Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0851

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/851/PESK tal- 21 ta’ Novembru 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet

ĠU L 315, 1.12.2005, p. 20–20 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 109–115 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/851/oj

Related international agreement

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

109


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/851/PESK

tal-21 ta’ Novembru 2005

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Il-kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet ta’ l-UE ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni eventwalment possibbli fil-futur, pjuttost milli jiddefinixxu dawn il-kondizzjonijiet skond il-każ għal kull operazzjoni konċernata.

(2)

Wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill fit-23 ta’ Frar 2004, il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim sabiex dan jorbot lill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar il-21 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

IL-KANADA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea (EU) tista’ tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam ta' l-immaniġġar ta’ kriżijiet;

(2)

Il-Kunsill Ewropew f’Sivilja fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2002 ftiehem dwar l-arranġamenti għall-konsultazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada fl-immaniġġar ta’ kriżijiet;

(3)

L-Unjoni Ewropea sejra tiddeċiedi jekk Stati terzi jiġux mistiedna jipparteċipaw f’xi operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi. Il-Kanada tista' taċċetta l-istedina mill-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F’tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi jekk taċċettax il-kontribut propost tal-Kanada;

(4)

Jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li twettaq xi operazzjoni militari ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi b’rikors għall-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO, il-Kanada tista’ tesprimi l-intenzjoni tagħha, bħala prinċipju, li tieħu sehem fl-operazzjoni;

(5)

Il-kondizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-Kanada f’operazzjonijiet ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni eventwalment possibbli fil-futur, pjuttost milli jiġu definiti dawn il-kondizzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ għal kull operazzjoni konċernata;

(6)

Tali Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta' l-Unjoni Ewropea, u ma għandux jippreġudika n-natura, ta' konsiderazzjoni każ b' każ, tad-deċiżjonijiet tal-Kanada sabiex tipparteċipa f'xi operazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ta' l-immaniġġar ta’ kriżi;

QABLU KIF ĠEJ:

SEZZJONI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tistieden lill-Kanada sabiex tieħu sehem f'operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, u ladarba l-Kanada tkun iddeċidiet fil-prinċipju li tieħu sehem, il-Kanada għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.

2.   Fejn l-Unjoni Ewropea tkun iddeċidiet li twettaq operazzjoni militari ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi b’rikors għall-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO, il-Kanada għandha tinforma lill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe intenzjoni tagħha li tieħu sehem fl-operazzjoni, u sussegwentement tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut li jkollha l-ħsieb li tagħti.

3.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut tal-Kanada għandha ssir f'konsultazzjoni mal-Kanada.

4.   L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika fiż-żmien opportun ir-riżultat tal-valutazzjoni lill-Kanada permezz ta’ ittra bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Kanada skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1.   Il-Kanada għandha tassoċja ruħha ma’ l-Azzjoni Konġunta li biha l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE twettaq l-operazzjoni ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi, u ma’ kwalunkwe Azzjoni Konġunta jew Deċiżjoni li biha l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jemenda jew jestendi l-mandat ta’ l-operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġamenti implementattivi meħtieġa.

2.   Il-parteċipazzjoni tal-Kanada f’operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Status tal-persunal u l-forzi

1.   L-istatus tal-persunal sekondat għal operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi u/jew tal-forzi kontribwiti lil operazzjoni militari ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi mill-Kanada għandhom jiġu regolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-Missjoni, jekk disponibbli, konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni.

2.   L-istatus ta’ persunal kontribwit għall-kwartieri ġenerali jew lill-elementi ta’ kmand li jinsabu barra l-Istat jew Stati li fihom isseħħ l-operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi, għandu jiġi regolat minn arranġamenti bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand konċernati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-Missjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kanada għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jieħu sehem fl-operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-Missjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kanada għandha tkun responsabbli sabiex twieġeb għal kwalunkwe pretensjoni konnessa mal-parteċipazzjoni tagħha f’operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi, minn jew dwar kwalunkwe wieħed mill-membri tal-persunal tagħha.

5.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni, il-Kanada għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim dwar l-istatus tal-Missjoni, jekk disponibbli, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.   Il-Kanada timpenja ruħha li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti f'operazzjoni ta' l-immaniġġar ta' kriżi ta' l-UE li fiha tieħu sehem il-Kanada, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa espost fl-Anness għal dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra l-Kanada, meta din tkun qiegħda tipparteċipa f’operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa espost fl-Anness ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Il-Kanada għandha tiżgura li meta informazzjoni klassifikata ta’ l-UE tiġi trattata minn persunal Kanadiż fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi immexxija mill-UE, il-persunal Kanadiż jirrispetta l-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi tar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 (1). Il-Kanada għandha tiżgura wkoll li l-persunal Kanadiż jirrispetta kull gwida ulterjuri dwar informazzjoni klassifikata ta’ l-UE maħruġa lilu mill-awtoritajiet kompetenti, inkluża dik mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE fil-kuntest ta’ operazzjoni militari ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi jew mill-Kap tal-Missjoni ta’ l-UE fil-kuntest ta’ operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6(2) u 10(2).

