Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0449

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 449/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 dwar l-iskema ta’ l-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex

    ĠU L 64, 6.3.2001, p. 16–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/09/2003; Imħassar b' 32003R1535

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/449/oj

    32001R0449



    Official Journal L 064 , 06/03/2001 P. 0016 - 0029


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 449/2001

    tat-2 ta’ Marzu 2001

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 dwar l-iskema ta’ l-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2699/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3), l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 6, l-Artikolu 6b(3), l-l-Artikolu 6c(7), l-Artikolu 25, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 27(1) tiegħu,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament (KE) Nru 2201/96 introduċa, min-naħa l-waħda, għajnuna għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jikkonsenjaw it-tadam, il-ħawħ u l-lanġas għall-ipproċessar fil-prodotti elenkati fl-Anness I ma’ dak ir-Regolament u, min-naħa l-oħra, għajnuna lill-proċessuri tal-pruna u t-tin. Dawn il-prodotti għandhom jinkisbu mill-frott u l-ħxejjex li jinqatgħu fil-Komunità.

    (2) Biex jiġi żgurat li l-iskema tiġi applikata b’mod uniformi, il-prodotti elenkati fl-Artikolu 6a(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u fl-Anness I miegħu, is-snin kummerċjali applikabbli għal dawk il-prodotti u l-perjodi tal-konsenja għall-materja prima għandhom jiġu definiti.

    (3) L-iskema l-ġdida għandha tkun kapaċi topera mill-bidu b’għadd suffiċjenti ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u, minħabba l-konsistenza u b’analoġija mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 tintroduċi skema ta’ l-għajnuna Komunitarja għall-produtturi ta’ ċerti frottijiet taċ-ċitru [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2699/2000, it-terminu "organizzazzjonijiet tal-produtturi awtorizzati proviżorjament" li jidher fl-ewwel subparagrafi ta’ l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6a(2) tar-Regolament (EK) Nru 2201/96 għandu jinkludi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ngħataw ir-rikonoxximent preliminari skond l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni kummerċjali tal-frott u l-ħxejjex [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [5], kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

    (4) L-iskema ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni hija bbażata fuq il-kuntratti bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi magħrufa jew mogħtija rikonoxximent preliminari skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 jew il-produtturi individwali matul is-sena kummerċjali 2001/02, min-naħa l-waħda, u l-proċessuri, min-naħa l-oħra. Il-produtturi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu wkoll jaġixxu bħala proċessuri f’ċerti ċirkonstanzi. It-tipi tal-kuntratti u l-partikolaritajiet li għandhom jiġu inklużi fihom għandhom jiġu speċifikati bl-għan li tiġi applikata l-iskema ta’ l-għajnuna.

    (5) Biex jitjieb il-mod kif l-iskema taħdem, l-awtoritajiet għandhom ikunu jafu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi kollha li jbiegħu l-produzzjoni tal-membri tagħhom, lill-membri ta’ l-organizzazzjonijiet l-oħra tal-produtturi u lill-produtturi individwali li jkunu jixtiequ jikkwalifikaw taħt l-iskema. L-awtoritajiet għandhom ikunu jafu wkoll lill-proċessuri li jiffirmaw il-kuntratti ma’ organizzazzjonijiet tal-produtturi bħal dawn; barra dan, proċessuri bħal dawn għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat li l-iskema taħdem b’mod korrett. Il-proċessuri tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas għandhom jiġu approvati qabel ikunu jistgħu jikkonkludu l-kuntratti.

    (6) Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi sa data speċifika fil-każ tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas u qabel il-bidu ta’ kull sena kummerċjali fil-każ ta’ prodotti oħra. Biex jiġi żgurat li l-iskema tkun kemm jista’ jkun effikaċi, il-partijiet f’kuntratti bħal dawn għandhom madankollu jiġu awtorizzati biex iżidu l-kwantitajiet oriġinarjament stipulati fihom sa limitu speċifikat permezz ta’ emendi fil-kuntratti.

    (7) L-għadd ta’ applikazzjonijiet li għandhom jitressqu minn organizzazzjonijiet tal-produtturi u mill-proċessuri għandu jkun iddeterminat filwaqt li jitqies il-proċess ta’ l-ipproċessar. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ċċekkjata l-eliġibbiltà. Biex jiġu kkompensati għall-obbligazzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandu jkun hemm disposizzjoni biex l-għajnuna titħallas bil-quddiem, bil-kondizzjoni li tiġi ddepożitata garanzija biex jiġi żgurat rimborż jekk ir-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi rċevut il-ħlas bil-quddiem ma jkunux tħarsu.

    (8) Biex jiġi żgurat li l-iskema għall-għajnuna tiġi applikata kif approprjat, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-proċessuri għandhom jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa u jżommu dokumentazzjoni aġġornata addattata u għandhom, b’mod partikolari, jispeċifikaw l-arji mħawla bit-tadam, il-ħawħ u l-lanġas, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ l-għajnuna Komunitarja [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1593/2000 [7], u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll għal ċerti skemi ta’ l-għajnuna Komunitarja [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2721/2000 [9], għall-iskopijiet ta’ l-ispezzjonijiet u l-verifiki kollha meqjusa meħtieġa.

    (9) Għall-iskopijiet ta’ l-amministrazzjoni ta’ skemi ta’ l-għajnuna, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għal verifiki fiżiċi u dokumentarji ta’ l-operazzjonijiet tal-konsenja u l-ipproċessar, il-verifiki għandhom ikopru għadd rappreżentattiv biżżejjed ta’ applikazzjonijiet u għandhom jiġu stabbiliti ċerti pieni għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-proċessuri li jiksru r-regolamenti, b’mod partikolari billi jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz jew jonqsu milli jipproċessaw prodotti kkonsenjati.

    (10) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jissostitwixxu dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/97 tad-19 ta’ Marzu 1997 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 fir-rigward tas-sistema ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni tal-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex [10], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1607/1999 [11]. Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi rrevokat.

    (11) Ir-Regolament (KE) Nru 2699/2000 jabolixxi l-arranġamenti ta’ kwota u ta’ prezz minimu b’mod partikolari fil-każ tad-tadam. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1709/84 tad-19 ta’ Ġunju 1984 dwar il-prezzijiet minimi pagabbli lill-produtturi u l-ammonti ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni ta’ ċertu frott u ħxejjex ipproċessati eliġibbli għall-għajnuna tal-produzzjoni [12], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1573/1999 [13], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2022/92 ta’ l-20 ta’ Lulju 1992 dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni dettaljati għall-prezz minimu li għandu jitħallas lil produtturi ta’ ċertu tadam ikkonsenjat għall-ipproċessar u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2036/91 [14] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 661/97 tas-16 ta’ April 1997 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 fir-rigward tas-sistema tal-kwoti tal-prodotti tat-tadam ipproċessat [15], kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2807/98 [16], għandu għalhekk jiġi rrevokat.

    (12) Biex tkun żgurata l-bidla bla ntoppi mill-iskema l-qadima għal dik ġdida, miżuri tranżizzjonali għandhom jiġu adottati, b’mod partikolari fil-każ tal-proċessuri li jiffirmaw il-kuntratti ma’ produtturi individwali matul is-sena kummerċjali 2001/02, kif ukoll għad-data finali għall-iffirmar tal-kuntratti tat-tadam u għall-applikazzjoni tas-sistema integrata għall-immaniġġar ta’ l-arji.

    (13) Il- miżuri previsti minn dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Amministrattiv għall-Prodotti Proċessati mill-Frott u l-Ħxejjex,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    IT-TITOLU I

    Id-definizzjonijiet u s-snin kummerċjali

    Artikolu 1

    1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

    (a) "organizzazzjonijiet tal-produtturi" tfisser organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fl-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew mogħtija rikonoxximent preliminari skond l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament;

    (b) "assoċjazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi" tfisser assoċjazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96;

    (ċ) "produttur individwali" tfisser kull persuna naturali jew legali li ma tappartenix għal organizzazzjoni tal-produtturi u li tkun tkabbar fuq l-art tagħha materja prima intenzjonata għall-ipproċessar;

    (d) "proċessur" tfisser impriża ta’ l-ipproċessar li topera, għal għanijiet ekonomiċi u fuq (b’) responsabbiltà tagħha stess, impjant jew impjanti b’faċilitajiet biex jimmanifatturaw wieħed mill-prodotti jew aktar minn dawk elenkati fil-paragrafu 2(a) sa (o) u, fejn ikun applikabbli, tkun approvata skond l-Artikolu 3(1);

    (e) "kwantità" tfisser il-kwantità espressa f’piż nett ħlief jekk ikun indikat mod ieħor.

