Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R0348

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 348/2000 ta' l-14 Frar 2000 li jimponi dazju definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu pajpijiet u tubi bla saldaturi tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega li joriġinaw mill-Kroazja u l-Ukraina u l-ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost

    ĠU L 45, 17.2.2000, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/02/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/348/oj

    32000R0348



    Official Journal L 045 , 17/02/2000 P. 0001 - 0007


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 348/2000

    ta' l-14 Frar 2000

    li jimponi dazju definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu pajpijiet u tubi bla saldaturi tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega li joriġinaw mill-Kroazja u l-Ukraina u l-ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 fuq il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet bi prezzijiet ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [1], partikolarment l-Artikoli 9(4) u 10(2) tiegħu,

    Wara li kkonsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A. MIŻURI PROVIŻORJI

    (1) Bir-Regolament (KE) Nru 1802/1999 [2] (minn hawn ‘il quddiem msejjaħ "Regolament Proviżorju") il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijet fil-Komunità ta' ċerti pajpijiet u tubi bla saldaturi tal-ħadid u l-azzar bla lega li joriġinaw mill-Kroazja u l-Ukraina.

    B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI

    (2) Wara l-imposizzjoni ta' dazju proviżorju anti-dumping, il-partijiet interessati li talbu hekk ngħataw opportunità li jinstemgħu. Il-partijiet kienu informati bil-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv anti-dumping u l-ġbir definittiv, fil-livell ta' danid-dazju, ta' ammonti miġbura bħala dazju proviżorju. Ingħataw ukoll perjodu li fih jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din l-informazzjoni.

    (3) Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi lill-partijiet interessati kienu kkonsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet inbiddlu kif xieraq.

    Ċ. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT L-ISTESS

    1. Prodott ikkonċernat

    (4) Għandu jitfakkar li l-preambolu 7 tar-Regolament proviżorju iddeskriva l-prodott ikkonċernat bħala pajpijiet bla saldaturi, tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega, ta' tip użat għaż-żejt u pajplajns tal-gass, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx 406, 4mm; tubi bla saldaturi ta' sezzjoni ċirkolari, tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega, miġbudin kesħin jew irromblati kesħin; tubi oħra ta' sezzjoni ċirkolari, tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm, minn hawn "il quddiem msejħa bħala" tubi bla saldaturi.

    (5) Kienet ripetuta l-pretenzjoni li tubi bla saldaturi għandhom jinqasmu f'żewġ prodotti separati kkonċernati, jiġifieri, tubi ta' l-azzar tal-grad kummerċjali u pajpijiet ta' l-azzar għall-applikazzjonijiet taż-żejt/gass u li kull dannu mġarrab mill-industrija tal-Komunità għandu jkun analizzat separatament għal kull prodott.

    (6) Id-distinzjoni allegata hija bbażata fuq l-argument li t-tubi kummerċjali u l-pajpijiet m'humiex interkambjabbli, minħabba ċ-ċertifikazzjoni speċifika meħtieġa għall-applikazzjonijiet għaż-żejt/gass. Kien argumentat ukoll li l-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni ta' pajpijiet tal-linja jipprekludu l-bejgħ tagħhom għall-applikazzjonijiet li m'humiex għaż-żejt/gass. Barra dan, kien allegat li t-tubi kummerċjali huma użati fl-applikazzjonijiet tal-bini u infrastrutturali waqt li pajpijiet tal-linja huma użati fl-industriji taż-żejt u tal-gass u li ż-żewġ prodotti jinbiegħu permezz ta' kanali ta' bejgħ differenti, bil-pajpijiet tal-linja jinbiegħu direttament lill-utenti aħħarija aktar milli lin-negozjanti.

    (7) Instab li t-tubi mingħajr saldaturi kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi. Għalkemm hemm firxa kbira ta' tipi differenti, li jvarjaw skond id-dijametru estern, ħxuna tal-materjal, grad ta' l-azzar u speċifikazzjonijiet tekniċi, l-ebda linja ċara ta' differenzazzjoni ma nstabet bejniethom.

    (8) Barra dan, l-investigazzjoni wriet li t-tipi kollha ta' tubi bla saldaturi nbiegħu kemm lin-negozjanti u lill-utenti aħħarija. Distinzjoni ċara bejn il-kanali tal-bejgħ, għalkemm per se mhux rilevanti, ma setgħetx għalhekk tkun stabbilita.

    (9) Finalment, it-tubi kollha nstabu li kellhom essenzalment l-istess użu. Għalkemm huma użati f'ħafna industriji differenti bħall-industriji tal-bini, tal-karozzi, żejt u petroleum, bini ta' impjanti ta' l-elettriku u boilers, fis-settur pnewmatiku u idrawliku, u l-inġinerija u għalkemm huwa aċċettat li mhux kull utent jista' juża kull tip ta' tubu bla saldaturi, kollha huma kkonsidrati li għandhom l-istess applikazzjoni bażika.