2.   Jekk l-UE tirċievi informazzjoni klassifikata mill-Kanada, dik l-informazzjoni għandha tingħata protezzjoni adegwata għall-klassifikazzjoni tagħha u ekwivalenti għall-istandards stabbiliti fir-regolamenti għall-informazzjoni klassifikata ta’ l-UE.

3.   Fejn l-UE u l-Kanada kkonkludew Ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi.

SEZZJONI II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI TA’ L-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal sekondat lil operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi

1.   Il-Kanada għandha tiżgura li l-persunal tagħha sekondat lill-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi jwettaq l-missjoni tiegħu konformement ma’:

(a)

l-Azzjoni Konġunta u emendi sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim;

(b)

il-Pjan ta’ Operazzjoni;

(ċ)

il-miżuri implementattivi.

2.   Il-Kanada għandha tinforma fiż-żmien dovut lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha għall-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi.

3.   Il-persunal sekondat lill-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi għandu jagħmel eżami mediku, għandu jiġi vaċċinat skond kif ikun kunsidrat meħtieġ mill-awtorità kompetenti Kanadiża u għandu jkun ċertifikat medikament b’saħħtu sabiex iwettaq dmirijietu minn awtorità kompetenti mill-Kanada. Il-persunal sekondat lill-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi ta’ l-UE għandu jipproduċi kopja ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta' kmand

1.   Il-persunal sekondat mill-Kanada għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħhu esklussivament fl-interess ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

2.   Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi, li għandu jeżerċita dik l-awtorità permezz ta’ struttura ġerarkika ta’ kmand u kontroll.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi ta’ l-UE u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tagħha ta’ kuljum.

5.   Il-Kanada għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-operazzjoni bħall-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fl-operazzjoni skond l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim.

6.   Il-Kap tal-Missjoni ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi ta’ l-UE għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi. Meta jkun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali konċernata.

7.   Għandu jiġi maħtur, mill-Kanada, Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (NPC) sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirraporta lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi dwar kwistjonijiet nazzjonali li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

8.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Kanada, dment li l-Kanada tkun għadha qiegħda tieħu sehem fl-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni ta’ l-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

Il-Kanada għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż, li huma suġġetti għal finanzjament komuni, kif stabbiliti fil-budget operattiv ta’ l-operazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-budget operattiv

1.   Il-Kanada għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-budget operattiv ta’ l-operazzjoni ċivili ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi, suġġetta għall-paragrafu 3.

2.   Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kanada għall-budget operattiv għandha tkun l-aktar ammont baxx minn dawn iż-żewġ alternattivi li ġejjin:

(a)

dak is-sehem ta’ l-ammont ta’ referenza li jikkorrispondi proporzjonatament għall-proporzjon tal-GNI tagħha mat-total tal-GNIs ta’ l-Istati kollha li jikkontribwixxu għall-budget operattiv ta’ l-operazzjoni; jew

(b)

dak is-sehem ta’ l-ammont ta’ referenza għall-budget operattiv li jikkorrispondi proporzjonatament għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tagħha li jieħu sehem fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal ta’ l-Istati kollha li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha, bħala prinċipju, teżenta lill-Kanada mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi partikolari meta l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjoni tipprovdi kontribut sinifikattiv li huwa essenzjali għal din l-operazzjoni.

4.   Fejn ikun il-każ, għandu jiġi konkluż arranġament dwar il-modalitajiet prattiċi tal-ħlas bejn il-Kap tal-Missjoni ta’ l-operazzjoni ċivili ta' l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi u s-servizzi amministrattivi rilevanti tal-Kanada dwar il-kontribuzzjonijiet tal-Kanada għall-budget operattiv ta’ l-operazzjoni ċivili ta' l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi. Dan l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont konċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(ċ)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-Kanada ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ allowances per diem imħallsa lill-persunal ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

SEZZJONI III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI TA’ L-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi

1.   Il-Kanada għandha tiżgura li l-forzi u l-persunal tagħha li jieħdu sehem fl-operazzjoni militari ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta' kriżi jwettqu l-missjoni tagħhom konformement ma’:

(a)

l-Azzjoni Konġunta u emendi sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1) ta’ dan il-Ftehim;

(b)

il-Pjan ta’ Operazzjoni;

(ċ)

il-miżuri implementattivi.

2.   Il-Kanada għandha tinforma lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE fiż-żmien dovut bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta' kmand

1.   Il-persunal sekondat mill-Kanada għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħhu esklussivament fl-interess ta’ l-operazzjoni militari ta' l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

2.   Il-forzi u l-persunal kollha li jieħdu sehem fl-operazzjoni militari ta’ l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operazzjonali u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE. Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għandu d-dritt jiddelega l-awtorità tiegħu jew tagħha.

