Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R2130

    Ir-Regolament (KE) Nru 2130/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2001 dwar azzjonijiet biex jgħinu popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ta' l-Asja u ta' l-Amerika Latina

    ĠU L 287, 31.10.2001, p. 3–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1717

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/2130/oj

    32001R2130



    Official Journal L 287 , 31/10/2001 P. 0003 - 0007


    Ir-Regolament (KE) Nru 2130/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tad-29 ta' Ottubru 2001

    dwar azzjonijiet biex jgħinu popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ta' l-Asja u ta' l-Amerika Latina

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 179(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

    Billi:

    (1) In-Nazzjonijiet Uniti adottaw, fil-kuntest tal-politika relatata mar-refuġjati, il-Konvenzjoni fuq l-Istatus tar-Refuġjati konkluża f'Ġeneva fit-28 ta' Lulju 1951, il-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967 u diversi resoluzzjonijiet f'dan il-qasam u fl-oqsma tad-drittijiet umani u tad-dritt umanitarju.

    (2) Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani ta' l-10 ta' Diċembru 1948, il-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979 u l-Konvezjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta' l-20 ta' Novembru 1989 jindirizzaw ukoll il-kwistjoni tar-refuġjati.

    (3) Il-Parlament Ewropew adotta diversi resoluzzjoniijiet f'dan ir-rigward, inkluż ir-Resoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 1983 dwar l-għajnuna lir-refuġjati fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw [3].

    (4) Kemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sejħu għal sforz akbar mill-Komunità f'dan il-qasam.

    (5) Għandha tkun definita strateġija integrata, konsistenti u effettiva għal azzjoni tal-Komunità fir-rigward ta' għajnuna umanitarja, riabilitazzjoni, għajnuna għall-popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u koperazzjoni għall-iżvilupp, bil-għan li tkun segwita politika sostenibbli ta' l-iżvilupp tal-Komunità Ewropea.

    (6) Hu partikolarment neċessarju li l-għajnuna għall-popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom tkun integrata ma' l-istrateġija ta' l-iżvilupp tal-pajjiżi u tal-popolazzjonijiet benefiċjarji ta' din l-għajnuna. Għalhekk, l-azzjoni tal-Komunità għandha tiffaċilita t-transizzjoni mill-fażi ta' urġenza għal dak ta' żvilupp, waqt li tkun iffavorita l-integrazzjoni jew ir-riintegrazzjoni soċjo-ekonomika tal-popli milquta u, waqt li wieħed jikkunsidra l-ħtieġa li jkunu eliminati l-kawżi ta' konflitti armati, li jkun hemm inċentiv għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta' l-istrutturi demokratiċi u r-rwol tal-popolazzjoni fil-proċess ta' żvilupp.

    (7) Il-programmi ta' sostenn għal popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u għal ex suldati demobilizzati huma parti integrali minn strateġija globali ta' riabilitazzjoni favur il-pajjiżi ta' l-Asja u ta' l-Amerika Latina li għadhom qed jiżviluppaw. Biex il-programmi jkunu effettivi, l-għajnuna għandha tkun ikkordinata f'livell komunitarju u ma' donaturi oħra, organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, b'referenza partikolari għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR). Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli kemm għall-kontroll kif ukoll għall-viżibilità tal-fondi mqassma permezz ta' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra dan, il-Kummissjoni hi politikament responsabbli għall-użu tal-fondi permezz ta' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u n-Nazzjonijiet Uniti.

    (8) L-effikaċja u l-konsistenza tal-mekkaniżmi komunitarji, nazzjonali u internazzjonali għall-prevenzjoni u għall-intervent għandhom jiġu żgurati, kemm biex ikunu evitati konflitti u kif ukoll biex ikunu mħeġġa s-soluzzjonijiet paċifiċi għal konflitti politiċi u gwerer li jirriżultaw fl-ispostament tal-populazzjoni.