    (10) Waqt li ċerti tipi ta' tubi bla saldaturi huma maħsuba b'mod ċar għall-applikazzjonijiet speċifiċi (eż. pajplajns taż-żejt), dawn il-pajpijiet jistgħu jintużaw ukoll f'applikazzjonijiet anqas speċifiċi. Barra dan, instab li tubi kummerċjali jistgħu jintużaw ukoll f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet. Dan kollu juri l-eżistenza ta' grad kbir ta' kompetizzjoni u interkambjabbilità bejn it-tipi kollha ta' prodotti.

    (11) Fl-aħħar, hija kkonfermata s-sejba proviżorja li t-tubi kollha bla saldaturi, kemm jekk tubi kummerċjali jew pajpijiet tal-linja jiffurmaw prodott waħdieni.

    2. Prodotti l-istess

    (12) Għandu jkun imfakkar li fil-preamboli 11 u 12 tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li t-tubi bla saldaturi importati mill-pajjiżi kkonċernati, it-tubi bla saldaturi prodotti u mibjugħa fil-Komunità mill-industrija tal-Komunità u dawk mibjugħa domestikament fis-suq Kroat kienu jixxiebħu fil-karatterisitiċi fiżiċi u tekniċi u nstabu li essenzalment għandhom l-istess użi.

    (13) Ġie allegat li t-tubi bla saldaturi prodotti fil-Komuntà kienu differenti minn dawk importati mill-Ukraina, billi dawn ta' l-aħħar kienu manifatturati b'standards differenti minn dawk użati mill-industrija tal-Komunità, u li l-ħtiġiet speċifiċi tal-provi applikati fil-Komunità ipproduċew tubi bla saldaturi jfisser li l-proċessi tal-produzzjoni kienu differenti.

    (14) L-investigazzjoni wriet li kemm l-industrija tal-Komunità u l-esportaturi Ukraini jipproduċu għall-istess standards jew simili nazzjonali jew internazzjonali. L-informazzjoni provduta mill-esportaturi Ukraini turi li tubi bla saldaturi esportati lejn il-Komunità, kemm jekk tubi kummerċjali jew pajpijiet, jikkonformaw ma' standards ta' l-industrija bħal DIN, API u ASTM, bħal dawk prodotti mill-industrija tal-Komunità.

    (15) Minħabba dan, huwa kkonfermat li s-sejba proviżorja li tubi bla saldaturi importati mill-pajjiżi kkonċernati, it-tubi bla saldaturi prodotti u mibjugħa fil-Komunità mill-industrija tal-Komunità u dawk mibjugħa fis-suq Kroat huma prodotti l-istess fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/1996 (‘il quddiem msejjaħ ir-"Regolament bażiku").

    D. DUMPING

    1. Il-Kroazja

    (16) Mill-adozzjoni tal-miżuri proviżorji, l-ebda argument ma tressaq dwar il-kalkolu tal-valuri normali, id-determinazzjoni tal-prezz ta' esportazzjoni, il-paragun tal-valur normali mal-prezz ta' esportazzjoni, jew l-istabbiliment ta' marġini ta' dumping. Is-sejbiet kif jidhru fil-preamboli 13 sa 19 tar-Regolament proviżorju huma għalhekk ikkonfermati. Il-marġini ta' dumping, u l-marġini residwa, għalhekk jibqgħu fl-istess livell jiġifieri 40,8 %.

    2. L-Ukraina

    (a) Valur normali

    (17) Wara l-pubblikazzjoni ta' Regolament proviżorju, importatur oġġezzjona għal għażla tal-Kroazja bħala t-tielet pajjiż b'ekonomija tas-suq xieraq għall-iskop li jkun stabbilit il-valur normali għall-Ukraina. Dan l-importatur argumenta li l-ispiża ta' l-enerġija u fatturi oħra ta' produzzjoni kienu ogħla fil-Kroazja milli fl-Ukraina, li s-suq domestiku Kroat kien monopolizzat, jew għallanqas dominat, mill-produttur waħdieni, u li evidenza insuffiċjenti ngħatat biex tiġġustifika r-rappreżentattività tal-bejgħ domestiku tal-Kroazja.

    (18) Huwa kkonsidrat li l-argument dwar l-ispejjeż ogħla Kroati mhux rilevanti billi l-Ukraina mhix ekonomija tas-suq u kull paragun huwa, min-natura tiegħu, inaffidabbli. Dak li huwa rilevanti f'dan il-kuntest huwa jekk il-produtturi Ukraini kellhom xi vantaġġ assolut jew komparattiv meta mqabbel mal-Kroazja, bħall-użu aktar effiċjenti ta' l-enerġija. Iżda, dan ma kienx il-każ. Kif ukoll, l-għażla tal-Kroazja ma kienetx irraġonevoli billi waħda mill-alternattivi, il-Brażil, kien rifjutat fuq il-bażi li l-prezzijiet fis-suq Brażiljan kienu tassew għoljin wisq minħabba l-posizzjoni dominanti ta' produttur wieħed. Il-Kroazja, iżda, kienet qed timporta l-prodott ikkonċernat kif ukoll tesportah, għalhekk kien hemm element ta' kompetizzjoni fis-suq domestiku tagħha Barra dan, il-bejgħ domestiku kien rappreżentattivi u ammonta għall-iżjed minn 5 % ta' l-esportazzjonijiet totali Ukraini lill-Komunità bħala volum. Finalment, ukoll għalkemm kien sar kull sforz biex ikunu investigati alternattivi oħra għall-Brażil bħall-Istati Uniti ta' l-Amerika u r-Repubblika Ċeka, l-ebda koperazzjoni ma ġiet minn dawn il-pajjiżi.

