EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0431

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal ċerti spejjeż li jsiru minn Stati Membri meta jkunu qed jimplimentaw is-sistemi ta' kontroll, spezzjoni u sorveljar applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd

ĠU L 154, 9.6.2001, p. 22–40 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/06/2009; Imħassar b' 32009D0447 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/431/oj

32001D0431



Official Journal L 154 , 09/06/2001 P. 0022 - 0040


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-28 ta' Mejju 2001

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal ċerti spejjeż li jsiru minn Stati Membri meta jkunu qed jimplimentaw is-sistemi ta' kontroll, spezzjoni u sorveljar applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd

(2001/431/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Il-politika dwar sajd komuni, li tiggarantixxi l-eżistenza fuq perjodu twil ta' ħażniet tal-ħut u għalhekk l-impieg fis-settur, tista' tilħaq l-għanijiet tagħha biss jekk ir-regoli tagħha jkunu magħmula bi u effettivament kontrollati.

(2) Dawk l-għanijiet u r-regoli huma primarjament stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi sistema tal-Komunità għas-sajd u l-akkwakultura [3] u permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd [4].

(3) Billi jiggarantixxu l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' kontroll, spezzjoni u sorveljar applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd, l-Istati Membri juru obbligazzjoni lejn l-interess tal-Komunità.

(4) Għal xi Stati Membri l-iskala tal-kontroll hi b'mod partikolari ta' piż u tistà tkun ta' piż li jkun sproporzjonat.

(5) Il-Komunità ghandha għalhekk tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sabiex ikun hemm ċertu kontroll, spezzjoni u sorveljar ta' l-ispiża li jkollhom jagħmlu xi Stati Membri.

(6) Minħabba l-impatt globali pożittiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/631/KEE [5], għall-1991 sa l-1995, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/527/KE [6], għall-1996 sa l-2000, hu meħtieġ riżultat għal dawk id-Deċiżjonijiet, iżda mhux sempliċi tiġdid. Ċerta spiża għandha għalhekk tkun imnaqqsa sabiex tippermetti aktar assistenza attiva f'oqsma oħra.

(7) Perjodu ta' tliet snin, mill-2001 sa l-2003, għat-tħaddim ta' din id-Deċiżjoni jippermetti li l-kontribuzzjoni tal-Komunità tkun stabbilita għal perjodu twil biżżejjed iżda mingħajr ma jkunu preġudikati xi modifiki tal-politika komuni dwar is-sajd li tistà tkun deċiża skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 3760/92.

(8) Ammont finanzjarju ta' riferenza fit-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-6 Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina fl-estimi u titjib fil-proċedura ta' l-estimi [7] jinsab inkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul taż-żmien tiegħu kollu li fih tkun mogħtija l-assistenza finanzjarja, mingħajr b'daqshekk ma jaffettwa l-poteri ta' l-awtorità ta' l-estimi kif imfisser fit-Trattat.

(9) Ir-riżorsi finanzjarji li jikkorrispondu huma mniżżla bħala approprjazzjonijiet annwali fl-Estimi Ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

(10) Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità hi kondizjonata fuq l-Istat Membru li jirċiviha li dan jilħaq livell sodisfaċenti ta' kontroll kemm bil-baħar u fuq l-art.

(11) L-Istati Membri li jirċivuha għandhom jistmaw l-għanijiet u l-impatt ta' l-ispiża tagħhom fuq il-programmi ta' kontroll, kemm kull sena u b'mod kumulattiv fl-aħħar tal-perjodu ta' tliet snin (2001 sa l-2003).

(12) Il-miżuri meħtieġa għat-tħaddim ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adotti skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [8].

(13) Sabiex tkun assigurata l-kontinwità ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal ċerti spejjeż magħmula mill-Istati Membri fit-tħaddim tal-kontroll, l-ispezzjoni u s-sistemi ta' sorveljanza li japplikaw għall-Politika Komuni dwar is-Sajd, din id-Deċiżjoni għandha tkun imħaddma b'mod tassattiv mill-1 ta' Jannar 2001.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, il-Komunità tista' tagħti kontribuzzjoni finanzjarja (hawnhekk aktar 'il quddiem magħrufa bħala "kontribuzzjoni finanzjarja") għall-programmi ta' kontroll stabbiliti mill-Istati Membri għat-tħaddim tal-kontroll, l-ispezzjoni u s-sistemi ta' sorveljanza applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93.