4.   Il-Kanada għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta' tmexxija ta’ kuljum ta’ l-operazzjoni bħall-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem skond l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2 (1) ta’ dan il-Ftehim.

5.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mal-Kanada, fi kwalunkwe waqt jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Kanada.

6.   Rappreżentant Militari Anzjan (SMR) għandu jiġi maħtur mill-Kanada sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari ta' l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, il-Kanada għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta’ l-ispejjeż komuni ta’ operazzjonijiet ta’ l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (2).

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Il-Kanada għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ l-ispejjeż komuni ta’ l-operazzjoni militari ta' l-UE ta’ l-immaniġġar tal-kriżi, suġġett għall-paragrafu 3.

2.   Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kanada għall-ispejjeż komuni għandha tkun l-aktar ammont baxx minn dawn iż-żewġ alternattivi li ġejjin:

(a)

dak is-sehem ta’ l-ammont ta’ referenza li jikkorrispondi proporzjonatament għall-proporzjon tal-GNI tagħha mat-total tal-GNIs ta’ l-Istati kollha li jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni ta’ l-operazzjoni; jew

(b)

dak is-sehem ta’ l-ammont ta’ referenza għall-ispejjeż komuni li jikkorrispondi proporzjonatament għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tagħha li jieħu sehem fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal ta’ l-Istati kollha li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

Fil-kalkolu ta’ 2(b), fejn il-Kanada tikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali ta’ l-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tagħha għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. Inkella, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mill-Kanada għal dak tal-persunal totali ta’ l-operazzjoni.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha, bħala prinċipju, teżenta lill-Kanada minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta’ operazzjoni militari ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi partikolari meta l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjoni tipprovdi kontribut sinifikattiv għal assi u/jew kapċitajiet li huma essenzjali għal din l-operazzjoni.

4.   Meta jkun il-każ, għandu jsir arranġament bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta’ l-ispejjeż komuni ta’ operazzjonijiet ta’ l-UE b’implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Kanada. Dan l-arranġament għandu jinkludi dispożizzjonijiet inter alia dwar:

(a)

l-ammont konċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(ċ)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

SEZZJONI IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti għall-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12(4) u 8(4), kwalunkwe arranġamenti tekniċi u amministrattivi meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu konklużi bejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada.

Artikolu 14

Non-konformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma ma’ l-obbligi tagħha stabbiliti f'dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tagħti pre-avviż ta’ xahar.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet

Kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal reviżjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2008, u sussegwentement almenu kull tliet snin.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi denunzjat minn Parti waħda b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

B'XIEHDA TA' DAN, il-partijiet hawn taħt imsemmija, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul duplikatament fi Brussel, illum nhar il-24 ta' Novembru 2005, bl-Ingliż u bil-Franċiż, b’kull verżjoni ugwalment awtentika.

Għall-Unjoni Ewropea

Image

Għall-Kanada

Image


(1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/194/KE (ĠU L 63, 28.2.2004, p. 48).

(2)  ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/68/PESK (ĠU L 27, 29.1.2005, p. 59).

ANNESS

TEST TA' DIKJARAZZJONIJIET

Dikjarazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-UE:

L-Istati Membri ta' l-UE li japplikaw Azzjoni Konġunta ta' l-UE dwar operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi li fiha tieħu sehem il-Kanada, sejrin jagħmlu dak li jistgħu, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, sabiex jirrinunzjaw fuq bażi reċiproka, sa fejn ikun possibbli, għal pretensjonijiet kontra l-Kanada għal korriment, mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi jekk tali korrriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kawżati minn persunal mill-Kanada fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu marbuta ma’ l-operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta' diliġenza jew ta' komportament doluż, jew

irriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi tal-Kanada, sakemm l-assi ġew użati b'konnessjoni ma' l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' nuqqas serju ta' diliġenza jew ta' komportament doluż tal-persunal mill-Kanada ta' l-operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi li uża dawk l-assi.

Dikjarazzjoni mill-Kanada:

Il-Kanada, meta tassoċja ruħha ma' Azzjoni Konġunta ta' l-UE dwar operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, sejra tagħmel dak li tista', sa fejn is-sistemi legali interni tagħha jippermettu dan, sabiex tirrinunzja fuq bażi reċiproka, sa fejn ikun possibbli, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jieħu sehem fl-operazzjoni ta' l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi għal korriment, mewt tal-persunal tagħha, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi, jekk tali korrriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kawżati mill-persunal fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu marbuta ma’ l-operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta' diliġenza jew ta' komportament doluż, jew

irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi ta’ l-Istati li jieħdu sehem fl-operazzjoni ta' l-immaniġġar tal-kriżi ta' l-UE, sakemm l-assi ġew użati b’konnessjoni ma’ l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta' diliġenza jew ta' komportament doluż tal-persunal ta’ l-operazzjoni ta' l-UE ta' l-immaniġġar tal-kriżi li uża dawk l-assi.


Top