Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001H0166

    Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ frar 2001 fuq il-koperazzjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-Edukazzjoni fl-iskejjel

    ĠU L 60, 1.3.2001, p. 51–53 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2001/166/oj

    32001H0166



    Official Journal L 060 , 01/03/2001 P. 0051 - 0053


    Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tat-12 ta’ frar 2001

    fuq il-koperazzjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-Edukazzjoni fl-iskejjel

    (2001/166/KE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw Il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

    Billi:

    (1) Hemm bżonn li tiġi mħeġġa d-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni peress li dan l-għan huwa essenzjali sabiex tkun stabbilita Ewropa tal-poplu.

    (2) Edukazzjoni ta’ kwalità hija waħda mill-għanijiet prinċipali ta’ l-edukazzjoni primarja u sekondarja, inkluża l-edukazzjoni vokazzjonali, għall-Istati Membri kollha fil-kuntest ta’ soċjetà li qiegħda titgħallem.

    (3) Il-kwalità ta’ l-edukazzjoni skolastika għandha tiġi żgurata fuq kull livell u f’ kull qasam ta’ l-edukazzjoni, mingħajr ma jingħata każ tad-differenzi li jista’ jkun hemm fl-għanijiet, metodi u bżonnijiet, ta’ l-edukazzjoni u mingħajr ma jingħata każ ta’ gradi ta’ eċċellenza skolastika fejn dawn jeżistu.

    (4) Ir-riżorsi dedikati għall-edukazzjoni żdiedu fil-pajjiżi industrijalizzati kollha matul l-aħħar perjodu ta’ għaxar snin. L-edukazzjoni hija perċepita mhux biss bħalha arrikkiment personali imma ukoll bħala kontribuzzjoni lejn il-koeżjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u s-soluzzjoni għal problemi ta’ l-impjieg. It-tgħalim matul il-ħajja kollha huwa importanti bħala mezz sabiex wieħed jikkontrolla l-futur tiegħu fuq livell professjonali u personali. Edukazzjoni ta’ kwalità hija essenzjali mill-perspettiva tal-politiki fis-suq tax-xogħol, il-moviment liberu tal-ħaddiema fil-Komunità u r-rikonoxximent tad-diplomi u kwalifiki fit-tagħlim.

    (5) Hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jiżguraw, meta jkollhom l-opportunità, li l-programmi ta’ korsijiet ta’ studju jieħdu konjizzjoni ta’ l-izvilupp fis-soċjetà.

    (6) L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-istituzzjonijiet edukattivi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti edukattivi u soċjali fil-millennju l-ġdid u biex iżommu l-pass ma’ l-iżvilupp li dawn iġibu magħhom. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-istituzzjonijiet edukattivi sabiex itejbu l-kwalità tas-servizzi li joffru billi jgħinuhom jiżviluppaw inizjattivi ġodda li jimmiraw biex jassikuraw il-kwalità tat-tagħlim u billi jgħinuhom jinkuraġġixxu kemm il-moviment ta’ persuni bejn il-pajjiżi kif ukoll it-trasferiment ta’ l-għerf.

    (7) Fil-qasam tal-politiki fis-suq tax-xogħol, kull sena il-Kunsill jadotta sett ta’ linji fuq l-impjieg mibnija fuq bersalli u sinjali kwantitattivi. Linja ta’ gwida 7 tal-linji tal-gwidi fuq l-impjieg għas-sena 2000, imniżżlin fl-Anness tad- Deċizjoni/2000/228/KE [4], tiddikjara li l-Istati Membri sejrin "itejbu l-kwalità tas-sistemi fl-iskejjel tagħhom sabiex inaqqsu sostanzjalment in-numru ta’ żagħżagħ li jitilqu mis-sistema skolastika qabel iż-żmien. Attenzjoni partikolari għandha tingħata ukoll lil dawk iż-żagħżagħ li għandhom problemi biex jitgħallmu".

    (8) Fil-linja ta’ gwida 8 ta’ l-imsemmijin linji ta’ gwida, referenza speċifika tingħata għall-iżvilupp tal-ħila ta’ l-użu tal-kompjuter, għall-ekwipaġġ ta’ l-iskejjel b’apparat ta’ kompjuters u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Internet għall-istudenti sa l-aħħar tas-sena 2002, li għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-kwalità ta’ l-edukazzjoni u tipprepara liż-żagħżagħ għal epoka diġitali.

