Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0598

    2005/598/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Awwissu 2005 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti dderivati minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta' Awwissu 1996 għal kwalunkwe skop u li teżenta dawn l-annimali minn ċerti kontrolli u miżuri ta' qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 (notifikata taħt dokument numru C(2005) 2916) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 204, 5.8.2005, p. 22–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 255–256 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2007; Imħassar b' 32007D0411

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/598/oj

    12.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    255


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta’ Awwissu 2005

    li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti dderivati minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996 għal kwalunkwe skop u li teżenta dawn l-annimali minn ċerti kontrolli u miżuri ta' qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001

    (notifikata taħt dokument numru C(2005) 2916)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/598/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta' ċerti enkefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (1), u b'mod partikolari l-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 12(1), l-Artikoli 13(3) u 16(7) u l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar il-perikli bijoloġiċi ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta' l-Ikel (EFSA) tal-21 ta' April 2004 dwar il-ġustifikazzjoni xjentifika għall-emendi proposti lill-Iskema tar-Renju Unit ta' Esportazzjoni Bbażata fuq id-Data (DBES) u għar-regola ta' 'L Fuq minn Tletin Xahar (OTM), tikkonkludi li bovini mwielda u mrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996 għandhom jinżammu 'l barra mill-katini ta' l-ikel u l-għalf, minħabba l-inċidenza ogħla ta' l-enkefalopatija bovina sponġiformi (BSE) f'dan il-grupp. Għal bovini li twieldu wara dik id-data, l-opinjoni tikkonkludi li r-riskju fir-rigward tal-BSE għall-konsumaturi huwa f'medda komparabbli ma' dik fi Stati Membri oħra. Mill-1 ta' Awwissu 1996, il-laħam u l-għadam mitħun kollu tal-mammali ġie pprojbit milli jintuża fl-għalf għall-annimali kollha mrobbija fir-Renju Unit.

    (2)

    F'dawk iċ-ċirkostanzi, huwa xieraq li jkunu pprojbiti mit-tqegħid fis-suq il-prodotti kollha, li jikkonsistu fi, jew li fihom materjali ġejjin minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996 u li jiġi żgurat li dawn il-materjali jinqerdu sabiex jiġi evitat kull riskju ta' trażmissjoni ta' l-enkefalopatija sponġiformi trażmissibbli (TSE) lill-bnedmin jew l-annimali.

    (3)

    Fuq parir xjentifiku li rrakkomanda li l-ġlud ma jirrappreżentawx riskju, l-ebda kundizzjonijiet m'għandhom jiġu imposti fir-rigward tal-kummerċ fihom. Għalhekk għandu jkun possibbli li l-ġlud ta' dawk l-annimali jintużaw għall-produzzjoni tal-ġild.

    (4)

    It-tqegħid fis-suq tal-ġlud għandu jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jistipola r-regoli tas-saħħa għal prodotti sekondarji mill-annimali li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem (2), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 878/2004 tad-29 ta' April 2004 li jistipola miżuri ta' tranżizzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għal ċerti prodotti sekondarji mill-annimali kklassifikati bħala materjali ta' Kategorija 1 u 2 u maħsuba għal skopijiet tekniċi (3). Minħabba li l-ebda restrizzjoni ma tapplika għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib taħt ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, ħalib u prodotti tal-ħalib għandhom ukoll jiġu esklużi mill-projbizzjoni għat-tqegħid fis-suq.

    (5)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1326/2001 tad-29 ta' Ġunju 2001 li jistipula miżuri ta' tranżizzjoni sabiex tkun possibbli l-bidla għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta' ċerti enkefalopatiji sponġiformi trażmissibli u li jemenda l-Annessi VII u XI għal dak ir-Regolament (4) issospenda l-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 bħala miżura ta' tranżizzjoni, u partikolarment il-miżuri dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti, stipulati fl-Artikolu16 tiegħu. Fiċ-ċirkostanzi, il-projbizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti dderivati minn annimali mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996 għandha għalhekk tiġi adottata bħala miżura ta' tranżizzjoni, fl-istennija ta' l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni li tiddetermina l-istatus tal-BSE fir-Renju Unit.

    (6)

    L-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipulaw regoli dwar miżuri li għandhom jiġu applikati fuq suspetti u konfermi ta' TSE. L-Artikolu 13 jispeċifika li Stati Membri, li implimentaw skema sostituta li toffri livell ta' ħarsien ekwivalenti għall-miżuri ta' restrizzjoni fuq iċ-ċaqliq u l-qtil u l-qerda tal-grupp previsti f'dawk l-artikoli, jistgħu, b'deroga, japplikaw dawk il-miżuri ekwivalenti jekk ġew approvati skond il-proċedura ta' komitoloġija.