Il-programmi ta' kontroll għandhom jispeċifikaw l-għanijiet tagħhom u l-faċilitajiet li għandhom jintużaw u l-ispejjeż maħsuba, b'mod partikolari għar-rigward ta' l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista' tingħata dwar ċerti spejjeż kif provdut fil-programmi ta' kontroll u maħsuba li jikkontribwixxu għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a) il-ħolqien tal-mekkaniżmi u n-networks tat-Teknoloġija ta' l-Informatika meħtieġa għall-bdil ta' l-informazzjoni in konnessjoni mal-kontroll;

(b) esperimentazzjoni bi u t-tħaddim ta' teknoloġiji ġodda sabiex jitjieb il-kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd;

(ċ) taħriġ u kontroll ta' l-uffiċjali tad-dipartimenti;

(d) tħaddim ta' spezzjonar ġdid u skedi ta' osservatur fil-qafas ta' l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tas-Sajd (RFO) li tagħhom il-Komunità hi parti kontraenti;

(e) akkwist ta' modernizzar ta' l-apparat ta' kontroll, spezzjoni u sorveljar.

Taħt il-punti (a), (b), (d) u (e), il-kontribuzzjoni finanzjarja għal kull proġett għandha tkun limitata għall-ispiża ta' ammont li jkun ta' aktar minn EUR 13200.

Artikolu 3

L-ispiża msemmija fl-Artikolu 2 li tirriżulta minn obbligazzjonijiet legali u finanzjarji li jkunu saru mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri matuli il-perjodu ta' tħaddim ta' din id-Deċiżjoni, li dwarha ma tkun ġiet irċevuta l-ebda għajnuna finanzjarja oħra mill-Komunità, għandha tkun meqjusa bħala eliġibbli. It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) m'għandhiex tkun meqjusa bħala spiża eliġibbli.

L-ispiża għandha tkun eliġibbli sal-limitu li għaliha din tkun attwalment użata biex ikunu implimentati l-programmi ta' kontroll.

Artikolu 4

1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun relatata ma' l-ispiża eliġibbli magħmula mill-Istati Membri bejn l-1 ta' Jannar 2001 u l-31 ta' Diċembru 2003.

2. Ir-riferenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-miżuri li dwarhom tingħata l-assistenza finanzjarja għall-perjodu mill-2001 sa l-2003 għandha tkun ta' EUR 105 miljuni. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

3. Jekk l-allokazzjonijiet disponibbli fl-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea ma jippermettux kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispiża kollha eliġibbli proposta minn xi Stat Membru, il-prijorità għandha tingħata lill-ispiża dwar il-miżuri ta' kontroll kif provdut fir-regoli tal-Komunità.

Artikolu 5

1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula biex ikopru l-ispiża msemmija fl-Artikolu 2(a) għandhom ikopru l-ispiża eliġibbli għall-ħolqien tal-mekkaniżmi u n-networks tat-Teknoloġija ta' l-Informatika (TI) meħtieġa għall-bdil ta' l-informazzjoni in konnessjoni mal-kontroll, inklużi l-applikazzjonijiet, il-computers u s-software tat-TI.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal kull Stat Membru għandha tkun, l-aktar, ta' 65 % ta' l-ispiża eliġibbli.

L-Artikolu 6

1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji biex tkopri l-ispiża msemmija fl-Artikolu 2(b) għandha tkopri l-ispiża eliġibbli għall-esperimentazzjoni bi, u l-introduzzjoni ta', teknoloġiji ġodda sabiex itejbu l-kontrolli dwar l-attivitajiet tas-sajd u dawk relatati.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal kull Stat Membru għandha tkun, l-aktar, ta' 50 % ta' l-ispiża eliġibbli.

3. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi fuq rata ta' kontribuzzjoni ogħla minn dik mogħtija fil-paragrafu 2 sabiex tippermetti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji biex ikopru l-ispiża eliġibbli, meta jkun meħtieġ, billi jkun estiż il-VMS mogħti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 biex jinkludu vapuri minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2) tiegħu, u biex ikopru r-reġistrar ta' l-informazzjoni minbarra l-pożizzjoni tal-vapur u biex ikunu stallati logbooks elettroniċi.

Artikolu 7

1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom imorru għall-ispiża msemmija fl-Artikolu 2(ċ) għandhom ikopru, skond ir-regoli fl-Anness I, l-ispiża eliġibbli dwar it-taħriġ ta' uffiċjali nazzjonali involuti fl-attivitajiet ta' kontroll li jirriżultaw mill-organizzazzjoni ta' seminars u korsijiet ta' taħriġ ta' mill-inqas ġurnata u minn skambju ta' uffiċjali nazzjonali.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal kull Stat Membru għandha tkun, l-aktar, ta' 50 % ta' l-ispiża eliġibbli.