    2. "Prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2201/96" tfisser il-prodotti li ġejjin:

    (a) ħawħ fil-ġulepp u/jew f’meraq naturali tal-frott: ħawħ sħiħ jew biċċiet tal-ħawħ, mingħajr qoxra, li jkun għadda minn proċess ta’ tisħin, ġie ppakkjat f’kontenituri ssiġillati ermetikament b’kisja ta’ likwidu tal-ġulepp taz-zokkor jew tal-meraq naturali tal-frott u jkun kopert mill-kodiċijiet CN ex20087061, ex20087069, ex20087071, ex20087079, ex20087092, ex20087094 u ex20087099;

    (b) lanġas fil-ġulepp u/jew fil-meraq naturali tal-frott: lanġas tat-tipi Williams jew Rocha, sħiħ jew f’biċċiet, mingħajr qoxra, li jkun għadda minn proċess ta’ tisħin, ġie ppakkjat f’kontenituri ssiġillati ermetikament b’kisja ta’ likwidu tal-ġulepp taz-zokkor jew tal-meraq naturali tal-frott u jkun kopert mill-kodiċijiet CN ex20084051, ex20084059, 20084071, ex20084079, ex20084091 u ex20084099;

    (ċ) frott imħallat: taħlitiet ta’ frott, sħiħ jew biċċiet, mingħajr qoxra, li jkunu għaddew minn proċess ta’ tisħin, b’kisi ta’ likwidu tal-ġulepp taz-zokkor jew tal-meraq naturali tal-frott, u li ġew ippakkjati f’kontenituri ssiġillati ermetikament li fihom il-piż nett bla ilma tal-ħawħ u l-lanġas Williams u Rocha li jlaħħaq talanqas 60 % tat-total tal-piż nett bla ilma, koperti mill-kodiċijiet CN ex200892 u ex200899, u magħmulin direttament mill-ħawħ frisk u/jew mil-lanġas Williams u Rocha matul il-perjodi indikati fl-Artikolu 2(2)(b) u (c);

    (d) pruna: pruna miksuba mill-għanbaqar imnixxef tat-tip tal-pruna d'Ente li tkun ġiet ittrattata b’metodu apposta jew ipproċessata u ppakkjata f’kontenituri approprjati, u li tkun koperta bil-kodiċi CN ex08132000 u lesta biex tiġi offruta għall-konsum tal-bniedem;

    (e) tin imqadded: tin imqadded, inkluż pejst tat-tin, li jkun ġie ttrattat jew ipproċessat u ppakkjat f’kontenituri approprjati, u li jkun kopert bil-kodiċi CN ex08042090 u lest biex jiġi offrut għall-konsum tal-bniedem;

    (f) tadam sħiħ imqaxxar iffriżat istantanjament: tadam imqaxxar tat-tipi żengulija, iffriżat, ippakkjat ġo kontenituri approprjati u kopert mill-kodiċi CN ex07108070, fejn mhux anqas minn 90 % tal-piż nett tat-tadam ikun jikkonsisti f’tadam sħiħ li ma jkun juri ebda ħsara li tibdel b’mod sostanzjali d-dehra tiegħu. Dak il-perċentwal għandu jiġi ddeterminat wara li t-tadam ikun sġela;

    (g) tadam mhux sħiħ imqaxxar iffriżat istantanjament: biċċiet tad-tadam imqaxxar tat-tip żenguli, jew tat-tipi tondi li jkunu faċli biex jitqaxxru daqs it-tipi żengulija, iffriżati, ippakkjati kif approprjat ġo kontenituri u koperti mill-kodiċi CN ex07108070;

    (h) tadam sħiħ imqaxxar ippreservat: tadam imqaxxar tat-tipi żengulija, li jkun għadda minn proċess ta’ tisħin, ippakkjat ġo kontenituri ssiġillati ermetikament u kopert mill-kodiċi CN ex20021010, fejn mhux anqas minn 65 % tal-piż tat-tadam skulat mill-ilma jkun jikkonsisti f’tadam sħiħ li ma jurix ħsara li b’mod sostanzjali tibdel id-dehra tiegħu

    (i) tadam mhux sħiħ imqaxxar u ppreservat biċċiet tat-tadam imqaxxar jew parzjalment misħuqa, tat-tipi żengulija, jew tat-tipi tondi li jkunu faċli li jitqaxxru daqs it-tipi żengulija, li jkunu għaddew minn proċess ta’ tisħin, ippakkjati ġo kontenituri u ssiġillati ermetikament u koperti mil-kodiċi CN ex20021010. Meta dawn il-prodotti jkunu se jintużaw biex isiru l-prodotti indikati fil-punt (o), dawn għandhom jiġu ppakkjati f’kontenituri approprjati;

    (j) laqx tat-tadam: laqx miksub bit-tnixxif tad-tadam imqatta’ f’biċċiet irqaq jew f’kubi żgħar, ippakkjat f’kontenituri approprjati u kopert mill-kodiċi CN ex07129030;

    (k) meraq tat-tadam: meraq miksub direttament minn tadam frisk u msoffi mingħajr qxur, żerriegħa u partijiet inferjuri, li jkollu kontenut ta’ materja niexfa, u fejn applikabbli wara konċentrazzjoni, ta’ anqas minn 12 %, ippakkjat f’kontenituri ssiġillati ermetikament u kopert mill-kodiċijiet CN ex20029011, ex20029019, 20095010 u 20095090. Meraq b’kontenut ta’ materja niexfa ta’ mill-inqas 7 % jista’ madankollu jkun fih qoxra u żerriegħa li jkunu jikkostitwixxu sa 4 % bl-użin tal-prodott. Fejn dawn il-prodotti se jintużaw biex jagħmlu l-prodotti indikati fil-punt (o), huma għandhom jiġu ppakkjati f’kontenituri approprjati;

    (l) konċentrat tat-tadam: il-prodott miksub bil-konċentrazzjoni tal-meraq tat-tadam, ippakkjat f’kontenituri approprjati, li jkun fih kontenut ta’ materja niexfa ta’ 12 % jew aktar u kopert mill-kodiċijiet CN ex20029031, ex20029039, ex20029091 u ex20029099. Konċentrat li jkun fih kontenut ta’ materja niexfa ta’ mhux aktar minn 18 % jew ta’ bejn it-18 % u l-24 % jista’ jkun fih mhux aktar minn 4 % jew 7 %, rispettivament, qoxra u żerriegħa bl-użin tal-prodott;

    (m) tadam sħiħ mhux imqaxxar ippreservat: tadam sħiħ mhux imqaxxar tat-tipi żengulija jew tondi, li jkun għadda minn proċess ta’ tisħin, ippakkjat f’kontenituri ssiġillati ermetikament, b’salmura ħafifa (tadam fis-salmura) jew f’polpa tat-tadam (tadam f’polpa jew f’meraq), fejn mhux anqas minn 65 % tal-piż tat-tadam mingħajr ilma jikkonsisti minn tadam sħiħ li ma juri ebda ħsara li b’mod sostanzjali tibdel id-dehra tiegħu, u kopert mill-kodiċi CN ex20021090. Fejn dawn il-prodotti se jintużaw biex jagħmlu l-prodotti indikati fil-punt (o), huma għandhom jiġu ppakkjati f’kontenituri approprjati;

    (n) tadam mhux sħiħ mhux imqaxxar ippreservat: tadam mhux sħiħ jew parzjalment mgħaffeġ, tat-tip żenguli jew tondi, wara li jiġi skulat b’mod ħafif, kemm jekk ikkonċentrat b’mod ħafif kif ukoll jekk mhux, ippakkjat f’kontenituri ssiġillati ermetikament, b’kontenut ta’ materja niexfa ta’ bejn 4,5 % u 14 %, u kopert mill-kodiċi CN ex20021090. Fejn dawn il-prodotti jkunu se jintużaw biex jagħmlu l-prodotti indikati fil-punt (o), dawn għandhom jiġu ppakkjati f’kontenituri approprjati;

    (o) zlazi ppreparati: preparati bbażati fuq it-tadam miksub mit-taħlit ta’ wieħed mill-prodotti msemmija f’(i), (k), (l), (m) jew (n) aktar ’il fuq ma’ prodotti oħra ta’ oriġini veġetali jew annimali ħlief tadam frisk, li jkunu għaddew minn proċess ta’ tisħin, ippakkjati f’kontenituri ssiġillati ermetikament fejn il-piż nett tal-prodotti msemmija f’(i), (k), (l), (m) jew (n) ikun talanqas 60 % tat-total tal-piż nett taz-zalza ppreparata. Dawn il-prodotti għandhom isiru matul il-perjodu indikat fl-Artikolu 2(2) fl-istess stabbiliment bħall-prodotti msemmija f’(i), (k), (l), (m) jew (n) użati;

    (p) ġulepp taz-zokkor: likwidu li fih l-ilma jkun magħqud maz-zokkor u li jkollu kontenut totali ta’ zokkor iddeterminat wara omoġenizzazzjoni ta’ mhux anqas minn 14 % meta użat biex jiksi l-frottijiet fil-ġulepp;

    (q) meraq naturali tal-frott: likwidu li jiksi b’minimu ta’ 10,5o Brix, li jkun jikkonsisti biss minn meraq li jista’ jiffermenta imma mhux estratt iffermentat b’mod mekkaniku minn frott, jew minn meraq miksub minn meraq ikkonċentrat tal-frott bir-restorazzjoni tal-proporzjon ta’ l-ilma estratt matul il-konċentrazzjoni, kif iddefinit fid-Direttiva tal-Kunsill 93/77/EEC [17], mingħajr zokkor miżjud.