    (9) Il-korpi u l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi akkwistaw, mill-attivitajiet ta' implimentazzjoni ta' dan it-tip fil-passat, esperjenza konsiderevoli fir-rigward ta' għajnuna għall-popolazzjonijiet stradikati.

    (10) Idealment, l-azzjoni favur il-popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom għandha tifforma parti minn approċċ li l-għan tiegħu hu li jittrasforma s-sussistenza f'fażi ta' "awto-suffiċjenza" jew ta' tnaqqis mid-dipendenza ta' dawn il-popolazzjonijiet.

    (11) Għandhom jiġu garantiti proċeduri effettivi, flessibli u espedjenti għal operazzjonijiet ta' għajnuna f'din il-kwistjoni. Il-Komunità għandha tiżgura wkoll trasparenza massima fl-għotja ta' l-għajnuna, u kontrolli stretti fl-użu ta' l-approprazzjonijiet.

    (12) Sal-31 ta' Diċembru 2000, il-bażi ġuridika għal azzjoni komunitarja f'dan is-settur kienet ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 443/97 tat-3 ta' Marzu 1997 dwar ħidmiet sabiex jgħinu lin-nies imneħħija mill-għeruq tagħhom fil-pajjiżi Asjatiċi u Latino-Amerikani li għadhom qed jiżviluppaw [4]. L-esperjenza miksuba matul l-applikazzjoni tagħha għandha tkun riflessa f'dan ir-Regolament.

    (13) Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għad-dewma totali tiegħu, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999 dwar dixxiplina tal-budget u titjib fil-proċeduri tal-budget [5], għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali tal-budget.

    (14) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6].

    (15) Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità u l-ġlieda kontra frodu u irregularitajiet jifformaw parti integrali ta' dan ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Għan, skop u definizzjonijiet

    Artikolu 1

    Il-Komunità għandha timplimenta program għal sostenn u għajnuna għal popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu mill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ta' l-Asja u ta' l-Amerika Latina. Il-programm għandu japplika għall-persuni li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u għall-persuni oħra msemmija fl-Artikolu 4 u jikkontribwixxi għall-ħtiġiet tagħhom li mhumiex koperti mill-għajnuna umanitarja u jwettaq attivitajiet f'terminu twil immirati għall-awto-suffiċjenza u integrazzjoni jew riintegrazzjoni ta' dawn il-persuni. Partikolarment, dan il-programm għandu jipprovdi għall-ħtiġiet bażiċi ta' dawn il-persuni minn meta l-emerġenza umanitarja tkun imnaqqsa sa' l-adozzjoni ta' soluzzjoni għal terminu itwal biex ikun solvut l-istatus tagħhom.

    L-għanjiet tal-programmi ta' għajnuna għandhom jinkludu l-istabbiliment ta' strutturi demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet umani.

    Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

    (a) "popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom" tfisser:

    (i) refuġjati, kif imfissra fil-Konvenzjoni relatata ma' l-Istatus tar-Refuġjati konkluża f'Ġeneva fit-28 ta' Lulju 1951 u fil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, jew

    (ii) spostament ta' persuni, li kienu sfurzati jfittxu refuġju barra r-reġjun tagħhom ta' oriġini minħabba sitwazzjonijiet ta' kunflitt imma li ma jgawdux mill-istatus ta' refuġjat, jew

    (iii) refuġjati ta' qabel jew persuni spostati li rritornaw lejn il-pajjiż jew lejn ir-reġjun ta' oriġini;

    (b) "ex-suldati demobilizzati" tfisser ex-membri tal-forzi armati, regolari jew ta' l-opposizzjoni, li qablu li jneħħu l-armi tagħhom u jerġgħu jintegraw f'ħajja ċivili.