Artikolu 8

1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom isiru biex ikopru l-ispiża msemmija fl-Artikolu 2(d) għandhom ikopru l-ispiża eliġibbli dwar l-introduzzjoni ta' spezzjoni ġdida u skedi ta' osservazzjoni adottati fil-qafas ta' l-RFO li tagħhom il-Komunità hi parti kontraenti.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal kull Stat Membru għandha tkun, l-aktar, ta' 50 % ta' l-ispiża eliġibbli.

Artikolu 9

1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkopru l-ispiża msemmija fl-Artikolu 2(e) għandhom ikopru l-investiment ta' l-akkwist jew l-immodernizzar ta' vapuri u ajruplani użati għall-kontroll, spezzjoni u sorveljanza ta' l-attivitajiet tas-sajd.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal kull Stat Membru għandha tkun, l-aktar, ta' 35 % ta' l-ispiża eliġibbli.

3. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi fuq rata ta' kontribuzzjoni li tkun ogħla minn dik mogħtija fil-paragrafu 2, li tkun sa 50 % ta' l-ispiża eliġibbli, fil-każijiet li ġejjin:

(a) lil Stati Membri li jkollhom jikkontrollaw Żona Ekonomika Esklussiva estensiva, Żona Esklussiva tas-Sajd jew blata kontinentali jew li jkollhom jitrattaw ma' l-obbligazzjonijiet sproporzjonati in konnessjoni mal-kontroll tas-sajd mill-baħar;

(b) lill-Istati Membri li jassenjaw ir-riżorsi ta' kontroll kull sena, matul il-perjodu mill-2001 sal-2003, liż-żona regolatorja ta' xi RFO li tagħhom il-Komunità hi parti kontraenti, li fihom joperaw il-vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom.

L-Artikolu 10

Kontribuzzjoni finanzjarja speċjali li tkun sa 50 % ta' xi spiża eliġibbli kull Stat Membru kull sena tista' tingħata biex tkun imħaddma sistema li tistma l-ispiża magħmula biex tkun kontrollata l-politika komuni dwar is-sajd. Din il-kontribuzzjoni għandha tingħata biex tkopri l-ispiża eliġibbli biex tkun introdotta sistema ta' stima, inkluż biex ikunu żviluppati proċeduri ta' accounting analitiċi li jippermettu l-kalkolazzjoni ta' l-ispiża ta' diversi miżuri ta' kontroll magħmula mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu 11

L-allokazzjoni ta' l-estimi annwali għall-azzjoni li għaliha l-kontribuzzjoni finanzjarja ta' mhux aktar minn 50 % għandha tkun ristretta sa 20 % tal-pakkett ta' l-estimi.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri li jixtiequ jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2001, programm ta' tbassir ta' l-ispiża annwali tagħhom għall-2001, l-2002 u l-2003 li dwarhom huma jridu kontribuzzjoni finanzjarja, akkumpanjat minn programm ta' tliet snin li jiddeskrivi l-kontrolli li huma beħsiebhom jagħmlu matul il-perjodu ta' tliet snin.

Il-programm ta' kontroll għandhom jiddeskrivi l-għanijiet tal-kontroll u l-miżuri ta' spezzjoni skedati, il-pjan attwali ta' operazzjoni maħsub u r-riżultati antiċipati, u għandu jkopri l-firxa kollha tax-xogħol ta' kontroll tas-sajd rilevanti għall-Istat Membru.

Il-programmi rċevuti wara t-30 ta' Ġunju 2001 għandhom ikunu kkunsidrati biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ġustifikati mill-Istati Membri interessati.

2. Il-programmi għandhom jinkludu d-dettalji speċifikati fil-punti 1 u 2 tal-Parti A ta' l-Anness II.

Artikolu 13

Abbażi ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, u meta jkunu kkunsidrati l-kriterji fil-punt 3 tal-Parti A ta' l-Anness II, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi qabel il-31 ta' Ottubru 2001 għall-2001 u qabel it-30 ta' Ġunju 2002 għall-2002 u t-30 ta' Ġunju 2003 għall-2003 rispettivament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24(2) dwar:

(a) l-eliġibilità ta' l-ispiża skedata għas-sena kurrenti ta' l-estimi;

(b) ir-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(ċ) kull kondizzjonijiet li japplikaw għall-kontribuzzjoni finanzjarja.