    Artikolu 2

    1. Is-snin kummerċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jibdew u jispiċċaw:

    (a) mill-15 ta’ Ġunju sa l-14 ta’ Ġunju fil-każ ta’ prodotti pproċessati mit-tadam u prodotti pproċessati mill-ħawħ;

    (b) mill-15 ta’ Lulju sa l-14 ta’ Lulju fil-każ ta’ prodotti pproċessati mil-lanġas;

    (ċ) mill-1 ta’ Awissu sal-31 ta’ Lulju fil-każ tat-tin imqadded;

    (d) mill-15 ta’ Awissu sa l-14 ta’ Awissu fil-każ tal-pruna.

    2. Għajnuna għandha tingħata biss fuq il-prodotti kkonsenjati lill-industrija ta’ l-ipproċessar fil-perjodi tal-konsenja li ġejjin:

    (a) it-tadam: bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Novembru;

    (b) il-ħawħ: bejn il-15 ta’ Ġunju u l-25 ta’ Ottubru;

    (ċ) il-lanġas: bejn il-15 ta’ Lulju u l-15 ta’ Diċembru;

    (d) l-għanbaqar imqadded miksub mill-għanbaqar tat-tip tal-pruna d'Ente: bejn il-15 ta’ Awissu u l-15 ta’ Jannar;

    (e) it-tin imqadded: bejn l-1 ta’ Awissu u l-15 ta’ Ġunju.

    3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ammont ta’ l-għajnuna, stabbilita skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96, qabel il-bidu ta’ kull sena kummerċjali u mhux aktar tard mill-:

    (a) 31 ta’ Jannar għat-tadam;

    (b) 31 ta’ Mejju għall-ħawħ u l-lanġas.

    IT-TITOLU II

    Il-kuntratti

    Artikolu 3

    1. Il-kuntratti kif imsemmija fl-Artikolu 3 u 6a tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 għandhom jiġu konklużi bil-miktub. Il-kuntratti għandu jkollhom numru ta’ l-identifikazzjoni.

    Il-proċessuri tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta’ l-għajnuna għandhom iressqu applikazzjoni għall-approvazzjoni mill-korp maħtur mill-Istat Membru qabel data li għandha tiġi stabbilita minn dan ta’ l-aħħar. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista tal-proċessuri approvati mill-inqas xahar qabel id-data finali għall-iffirmar tal-kuntratti kull sena.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-approvazzjoni u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

    2. Il-kuntratti jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

    (a) kuntratt bejn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u proċessur;

    (b) obbligazzjoni għall-provvista, fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi taġixxi bħala proċessur.

    Kuntratt wieħed biss jista’ jiġi ffirmat bejn organizzazzjoni tal-produtturi u proċessur.

    Fil-każ tat-tadam, tal-ħawħ u, tal-lanġas, il-kuntratti jistgħu jiġu konklużi biss bl-approvazzjoni tal-proċessuri.

    3. Kull sena, il-kuntratti għandhom jiġu ffirmati mhux aktar tard mill-:

    (a) 15 ta’ Frar, fl-każ tat-tadam;

    (b) 15 ta’ Lulju, u sebat ijiem tax-xogħol qabel ma l-konsenji jkunu se jibdew, fil-każ tal-ħawħ;

    (ċ) 31 ta’ Lulju, u sebat ijiem tax-xogħol qabel ma l-konsenji jkunu se jibdew, fil-każ tal-lanġas;

    (d) qabel il-bidu tas-sena kummerċjali, fil-każ tal-prodotti l-oħra.

    L-Istati Membri jistgħu jipposponu d-data ffissata fil-punt (a) sal-10 ta’ Marzu.

    Jekk l-ammont ta’ l-għajnuna għat-tadam ma jkunx ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sad-data stabbilita fl-Artikolu 2(3), id-data ffissata fil-punt (a) għandha tiġi posposta sal-15-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni attwali.

    Jekk il-prezz minimu li għandu jitħallas lill-produtturi għall-għanbaqar jew għat-tin imqadded ma jkunx ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sa 15-il jum qabel id-data prevista fil-punt (d), dik id-data għandha tiġi posposta sal-15-il jum wara l-pubblikazzjoni attwali.

    4. Il-kuntratti għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari:

    (a) l-isem u l-indirizz ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi;

    (b) l-isem u l-indirizz tal-proċessur;

    (ċ) il-kwantitajiet tal-materja prima li għandha tiġi kkonsenjata għall-ipproċessar;

    (d) l-obbligazzjoni tal-proċessuri li jipproċessaw il-kwantitajiet ikkonsenjati lilhom skond il-kuntratt ikkonċernat f’wieħed mill-prodotti elenkati fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2201/96, li għandha tissodisfa n-normi skond l-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament;

    (e) il-prezz li għandu jitħallas għall-materja prima, li tista’ tvarja skond it-tip u/jew il-kwalità u/jew il-perjodu tal-konsenja.

    Fil-każ tad-tadam, il-ħawħ u l-lanġas, il-kuntratt għandu wkoll jindika l-post tal-konsenja li għalih dak il-prezz jgħodd u t-termini tal-ħlas. Kull skadenza tal-ħlas ma tistax teċċedi 60 jum mid-data li fiha titwassal kull konsenja;

    (f) il-kumpens pagabbli jekk xi parti tonqos milli tissodisfa l-obbligi kuntrattwali, b’mod partikolari dwar l-iskadenzi tal-ħlas u l-obbligu tal-konsenja u l-aċċettazzjoni tal-kwantitajiet koperti mill-kuntratt.

    5. L-Istati Membri jistgħu jadottaw disposizzjonijiet addizzjonali li jkopru l-kuntratti, b’mod partikolari dwar il-kumpens pagabbli mill-proċessuri jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

    6. Il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-kwantitajiet oriġinarjament stipulati b’kuntratt ta’ l-ipproċessar permezz ta’ emenda bil-miktub fil-kuntratt.

    Emendi bħal dawn għandhom juru n-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-kuntratt li għalih ikunu relatati, u għandhom ikunu ffirmati mhux aktar tard mill-:

    - 15 ta’ Awissu għall-ħawħ;

    - 15 ta’ Settembru għat-tadam u l-lanġas;

    - 15 ta’ Novembru għall-għanbaqar imqadded miksub mill-għanbaqar tat-tip tal-pruna d'Ente u t-tin imqadded.

    Emendi bħal dawn jistgħu jżidu l-kwantità stipulata oriġinarjament fil-kuntratt b’mhux aktar minn 30 %. Madankollu, sas-sena kummerċjali 2003/04, l-emendi għall-kuntratti għal tin imqadded mhux ipproċessat intenzjonat għall-produzzjoni tal-pejst tat-tin jistgħu jiġu konklużi mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju u jistgħu jżidu l-kwantitajiet stipulati oriġinarjament fil-kuntratti b’mhux aktar minn 100 %.

    Il-prezz tal-kwantità addizzjonali stabbilit fl-emenda jista’ jkun differenti mill-prezz imsemmi fil-paragrafu 4(e).

    7. Fil-każ tal-pruna u t-tin, il-prezz imsemmi fil-paragrafi 4(e) u 6 m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, spejjeż marbuta ma’ ppakkjar, tagħbija, trasport, ħatt u ħlas ta’ taxxi, li, fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu murija separatament. Il-prezz m’għandux ikun aktar baxx mill-prezz minimu stabbilit skond l-Artikolu 6b tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

    Artikolu 4

    Fil-każ ta’ obbligazzjoni għall-provvista fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2)(b), il-kuntratti li jkopru l-produzzjoni tal-membri ta’ l-organizzazzjoni kkonċernata tal-produtturi għandhom jitqiesu li jkunu ġew konklużi wara li d-dettalji li ġejjin ikunu ntbagħtu lill-awtorità kompetenti:

    (a) l-isem u l-indirizz ta’ kull produttur u d-data tar-referenza u l-arji ta’ l-oqsma li fuqhom kull produttur jikkoltiva l-materja prima;

    (b) il-prodott totali maqtugħ kif stmat;

    (ċ) il-kwantità intenzjonata għall-ipproċessar;

    (d) obbligazzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi biex tipproċessa l-kwantitajiet ikkonsenjati skond il-kuntratt in kwistjoni.

    Din l-informazzjoni għandha tintbagħat qabel l-20 ta’ Mejju fil-każ tat-tadam u fiż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(3) fil-każ tal-prodotti l-oħra.

    Artikolu 5

    1. Fil-każ tat-tadam, il-ħawħ u l-lanġas, organizzazzjonijiet tal-produtturi li jiffirmaw il-kuntratti għandhom jibagħtu kopja ta’ kull kuntratt u kull emenda għalih lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn ikollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom.

    Il-kwantità totali koperta mill-kuntratti kollha ffirmati minn organizzazzjoni speċifika tal-produtturi tista’ ma teċċedix, għal kull prodott, il-kwantità maħsuba għall-ipproċessar indikata mill-organizzazzjoni tal-produtturi skond il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u ta’ l-Artikolu 4.

    2. Il-proċessuri tal-pruna u tat-tin imqadded għandhom jibagħtu kopja ta’ kull kuntratt u kull emenda għalih lill-korp maħtur mill-Istat Membru ta’ fejn isir l-ipproċessar.

    3. Dawn il-kopji għandhom jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard minn 10 jiem tax-xogħol wara l-konklużjoni tal-kuntratt jew l-emendi għalih u mhux anqas minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-konsenji.

