EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0876

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/876/ĠAI ta' tal- 21 ta' Novembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni estratta mir-rekord kriminali

ĠU L 322, 9.12.2005, p. 33–37 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 125–129 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/876/oj

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

125


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/876/ĠAI

tal-21 ta' Novembru 2005

dwar l-iskambju ta' informazzjoni estratta mir-rekord kriminali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li tipprovdi liċ-ċittadini b'livell għoli ta' sigurtà f'żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-għan jissoponi l-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna sentenzi kriminali ta' persuni li jirrisjedu fit-territorju ta' l-Istati Membri bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

(2)

Fid-29 ta' Novembru 2000 il-Kunsill, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, adotta programm ta' miżuri biex jiġi implimentat il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali (3). Din id-Deċiżjoni tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri previsti mill-miżura 3 tal-programm, li ssejjaħ għall-istabbiliment ta' formola standard bħal dik imfassla għall-korpi ta' Schengen, tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni, għal applikazzjonijiet ta' rekords kriminali.

(3)

L-Artikoli 13 u 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ta' l-20 ta' April 1959 (4) jipprovdu għal sistemi għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar sentenzi bejn il-Partijiet Kontraenti, iżda jimxu wisq bil-mod wisq biex ilaħħqu mal-ħtiġiet ta' koperazzjoni ġudizzjarja f'żona bħal dik ta' l-Unjoni Ewropea.

(4)

Ir-Rapport Finali dwar l-ewwel eżerċizzju ta' valutazzjoni - assistenza legali reċiproka f'Materji Kriminali (5) talab lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri għat-trasferiment ta' dokumenti bejn l-Istati, bl-użu jekk meħtieġ, ta' formoli standard biex tiġi faċilitata l-assistenza ġudizzjarja reċiproka.

(5)

Fil-25 ta' Marzu 2004 il-Kunsill Ewropew ta struzzjoni lill-Kunsill biex jeżamina l-miżuri dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar sentenzi għal offiżi terroristiċi u l-possibiltà ta' reġistru Ewropew dwar sentenzi u skwalifiki, u l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u forom oħra ta' kriminalità serja, b'mod partikolari biex jittejbu l-iskambji ta' informazzjoni, saħqet fuq l-importanza ta' mekkaniżmu effettiv għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar sentenzi u skwalifiki.

(6)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea billi t-titjib tas-sistemi għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar sentenzi bejn Stati Membri ma jistax jitwettaq b'mod adegwat mill-Istati Membri unilateralment u jeħtieġ azzjoni kordinata fl-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-imsemmi Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(7)

It-titjib ta' sistemi għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar sentenzi jimplika li sentenzi mogħtija fi Stat Membru kontra ċittadini ta' Stat Membru ieħor isiru magħrufa mill-Istat Membru ta' l-aħħar malajr kemm jista' jkun u li kull Stat Membru jista' jikseb informazzjoni li jeħtieġ mir-rekords kriminali minn Stati Membri oħra fi żmien qasir ħafna.

(8)

Din id-Deċiżjoni tissupplimenta u tiffaċilita l-mekkaniżmi eżistenti għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar sentenzi bbażati fuq konvenzjonijiet eżistenti. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni estratta mir-rekord kriminali ma jissostitwux il-possibbiltà disponibbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji li jittrasmettu informazzjoni li tikkonċerna rekords kriminali dirett lil xulxin taħt l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar l-assistenza reċiproka f'materji kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita bl-Att tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 (6). Madankollu, tipprovdi għal dritt speċifiku ta' l-awtorità ċentrali ta' Stat Membru li tibgħat talba għal informazzjoni estratta mir-rekord kriminali lil awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor, fiċ-ċirkostanzi determinati mil-liġi nazzjonali.

(9)

Id-data personali proċessata taħt din id-Deċiżjoni ser tiġi protetta skond il-prinċipji li daħlu fis-seħħ fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali.

