istati Membri jew minn laboratorji oħra awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u taħt il-kontroll tal-LN.

    4.

    Ir-riżultati kollha (kemm seroloġiċi kif ukoll viroloġiċi) għandhom jintbagħtu lil-Laboratorju ta' Riferenza tal-Komunità għall-Influwenza tat-Tjur (LRK) biex jinġabru flimkien. Ċirkulazzjoni tajba ta' informazzjoni għandha tkun żgurata. L-LRK għandu jipprovdi appoġġ tekniku u jżid fil-ħażna ta' reaġenti dijanjostiċi. Antiġeni għall-użu fl-istħarriġ għandu jiġi fornut lil-LN mil-LRK biex tiġi żgurata l-uniformità.

    5.

    Dak kollu li jiġi iżolat mill-virus ta' l-influwenza tat-tjur għandu jiġi mressaq lil-LRK skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Il-viruses tas-sottotip H5/H7 għandhom jiġu mressqa mingħajr dewmien u għandhom ikunu suġġetti għal testijiet ta' karatterizzazzjoni standard (nucleotide sequencing/IVPI) skond id-Direttiva 92/40/KEE. Flimkien ma' dan, l-LRK għandu jirrikjedi li s-sera pożittivi ta' l-H5 u l-H7 miġbura mill-anseriformes jiġu mressqa b'mod għama sabiex jiġi stabbilit arkivju biex jiffaċilita l-iżvilupp ta' testijiet fil-ġejjieni.

    B.   Stħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet

    1.

    Kull sejba pożittiva għandha tiġi investigata b'mod retrospettiv fl-istabbiliment u l-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni għandhom jiġu rrapurtati lill-Kummissjoni u lil-LRK.

    2.

    Protokolli speċifiċi li għandhom jakkumpanjaw il-materjal li se jintbagħat lil-LRK u rapporti f'forma ta' tabelli tal-ġbir tad-data ta' l-istħarriġ għandhom jiġu pprovduti mil-LRK. Il-metodi ta' ttestjar fil-laboratorju użati għandhom jiġu indikati f'dawk it-tabelli. It-tabelli pprovduti għandhom jintużaw biex jitressqu riżultati f'dokument wieħed.

    3.

    Kampjuni tad-demm għal eżami seroloġiku għandhom jinġabru mill-ispeċi kollha tat-tjur ta' l-irziezet inklużi dawk imrobbija f'sistemi tal-beraħ, minn ta' l-inqas ħames sa 10 għasafar (minbarra papri, wiżż u summien) kull stabbiliment, u minn barrakki differenti jekk hemm iktar minn barrakka waħda preżenti fl-istabbiliment.

    4.

    Il-ġbir tal-kampjuni għandu jkun stratifikat f'kull parti mit-territorju ta' l-Istat Membru kollu, sabiex il-kampjuni jkunu jistgħu jitqiesu bħala rappreżentantivi ta' l-Istat Membru kollu, meta jitqies:

    a)

    in-numru ta' stabbilimenti minn fejn se jsir il-ġbir ta' kampjuni (minbarra papri, wiżż u dundjani); dak in-numru għandu jiġi ddefinit sabiex tkun żgurata l-identifikazzjoni ta' għall-inqas stabbiliment wieħed infettat jekk il-prevalenza ta' l-istabbilimenti infettati hi għall-inqas 5 %, b'intervall ta' kunfidenza ta' 95 %; (ara tabella nru 1) u

    b)

    in-numru ta' għasafar li minnhom ittieħdu kampjuni minn kull stabbiliment għandu jiġi ddefinit sabiex tkun żgurata probabbilità ta' 95 % li jiġi identifikat għall-inqas għasfur pożittiv wieħed jekk il-prevalenza ta' għasafar sero-pożittivi hi ta' ≥ 30 %.

    5.