Artikolu 14

Fuq talba raġunata ta' xi Stat Membru il-Kummissjoni tista' tagħti somma bil-quddiem li tkun sa 50 % tal-kontribuzzjoni annwali finanzjarja. Dawn għandhom jitnaqqsu mill-ammont finali tal-kontribuzzjoni finanzjarja li ssir għall-ispiża eliġibbli li tkun attwalment magħmula.

Artikolu 15

1. L-ispiża ta' l-Istati Membri għandha tkun magħmula kemm legalment u finanzjarjament mhux aktar tard fis-sena kalendarja wara s-sena ta' notifika tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 13. Jekk l-obbligazzjoni legali u finanzjarja ma ssirx fiż-żmien speċifikat, kull ammont mogħti bil-quddiem għandu jitħallas lura minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-ispiża skedata tagħhom fi żmien sena minn din l-obbligazzjoni legali u finanzjarja kif provdut fil-paragrafu 1.

Artikolu 16

Meta xi Stat Membru jiddeċiedi li ma jimplimentax l-ispiża eliġibbli kollha jew parti minnha li għaliha tkun ingħatat kontribuzzjoni finanzjarja dan għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni, fejn jiddikjara l-implikazzjonijiet għall-programm tiegħu ta' kontroll.

Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ħlas lura ta' l-ispiża mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju tas-sena ta' wara s-sena li fiha din tkun saret.

2. Meta jsiru l-applikazzjonijiet għar-rifużjoni l-Istati Membri għandhom jivverifikaw u jiċċertifikaw li l-ispiża tkun saret b'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u d-Direttivi dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' xogħlijiet pubbliċi, fornimenti u kuntratti ta' servizz, u skond ir-regoli dettaljati li jinsabu fil-punt 4 tal-Parti A ta' l-Anness II.

3. Jekk ikun jidher mill-applikazzjoni li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma kinux osservati, il-Kummissjoni għandha teżamina s-sistwazzjoni sewwa, fejn titlob lill-Istat Membru sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-eżami jikkonferma nuqqas ta' konformità, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi perjodu li fih l-Istat Membru għandu jikkonforma ruħu. Jekk mat-tmiem ta' dak il-perjodu stabbilit l-Istat Membru ma jkunx aġixxi skond ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tnaqqas, tissospendi jew tħassar il-kontribuzzjoni finanzjarja fil-qasam in kwistjoni. Il-pagamenti kollha mhux dovuti għandhom ikunu mħallsa lura lill-Kummissjoni bl-interessi għall-perjodu in kwistjoni.

4. L-Istati Membri għadhom iżommu d-dokumentazzjoni kollha ta' appoġġ għal perjodu ta' tliet snin mid-data mir-rifużjoni ta' l-ispiża mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jagħtu l-programmi tagħhom ta' spejjeż u l-applikazzjonijiet għar-rifużjoni ta' l-ispiża u l-pagamenti li jsiru bil-quddiem fl-euro. Programmi ta' spiża mhux magħmula fl-euro m'għandhomx ikunu ammissibbli.

L-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja għandhom jispeċifikaw ir-rata tal-kambju użata.

Artikolu 19

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li din tista' titlob bil-għan li tagħmel ix-xogħlijiet attribwiti lilha permezz ta' din id-Deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li tippermettilha li tivverifika l-użu magħmul mill-kontroll, l-ispezzjonar u r-riżorsi ta' sorveljanza li għalihom tkun saret kontribuzzjoni finanzjarja skond din id-Deċiżjoni. Dawn għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni għal mill-inqas tliet snin mid-data tar-rifużjoni ta' l-ispiża mill-Kummissjoni.

Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li dawn ir-riżorsi mhux qed ikunu użati għall-għan propju tagħhom jew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, din għandha tinforma lill-Istat Membru in kwistjoni, li għandu jagħmel inkjesta amministrattiva li fiha tista' tieħu parti l-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-progress tiegħu u bir-riżultati ta' dik l-inkjesta u jibgħat mingħajr dewmien kopja tar-rapport magħmul wara l-inkjesta, fejn ikunu notifikati l-elementi prinċipali li fuqhom dan ikun ibbażat. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li titlob lura kull ammont imħallas mhux dovut, bl-interessi, għall-perjodu in kwistjoni.

L-Artikolu 20

Il-Kummissjoni tista' tagħmel kull iċċekkjar li jidhrilha meħtieġ biex tassigura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-kondizzjonijiet u jagħmlu x-xogħlijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jassistu lill-uffiċjali nominati biex jagħmlu dan l-iċċekkjar mill-Kummissjoni.