(10)

Taħt ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropea Nru R (84) 10 dwar ir-rekord kriminali u r-rijabilitazzjoni ta' persuni sentenzjati, il-mira ewlenija ta' l-istabbiliment tar-rekord kriminali hu li l-awtoritajiet responsabbli mis-sistema tal-ġustizzja kriminali jiġu informati dwar l-isfond ta' persuna soġġetta għal proċedimenti legali bil-ħsieb li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi adattata għas-sitwazzjoni individwali. Billi l-użu ieħor kollu tar-rekord kriminali li jista' jikkomprometti l-possibbilitajiet ta' rijabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata għandu jkun limitat kemm jista' jkun, l-użu ta' informazzjoni trasmessa taħt din id-Deċiżjoni għal użu għajr fil-kors ta' proċedimenti kriminali jista' jiġi limitat skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat li ntalab u l-Istat li qiegħed jagħmel it-talba.

(11)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u ddikjarati mill-ġdid mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

(12)

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex l-effett li tobbliga lill-Istati Membri jirreġistraw sentenzi jew informazzjoni oħra f'materji kriminali fir-rekord kriminali tagħhom għajr dawk li huma obbligati jirreġistraw skond il-liġi nazzjonali.

(13)

Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għat-trasmissjoni ta' sentenzi jew kopji tagħhom.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Awtorità ċentrali:

1.   Għall-finijiet ta' l-Artikoli 2 u 3, kull Stat Membru għandu jagħżel awtorità ċentrali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu awtorità ċentrali waħda jew iżjed biex jibgħatu informazzjoni taħt l-Artikolu 2 u jwieġbu għal talbiet taħt l-Artikolu 3.

2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-awtorità magħżula skond il-paragrafu 1. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u l-Eurojust b'din l-informazzjoni.

Artikolu 2

Informazzjoni fuq inizjattiva proprja dwar sentenzi

Kull awtorità ċentrali għandha mingħajr dewmien tinforma lill-awtoritajiet ċentrali ta' l-Istati Membri l-oħra dwar sentenzi kriminali u miżuri sussegwenti fir-rigward ta' ċittadini ta' dawk l-Istati Membri mdaħħla fir-rekord kriminali. Fejn il-persuna kkonċernata hi ċittadin ta' żewġ Stati Membri jew iżjed, l-informazzjoni għandha tingħata lil kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, sakemm il-persuna mhijiex ċittadin ta' l-Istat Membru fit-territorju li fih ġiet sentenzjata.

Artikolu 3

Talba għal informazzjoni dwar sentenzi

1.   Fejn informazzjoni mir-rekords kriminali ta’ Stat Membru hija mitluba, l-awtorità ċentrali tista’, skond il-liġi nazzjonali, tibgħat talba għal estratti minn, u informazzjoni relatata ma’, rekords kriminali lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor. It-talbiet kollha għal informazzjoni għandhom jintbagħtu abbażi tal-formola tat-talba prevista fl-Anness.

Meta persuna titlob informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha, l-awtorità ċentrali ta’ l-Istat Membru fejn issir din it-talba, tista’ skond il-liġi nazzjonali tibgħat talba għal estratti minn u informazzjoni relatata ma’ rekords kriminali lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor jekk il-persuna kkonċernata hija jew kienet residenti jew ċittadin ta’ l-Istat Membru li qiegħed jitlob jew li ntalab.

2.   It-tweġiba għandha tintbagħat immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien perijodu li ma jaqbiżx għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta t-talba ġiet riċevuta, taħt il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, ir-regolamenti jew il-prattika nazzjonali mill-awtorità ċentrali ta’ l-Istat Membru li ntalab lill-awtorità ċentrali ta’ l-Istat Membru li qiegħed jitlob abbażi tal-formola prevista fl-Anness. Hi għandha tinkludi l-informazzjoni riċevuta skond l-Artikolu 2 u reġistrata fir-rekord kriminali ta’ l-Istat Membru li ntalab.