    It-tifsil tal-ġbir ta' kampjuni, ibbażat fuq evalwazzjoni tar-riskju u s-sitwazzjoni speċifika ta' l-Istat Membru kkonċernat, għandu jikkunsidra:

    a)

    It-tipi ta' produzzjoni u r-riskji speċifiċi tagħhom, għandhom ikunu mmirati lejn produzzjoni fil-beraħ, qatgħat miżmuma fil-beraħ u qatgħat privati u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fatturi oħra bħal etajiet varji, użu ta' l-ilma tal-wiċċ, ħajja relativament itwal, il-preżenza ta' iktar minn speċi waħda fl-istabbiliment jew fatturi oħra rilevanti

    b)

    In-numru ta' stabbilimenti tad-dundjani, tal-papri u tal-wiżż li minnhom se jinġabru kampjuni għandu jiġi ddefinit biex tkun żgurata l-identifikazzjoni għall-inqas ta' stabbiliment wieħed infettat jekk il-prevalenza ta' l-istabbilimenti infettati hi għall-inqas ta' 5 %, b'intervall ta' kunfidenza ta' 99 % (ara tabella nru 2).

    c)

    Fejn hemm numru sinifikanti ta' stabbilimenti li jipproduċu tjur tal-kaċċa, ratiti u summien preżenti fi Stat Membru dawn għandhom jiġu inklużi fil-programm. Fir-rigward tas-summien, dawk li jrabbu summien adulti (jew summien biex ibid) biss għandu jsirilhom ġbir ta' kampjuni.

    d)

    Il-perjodu ta' żmien għall-ġbir ta' kampjuni għandu jikkoinċidi mal-produzzjoni ta' l-istaġun. Madankollu, fejn xieraq, il-ġbir ta' kampjuni jista' jiġi addattat għall-perjodi oħra identifikati fuq livell lokali, fejn matul dan iż-żmien il-preżenza ta' tjur ospiti fi stabbiliment tista' tippreżenta riskju ikbar għall-introduzzjoni tal-marda.

    e)

    L-Istati Membri li għandhom jagħmlu l-ġbir ta' kampjuni għall-marda Newcastle biex iżommu l-istatus tagħhom ta' pajjiżi li ma jlaqqmux għall-marda Newcastle skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/327/KE (1) jistgħu jużaw dawn il-kampjuni minn qatgħat tat-tjur għat-trobbija għas-sorveljanza ta' l-anti-korpi ta' l-H5/H7.

    Tabella 1:

    Numri ta' stabbilimenti minn fejn se jsir ġbir ta' kampjuni ta' kull kategorija tat-tjur ta' l-irziezet (minbarra stabbilimenti tad-dundjan, tal-papri u tal-wiżż)

    Numru ta' stabbilimenti għal kull kategorija ta' tjur ta' l-irziezet għal kull Stat Membru

    Numru ta' stabbilimenti minn fejn għandu jsir ġbir ta' kampjuni

    Sa 34

    Kollha

    35-50

    35

    51-80

    42

    81-250

    53

    >250

    60

    Tabella 2:

    Numru ta' stabbilimenti tad-dundjan, tal-papri u tal-wiżż minn fejn għandu jsir ġbir ta' kampjuni

    Numru ta' stabbilimenti għal kull Stat Membru

    Numru ta' stabbilimenti minn fejn għandu jsir ġbir ta' kampjuni

    Sa 46

    Kollha

    47-60

    47

    61-100

    59

    101-350

    80

    >350

    90

    C.   Rekwiżiti speċifiċi għall-osservazzjoni ta' infezzjonijiet bis-sottotipi h5/h7 ta' l-influwenza tat-tjur fil-papri, il-wiżż u s-summien

    1.

    Kampjuni tad-demm għat-testijiet seroloġiċi għandhom jittieħdu preferibbilment minn għasafar li jinżammu fil-beraħ fl-għelieqi.

    2.

    Minn kull stabbiliment magħżul għandhom jittieħdu 40-50 kampjun tad-demm għat-testijiet seroloġiċi.

    D.   Stħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fl-għasafar selvaġġi

    D.1.   It-tifsil u l-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ

    1.

    Se tkun meħtieġa kooperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ta' konservazzjoni u ta' l-osservazzjoni ta' l-għasafar u ta' l-istazzjonijiet fejn l-għasafar jiġu mmarkati bi ċrieket. Fejn hu xieraq, il-ġbir tal-kampjuni għandu jsir taħt is-sorveljanza ta' staff minn dawn il-gruppi/stazzjonijiet jew minn kaċċaturi.

    2.