L-ewwel paragrafu għandu jgħodd mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 tar-Rgolament (KEE) Nru 2847/93.

Artikolu 21

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, qabel it-30 ta' April ta' kull sena, rapport intermedjarju ta' stima, bil-kontenut kif speċifikat fl-Anness III, li jkopri l-ispiża eliġibbli tas-sena preċedenti, fejn jingħataw dettalji ta' kemm ġie milħuq il-progress antiċipat u l-impatt ta' l-ispiża fuq il-programmi ta' kontroll u tiġi rrapurtata kull ħtieġa li jkunu aġġustati l-programmi msemmija fl-Artikolu 12(2).

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummisjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2004, rapport finali ta' stima, bil-kontenut kif speċifikat fl-Anness III, li jkopri l-impatt tal-kontribuzzjoni finanzjarja fuq il-programm ta' tliet snin ta' kontroll b'mod globali.

3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tippermetti lill-Kummissjoni biex tissorvelja b'mod xieraq l-użu magħmul mill-kontribuzzjoni finanzjarja.

Artikolu 22

Abbażi ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skond l-Artikolu 21(1), il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2003, rapport dwar it-tħaddim ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 23

Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu mal-materji msemmija fl-Artikolu 13 għandhom jiġu adotti skond il-proċedura tat-tmexxija msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 24

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Tmexxija għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit permezz ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92.

2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 25

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-1 ta' Jannar 2001.

Artikolu 26

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Mejju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Östros

[1] ĠU C 62 E, tas-27.2.2001, p. 276.

[2] Opinjoni mogħtija fil-5 ta' April 2001 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 389, tal-31.12.92, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1181/98 (ĠU L 164, tad-9.6.1998, p. 1).

[4] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2846/98 (ĠU L 358, tal-31.12.1998, p. 5).

[5] ĠU L 364, ta' l-14.12.1989, p. 64. Deċiżjoni kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 95/528/KE (ĠU L 301, ta' l-14.12.1995, p. 35).

[6] ĠU L 301, ta' l-14.12.1995, p. 30.

[7] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

REGOLI LI JGĦODDU GĦALL-ISPIŻA DWAR IT-TAĦRIĠ TA' L-UFFIĊJALI LI JAGĦMLU XOGĦOL TA' SPEZZJONI

1. L-ispiża biex jiġu organizzati korsijiet u seminars għandha b'mod partikolari tkopri l-kiri ta' kamra, ix-xiri jew il-kri ta' materjal tat-tagħlim u apparat, il-ħlas tad-drittijiet għat-trainers li mhumiex uffiċjali ta' amministrazzjoni nazzjonali jew tal-Komunità, u l-ispejjeż għat-trasport u sostenn ta' l-uffiċjali nazzjonali li jipparteċipaw u lit-trainers.

2. L-ispiża dwar il-bdil ta' uffiċjali nazzjonali għandha tkopri l-ispejjeż tagħhom tat-trasport u s-sostenn.

3. L-ispejjeż tat-trasport għandhom ikunu dawk għal vjaġġ bir-ritorn bejn id-dar ta' l-uffiċjal u d-destinazzjoni permezz tat-trasport pubbliku.

4. L-ispejjeż tas-sostenn għandhom ikunu dawk għall-akkomodazzjoni, ikel u trasport lokali.

5. L-ispejjeż għat-trasport u s-sostenn għandhom ikunu stabbiliti skond ir-regoli nazzjonali dwar rifużjoni.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

PARTI A

1. Il-programm għall-ispiża annwali msemmija fl-Artikolu 12 għandu jiddikjara l-ispiża skedata għas-snin 2001, 2002 u 2003, fejn ikunu speċifikati b'mod partikolari:

- l-orarju dwar l-ispejjeż;

- in-natura, l-ispiża u l-għanijiet ta' l-ispezzjoni tat-teknoloġiji ġodda u n-networks tat-TI;

- in-natura, it-tul, numru ta' parteċipanti, spiża u għanijiet tat-taħriġ għall-uffiċjali li jispezzjonaw;

- għall-ispezzjoni u l-apparat ta' sorveljanza: karatteristiċi tekniċi, spiża, mod ippjanat għall-ħlas, għanijiet għall-ispezzjoni u utlizzar ippjanat, inkluża d-data tad-dħul fis-servizz.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar dawn li ġejjin:

- l-għanijiet maħsuba bl-ispiża proposta;

- ir-riżultati mistennija minn din l-ispiża;

- in konnessjoni max-xiri u l-immodernizzar tal-vapuri u l-ajruplani, sitma tal-perjodu tal-ħin li fihom dawn ser ikunu użati għall-ispezzjoni tas-sajd u x-xogħol ta' sorveljanza;

- l-użu ta' l-Isati Membru fuq is-snin preċedenti tal-kontribuzzjoni mogħtija permezz tad-Deċiżjoni 95/527/KE;

- it-titjib fl-effettività tal-kontrolli fuq il-baħar u fuq l-art magħmula mill-Istat Membru matul il-perjodu qabel l-applikazzjoni u t-titjib li għandu jirriżulta mill-ispiża proposta.

L-Istati Membri għandhom ukoll ilestu u jibagħtu lill-Kummissjoni l-formoli, li l-mudelli tagħhom huma mogħtija fil-Parti B.

3. Il-kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati meta tkun qed tiġi deċiża l-kontribuzzjoni finanzjarja:

- l-iskala u l-effiċjenza tar-riżorsi umani u fiżiċi attwalment dedikati għax-xogħol ta' spezzjoni;

- il-grad ta' koperazzjoni ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni fl-eżerċizzjoni tas-sorveljar tas-sajd;

- il-kontribuzzjoni ta' l-Istat Membru sabiex jagħmel ix-xogħol ta' spezzjoni u l-konformità tiegħu ma' l-obbligazzjonijiet skond l-iskedi ta' l-ispezzjoni u ta' osservatur stabbiliti bil-RFO li tagħhom il-Komunità hi parti kontraenti;

- il-kobor tal-kontrolli tiegħu fuq is-sajd permezz tal-vapuri tiegħu fl-ibħra mhux territorjali;

- id-diversità ta' l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' l-Istat Membru;

- l-affidabilità taċ-ċifra tal-qabdiet notifikati lill-Kummissjoni u l-abilita ta' l-Istat Membru li jipprevjeni li jinqabżu l-kwoti tiegħu;

- l-istat ta' eżekuzzjoni ta' l-ispiża eliġibbli li dwarha kontribuzzjoni tal-Komunità ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni 95/527/KE jew permezz ta' din id-Deċiżjoni;

- il-limitu tal-prevenzjoni u l-għarfien tal-ksur tal-politika komuni dwar is-sajd u l-azzjoni meħuda biex dawn ikunu penalizzati;

- l-eżistenza fil-leġislazzjoni nazzjonali u t-tħaddim fil-prattika tal-penali b'mod proporzjonali mal-gravità tal-ksur li attwalment ma jħallux li jsiru aktar ksur ta' l-istess tip;

- konformità mal-ħtieġa li l-Kummissjoni tkun notifikata bil-każijiet maqbuda ta' mġiba serja li tikser ir-regoli tal-politika komuni dwar is-sajd, kif meħtieġ permezz tar-Regolament (KE) Nru 1447/1999.

4. Il-kwestjonarji mimlija dwar kuntratti pubbliċi għandhom jirreferu għall-avviżi dwar l-offerti pubbliċi pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Jekk l-avviżi ma ġewx pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, il-benefiċjarju għandu jiċċertifika li l-leġislazzjoni tal-Komunità dwar kuntratti pubbliċi ġiet rispettata.

Il-Kummissjoni tista' titlob għal kull informazzjoni li hi jidhrilha meħtieġa biex tiddeċiedi jekk il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar kuntratti pubbliċi ġiet rispettata jew le.

Ir-rifużjoni għandha tkun kondizzjonata għall-għoti tad-dokumenti ta' appoġġ (żewġ kopji) li jkun fiha mill-inqas żewġ elementi tal-ftehim bejn l-Istat Membru u l-fornitur u l-evidenza li jkun sar il-ħlas. Sabiex ikunu rifużi, l-oġġetti individwali ta' l-ispiża għandhom ikunu elenkati f'dikjarazzjoni sommarja li b'mod ċar tindika għal kull wieħed in-natura tiegħu, marbut mal-programm propost u l-ammont ta' qabel il-VAT.

PARTI B

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

KONTENUT TAR-RAPPORT TA' STIMA

għanijiet tal-programm

riżorsi użati

spiża attwali

riżultati tal-programm

impatt tal-programm

cost-effectiveness ta' l-ispiża

impatt tal-kontribuzzjoni tal-Komunità

--------------------------------------------------

Top