    4. F’każi eċċezzjonali u ġġustifikati kif imiss, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw kuntratti u emendi għalihom li jaslu għand l-awtoritajiet tagħhom wara l-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 3, sakemm din il-wasla tard ma timpedix il-verifiki tagħhom.

    5. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jiffirmaw il-kuntratti għat-tadam, għall-ħawħ jew għal-lanġas għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1, imqassma skond il-prodotti:

    (a) l-isem u l-indirizz ta’ kull produttur kopert mill-kuntratti u d-data tar-referenza u l-arji ta’ l-oqsma li fihom kull produttur jikkoltiva l-materja prima;

    (b) il-prodott totali maqtugħ kif stmat;

    (ċ) il-kwantità intenzjonata għall-ipproċessar;

    (d) fil-każ tat-tadam, il-medja ta’ l-uċuħ għal kull ettaru ta’ tadam tond jew żenguli mkabbar mill-organizzazzjoni matul is-sentejn kummerċjali ta’ qabel.

    Din l-informazzjoni għandha tintbagħat qabel l-20 ta’ Mejju fil-każ tat-tadam u tiġi inkuża fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 fil-każ tal-ħawħ u l-lanġas.

    6. Fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fil-paragrafu 5:

    (a) il-kwantitajiet kummerċjali intenzjonati għall-ipproċessar tal-prodotti mill-membri ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi l-oħra skond it-tieni u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 11(1)( ċ)(3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, u/jew

    (b) jgħaddu l-benefiċċji ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna lil produtturi individwali skond l-Artikoli 3(3) u 6a(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96,

    l-informazzjoni rikjesta fil-paragrafu 5 għandha tiġi fornuta lill-organizzazzjoni tal-produtturi li tkun iffirmat il-kuntratt mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija f’(a) u l-produtturi individwali msemmija fil-(b).

    7. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-produtturi individwali msemmija fil-paragrafu 6(a) u (b), rispettivament, għandhom jiffirmaw ftehim ma’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fil-paragrafu 5.

    Ftehim bħal dawn għandhom ikopru l-prodotti kkonċernati li jiġu kkonsenjati għall-ipproċessar mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija u l-produtturi individwali kkonċernati u għandhom jispeċifikaw talanqas dan li ġej:

    (a) l-għadd ta’ snin kummerċjali koperti mill-ftehim;

    (b) il-kwantitajiet li għandhom jiġu kkonsenjati għall-ipproċessar, imqassma skond il-produttur u l-prodott;

    (ċ) il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformazzjoni mal-ftehim.

    Kopja tal-ftehim għandha tintbagħat flimkien mal-kuntratti.

    Artikolu 6

    Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu 4 fil-każ tat-tadam, il-ħawħ u l-lanġas u l-Artikolu 5(5), is-sistema ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-oqsma għandha tkun dik użata għas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92. L-arji għandhom jiġu ddikjarati f’ettari sa żewġ ċifri deċimali. L-Artikolu 6(7) tar-Regolament (KEE) Nru 3887/92 għandu jgħodd biex tiġi ddeterminata l-arja ta’ l-oqsma matul il-verifiki fuq il-post previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    1. Mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti bl-Artikolu 3(2)(b), fejn ħlas jista’ jsir billi jinfetaħ kreditu, il-ħlasijiet kollha għall-materja prima:

    (a) li jsiru mill-proċessuri lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi,

    (b) li jsiru mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi lill-membri tagħhom u lill-produtturi msemmija fl-Artikolu 5(6),

    (ċ) fejn il-membri ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi jkunu huma stess organizzazzjonijiet b’personalità legali li jkunu jikkonsistu minn produtturi, li jsiru minn dawn il-persuni legali lill-produtturi għandhom isiru permezz ta’ trasferiment bankarju jew postali.

    2. Il-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) u (ċ) għandhom isiru fi żmien 15-il jum tax-xogħol u, fil-każ tal-pruna u t-tin, għandhom ikopru l-ammont komplet tal-ħlas kif imsemmi fil-punt (a).

    IT-TITOLU III

    L-informazzjoni li għandha tingħata

    Artikolu 8

    1. Il-proċessuri u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta’ l-għajnuna għandhom jgħarrfu b’dan lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sa data li għandha tiġi ddeterminata minn dawk l-awtoritajiet, billi jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Istati Membri biex jamministraw u jimmonitorjaw l-iskema ta’ l-għajnuna. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li din l-informazzjoni għandha:

    (a) tiġi nnotifikata biss minn parteċipant ġdid fl-iskema, fejn huma jkunu diġà rċevew l-informazzjoni meħtieġa dwar parteċipanti oħra;

    (b) tkopri sena waħda kummerċjali, diversi snin kummerċjali jew perjodu ta’ żmien mingħajr limiti.

    2. Talanqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-konsenji jew l-ipproċessar ta’ kull sena kummerċjali, il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna, kemm l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll il-proċessuri, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti l-gimgħa li fiha l-konsenji u l-ipproċessar ikunu se jibdew. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-proċessuri għandhom jitqiesu li ssodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom fejn dawn iġibu prova li jkunu bagħtu din l-informazzjoni talanqas tmint ijiem tax-xogħol qabel il-limitu taż-żmien.

    3. F’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif imiss, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw notifiki minn organizzazzjonijiet tal-produtturi u proċessuri wara l-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2. B’danakollu, f’dawn il-każi, ebda għajnuna m’għandha tingħata lil organizzazzjonijiet tal-produtturi jew proċessuri għal kwantitajiet diġà kkonsenjati jew fil-kors tal-konsenja ħlief jekk il-verifiki meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna jkunu jistgħu jsiru għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

    4. Proċessuri li jixtiequ jipproduċu frott imħallat u zlazi ppreparati kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)( ċ) u (o) rispettivament għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, qabel il-bidu tas-sena kummerċjali, dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti li se jinħadmu, filwaqt li jispeċifikaw il-piż nett ta’ kull komponent. Din il-kompożizzjoni tista’ ma tinbidilx wara l-bidu tas-sena kummerċjali.

    Artikolu 9

    Kull sena l-proċessuri għandhom jinnotifikaw lill-korp maħtur mill-Istat Membru dwar dan li ġej:

    1. fil-każ tat-tadam, il-ħawħ u l-lanġas mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar:

    (i) il-kwantità ta’ materja prima pproċessata fi prodotti lesti elenkati fl-Artikolu 1(2), imqassma fi:

    - kwantitajiet riċevuti skond kuntratt,

    - kwantitajiet mhux koperti minn kuntratti;

    (ii) il-kwantità tal-prodott lest miksub minn kull waħda mill-kwantitajiet imsemmija f’(i).

    Fil-każ ta’ prodotti tat-tadam ipproċessat, il-kwantità tal-prodotti lesti li għandha tiġi nnotifikata għal kull kategorija ta’ materja prima kif imsemmija f’(i) għandhom jitqassmu fi:

    - konċentrat tat-tadam ta’ kontenut ta’ materja niexfa b’piż ta’ 28 % jew aktar imma anqas minn 30 %,

    - tadam sħiħ imqaxxar ippreservat tat-tip żenguli,

    - prodotti oħra tat-tadam ipproċessat, muri separatament.

    Il-kwantitajiet ta’ meraq tat-tadam u konċentrat tad-tadam miżjud ma’ tadam ippreżervat għandhom jiġu inklużi fil-kwantitajiet tat-tadam, kemm imqaxxar kif ukoll mhux imqaxxar;

    (iii) il-kwantità tal-prodotti lesti fl-istokk fit-tmiem tas-sena kummerċjali preċedenti mqassma, fil-każ ta’ prodotti tat-tadam ipproċessat, skond il-prodotti mibjugħa u l-prodotti mhux mibjugħa, fuq in-naħa l-waħda, u skond il-punt (ii) fuq in-naħa l-oħra.

    Dawn in-notifiki għandhom jiddikjaraw separatament il-kwantitajiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), (b), (i), (k), (l), (m) u (n) użati biex jagħmlu l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)( ċ) u (o). In-notifika ta’ l-informazzjoni rikjesta skond it-(ii) aktar ’il fuq għandha tiddikjara separatament il-kwantitajiet ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)( ċ) u (o) miksuba, imqassma skond il-prodotti użati msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), (b), (i), (k), (l), (m) u (n).

    2. Fil-każ tal-pruna u t-tin, mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju:

    (a) il-kwantità ta’ materja prima użata fl-1 ta’ Mejju;

    (b) il-kwantità tal-prodotti lesti miksuba minn materja prima msemmija fil-punt (a), imqassma fi prodotti li fuqhom l-għajnuna titħallas u l-prodotti li fuqhom l-għajnuna ma titħallasx u skond il-klassi tal-kwalità;

    (ċ) il-kwantità tal-prodotti msemmija fil-punti (a) u (b) fl-istokk fl-1 ta’ Mejju.

    IT-TITOLU IV

    Il-materja prima

    Artikolu 10

    1. Mingħajr preġudizzju għal kull kriterju tal-kwalità minima stabbilit jew li għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, il-materja prima kkonsenjata lil proċessuri skond il-kuntratti ta’ l-ipproċessar għandha tkun ta’ kwalità kummerċjalment tajba u ġusta u addattata għall-ipproċessar.