    Artikolu 3

    1. Il-Komunità għandha tagħti sostenn finanzjarju lill-operazzjonijiet immirati b'mod partikolari lejn:

    (a) l-awto-suffiċjenza u riintegrazzjoni fit-tessut soċjo-ekonomiku tal-popolazzjonijiet imneħħija mill-għeruq tagħhom u ex-suldati demobilizzati; l-għajnuna biex tassigura l-integrazzjoni jew ir-riintegrazzjoni tagħhom għandu jkollha bħala l-għanijiet tagħha il-promozzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni sostenibbli, u li tista' tinkludu azzjonijiet bħall-fornitura ta' għajnuna alimentari, l-iżvilupp ta' l-awto-suffiċjenza permezz ta' produzzjoni agrikola u żooteknika, it-trobbija tal-ħut, l-iżvilupp ta' l-infrastruttura, l-istabbiliment ta' sistemi ta' krediti, l-edukazzjoni bażika u t-taħriġ professjonali kif ukoll ir-realizzazzjoni ta' standards sodisfaċenti ta' saħħa u iġjene;

    (b) l-għajnuna lill-komunitajiet lokali ta' akkoljenza u ż-żoni ta' ritorn biex tiffaċilita l-aċċettazzjoni u l-integrazzjoni ta' popolazzjonijiet imneħħija mill-għeruq tagħhom u ta' ex-suldati demobilizzati;

    (ċ) is-sostenn għar-ritorn volontarju ta' dawn il-popolazzjonijiet u biex ikunu jistgħu jibdew jgħixu fil-pajjiżi tagħhom ta' oriġini jew pajjiżi oħra ta' l-għażla tagħhom, jekk tippermetti s-sitwazzjoni;

    (d) jekk hu l-każ, is-sostenn għal kwalunkwe miżura li ma tħallix kunflitt u/jew li tirrikonċilja partijiet għal kunflitt;

    (e) l-għajnuna għall-persuni biex jiksbu lura l-beni jew id-drittijiet tal-proprjetà u l-għajnuna li tiffavorixxi s-soluzzjoni tal-vjolazzjoni tad-drittijiet umani kontra l-popolazzjonijiet in kwistjoni.

    2. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħal nisa u tfal.

    3. Il-gruppi kollha kkonċernati, inklużi l-komunitajiet lokali ta' akkoljenza, għandhom ikunu nvoluti fil-valutazzjoni tal-ħtiġiet u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' għajnuna.

    Artikolu 4

    Il-benefiċjarji finali ta' l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu:

    (a) il-popolazzjonijiet li kienu mġiegħla jitilqu mill-pajjiżi ta' l-Asja u l-Amerika Latina li għadhom qed jiżviluppaw u l-persuni li ġejjin minn wieħed minn dawn il-pajjiżi li marru jgħixu b'mod provviżorju f'pajjiż ieħor li qed jiżviluppa jew, f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif dovut, f'pajjiż ieħor;

    (b) l-ex-suldati demobilizzati fil-pajjiżi ta' l-Asja u l-Amerika Latina li għadhom qed jiżviluppaw, flimkien mal-familji tagħhom u fejn xieraq, il-komunitajiet lokali tagħhom;

    (ċ) il-popolazzjoni lokali tat-territorji ta' akkoljenza partikolarment milquta li r-riżorsi soċjali, ekonomiċi u amministrattivi jikkontribwixxu għall-akkoljenza u għall-għajnuna lill-popolazzjonijiet imneħħija mill-għeruq tagħhom u lill-ex suldati demobilizzati, għar-realizzazzjoni, f'termini ta' żmien itwal, ta' proġetti maħluqa għall-awto-suffiċjenza, għall-integrazzjoni jew għar-riintegrazzjoni ta' persuni bħal dawn.

    Artikolu 5

    L-attivitajiet imwettqa skond dan ir-Regolament għandhom jikkumplimentaw dawk previsti minn strumenti komunitarji oħra fir-rigward ta' għajnuna umanitarja għal żmien qasir u koperazzjoni ta' żvilupp għal żmien twil.

