EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0705

2005/705/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 10 ta’ Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fit-Turkija ( innotifikata taħt dokument numru C(2005) 3966) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 267, 12.10.2005, p. 29–30 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 432–433 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/10/2005; Imħassar b' 32005D0733

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/705/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

432


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-10 ta’ Ottubru 2005

dwar ċerti miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fit-Turkija

(innotifikkata taħt dokument numru C(2005) 3966)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2005/705/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, u 90/675/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (1) ta' din id-Direttiva,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali li tittieħed fit-tjur u l-għasafar, li hija kawża ta’ mortalità u ta’ disturbi li faċilment jistgħu jaslu sa proporzjonijiet epiżotiċi u li jistgħu jkunu ta' periklu serju għas-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u jnaqqsu b’ mod konsiderevoli l-qligħ mit-trobbija tat-tjur. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u fil-prodotti tat-tjur.

(2)

Fit-9 ta' Ottubru 2005, it-Turkija nnotifikat lill-Kummissjoni b'tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur fi stabbiliment tat-trobbija tat-tjur fil-partijiet tal-punent ta' l-Anatolja. Il-virus H5 iżolat u l-istampa klinika jirriżultaw f' suspett ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja sakemm ma jiġix determinat it-tip ta' neuramisa (N) u l-indiċi ta' patoġeniċità.

(3)

Importazzjonijiet mit-Turkija ta' għasafar u tjur u prodotti dderivati minn dawn l-ispeċi mhumiex awtorizzati bl-eċċezzjoni ta' għasafar ħajjin minbarra t-tjur ta' l-irziezet, rix mhux ittrattat u prodotti tal-laħam tat-tjur tar-razzett trattat bis-sħana.

(4)

Fid-dawl tar-riskju għas-saħħa ta' l-annimali ta' l-introduzzjoni ta' mard fil-Komunità, huwa għalhekk xieraq bħala miżura immedjata li l-importazzjonijiet ta' għasafar minbarra tjur ta' l-irziezet u rix mhux ittrattat mit-Turkija jiġu sospiżi temporanjament.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE (3) li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u tas-saħħa pubblika u mudelli ta' ċertifikat għall-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE and 97/222/KE tistipula lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam u li tistabbilixxi reġimi ta' trattament meqjusa bħala effettivi fir-rigward ta' l-inattivazzjoni tal-patoġeni rispettivi. Bħala prevenzjoni tar-riskju tat-teħid tal-mard permezz ta' prodotti bħal dawn, trattament xieraq irid jiġi applikat skond l-istatus ta' saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġni u l-ispeċi li l-prodott jinkiseb minnha. Għalhekk jidher li hu xieraq li importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam tat-tjur ta' l-irziezet li joriġinaw mit-Turkija u li jiġu ttrattati kompletament b'temperatura ta' mhux anqas minn 70 °C għandhom jibqgħu jiġu awtorizzati.

(6)

Fid-dawl ta' l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fit-Turkija li ġew komunikati lill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni se jiġu studjati fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mit-territorju tat-Turkija ta':

“għasafar (ħajjin minbarra tjur ta' l-irziezet)” kif iddefinit fl-Artikolu 1, fit-tielet inċiż tad-Deċiżjoni 2000/666/KE (4), inklużi għasafar li huma akkumpanjati minn sidhom (għasafar domestiċi), u

rix u partijiet tar-rix mhux ipproċessati.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu importati mit-territorju tat-Turkija, konsenji ta' rix ipproċessat jew partijiet tar-rix (minbarra r-rix pproċessat biex iżejjen, rix ipproċessat li jġorruh vjaġġaturi għall-użu privat tagħhom jew konsenji ta' rix ipproċessat mibgħut lill-individwi privati għal skopijiet mhux industrijali) ikunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara li r-rix ipproċessat jew partijiet minnu nħaslu b'kurrent ta' fwar jew b'xi metodu ieħor li jiżgura l-inattivazzjoni tal-patoġenu.

Artikolu 3

L-Istati Membi għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-importazzjonijiet sabiex ikunu bi qbil ma' din id-Deċiżjoni u għandhom mill-aktar fis jagħrfu pubblikament bil-miżuri adottati. Huma għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tibqa' tapplika sa l-20 ta' Ottubru 2005.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-10 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1). Verżjoni kkoreġuta ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3.

(4)  ĠU L 278, 31.10.2000, p. 26. Deċiżjoni kif emendata l-aħħa bid-Deċiżjoni 2002/279/KE (ĠU L 99, 16.4.2002, p. 17).


Top