    (7)

    Fl-24 ta' Mejju 2001, ir-Renju Unit applika għall-għarfien tal-miżuri li japplika bħala ekwivalenti għar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq u l-qerda tal-grupp meħtieġa mill-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

    (8)

    Fil-11 ta' Jannar 2002 il-Kumitat ta' Tmexxija Xjentifika (SSC) adotta opinjoni dwar il-miżura ta' protezzjoni addizzjonali prevista minn skemi ta' qerda differenti taħt il-kundizzjonijiet kurrenti fir-Renju Unit u l-Ġermanja. L-SSC għaraf li l-miżuri fis-seħħ fir-Renju Unit, jiġifieri projbizzjoni totali fuq l-għalf, it-tħaddim ta' skema ta' qerda għal bovini ta' 'l fuq minn tletin xahar (l-iskema OTM) u projbizzjoni fuq materjal speċifiku ta' riskju, jekk implimentati effettivament, jipprovdu livell ta' sikurezza li ma jistax jittejjeb b'mod sinifikanti permezz tal-qtil u l-qerda ta' annimali fir-riskju kif jitlob il-punt (c) ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

    (9)

    Minħabba li l-ebda prodotti, ħlief il-ħalib u prodotti tal-ħalib, kif ukoll ġlud imħejjija għall-produzzjoni tal-ġild biss, miksuba minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996 jistgħu jitqiegħdu fis-suq, skema li tipprevedi l-qerda ta' dawk l-animali fi tmiem il-ħajja produttiva tagħhom skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandha titqies bħala waħda li toffri miżuri ta' ħarsien ekwivalenti għall-miżuri stipulati fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 abbażi ta' l-opinjoni ta' l-SSC tal-11 ta' Jannar 2002. Għal annimali fir-riskju li twieldu wara l-31 ta' Lulju 1996, il-miżuri kollha ta' qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jibqgħu japplikaw.

    (10)

    Huwa xieraq, għalhekk, fuq il-passi tal-projbizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni, li r-Renju Unit jiġi eżentat mill-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti ta' kontroll u qerda stipulati fl-Artikoli12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 fir-rigward ta' annimali mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-ebda prodotti li jikkonsistu fi, jew li jinkludu materjali, ħlief il-ħalib, miksuba minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996 ma għandhom jitqiegħdu fis-suq.

    2.   Mal-mewt ta' kull annimal bovin imwieled jew imrobbi fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996, il-partijiet kollha ta' ġismu għandhom jintremew skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

    3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-ġlud ta' l-annimali msemmija hemm jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-ġild, skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 u l-Artikoli 4(1) u 5 tar-Regolament (KE) Nru 878/2004.

    Artikolu 2

    1.   Meta enkefalopatija sponġiformi trażmissibbli (TSE) hija suspettata jew ġiet ikkonfermata uffiċjalment f'annimal bovin imwieled jew imrobbi fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awwissu 1996, ir-Renju Unit huwa eżentat mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti:

    a)

    fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li l-kumplament ta' l-annimali f'dak l-istabbiliment ħlief għal dawk imwielda fit-tnax-il xahar wara l-1 ta' Awwissu 1996 jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali fuq iċ-ċaqliq sakemm ir-riżultati ta' eżami kliniku u epidemjoloġiku jsiru magħrufa;

    b)

    fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u l-Anness VII għal dak ir-Regolament dwar każijiet ikkonfermati, li jiġu identifikati u meqruda annimali minbarra l-każ ikkonfermat.

    2.   Madankollu, l-annimali li ġejjin għandhom jiġu identifikati, maqtula u meqruda skond ir-Regolament (KE) Nru 999/2001:

    a)

    fejn il-marda hija kkonfermata f'annimal femminili, l-annimali kollha mwielda minnha fi żmien sentejn qabel, jew wara, il-ħruġ kliniku tal-marda;

    b)

    fejn il-marda hija kkonfermata f'annimal imwieled fit-tnax-il xahar qabel l-1 ta' Awwissu 1996, annimali ta' l-istess grupp imwielda wara l-31 ta' Lulju 1996.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-2 ta’ Awwissu 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 260/2005 (ĠU L 46, 17.2.2005, p. 31).

    (2)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2005 (ĠU L 66, 12.3.2005, p. 10).

    (3)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 62.

    (4)  ĠU L 177, 30.6.2001, p. 60. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1234/2003 (ĠU L 173, 11.7.2003, p. 6).


    Top