    Artikolu 6

    1. Fil-kuntest ta' l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-Komunità tista' tiffinanzja azzjoni biex tipprovdi għajnuna teknika, taħriġ u servizzi oħra, fornituri, xogħlijiet, studji (li għandhom, kemm jista' jkun possibli, jiġu fdati lil jew jinvolvu kollaborazzjoni ma' konsulenti jew fil-pajjiż ta' akkoljenza jew stazzjonati hemm, u jinvolvu universitajiet u istituti ta' riċerka), verifika tal-kontijiet u missjonijiet ta' valutazzjoni u ta' kontroll.

    2. Il-finanzjament komunitarju jista' jkopri l-ispejjeż ta' l-investimenti, inkluż ix-xiri ta' beni immobli, fejn dan ta' l-aħħar hu neċessarju għall-implimentazzjoni diretta ta' l-azzjoni u sakemm is-sjieda hi trasferita lis-soċji lokali tal-benefiċjarju jew lill-benefiċjarji finali ta' l-azzjoni meta dan ta' l-aħħar ikun spiċċa. Jista' jkopri wkoll, f'każijiet ġustifikati kif dovut u waqt li jittieħed f'konsiderazzjoni l-fatt li l-proġett għandu, kemm jista' jkun possibli, jimmira għal għan sostennibli fuq żmien medju, l-ispiża rikorrenti (inklużi spejjez amministrattivi, ta' manteniment u ta' funzjonament), sabiex ikun hemm użu massimu mill-investimenti msemmija fil-paragrafu 1, il-ġestjoni ta' liema tirrappreżenta temporanjament piż għas-soċju.

    KAPITOLU II

    Proċeduri għall-implimentazzjoni ta' l-għajnuna

    Artikolu 7

    1. Il-finanzjamenti komunitarji stabbiliti skond dan ir-Regolament għandhom ikun f'forma ta' għotjiet.

    2. Kontribut finanzjarju mis-soċji msemmija fl-Artikolu 10 għandu jinkiseb għal kull azzjoni ta' koperazzjoni. Dan il-kontribut għandu jintalab fil-limiti tal-possibiltà tas-soċji kkonċernati u tan-natura ta' kull azzjoni. F'każijiet speċifiċi u meta s-soċju hu jew organizzazzjoni mhux governattiva jew organizzazzjoni bbażata fil-komunità, il-kontribut jista' jkun fin-natura.

    3. Jistgħu jitfittxew opportunitajiet għal ko-finanzjament ma' donaturi oħra, speċjalment ma' l-Istati Membri.

    Artikolu 8

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli biex tivvaluta, tiddeċiedi jew tamministra l-azzjonijiet koperti b'dan ir-Regolament skond il-budget u proċeduri oħra fis-seħħ, partikolarment dawk stabbiliti fl-Artikoli 2, 116 u 118 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [7].

    2. L-azzjonijiet kollha li jibbenefikaw mill-għajnuna komunitarja għandhom jiġu implimentati skond l-għanijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta' finanzjament tal-Kummissjoni.

    Artikolu 9

    L-attivitajiet iffinanzjati mill-Komunità skond dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni, jew fuq talba tas-soċji jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha.

    Artikolu 10

    1. Soċji eliġibbli għal sostenn finanzjarju skond dan ir-Regolament għandhom ikunu organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali, inklużi l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-amministrazzjonijiet u l-aġenziji nazzjonali, provinċjali u lokali, l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, u l-istituti u l-operaturi pubbliċi jew privati.

    2. L-għajnuna komunitarja hi disponibbli għal soċji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru jew f'pajjiż terz li hu reċipjent ta' l-għajnuna komunitarja skond dan ir-Regolament, sakemm dan l-uffiċċju hu ċ-ċentru attwali ta' ġestjoni ta' l-azzjonijiet relatati ma' l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. F'każijiet eċċezzjonali, dan l-uffiċċju jista' jkun f'pajjiż terz ieħor.

