Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0648

    2005/648/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Settembru 2005 dwar il-miżuri ta' ħarsien relatati mal-marda tan-Newcastle fil-Bulgarija (notifikata taħt dokument numru C(2005) 3389) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 238, 15.9.2005, p. 16–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 335–336 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1792

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/648/oj

    12.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    335


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Settembru 2005

    dwar il-miżuri ta' ħarsien relatati mal-marda tan-Newcastle fil-Bulgarija

    (notifikata taħt dokument numru C(2005) 3389)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (2005/648/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistipula l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Nhar it-23 ta’ Awwissu 2005, il-Bulgarija kkonfermat li kien hemm tifqiegħa tal-marda tan-Newcastle fid-distrett amministrattiv ta' Vratsa fil-Bulgarija. Il-marda tan-Newcastle hija marda virali li tittieħed ħafna fit-tjur ta’ l-irziezet u l-għasafar u hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda għandu mnejn jiġi introdott permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ta' l-irziezet ħajjin u fil-prodotti tat-tjur ta' l-irziezet.

    (2)

    Fid-dawl tar-riskju għal saħħet l-annimali minħabba r-riskju ta' dħul il-marda fil-Komunità, huwa għalhekk xieraq li jittieħdu miżuri fir-rigward ta’ l-importazzjoni tat-tjur ta’ l-irziezet ħajjin, l-għasafar li ma jtirux, it-tjur tal-priża mrobbijin u selvaġġi u tal-bajd tat-tifqis ta' dawk l-ispeċijiet mill-Bulgarija.

    (3)

    Il-Bulgarija kkomunikat aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda u talbet għar-reġjunalizzazzjoni sabiex l-importazzjoni lejn il-Komunità tiġi sospiża mid-distrett amministrattiv ta' Vratsa biss, billi s-sitwazzjoni fil-bqija tal-pajjiż tidher li hija sodisfaċenti. L-informazzjoni disponibbli preżentement toffri l-possibilità li l-miżuri ta’ protezzjoni jitnaqqsu għal reġjun speċifiku.

    (4)

    Għaldaqstant, l-importazzjoni lejn il-Komunità mid-distrett amministrattiv ta’ Vratsa fil-Bulgarija għandha tkun sospiża f’dak li hu laħam frisk tat-tjur ta’ l-irziezet, ta' l-għasafar li ma jtirux, tat-tjur tal-priża mrobbijin u selvaġġi, tal-preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam magħmula mil-laħam ta' dawk l-ispeċijiet jew li fihom dan l-istess laħam, miksuba minn għasafar maqtula wara s-16 ta' Lulju 2005.

    (5)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE (3), tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni minnhom ta’ prodotti tal-laħam, u tistabbilixxi sistemi ta’ trattament sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-mard jinxtered permezz ta’ dawn il-prodotti. It-trattament li għandu jiġi applikat għall-prodott jiddependi mill-istatus tas-saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġini, b'rabta ma' l-ispeċi li minnha jinkiseb il-laħam; biex ikun evitat xkiel żejjed fuq il-kummerċ, l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam tat-tjur ta’ l-irziezet li joriġinaw fil-Bulgarija ttrattati b'temperatura ta' mill-anqas 70 Ċelsjus fil-prodott kollu għandu jkompli jiġi awtorizzat.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deliżjoni huma f'konformità ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artkolu 1

    L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mid-distretti amministrattivi fil-Bulgarija elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni ta' tjur ta’ l-irziezet ħajjin, għasafar li ma jtirux, tjur tal-priża mrobbijin u selvaġġi u ta' bajd għat-tifqis ta' dawn l-ispeċijiet.

    Artkolu 2

    L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mid-distretti amministrattivi fil-Bulgarija elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni ta':

    a)

    laħam frisk tat-tjur ta’ l-irziezet, ta’ l-għasafar li ma jtirux, tat-tjur tal-priża mrobbija u selvaġġi; u

    b)

    preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew fihom il-laħam ta' l-ispeċi msemmija fil-punt (a).

    Artkolu 3

    1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2 (a) u (b), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti koperti minn dak l-Artikolu li jkunu nkisbu minn tjur ta’ l-irziezet, għasafar li ma jtirux, u tjur tal-priża mrobbija jew selvaġġi li jkunu ġejjin mid-distretti amminisrattivi fil-Bulgarija elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u li tbiċċru jew inqatlu qabel is-16 ta' Lulju 2005.

    2.   Fiċ-ċertifikati veterinarji mehmużin mal-kunsinni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi inkluż dan il-kliem li ġej:

    “Laħam frisk tat-tjur ta’ l-irziezet/laħam frisk ta' għasafar li ma jtirux/laħam frisk ta' tjur tal-priża selvaġġi/laħam frisk ta' tjur tal-priża mrobbija/prodotti tal-laħam li jikkonsisti minn, jew fihom il-laħam tat-tjur ta’ l-irziezet, ta' l-għasafar li ma jtirux, tat-tjur tal-priża mrobbija jew selvaġġi/preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom il-laħam tat-tjur ta’ l-irziezet, ta' għasafar li ma jtirux, ta' laħam tat-tjur tal-priża selvaġġi jew imrobbija (*) skond l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2005/648/KE”.

    3.   Permezz ta' deroga mill-punt (b) ta’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom laħam tat-tjur ta’ l-irziezet, ta' għasafar li ma jtirux, tat-tjur tal-priża selvaġġi jew imrobbija, meta l-laħam ta' dawn l-ispeċijiet jkun għadda minn wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija fil-punti B, C jew D fil-parti 4 ta' l-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE.

    Artkolu 4

    L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex jikkonformawhom ma' din id-Deċiżjoni u għandhom jippubbliċizzaw il-miżuri adottati b'mod xieraq u immedjat. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bihom.

    Artkolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-23 ta' Awwissu 2006.

    Artkolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Settembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

    (2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

    (3)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3.


    ANNESS

    Id-distrett amministrattiv ta' Vratsa


    Top