    (9) Il-promozzjoni tal-mobbiltà li hija mniżżla bħala għan tal-Kommunità fl-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat għandha tiġi inkoraġġuta permezz ta’ l-edukazzjoni ta’ kwalità.

    (10) Il-koperazzjoni Ewropea u t-tpartit transnazzjonali ta’ esperjenzi se jikkontribwixxu biex jidentifikaw u jxerrdu metodi ta’ valutazzjoni ta’ kwalità effettiva u aċċettabbli.

    (11) Is-sistemi li huma maħsuba biex jiżguraw kwalità għandhom jibqgħu flessibli u jkunu addattati għal sitwazzjoni ġdida maħluqa minn bidliet fl-istruttura u fl-oġġettivi ta’ istituzzjonijiet edukattivi, bil-konsiderazzjonijit neċessarji għad-dimensjoni kulturali ta’ l-edukazzjoni.

    (12) Sistemi li jiżguraw kwalità jvarjaw, minn Stat Membru u minn stabbiliment edukattiv għall-ieħor, meta titqies id-differenza fid-daqs, strutturi, ċirkostanzi finanzjarji, karattri istituzzjonali u approċċ edukattiv ta’ stabbilimenti differenti.

    (13) L-evalwazzjoni tal-kwalità u b’mod partikolari l-awto-evalwazzjoni fl-iskejjel huma għodda xierqa ħafna sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra n-numru ta’ żagħzagħ li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u l-esklużjoni soċjali b’mod ġenerali.

    (14) Sensiela sħiħa ta’ mezzi huma disponibbli sabiex jintlaħaq l-għan ta’ edukazzjoni ta’ kwalità. L-evalwazzjoni tal-kwalità, li hija waħda minn dawn il-mezzi, hija kontribuzzjoni prezzjuża sabiex tiġi żgurata u żviluppata l-kwalità ta’ l-edukazzjoni ġewwa skejjel ġenerali u professjonali. Il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni għandha tipprova, inter alia, tagħmel stima tal-kapaċità li għandhom l-iskejjel biex jikkunsidraw l-użu ta’ tagħrif ġdid, li qiegħed jiżdied, dwar it-teknoloġija.

    (15) L-użu ta’ netwerks fuq livell Ewropew ta’ istituzzjonijet involuti fl-evalwazzjoni ta’ kwalità fl-edukazzjoni skolastika huwa ta’ importanza fundamentali. Netwerks li digà jeżistu bħalma hi n-netwerk Ewropea li tagħmel il-politikà għall-evalwazzjoni tas-sistemi edukattivi mwaqqfa minn l-Istati Membri fl-1995 tista’ tipprovdi għajnuna ta’ siwi kbir għall-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

    (16) Il-Kummissjoni mexxiet proġett sperimentali fuq l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni għolja fl-1994 u fl-1995. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/561/EC ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 fuq il-koperazzjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ livell għoli [5] tagħmel enfasi fuq l-importanza ta’ l-iskambjar ta’ informazzjoni u esperjenzi u koperazzjoni fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità bejn Stati Membri oħra.

    (17) Il-programm Socrates [6], b’mod partikolari l-Azzjoni 6.1., tistieden il-Kummissjoni biex tippromovi l-iskambjar ta’ informazzjoni u esperjenzi fuq domandi ta’ interess ġenerali. L-evalwazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni skolastika hija waħda mit-temi li għandhom priorità fl-imsemmija Azzjoni.

    (18) Il-Kummissjoni, minn Marzu 1996, bdiet studji u attivitajiet operazzjonali varji biex tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ l-evalwazzjoni minn perspettivi differenti bl-għan li jiġu deskritti l-varjetà wiesgħa u l-ġid tal-metodoloġiji tal-valutazzjoni ta’ approċċi u edukazzjoni użati fuq livelli differenti.

    (19) Il-Kummissjoni kkonduċiet proġett sperimentali matul is-sena skolastika 1997/1998 ġo 101 skola sekondarja għolja u inferjuri fil-pajjiżi li jieħdu sehem fil-programm Socrates, li qajmet għarfien fuq materji ta’ kwalità u għenet biex il-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ dawk l-iskejjel titjieb. Ir-rapport konklussiv, Ġunju 1999, intitolat "L-Evalwazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni skolastika, proġett sperimentali Ewropew" jenfasizza sensiela ta’ elementi metodoloġiċi bħala elementi importanti sabiex tirnexxi l-awto-evalwazzjoni.