Jekk it-talba issir għall-persuna kkonċernata skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu (1), il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu m’għandux jaqbeż l-għoxrin jum ta’ xogħol mir-riċeviment tat-talba.

3.   Fejn l-Istat Membru li ntalab jeħtieġ iżjed informazzjoni biex jidentifika l-persuna li għaliha tirreferi t-talba, għandu jikkonsulta immedjatament ma’ l-Istat Membru li qiegħed jitlob bil-ħsieb li tingħata tweġiba fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta l-informazzjoni addizzjonali mixtieqa ġiet riċevuta.

4.   It-tweġiba għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni ta’ sentenzi, taħt il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali.

5.   Talbiet, tweġibiet u informazzjoni oħra rilevanti jistgħu jiġu trasmessi permezz ta’ kwalunkwe mezz li jista’ jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat li jirċievi jistabbilixxi l-awtentiċità.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-użu ta’ data personali

1.   Data personali komunikata taħt l-Artikolu 3 għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali tista’ tintuża mill-Istat Membru li qiegħed jitlob għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali biss li għalihom intalbet kif speċifikat fil-formola prevista fl-Anness.

2.   Data personali komunikata taħt l-Artikolu 3 għal finijiet għajr proċedimenti kriminali, tista’ tintuża mill-Istat Membru li qiegħed jitlob skond il-liġi nazzjonali tiegħu għall-finijiet li għalihom intalbet biss u fil-limiti speċifikati fil-formola mill-Istat Membru li ntalab biss.

3.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal data personali miksuba minn Stat Membru taħt din id-Deċiżjoni u li toriġina minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 5

Lingwi

Din il-formola għandha tintbagħat mill-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba fil-lingwa uffiċjali, jew waħda mill-lingwi uffiċjali, ta’ l-Istat Membru li ntalab. L-Istat Membru li ntalab għandu jwieġeb jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu jew inkella f’lingwa oħra li ż-żewġ Stati Membri jistgħu jaqblu fuqha. Kwalunkwe Stat Membru, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew f’data iżjed tard, jista’ jindika, permezz ta’ dikjarazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, liema huma l-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li jaċċetta. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri dwar din l-informazzjoni.

Artikolu 6

Relazzjoni ma' strumenti legali oħra

1.   Fir-rigward ta’ l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni tissupplimenta u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 13 u 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ta’ l-20 ta’ April 1959, il-Protokolli addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978 (7) u tat-8 ta’ Novembru 2001 (8), il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Mejju 2000 (9) u l-Protokoll tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2001 (10).

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għad-dritt li jużaw bejniethom ir-riżervi tagħhom għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ta’ l-20 ta’ April 1959. Din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffettwa r-riżervi magħmula fir-rigward ta’ l-Artikolu 22 ta’ dik il-Konvenzjoni. Tali riżervi jistgħu jiġu nvokati fir-rigward ta’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet iżjed favorabbli fi ftehim bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri.

Artikolu 7

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Deċiżjoni mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ mhux iżjed tard mill-21 ta' Mejju 2006.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar il-21 ta' Novembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 322, 29.12.2004, p. 9.

(2)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(4)  Kunsill ta’ l-Ewropa, Serje tat-Trattati Ewropej, Nru. 30.

(5)  ĠU C 216, 1.8.2001, p. 14.

(6)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1.

(7)  Kunsill ta’ l-Ewropa, Serje tat-Trattat Ewropew, Nru. 99.

(8)  Kunsill ta’ l-Ewropa, Serje tat-Trattat Ewropew, Nru. 182.

(9)  ĠU L 197, 12.7.2000, p. 3.

(10)  ĠU L 326, 21.11.2001, p. 1.


ANNESS

Formola msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/876/ĠAI tal-21 ta' Novembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni estratta mir-rekord kriminali

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top