    Artikolu 11

    Mingħajr preġudizzju għall-kuntest istituzzjonali u politiku li fih joperaw is-soċji, l-elementi li ġejjin għandhom jittieħdu f'konsiderazzjoni biex jiġi determinat jekk soċju jkollux aċċess għall-finanzjament komunitarju:

    (a) l-esperjenza fil-qasam ta' l-għajnuna għall-popolazzjonijiet imneħħija mill-għeruq tagħhom;

    (b) il-kapaċità tal-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja;

    (ċ) il-kapaċità teknika u loġistika fir-rigward ta' azzjoni prevista;

    (d) fejn applikabbli, ir-riżultati ta' azzjonijiet imwettqa preċedentament, partikolarment dawk li rċevew il-finanzjamenti komunitarji;

    (e) il-kapaċità li tkun żviluppata koperazzjoni ma' atturi oħra tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi terzi kkonċernati;

    (f) ir-rabta tiegħu biex jiddefendi, jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet umani, tal-prinċipji demokratiċi u tad-dritt umanitarju.

    Artikolu 12

    1. L-għajnuna għandha tingħata lis-soċji biss jekk jiggarantixxu bil-miktub li jħarsu l-kondizzjonijiet ta' allokazzjoni u ta' implimentazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

    2. Fejn l-azzjonijiet huma bla ħsara għall-ftehimiet ta' finanzjament bejn il-Komunità u l-pajjiżi li jibbenefikaw mill-azzjonijiet iffinanzjati skond dan ir-Regolament, il-ftehimiet għandhom jistipulaw li l-ħlas tat-taxxi, tad-dazji u tal-piżijiet m'għandhomx jiġu ffinanzjati mill-Komunità.

    3. Kwalunkwe ftehim jew kuntratt ta' finanzjament konkluż skond dan ir-Regolament għandu jistipula li l-Kummissjoni, il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jistgħu jwettqu, jekk neċessarju, kontrolli fuq il-post skond il-ftehimiet tas-soltu stabbiliti mill-Kummissjoni skond id-disposizzjonijiet fis-seħħ, partikolarment dawk fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    4. Il-miżuri neċessarji għandhom jittieħdu biex jenfasizzaw il-karattru komunitarju ta' l-għajnuna pprovduta skond dan ir-Regolament.

    Artikolu 13

    1. Il-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti għal xogħol bl-appalt u għall-għotja tal-kuntratti għandha tkun miftuħa fuq termini ugwali għall-persuni kollha naturali u ġuridiċi ta' l-Istati Membri u tal-pajjiż ta' akkoljenza. Tista' tkun estiża għall-operaturi f'pajjiżi oħra li għadhom qed jiżviluppaw u, f'każijiet eċċezzjonali, lill-pajjiżi terzi oħra.

    2. Il-fornituri għandhom joriġinaw mill-pajjiż ta' akkoljenza, mill-pajjiżi oħra li għadhom qed jiżviluppaw jew mill-Istati Membri. F'każijiet eċċezzjonali, il-fornituri jistgħu joriġinaw minn x'imkien ieħor.

    Artikolu 14

    1. Sabiex jiġu assigurati l-għanijiet ta' konsistenza u komplimentarità imsemmija fit-Trattat u biex tkun assigurata l-effikaċja massima ta' l-azzjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament, dawn għandhom ikunu bla ħsara għal kordinazzjoni operattiva fuq il-post u jiffurmaw parti integrali mill-proċess ta' strateġija relatata mal-pajjiż ikkonċernat.

    2. Il-Kummissjoni, f'ko-operazzjoni ma' l-Istati Membri, tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva neċessarja biex tiżgura kordinazzjoni proprja mal-finanzjaturi l-oħra kkonċernati, partikolarment dawk li jifformaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż l-Uffiċċju tal-Kummissarjat Għoli għar-Refuġjati.

    KAPITOLU III

    Implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet

    Artikolu 15

    1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu 2001-2004 hu hawnhekk stabbilit għal 200 miljun EUR.

    2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità għall-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

    Artikolu 16

    Id-deċiżjonijiet relatati ma' l-azzjonijiet li l-finanzjament tagħhom skond dan ir-Regolament hu superjuri għal 4 miljun EUR u kwalunke tibdiliet ta' dawn l-azzjonijiet li jeħtieġu spejjeż oħra superjuri għal 20 % ta' l-ammont inizjalment iffissat għall-azzjoni kkonċernata għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2).