    (20) Fil-konkulżjonijiet tagħha tas-6 ta’ Diċembru 1997 [7], il-Kunsill afferma li l-evalwazzjoni hija element importanti anke sabiex tiġi żgurata u, meta jkun approprjat, imtejba l-kwalità.

    (21) Il-Presidenza tal-Kunsill fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kunsill Ewropew Staordinarju li sar ġewwa Lisbona fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2000 iddikjarat li s-sistemi edukattivi u tat-taħriġ Ewropew iridu jaddattaw kemm għal bżonnijiet tas-soċjetà li trid tinforma ruħha kif ukoll għal bżonn li jogħlew il-livelli ta’ l-impjieg u jitjiebu fil-kwalità.

    (22) B’ħarsa lejn it-tkabbir ta’ l-Unjoni, il-pajjiżi li sejrin jingħaqdu għandhom jiġu involuti fil-koperazzjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni tal-kwalità.

    (23) Hu neċessarju li l-prinċipju tas-sussidjarjità u r-responsabbiltà esklussiva ta’ l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u għall-istruttura tas-sistemi edukattivi tagħhom jiġu kkunsidrati, sabiex il-karattru kulturali partikolari u t-tradizzjoni fl-edukazzjoni ta’ kull Stat Membru tkun tista’ tiba sejra ’l quddiem,

    I. JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

    fil-kuntest ekonomiku, soċjali, u kulturali speċifiku tagħhom filwaqt li jikkunsidraw d-dimensjoni Ewropea, jappoġġjaw it-titjib ta’ kwalità ta’ l-evalwazzjoni fl-edukazzjoni skolastika, billi:

    1. jappoġġjaw u, meta jkun approprjat, jistabbilixxu sistemi ta’ evalwazzjoni ta’ kwalità trasparenti bl-għanijiet li jmiss:

    (a) li tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li tiġi tinkoraġġuta l-inkluzjoni soċjali, u opportunitajiet ugwali ghal bniet u subien,

    (b) li tissalvagwardja l-kwalità ta’ l-edukazzjoni skolastika bħala basi għal tgħalim matul il-ħajja kollha,

    (ċ) li tkun imħeġġa u tinkoraġġixxi l-awto-evalwazzjoni skolastika bħala metodu biex jinħoloq tagħlim u jitjiebu l-iskejjel, f’qafas ibbilanċat ta’ awto-evalwazzjoni skolastika u kwalunkwe evalwazzjoni esterna,

    (d) li jsir użu ta’ tekniċi li jimmiraw sabiex titjieb il-kwalità bħala mezz biex jiġu adottati b’suċċess akbar għar-rekwiżiti ta’ dinja li qed tinbidel malajr u l-ħin kollu,

    (e) li tiċċara l-iskop u l-kondizzjonijiet għall-awto-evalwazzjoni skolastika, u taċċerta li l-approċċ għall-awto-evalwazzjoni tkun konsistenti ma’ forom oħra ta’ regolament,

    (f) li tiżviluppa evalwazzjoni esterna sabiex tipprovdi appoġġ metodoloġiku għal l-awto-evalwazzjoni skolastika u biex tipprovdi perspettiva barranija ta’ l-iskola li tinkoraġġixxi proċess ta’ titjib kontinwu u tieħu ħsieb li dan mhux ristrett purament għal kontrolli amminisrattivi;

    2. jinkoraġġixxu u jappoġġjaw, fejn hu xieraq, l-involġiment tad-depożitarji tal-flus ta’ l-iskola, inklużi għalliema, studenti, min għandu t-treġija, ġenituriu esperti, fil-proċess ta’ evalwazzjoni estranja u awto-evalwazzjoni ġo l-iskejjel sabiex tiġi inkoraġġuta r-responsabbiltà konġunta għall-iżvilupp ta’ l-iskejjel;

    3. jappoġġjaw taħriġ fl-immaniġġjar u fl-użu ta’ strumenti għall-awto-evalwazzjoni bl-għanijiet li jmiss:

    (a) li l-awto-evalwazzjoni fl-iskejjel taħdem b’mod effettiv bħala strument li jsaħħaħ il-kapaċità ta’ l-iskejjel biex dawn jitjiebu,

    (b) li tiżgura tixrid effiċjenti ta’ eżempji ta’ prattika tajba u strumenti ġodda fl-awto-evalwazzjoni;

    4. jappoġġjaw il-kapaċità ta’ l-iskejjel li jitgħallmu waħda mill-oħra fuq skala nazzjonali u Ewropea, bl-għanijiet li jmiss:

    (a) li tidentifika u xxerred prattika tajba u għodda effiċjenti bħal ma huma indikaturi u punti ta’ referenza fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni skolastika,

    (b) li tifforma netwerks bejn l-iskejjel, f’kull livell xieraq, li jappoġġjaw lil xulxin u jipprovdu impetu barrani għal proċess ta’ l-evalwazzjoni;

    5. jinkoraġġixxu il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha involuti fl-evalwazzjoni tal-kwalità edukattivà fl-iskejjel u jippromovu n-netwerks Ewropej tagħhom.