    Sorveljanza attiva fuq għasafar ħajjin jew ikkaċċjati se tkun immirata lejn:

    a)

    il-popolazzjoni ta' speċi ta' għasafar selvaġġi li jippreżentaw riskju ogħla sabiex jiġu identifikati, fuq il-bażi ta':

    i)

    l-oriġini u r-rotot tal-passa;

    ii)

    in-numri ta' għasafar selvaġġi fil-Komunita; u

    iii)

    il-possibbiltà ta' kuntatt ma' tjur domestiċi.

    b)

    l-identifikazzjoni tas-siti li qegħdin f'riskju, fuq il-bażi ta':

    i)

    siti ta' taħlit ta' numru għoli ta' għasafar tal-passa li jinvolvu speċi differenti u b'mod partikolari dawk li huma elenkati fil-Parti F;

    ii)

    qrubija mal-farms tat-tjur domestiċi; u

    iii)

    lokalizzazzjoni matul ir-rotot tal-passa.

    Il-ġbir tal-kampjuni għandu jqis l-iskema tal-passa skond l-istaġun, li tista' tvarja fi Stati Membri differenti, u l-ispeċi ta' għasafar li huma elenkati fl-Anness F.

    3.

    Is-sorveljanza passiva ta' l-għasafar selvaġġi li jinstabu mejtin tista' timmira primarjament l-okkorrenza ta' mortalità mhux normali jew lejn tfaqqigħ sinifikanti ta' mard fi:

    a)

    speċi ta' għasafar selvaġġi elenkati fil-Parti F u għasafar selvaġġi oħra li jgħixu f'kuntatt magħhom; u

    b)

    f'siti li jissemmew fil-punt 2 (b) (i).

    L-okkorrenza tal-mortalità f'bosta speċi fl-istess sit għandha tkun fattur ieħor li għandu jitqies.

    D.2.   Proċeduri tal-ġbir tal-kampjuni

    1.

    Għandhom jittieħdu kampjuni mill-kloaka għall-eżami viroloġiku. Flimkien ma' għasafar ’ta' l-ewwel sena’ fil-ħarifa, l-ispeċi li għandhom suxxettibbiltà għolja u iktar kuntatt mat-tjur (bħalma huma l-papri Mallard) jistgħu joffru l-ogħla ċans ta' suċċess.

    2.

    Minbarra l-kampjuni mill-kloaka jew ħmieġ frisk, għandhom ukoll jinġabru kampjuni mit-tessuti (il-moħħ, il-qalb, il-pulmuni, il-kliewi u l-imsaren) minn għasafar selvaġġi li jinstabu mejtin jew li sparawlhom għall-iżolazzjoni virali u l-analiżi molekolari (PCR). Tekniċi molekolari għandhom isiru biss f'laboratorji li jistgħu jiggarantixxu assikurazzjoni tal-kwalità u li jużaw metodi li huma rikonoxxuti mil-LRK għall-influwenza tat-tjur.

    3.

    Il-kampjuni għandhom jinġabru minn speċi differenti ta' għasafar ħajjin u ħielsa. Anseriformes (għasafar ta' l-ilma) u Charadriiformes (għasafar tax-xtut) għandhom ikunu dawk l-iktar fil-mira għall-ġbir ta' kampjuni.

    4.

    Kampjuni li fihom il-ħmieġ, jew il-ħmieġ miġbur b'attenzjoni għandhom jittieħdu minn għasafar selvaġġi li ġew minsuba, ikkaċċjati u misjuba mejtin reċentement.

    5.

    Jista' jiġi permess it-taqgħqid ta' ħames kampjuni mill-istess speċi miġbura fl-istess sit u fl-istess ħin. Meta jinġabru kampjuni f'daqqa għandu jiġi żgurat li, f'każ ta' sejba pożittiva, il-kampjuni individwali jistgħu jergħu jiġu ttestjati mill-ġdid.

    6.

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħażna u t-trasport tal-kampjuni. Jekk trasport rapidu fi żmien 48 siegħa lejn il-laboratorju (b'temperatura medja matul it-trasport ta' 4o Celsius) mhux garantit, il-kampjuni għandhom ikunu maħżuna u wara ttrasportati f'silġ xott f'temperatura ta' minus 70o Celsius (temperaturi bejn l-4o C u - 70o C jistgħu jintużaw biss għall-ħażna fuq tul ta' żmien qasir imma għandhom jiġu evitati kemm jista' jkun).

    E.   Testijiet fil-laboratorju

    1.