    2. Fejn ebda kriterju ta’ kwalità minima ma ġie stabbilit skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ kwalità minima għall-materja prima, fejn approprjat fil-kuntest ta’ l-estensjoni tal-ftehim bejn il-fergħat skond l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    1. Ċertifikat ta’ konsenja għandu jinħareġ għal kull konsenja tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas ikkonsenjata skond kuntratt u aċċettata għall-ipproċessar f’impjant ta’ l-ipproċessar li jispeċifika

    (a) id-data u l-ħin tal-ħatt;

    (b) l-identifikazzjoni preċiża tal-mezzi tat-trasport użati;

    (ċ) in-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-kuntratt li miegħu l-konsenja tkun relatata;

    (d) il-piż gross u l-piż nett;

    (e) fejn tkun applikabbli, ir-rata tar-riduzzjoni kkalkulata fuq il-bażi tal-kriterji tal-kwalità minima stabbiliti skond l-Artikolu 10.

    Iċ-ċertifikati tal-konsenja għandhom jiġu ffirmati mill-proċessuri jew mir-rappreżentanti tagħhom u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mir-rappreżentanti tagħhom. Kull ċertifikat għandu jkollu numru ta’ l-identifikazzjoni.

    Kemm l-organizzazzjonijiet tal-proċessuri kif ukoll dawk tal-produtturi għandhom iżommu kopja taċ- ċertifikati tal-konsenja. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha wkoll tibgħat kopja, mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ġimgħa tal-konsenja, lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn ikun qiegħed l-uffiċċju prinċipali u, fejn ikun jgħodd, lill-korp maħtur, mill-Istat Membru fejn isir l-ipproċessar, biex jiġu ffaċilitati l-verifiki.

    Id-dokumenti meħtieġa skond il-liġi nazzjonali jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, sakemm ikun fihom l-informazzjoni kollha msemmija f’dan il-paragrafu.

    2. Fejn konsenja sħiħa jew parti minnha tkun tappartjeni għall-produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 5(6)(a) jew (b), l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tibgħat kopja taċ-ċertifikat previst fil-paragrafu 1 lil kull organizazzjoni tal-produtturi u lill-produttur individwali kkonċernat.

    IT-TITOLU V

    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna

    Artikolu 12

    1. Fil-każ tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn ikun qiegħed l-uffiċċju prinċipali tagħhom.

    Il-proċessuri tal-pruna u t-tin għandhom iressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna lill-korp maħtur mill-Istati Membri li fih isir l-ipproċessar.

    2. Fil-każ tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas, applikazzjoni waħda biss għall-għajnuna tista’ titressaq għal kull sena kummerċjali. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard mid-dati li ġejjin fis-sena kummerċjali kkonċernata:

    - l-20 ta’ Novembru għat-tadam,

    - il-31 ta’ Jannar għall-ħawħ u l-lanġas.

    3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ l-għajnuna bil-quddiem li jkunu sa jitressqu sat-30 ta’ Settembru, u li jkunu jkopru l-kwantità totali tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas ikkonsenjata għall-ipproċessar sal-15 ta’ Settembru.

    4. Fil-każ tal-pruna, il-proċessuri għandhom iressqu tliet applikazzjonijiet għall-għajnuna għal kull sena kummerċjali:

    (a) l-ewwel waħda għal prodotti pproċessati sal-15 ta’ Jannar;

    (b) it-tieni għal prodotti pproċessati mis-16 ta’ Jannar sat-30 ta’ April; u

    (ċ) it-tielet għal prodotti pproċessati matul il-bqija tas-sena kummerċjali kkonċernata.

    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jitressqu fi żmien 30 jum mill-iskadenza tal-perjodu ta’ l-ipproċessar ikkonċernat u l-applikazzjonijiet kif imsemmija fil-punt (ċ) sat-30 ta’ Novembru tas-sena kummerċjali ta’ wara.

    5. Fil-każ tat-tin imqadded, il-proċessuri għandhom iressqu tliet applikazzjonijiet għall-għajnuna għal kull sena kummerċjali

    (a) l-ewwel waħda għal prodotti pproċessati sat-30 ta’ Novembru;

    (b) it-tieni għal prodotti pproċessati mill-1 ta’ Diċembru sa l-aħħar ta’ Frar; u

    (ċ) it-tielet għal prodotti pproċessati matul il-bqija tas-sena kummerċjali kkonċernata.

    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jitressqu fi żmien 30 jum mill-iskandenza tal-perjodu ta’ l-ipproċessar ikkonċernat u l-applikazzjonijiet kif imsemmija fil-punt (ċ) sal-31 ta’ Ottubru tas-sena kummerċjali ta’ wara.

    6. F’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif imiss, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw applikazzjonijiet għall-għajnuna wara d-data ta’ l-għeluq kif stabbilita b’dan l-Artikolu, sakemm dan ma jfixkilx il-verifiki relatati ma’ l-iskema ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni.

    7. Jekk l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jitressqu wara l-għeluq speċifikat fil-paragrafi 2, 4 u 5, l-għajnuna għandha titnaqqas b’1 % għal kull jum ta’ dewmien. Ebda għajnuna m’għandha tingħata jekk l-applikazzjoni tkun aktar minn 15-il jum tard. Dawn id-disposizzjonijiet m’għandhomx jgħoddu fejn jgħodd il-paragrafu 6.

    Artikolu 13

    1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għat-tadam, għall-ħawħ u għal-lanġas għandhom talanqas jagħtu l-informazzjoni li ġejja għal kull prodott:

    (a) l-isem u l-indirizz ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi;

    (b) il-kwantità koperta mill-applikazzjoni għall-għajnuna. Dik il-kwantità, imqassma skond il-kuntratt, tista’ ma teċċedix il-kwantità aċċettata għall-ipproċessar, wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe rata ta’ riduzzjoni applikata;

    (ċ) il-medja tal-prezz tal-bejgħ għall-kwantità kkonsenjata skond il-kuntratt;

    (d) il-kwantità kkonsenjata matul l-istess perjodu b’xi mod ieħor għajr skond kuntratt, u l-medja tal-prezz tal-bejgħ.

    2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-pruna u t-tin għandhom talanqas jagħtu l-informazzjoni li ġejja għal kull prodott:

    (a) l-isem u l-indirizz tal-proċessur;

    (b) il-kwantità tal-prodotti koperta mill-applikazzjoni għall-għajnuna, imqassma skond id-diversi rati ta’ l-għajnuna applikabbli, flimkien mal-kwantità tal-prodotti mhux koperti mill-iskema ta’ l-għajnuna miksuba matul l-istess perjodu

    (ċ) il-kwantità ta’ materja prima użata, b’kuntratt, biex tinkiseb kull kategorija tal-prodotti msemmija fil-punt (b);

    (d) dikjarazzjoni mill-proċessur li tgħid li l-prodotti lesti jikkonformaw man-normi tal-kwalità stabbiliti skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96;

    (e) kopji ta’ l-ordnijiet tat- trasferiment kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a). Fil-każ ta’ obbligazzjonijiet għall-provvista, dawn il-kopji jistgħu jiġu ssostitwiti b’dikjarazzjoni mill-produttur li tgħid li l-proċessur ikkreditah bi prezz talanqas ugwali għall-prezz minimu. Dawn il-kopji jew id-dikjarazzjonijiet għandhom jikkwotaw ir-referenza tal-kuntratti rilevanti.

    Applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jintlaqgħu biss jekk il-prezz minimu jkun tħallas kollu kemm hu għall-materja prima kollha użata fil-prodott lest kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna.

    3. L-applikazzjonijiet għal ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 12(3) għandhom jinkludu l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1(a) u (b).

    Il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont dovut bejn is-16 u l-31 ta’ Ottubru, wara li jkun iċċekkja l-applikazzjoni, b’mod partikolari, iċ-ċertifikati tal-konsenja msemmija fl-Artikolu 11.

    L-għajnuna għandha titħallas biss bil-quddiem sakemm garanzija ugwali għal 110 % ta’ l-għajnuna tkun ġiet iddepożitata.

    Fejn jinstab li l-ħlas bil-quddiem li għalih saret l-applikazzjoni jkun jeċċedi l-ammont dovut, ammont ugwali għad-doppju ta’ l-eċċess għandu jinżamm mill-garanzija.

    Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu, il-garanzija għandha tiġi rrilaxxjata meta l-awtorità kompetenti tħallas l-għajnuna, ibbażata fuq l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Meta applikazzjoni għall-ħlas bil-quddiem titressaq, l-applikazzjoni għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 12(2) għandha tkopri s-sena kummerċjali kollha u l-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) u (d) għandhom jitqassmu, barra minn hekk, f’żewġ perjodi, jiġifieri sal-15 ta’ Settembru u mis-16 ta’ Settembru.

    Artikolu 14

    1. Għajnuna għat-tadam, għall-ħawħ u għal-lanġas għandha titħallas mill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tal-produtturi li tiffirma l-kuntratt ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, hekk kif dak il-korp ikun iċċekkja l-applikazzjoni għall-għajnuna u jkun stabbilixxa li l-prodotti koperti minn dik l-applikazzjoni jkunu ġew ikkonsenjati u aċċettati għall-ipproċessar, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-verifiki previsti mill-Artikolu 18(1)(i).