    Artikolu 17

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tapprova, mingħajr rikors għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), ir-rabtiet supplimentari neċessarji biex ikunu koperti l-ispejjeż żejda previsti jew attwali fir-rigward ta' l-azzjonijiet, fejn l-ispejjeż żejda jew il-ħtieġa addizzjonali hi ta' 20 % jew inqas tar-rabta inizjali stabbilita bid-deċiżjoni ta' finanzjament.

    2. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod konċiż lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 18(1) bid-deċiżjonijiet ta' finanzjament li hi beħsiebha tieħu fir-rigward ta' azzjonijiet b'valur inqas minn 4 miljun EUR. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mhux aktar tard minn ġimgħa qabel ma tittieħed id-deċiżjoni.

    Artikolu 18

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 443/92 [8].

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    KAPITOLU IV

    Rappurtaġġ u disposizzjonijiet finali

    Artikolu 19

    1. Darba fis-sena għandu jseħħ, fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Aritkolu 18(1), skambju ta' opinjonijiet darba fis-sena fuq il-bażi ta' preżentazzjoni mir-rappreżentant tal-Kummissjoni tal-linji ta' gwida strateġiċi għall-azzjonijiet li għandhom jitwettqu fis-snin ta' wara. Il-linji ta' gwida għandhom jinkludu, kemm jista' jkun possibli, għanijiet u termini perentorji li jistgħu jkunu kwantifikati għal azzjonijiet speċifiċi. Dawn il-linji ta' gwida għandhom isiru wara konsultazzjoni mad-dipartimenti responsabbli, fuq il-post jew fil-kwartieri ġenerali, għal programmazzjoni, implimentazzjoni u valutazzjoni.

    2. Wara kull eżerċizzju finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, ir-rapport annwali tagħha dwar il-politika komunitarja ta' żvilupp bl-informazzjoni dwar attivitajiet iffinanzjati matul dik is-sena u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul l-istess azzjoni. Is-sommarju għandu jipprovdi partikolarment informazzjoni dwar il-punti sodi u l-punti dgħajfa ta' l-azzjonijiet, dawk li magħhom ġew konklużi l-kuntratti, kif ukoll ir-riżultati ta' kwalunkwe valutazzjoni indipendenti ta' azzjonijiet speċifiċi.

    3. Minn ta' l-inqas sena qabel l-iskadenza ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport indipendenti ta' valutazzjoni globali fuq l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament bil-għan li jkun stabbilit jekk inkisbux l-għanijiet u biex ikunu pprovduti l-linji ta' gwida biex tkun imtejba l-effikaċja ta' azzjonijiet futuri. Ir-rapport għandu jivvaluta l-effikaċja ta' l-azzjoni meħuda wara kontrolli tar-riżultati u tal-valutazzjonijiet indipendenti.

    Artikolu 20

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2004.

    It-tiġdid ta' dan ir-Regolament jiddependi mir-riżultati tar-rapport indipendenti ta' valutazzjoni globali imsemmi fl-Artikolu 19(3) u mill-possibilitajiet li dan ir-Regolament ikun integrat f'Regolament kwadru uniku għall-Asja u għall-Amerika Latina.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ottubru 2001.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    N. Fontaine

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. Michel

    [1] ĠU C 120 E, ta' l-24.04.01, p. 163.

    [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2001.

    [3] ĠU C 10, tas-16.01.84, p. 278.

    [4] ĠU L 68, tat-8.3.1997, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1880/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 227, tas-7.9.2000, p. 1).

    [5] ĠU C 172, tat-18.06.99, p. 1.

    [6] ĠU L 184, tas-17.07.99, p. 23.

    [7] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru. 762/2001 (ĠU L 111, ta' l-20.4.2001, p. 1)

    [8] ĠU L 52, tas-27.02.92, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top