    Testijiet fil-laboratorju għandhom isiru skond il-proċeduri dijanjostiċi għall-konferma u dijanjosi differenzjali ta' l-influwenza tat-tjur stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 92/40/KEE (inkluż l-eżami tas-sera minn papri u wiżż permezz tat-test tal-haemagglutination-inhibition (HI)).

    2.

    Madankollu, jekk huma previsti testijiet fil-laboratorju, mhux stabbiliti fid-Direttiva 92/40/KEE u lanqas deskritti fil-Manwal Terrestri ta' l-OIE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data ta' validità meħtieġa lil-LRK, filwaqt li jressqu l-programm lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

    3.

    Is-sejbiet seroloġiċi pożittivi kollha għandhom ikunu kkonfermati mil-Laboratorji Nazzjonali għall-influwenza tat-tjur permezz ta' test tal-haemagglutination-inhibition, bl-użu ta' kampjuni indikati fornuti mil-Laboratorju ta' Referenza tal-Komunità għall-Influwenza tat-Tjur.

    H5

    a)

    Test tal-bidu bl-użu ta' Ostrich/Denmark/72420/96 (H5N2)

    b)

    Ittestjar tal-pożittivi kollha bid-Duck/Denmark/64650/03 (H5N7) biex jiġi eliminat l-anti-korp kross-reattiv N2.

    H7

    a)

    Test tal-bidu bl-użu tat-Turkey/England/647/77 (H7N7)

    b)

    Ittestjar tal-pożittivi kollha bl-African Starling/983/79 (H7N1) biex jiġi eliminat l-anti-korp kross-reattiv N7.

    4.

    Il-kampjuni kollha miġbura fl-istħarriġ dwar l-influwenza tat-tjur fl-għasafar selvaġġi (Kapitolu D) għandhom jiġu ttestjati kemm jista' jkun malajr bil-PCR għall-H5 iżda fi żmien gimgħatejn u f'każ ta' sejba pożittiva analiżi tas-sit tal-qasma għandha ssir kemm jista' jkun malajr biex jiġi ddeterminat jekk għandhiex l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI) jew influwenza tat-tjur b'patoġeniċità baxxa (LPAI) jew le.

    5.

    Sorveljanza seroloġika m'għandiex tiġi applikata għall-influwenza tat-tjur f'għasafar selvaġġi.

    6.

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-kampjuni pożittivi bl-H5 u bl-H7 misjuba matul is-sorveljanza tagħhom tat-tjur ta' l-irziezet u ta' l-għasafar selvaġġi kull xahrejn. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' l-Istati Membri, stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità rispettiva, li jinnotifikaw każijiet ta' HPAI lill-Kummissjoni minnufih, irrispettivament mill-organiżmu li nstabet fiha.

    F.   Lista proviżorja ta' speċi ta' għasafar selvaġġi li jippreżentaw riskju ogħla fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur (*)

    Isem bil-Latin

    Isem bil-Malti

    1.

    Anser albifrons

    Wiżża tal-maskra bajda

    2.

    Anser fabalis

    Wiżża tal-ful

    3.

    Anas platyrhynchos

    Kuluvert

    4.

    Anas strepera

    Kuluvert griż

    5.

    Anas acuta

    Northern Pintail

    6.

    Anas clypeata

    Papra tal-munqar wiesa'

    7.

    Anas penelope

    Silfjun (Eurasian Wigeon)

    8.

    Anas crecca

    Sarsella komuni

    9.

    Anas querquedula

    Sarsella ħamra

    10.

    Aythya ferina

    Papra komuni

    11.

    Aythya fuligula

    Papra tal-baħar

    12.

    Vanellus vanellus

    Venewwa

    13.

    Philomachus pugnax

    Gerwiel

    14.

    Larus ridibundus

    Gawwija rasha kannella

    15.

    Larus canus

    Gawwija komuni


    (1)  ĠU L 146, tal-11.6.1994, p. 17.

    (*)  Din il-lista mhix lista limitattiva iżda hija intenzjonata biss biex tidentifika speċi tal-passa li jistgħu jippreżentaw riskju ogħla għall-introduzzjoni ta' l-influwenza tat-tjur fil-Komunità. Għandha tiġi aġġornata kontinwament skond ir-riżultati ta' studji xjentifiċi malli dawn ikunu disponibbli.


    Top