    Fejn l-ipproċessar isir fi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru għandu jagħti lill-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi li tiffirma l-kuntratt ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha prova li l-prodott fil-fatt ikun ġie kkonsenjat u aċċettat għall-ipproċessar.

    Fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara li tkun ġiet riċevuta l-għajnuna, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tħallas l-ammont riċevut kollu kemm hu, permezz ta’ trasferiment bankarju jew postali, lill-membri tagħha u, fejn ikun jgħodd, lill-produtturi msemmija fl-Artikolu 5(6). F’każijiet koperti mill-Artikolu 3(2)(b), il-ħlas jista’ jsir billi jinfetaħ kreditu.

    Fejn organizzazzjoni tal-produtturi tkun interament jew parzjalment magħmula minn membri li jkunu huma stess organizzazzjonijiet b’personalità legali li jkunu jikkonsistu minn produtturi, il-ħlasijiet kif previst fit-tielet subparagrafu għandhom isiru minn dawk l-organizzazzjonijiet membri lill-produtturi fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

    2. L-għajnuna għall-pruna u t-tin għandha titħallas mill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn il-prodott jiġi pproċessat, ġaladarba dak il-korp ikun stabbilixxa li r-rekwiżiti għall-għoti ta’ l-għanuna jkunu ġew issodisfati.

    Fejn l-ipproċessar isir barra l-Istat Membru li fih il-prodott ikun tkabbar, dak l-Istat Membru għandu jagħti prova lill-Istat Membru li qed iħallas l-għajnuna li l-prezz minimu pagabbli lill-produttur kien tħallas.

    3. Ebda għajnuna m’għandha tingħata għal kwantitajiet li dwarhom il-verifiki meħtieġa dwar jekk kienx hemm jedd jew le għall-għajnuna ma jkunux saru.

    4. L-għajnuna għandha titħallas lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-proċessuri mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data li fiha l-applikazzjoni tkun tressqet.

    IT-TITOLU VI

    Il-verifiki u l-pieni

    Artikolu 15

    1. Mingħajr preġudizzju għat-Titolu VI tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa:

    (a) biex jiżguraw li dan ir-Regolament jitħares;

    (b) biex jimpedixxu u jressqu quddiem il-qorti l-irregolaritajiet u japplikaw il-pieni previsti f’dan ir-Regolament;

    (ċ) biex jirkupraw somom mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenza;

    (d) biex jivverifikaw id-dokumenti kif previst fl-Artikoli 16 u 17, billi jiżguraw li dawn ikunu skond il-kontabbiltà rikjesta mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-proċessuri skond il-liġi nazzjonali;

    (e) biex jagħmlu verifiki għal għarrieda kif imsemmi fl-Artikoli 18 u 19 matul il-perjodi approprjati

    (f) biex jagħmlu verifiki fuq arei miżrugħa bit-tadam kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) wara ż-żriegħ u qabel il-ħsad.

    2. L-Istati Membri għandhom jipprogrammaw il-verifiki tagħhom bit-talja fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju li jqis, fost affarijiet oħra:

    (a) l-osservazzjonijiet li jkunu saru matul il-verifiki magħmula fis-snin l-imgħoddija;

    (b) l-iżviluppi fuq is-sena ta’ qabel;

    (ċ) il-ġabra tal-materja prima skond iż-żoni omoġenei tal-produzzjoni;

    (d) ir-relazzjoni bejn il-kwantitajiet ikkonsenjati u l-ħsad totali stmat;

    (e) il-ġabra tal-materja prima f’termini ta’ prodott lest.

    Il-kriterji għall-analiżi tar-riskju għandhom jiġu aġġornati regolarment.

    3. Fejn jinstabu irregolaritajiet jew anomaliji, l-Istati Membri għandhom iżidu l-frekwenza u l-perċentwal tal-verifiki msemmija fl-Artikoli 18 u 19 wara li jikkunsidraw is-serjetà ta’ dak li jkun irriżulta.

    Artikolu 16

    1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iżommu rekord għal kull wieħed mill-prodotti ikkonsenjati għall-ipproċessar skond ir-Regolament (KE) Nru 2201/96, li jkun fih talanqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a) fil-każ tal-kwantitajiet ikkonsenjati skond il-kuntratti:

    (i) il-konsenji kkonsenjati kull jum, u n-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-kuntratt li għalih ikunu relatati,

    (ii) il-kwantità ta’ kull konsenja kkonsenjata u, fil-każ tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas, il-kwantità aċċettata għall-ipproċessar, wara t-tnaqqis ta’ kull riduzzjoni, u n-numru ta’ l-identifikazzjoni taċ-ċertifikat tal-konsenja rilevanti;

    (b) fil-każ tal-kwantitajiet ikkonsenjati b’xi mod ieħor għajr b’kuntratt:

    (i) il-konsenji kkonsenjati kull jum, u l-identità tal-proċessur,

    (ii) il-kwantità ta’ kull konsenja kkonsenjata u aċċettata għall-ipproċessar.

    2. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkollhom għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-ispezzjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiċċekkjaw li dan ir-Regolament ikun qiegħed jitħares.

    Fil-każ tat-tadam, tal-ħawħ u tal-lanġas, dik l-informazzjoni għandha tagħmilha possibbli biex tiġi identifikata, għal kull produttur kopert minn kuntratt, il-konnessjoni bejn l-arji, il-kwantitajiet ikkonsenjati, iċ-ċertifikati tal-konsenja, u l-ħlas ta’ l-għajnuna u l-prezzijiet.

    3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liema forma r-rekords previsti mill-paragrafi 1 u 2 għandhom jieħdu u jekk dawn għandhomx ikunu kompjuterizzati.

    4. Ir-rekords jew id-dokumenti tal-kontabilità meħtieġa skond il-liġi nazzjonali jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, sakemm ikun hemm fihom l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1.

    L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom joqogħdu għall-ispezzjonijiet u l-verifiki kollha meqjusa meħtieġa mill-Istat Membru u għandhom iżommu r-rekords kollha addizzjonali meħtieġa mill-Istat Membru għall-finijiet tal-verifiki meqjusa meħtieġa.

    Artikolu 17

    1. Il-proċessuri għandhom iżommu rekords li juru talanqas dan li ġej:

    (a) fil-każ ta’ kwantitajiet mixtrija b’kuntratti:

    (i) il-konsenji mixtrija u aċċettati fl-impriża għall-ipproċessar kull jum, u n-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-kuntratt li għalih ikunu relatati

    (ii) il-kwantità ta’ kull konsenja aċċettata għall-ipproċessar u n-numru ta’ l-identifikazzjoni taċ-ċertifikat tal-konsenja rilevanti;

    (b) fil-każ ta’ kwantitajiet mixtrija b’mod ieħor għajr b’kuntratt:

    (i) il-konsenji riċevuti kull jum, u l-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ,

    (ii) il-kwantità ta’ kull konsenja aċċettata għall-ipproċessar;

    (ċ) il-kwantitajiet ta’ kull wieħed mill-prodotti lesti elenkati fl-Artikolu 1(2) miksuba kull jum, mal-kwantitajiet korrispondenti ta’ materja prima, filwaqt li jiġu speċifikati l-kwantitajiet miksuba minn konsenji aċċettati b’kuntratti;

    (d) il-kwantitajiet u l-prezz ta’ kull wieħed mill-prodotti lesti mixtrijin mill-proċessur kull jum, waqt li jingħata l-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ. Din l-informazzjoni tista’ tiġi rreġistrata b’referenza għal dokumenti li jkunu jsostnuha, sakemm dawn ta’ l-aħħar ikun fihom id-dettalji msemmijin aktar ’il fuq;

    (e) il-kwantitajiet u l-prezz ta’ kull wieħed mill-prodotti lesti li jħallu l-bini tal-proċessur kull jum, filwaqt li jingħata l-isem u l-indirizz tad-destinatarju. Din l-informazzjoni tista’ tiġi rreġistrata b’referenza għal dokumenti li jkunu jsostnuha, sakemm din ta’ l-aħħar ikun fiha d-dettalji msemmijin aktar ’il fuq.

    Fil-każ tal-pruna u t-tin, l-informazzjoni rikjesta f’(ċ) aktar ’il fuq għandha tispeċifika separatament il-kwantità tal-prodott lest li fuqu l-għajnuna tkun pagabbli

    2. Il-proċessuri għandhom iżommu rekords separati għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), (b), (i), (k), (l), (m) u (n) użati għall-produzzjoni tal-frott imħallat u z-zlazi ppreparati msemmija fl-Artikolu 1(2)( ċ) u (o), filwaqt li juru l-informazzjoni li ġejja, b’żieda ma’ dik prevista mill-paragrafu 1(a), (b), (ċ) u (d):

    (a) il-kwantitjiet tal-frott imħallat u z-zlazi ppreparati miksuba kull jum, imqassma skond il-kompożizzjoni tal-prodott fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4);

    (b) il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-frott imħallat u z-zlazi ppreparati li joħorġu mill-post tal-proċessur, b’konsenja, bid-dettalji tad-destinatarju;

    (ċ) il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), (b), (i), (k), (l), (m) u (n) mixtrija u li jidħlu fl-istabbiliment kull jum, bid-dettalji tal-bejjiegħ.