    Din il-koperazzjoni tista’ tinkludi uħud mill-oqsma li jmiss:

    (a) l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza, b’mod partikolari fuq żvilupp metodoloġiku u eżempji ta’ prattika tajba, speċjalment bl-użu ta’ teknoloġiji moderni fuq l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u, meta xieraq, bl-organizzazzjoni ta’ konferenzi, seminars u workshops Ewropej,

    (b) il-ġbir ta’ informazzjoni u għodda għall-izvilupp bħalma huma indikaturi u punti ta’ riferenza li għandhom rilevanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-kwalità fl-iskejjel,

    (ċ) il-pubblikazzjoni tar-rizultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-iskejjel skond il-politiki rilevanti ta’ kull Stat Membru u l-istabbilimenti edukazzjoniali tiegħu, li għandu jkun disponibbli ghall-awtoritajiet fl-Istati Membri,

    (d) il-promozzjoni ta’ kuntatti bejn esperti sabiex tinbena l-ħila f’ dan il-qasam,

    (e) l-użu tar-riżultati ta’ stħarriġ internazzjonali għall-izvilupp ta’ l-evalwazzjoni ta’ kwalità fl-iskejjel.

    II. JISTIEDNU L-KUMMISSJONI:

    1. tinkoraġġixxi, b’koperazzjoni qawwija ma’ l-Istati Membri, u fuq il-bażi ta’ programmi Komunitarji eżistenti, il-koperazzjoni msemmija fil-punti 4 u 5 ta’ l-I Taqsima, u tinvolvi wkoll organizzazjonijiet u assoċjazzjonijiet varji li għandhom l-esperjenza neċessarja f’dan il-qasam.

    Filwaqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġi meħud benefiċċju totali mill-ħila tal-Eurydice netwerk imsemmi fl-Azzjoni 6.1. tal-programm Socrates;

    2. tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ programmi Komunitarji li diġà jeżistu, bażi ta’ informazzjoni għat-tixrid ta’ għodda u strumenti effettivi għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-iskejjel. Il-bażi ta’ l-informazzjoni għandha tinkludi ukoll eżempji ta’ prattika tajba u tkun aċċessibbli fuq l-Internet; l-użu interattiv ta’ dan għandu jiġi żgurat;

    3. tagħmel użu mir-riżorsi ġo programmi Komunitarji li diġà jeżistu, tinkorpora l-esperjenza magħmula diġà minn dawn il-programmi u tiżviluppa n-netwerks li diġà jeżistu;

    4. tagħmel, bħala l-ewwel pass, inventarju ta’ l-istrumenti u l-istrateġiji għall-evalwazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni primarja u sekondarja li diġà qed tintuża minn Stati Membri oħra. Meta l-inventarju jkun miġbur, il-Kummissjoni trid taħdem ma’ l-Istati Membri fuq it-tkomplija xierqa tax-xogħol li jkun diġà nbeda. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jingħataw tagħrif komplet fuq bażi regolari fuq it-tkomplija ta’ dan ix-xogħol;

    5. tippreżenta fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tliet rapporti dettaljati fis-sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitati tar-Reġjuni fuq l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

    6. tasal għal konklużjoni u tagħmel proposti fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti.

    Magħmula fi Brussel, fit-12 ta’ Frar 2001.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    N. Fontaine

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. Östros

    [1] ĠU C 168, tas-16.6.2000, pġ. 30.

    [2] ĠU C 317, tas-6.11.2000, pġ. 56.

    [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2000 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2000 (ĠU C 375, tat-28.12.2000, pġ. 38) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2001 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU L 72, tal-21.3.2000, pġ. 15.

    [5] ĠU L 270, tas-7.10.1998, pġ. 56.

    [6] ĠU L 28, tat-3.2.2000, pġ 1.

    [7] ĠU C 1, tat-3.1.1998, pġ. 4.

    --------------------------------------------------

    Top