    3. Il-proċessuri għandhom jaġġornaw kuljum ir-rekords ta’ l-istokkijiet tagħhom tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1(ċ), (d) u (e) u l-paragrafu 2(a), (b) u (ċ) għal kull fabbrika.

    4. Il-proċessuri għandhom iżommu prova tal-ħlas għall-materja prima kollha mixtrija b’kuntratti u prova tal-ħlas tal-bejgħ u x-xiri kollu għal ħames snin mit-tmiem tas-sena ta’ l-ipproċessar ikkonċernata.

    5. Il-proċessuri għandhom joqogħdu għall-ispezzjonijiet u l-verifiki kollha meqjusa meħtieġa mill-Istat Membru u għandhom iżommu r-rekords addizzjonali kollha meħtieġa minnu għall-finijiet tal-verifiki meqjusa neċessarji.

    6. L-Istati Membru jistgħu jiddeċiedu liema forma r-rekords previsti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jieħdu u jekk għandhomx ikunu kompjuterizzati.

    7. Ir-rekords jew id-dokumenti tal-kontabilità meħtieġa skond il-liġi nazzjonali jistgħu jiġu użati għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, sakemm ikun fihom l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.

    Artikolu 18

    1. Għal kull organizzazzjoni tal-produtturi li tikkonsenja t-tadam, il-ħawħ u l-lanġas għall-ipproċessar, il-verifiki li ġejjin għandhom isiru għal kull prodott u għal kull sena kummerċjali:

    (i) il-verifiki fiżiċi talanqas fuq:

    - 5 % ta’ l-arji msemmija fl-Artikoli 4 u 5(5),

    - 5 % tal-kwantitajiet ikkonsenjati għall-ipproċessar skond kull kuntratt, biex jiġi vverifikat li dawn ikunu jaqblu maċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 11 u li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi dwar il-kwalità;

    (ii) verifiki amministrattivi u dwar il-kontabilità fuq talanqas 5 % tal-produtturi koperti minn kuntratti, biex jiġi vverifikat li d-dettalji ta’ kull produttur, b’mod partikulari l-arji, il-ħsad totali, il-kwantità nnegozjata mill-organizzazzjoni tal-produtturi, il-kwantità kkonsenjata għall-ipproċessar u l-kwantità li tidher fiċ-ċertifikat tal-konsenja, jaqblu mal-prezzijiet imħallsa kif previst mill-Artikolu 7(1) u l-għajnuna mħallsa kif previst mill-Artikolu 14(1);

    (iii) verifiki amministrattivi u dwar il-kontabilità biex jiġi ċċekkjat li l-kwantitajiet tal-prodotti kkonsenjati lill-organizzazzjoni tal-produtturi minn produtturi msemmija fl-Artikolu5(5) u (6), il-kwantitajiet ikkonsenjati għall-ipproċessar, iċ-ċertifikati tal-konsenja msemmija fl-Artikolu 11 u l-kwantitajiet iddikjarati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jaqblu mal-prezzijiet imħallsa kif previst fl-Artikolu 7(1) u l-għajnuna mħallsa kif previst fl-Artikolu 14(1);

    (iv) verifiki amministrattivi u dwar il-kontabilità fuq talanqas 5 % tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 5(7);

    (v) verifiki fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha u d-dokumenti li jsostnuhom.

    2. Għall-proċessuri tat-tadam, il-ħawħ u l-lanġas, il-verifiki li ġejjin għandhom isiru għal kull fabbrika, prodott u sena kummerċjali:

    (i) verifiki fuq talanqas 5 % tal-prodotti lesti, biex issir verifika li l-ipproċessar ikun attwalment sar u li n-normi minimi dwar il-kwalità applikabbli jkunu tħarsu;

    (ii) verifiki amministattivi u dwar il-kontabilità fuq talanqas 5 % tal-prodotti lesti, biex tiġi ċċekkjata l-ġabra tal-materja prima pproċessata f’termini tal-prodott lest miksub skond kuntratt u b’xi mod ieħor għajr skond kuntratt;

    (iii) verifiki fiżiċi u dwar il-kontabilità għandhom isiru fuq l-istokkijiet kollha tal-prodotti lesti talanqas darbtejn kull sena, biex jiġi żgurat li dawn ikunu jaqblu mal-prodotti lesti maħduma, mixtrija u mibjugħa

    Artikolu 19

    1. Għal kull organizzazzjoni tal-produtturi li tikkonsenja l-għanbaqar u t-tin imqadded, verifiki amministrativi u dwar il-kontabilità għandhom isiru fuq talanqas 5 % tal-produtturi koperti minn kuntratti biex t-tiġi ċċekkjata t-talja li ġejja:

    - il-materja prima kkonsenjata minn kull produttur għall-ipproċessar, u

    - il-ħlasijiet previsti mill-Artikolu 7.

    2. Għal kull fabbrika, prodott lest u sena kummerċjali:

    (a) verifiki fiżiċi għal għarrieda għandhom isiru fuq talanqas 5 % tal-prodotti lesti eliġibbli għall-għajnuna tal-produzzjoni, biex jiġi ċċekkjat li dawn ikunu jaqblu mar-rekwiżiti dwar il-kwalità minima. Fejn ir-riżultati ta’ l-analiżi tal-kampjuni uffiċjali jvarjaw mid-dettalji fir-rekords tal-proċessuri, u juru li r-rekwiżiti dwar il-kwalità minima tal-Komunità ma jkunux sodisfatti, ebda għajnuna m’għandha titħallas għall-operazzjoni ta’ l-ipproċessar ikkonċernata;

    (b) verifiki amministrattivi u dwar il-kontabilità għandhom isiru biex jiġi ċċekkjat:

    (i) li l-kwantitajiet tal-materja prima użata għall-ipproċessar tkun tikkorrispondi ma’ dik li tidher fl-applikazzjoni għall-għajnuna,

    (ii) li l-prezz imħallas għall-materja prima pproċessata fi prodotti kif hemm referenza għaliha fil-punt (a) ikun talanqas ugwali għall-prezz minimu stabbilit,

    (iii) l-ordnijiet għat-trasferiment kif imsemmija fl-Artikolu7.

    Artikolu 20

    1. Fejn jiġi aċċertat, fil-każ ta’ xi prodott partikolari, li l-għajnuna għall-prodott li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal xi sena kummerċjali teċċedi l-ammont dovut, allura dak l-ammont għandu jitnaqqas, ħlief jekk id-differenza tkun b’mod ċar dovuta għal żball. It-tnaqqis għandu jkun ugwali għad-differenza. Jekk l-għajnuna tkun diġà tħallset, il-benefiċjarju għandu jrodd lura d-doppju tad-differenza, u l-imgħax ikkalkulat fuq iż-żmien li jkun għadda bejn il-ħlas u r-rifużjoni mill-benfiċjarju.

    Ir-rata ta’ l-imgħax għandha tkun dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tar-rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikati fis-serje "Ċ" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fis-seħħ fid-data tal-ħlas mhux dovut, biż-żieda ta’ tliet punti perċentwali.

    2. Jekk id-differenza msemmija fil-paragrafu 1 tkun ta’ aktar minn 20 %, il-benfiċjarju għandu jitlef id-dritt għall-għajnuna u, jekk l-għajnuna tkun diġà tħallset, għandu jrodd lura l-għajnuna totali, biż-żieda ta’ l-imgħax ikkalkulat skond il-paragrafu 1.

    Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 30 %, l-organizzazzjoni tal-produtturi jew il-proċessuri għandhom ukoll jitilfu kull dritt għall-għajnuna għall-prodott ikkonċernat għat-tliet snin kummerċjali sussegwenti.

    3. L-ammonti rkuprati u l-imgħax dovut għandhom jitħallsu lill-aġenzija tal-ħlas kompetenti u jitnaqqsu mill-ispiża ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija.

    4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kemm l-għajnuna kif ukoll il-prezzijiet jitħallsu skond l-Artikoli 7 u 14, rispettivament. Huma għandhom jipprovdu b’mod partikolari biex jimponu pieni fuq l-uffiċjali ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi liema pieni għandhom jkunu proporzjonati mal-gravità ta’ kull irregolarità.

    5. Jekk il-verifiki ta’ l-arja msemmija fl-Artikolu18(1)(i) juru diskrepanza bejn l-area ddikkjarata u dik attwalment stabbilita fil-livell ta’ l-area kollha vverifikata, l-għajnuna li għandha titħallas lill-organizzazzjoni tal-produtturi għandha titnaqqas, ħlief jekk id-differenza tkun b’mod ċar dovuta għal żball:

    - bil-perċentwal tad-diskrepanza stabbilita, jekk din tkun ta’ aktar minn 5 % iżda mhux aktar minn 20 % ta’ l-arja stabbilita

    - bi 30 % jekk id-diskrepanza tkun ta’ aktar minn 20 % ta’ l-arja stabbilita.

    6. Fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi tikkommetti irregolarità sussegwenti, l-Istat Membru għandu jirtira r-rikonoxximent lil dik l-organizzazzjoni, jew ir-rikonoxximent preliminari fil-każ ta’ grupp ta’ produtturi mogħtija rikonoxximent preliminari.

    Artikolu 21

    1. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure, fejn jinstab li l-kwantità sħiħa tat-tadam, il-ħawħ jew il-lanġas aċċettata għall-ipproċessar skond il-kuntratti ma tkunx ġiet ipproċessata f’wieħed mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2), il-proċessur għandu jħallas ammont ugwali għal darbtejn ta’ l-ammont ta’ l-unità ta’ l-għajnuna mmultiplikat bil-kwantità tal-materja prima kkonċernata li ma tkunx ġiet ipproċessata, b’żieda ta’ l-imgħax ikkalkulat skond l-Artikolu 20(1).

    Barra minn hekk, l-approvazzjoni ta’ l-ipproċessur kif previst mill-Artikolu 3(1) għandha tiġi sospiża:

    - fil-każ tas-suq tas-sena ta’ wara l-iskoperta, jekk id-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun ta’ 10 % jew anqas,

    - għal sentejn kummerċjali wara l-iskoperta, jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 10 % imma ta’ anqas minn 20 %,

    - għal tliet snin kummerċjali wara l-iskoperta jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 20 %.

    Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi, kull kwantità ta’ prodotti lesti, b’aktar minn 5 % ta’ tolleranza, li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità minima għandhom jiġu ttrattati bħala kwantitajiet mhux ipproċessati.

    2. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disposizzjoni biex l-approvazzjoni kif prevista fl-Artikolu 3(1) tiġi rtirata mill-proċessuri fil-każijiet li ġejjin:

    - fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi tagħmel dikjarazzjonijiet foloz bil-kollaborazzjoni tal-proċessur,

    - fejn il-proċessur jonqos li jħallas il-prezz imsemmi fl-Artikolu 3(4)(e),

    - fejn il-proċessur jonqos li jħallas il-pieni previsti fil-paragrafu 1.

    L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar it-tul ta’ żmien li għalih il-proċessur jista’ ma jissottomettix applikazzjoni ġdida għall-approvazzjoni filwaqt li jqis il-gravità tal-każ.

    3. L-ammonti rkuprati u l-imgħax dovut għandhom jitħallsu lill-aġenzija tal-ħlas kompetenti u jitnaqqsu mill-ispiża ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija.

    Artikolu 22

    1. Il-konformità mal-limiti Komunitarji u nazzjonali għandha tiġi stabbilita f’kull Stat Membru kkonċernat fuq il-bażi tal-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna, fil-każ tat-tadam, u l-kwantitajiet li għalihom titħallas għajnuna, fil-każ tal-ħawħ u l-lanġas.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw koperazzjoni amministrattiva reċiproka bil-ħsieb li jiżguraw li dan ir-Regolament jiġi applikat b’mod approprjat.

    IT-TITOLU VII

    In-notifika lill-Kummissjoni

    Artikolu 23

    Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill Kummissjoni:

    1. qabel il-bidu ta’ kull sena kummerċjali, jekk dan ikun irrikorra għall-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u l-kwantitajiet ta’ kull sub-limitu kkonċernat

    2. mhux aktar tard mill-10 ta’ Diċembru, l-informazzjoni li ġejja:

    (a) il-kwantità totali tat-tadam koperta minn applikazzjonijiet għall-għajnuna, imqassma, fejn ikun jgħodd, f’sub-limiti;

    (b) il-kwantità stmata ta’ tin imqadded, għanbaqar imqadded, ħawħ u lanġas mhux ipproċessat li tkun maħsuba għall-ipproċessar f’wieħed mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2);

    3. mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu fil-każ tat-tadam, il-15 ta’ April fil-każ tal-ħawħ u l-lanġas u l-1 ta’ Ġunju fil-każ tal-pruna u t-tin imqadded, l-informazzjoni li ġejja, imqassma fi prodotti skond kuntratt u mhux skond kuntratt

    (a) il-kwantità ta’ prodotti lesti kif elenkati fl-Artikolu 1(2)(a) sa (o);

    (b) il-kwantità ta’ materja prima użata fil-fabbrikazzjoni ta’ kull wieħed mill-prodotti msemmija fil-punt (a);

    (ċ) il-kwantità tal-prodotti msemmija fil-punt (a) fl-istokk fi tmiem is-sena kummerċjali ta’ qabel fil-każ tal-prodotti pproċessati mit-tadam, il-ħawħ u l-lanġas, imqassmin fi prodotti mibjugħa u prodotti mhux mibjugħa fil-każ tat-tadam, u fl-1 ta’ Mejju fil-każ tal-pruna u t-tin imqadded

    (d) fil-każ tat-tadam:

    - l-arja totali f’ettari miżrugħa matul is-sena kummerċjali,

    - il-medja tal-ġabra, espressa f’tunellati metriċi għal kull ettaru, għas-sena kummerċjali,

    - l-arja u l-ġabra, imqassmin f’tipi żengulin u tipi tondi,

    - il-medja tal-kontenut tal-materja niexfa solubbli użata biex isir il-konċentrat tat-tadam;

    (e) l-informazzjoni mitluba skond il-punti minn (a) sa (ċ) għandhom jinkludu l-kwantitajiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu1(2)(a), (b), (i), (k), (l), (m) u (n) użati biex isiru l-prodotti imsemmija fi (2)( ċ) u (o) ta’ dak l-Artikolu;

    (f) il-kwantità totali magħmula minn kull wieħed mill-prodotti msemmija fl-Artikolu1(2)( ċ) u (o), imqassma skond il-prodotti msemmija fit-(2)(a), (b), (i), (k), (l), (m) u (n) ta’ dak l-Artikolu użata biex dawn isiru;

    4. mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju, rapport dwar il-verifiki li jkunu saru matul is-sena kummerċjali kurrenti, li tispeċifika l-għadd tal-verifiki u r-riżultati, imqassma skond it-tipi ta’ dak li jkun irriżulta;

    5. fil-każ tat-tadam, il-kwantitajiet koperti b’kuntratti, mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data finali għall-iffirmar tal-kuntratt.

    IT-TITOLU VIII

    Id-dispożizzjonijiet transitorji u finali

    Artikolu 24

    1. Fejn il-kuntratti jiġu konklużi bejn il-produtturi individwali u l-proċessuri skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6a(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96, l-Artikoli minn 3 sa 7, minn 10 sa 15, minn 18 sa 20 u 22 ta’ dan ir-Regolament għandhom jgħoddu, mutatis mutandis, għas-sena kummerċjali 2001/02.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6a(2) ta’ Regolament (KE) Nru 2201/96 jiġu mħarsa.

    3. Fil-każ tat-tadam, għas-sena kummerċjali 2001/02:

    - il-proċessuri li jkunu ħadu sehem fl-iskema ta’ l-għajnuna matul is-sena kummerċjali 2000/01 u l-proċessuri ġodda li jibdew l-attività tagħhom għandhom jitqiesu li jkunu approvati, ħlief jekk l-Istat Membru jiddeċiedi mod ieħor,

    - minkejja l-Artikolu 6, id-data tar-referenza għandha tkun referenza katastali jew referenza oħra rikonoxxuta bħala ekwivalwenti mill-korp ta’ l-ispezzjoni,

    - minkejja l-Artikolu 3(3), id-data finali għal iffirmar tal-kuntratti għandha tkun il-31 ta’ Marzu 2001.

    4. Fil-każ tal-ħawħ u l-lanġas, minkejja l-Artikolu 6, sa’ l-1 ta’ Jannar 2003 id-data tar-referenza ta’ l-oqsma għandha tkun ir-referenza katastali jew kull referenza oħra rrikonoxxuta bħala ekwivalenti mill-korp ta’ l-ispezzjoni.

    Artikolu 25

    Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1709/84, (KE) Nru 504/97 u (KE) Nru 661/97 għandhom jiġi rrevokati b’effett mill-aħħar tas-sena kummerċjali 2000/01 għal kull wieħed mill-prodotti kkonċernati.

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2022/92 qiegħed b’hekk jiġi rrevokat.

    Artikolu 26

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 2 ta’ Marzu 2001.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 297, tal-21.11.96, p. 29.

    [2] ĠU L 311, tat-12.12.00, p. 9.

    [3] ĠU L 297, tal-21.11.96, p. 49.

    [4] ĠU L 297, tal-21.11.96, p. 1.

    [5] ĠU L 328, tat-23.12.00, p. 2.

    [6] ĠU L 355, tal-5.12.92, p. 1.

    [7] ĠU L 182, tal-21.07.00, p. 4.

    [8] ĠU L 391, tal-31.12.92, p. 36.

    [9] ĠU L 314, ta' l-14.12.00, p. 8.

    [10] ĠU L 78, ta' l-20.03.97, p. 14.

    [11] ĠU L 190, tat-23.07.99, p. 11.

    [12] ĠU L 162, ta' l-20.06.84, p. 8.

    [13] ĠU L 187, ta' l-20.07.99, p. 27.

    [14] ĠU L 207, tat-23.07.92, p. 9.

    [15] ĠU L 100, tas-17.04.97, p. 41.

    [16] ĠU L 349, ta' l-24.12.98, p. 34.

    [17] ĠU L 244, tat-30.9.1993, p. 23

    --------------------------------------------------

    Top