    (19) Billi l-ebda argument ma sar dwar jew il-metodoloġija jew il-kalkolu tal-prezz normali, is-sejbiet kif msemmija fil-preamboli 20 sa 26 tar-Regolament proviżorju huma għalhekk ikkonfermati.

    (b) Prezz ta' esportazzjoni

    (20) Produttur wieħed esportatur oġġezzjona għall-fatt li fit-twaqqif tal-prezz ta' esportazzjoni l-Kummissjoni ma kienetx qieset il-bejgħ tagħha lill-importatur relatat fil-Komunità fuq il-bażi li l-informazzjoni sottomessa ma nstabitx li kienet affidabbli. Billi l-ebda evidenza ġdida ma ntbagħtet biex tikkontradixxi dan, is-sejbiet msemmija fil-preamboli 27 u 28 tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati.

    (ċ) Paragun

    (21) Il-produtturi esportaturi tennew it-talba tagħhom għall-aġġustament għad-differenzi fil-karatterisitiċ fiżiċi minħabba l-istandards aktar baxxi użati fl-industrija tat-tubi ta' l-Ukraina paragunata ma' l-industrija tal-Komunità. Din it-talba kienet respinta fl-istadju proviżorju għaliex ma kientx sostanzjata biżżejjed. Il-produtturi esportaturi, iżda, naqsu ukoll li jissostanzjaw l-argumenti tagħhom u, fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida, huma ikkonfermati s-sejbiet msemmija fil-preamboli 29 sa 31 tar-Regolament proviżorju.

    (d) Marġini tad-dumping

    (22) Is-sejbiet proviżorji fuq marġini ta' dumping huma għalhekk ikkonfermati f'123,7 % għall-Ukraina.

    E. DANNU

    1. Definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità

    (23) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida s-sejbiet proviżorji fir-rigward tad-definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, mfissra fil-preamboli 34 sa 38 tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati.

    2. Importazzjonijiet ġewwa l-Komunità mill-pajjiżi kkonċernati

    (a) Kumulu

    (24) Il-produttur esportatur Kroat argumenta li importazzjonijiet mill-Kroatia m'għandhom ikunux valutati kumulativament ma' dawk li joriġinaw fl-Ukraina. F'dan l-aspett ntqal li l-volum ta' l-importazzjonijiet mill-Kroazja fil-perjodu ta' investigazzjoni (‘il quddiem msejħa bħala "IP") kien sostanzjalment aktar baxx minn dak mill-Ukraina, waqt li l-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet kienu ogħla. Intqal ukoll li l-esportazzjonijiet Kroati segwew il-prezzijiet magħmula mill-importazzjonijiet Ukraini fis-suq tal-Komunità

    (25) Il-marġini tad-dumping instabu li kienu sostanzjali għaż-żewġ pajjiżi. Il-volum ta' l-importazzjonijiet għaż-żewġ pajjiżi kien qed jikber matul il-perjodu eżaminat u laħaq livelli sinifikanti li, fiż-żewġ każijiet, instabu li kienu ‘l fuq sew mil-livelli de minimis. Fir-rigward tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet, instab li l-prezzijiet tat-tubi bla saldaturi miż-żewġ pajjiżi waqqgħu sewwa l-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità matul l-IP. Barra dan, tubi bla saldaturi miż-żewġ pajjiżi jinbiegħu permezz ta' l-istess kanali tal-bejgħ u skond kondizzjonijiet ta' bejgħ paragunabbli, u għahekk jikkompetu ma' xulxin u mat-tubi mibjugħa fl-industrija tal-Komunità.

    (26) Is-sejbiet proviżorji fir-rigward ta' kemm hija xierqa l-valutazzjoni kumulattiva ta' importazzjonijiet mill-Kroazja u l-Ukraina huma għalhekk ikkonfermati.

    (b) Prezzijiet ta' dumping ta' l-importazzjonijiet

    (27) Il-marġini tat-twaqqigħ tal-prezz għall-Kroazja u l-Ukraina kienu kkalkolati mill-ġdid fid-dawl ta' l-evidenza mibgħuta mill-partijiet interessati fir-rigward tal-prezzijiet ta' ċerti kategoriji ta' prodott u l-ġbir ta' tubi bla saldaturi għall-finijiet ta' tqabbil tal-prezzijiet.

    (28) Fir-rigward tal-Kroazja, it-twaqqigħ tal-prezz medju mwieżen rivedut imfisser bħala perċentwal tal-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità jammonta għal 14,4 %.

    (29) Fir-rigward ta' l-Ukraina, it-twaqqigħ tal-prezz medju mwieżen rivedut mfisser bħala perċentwal tal-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità jammonta għall-24 %.

    3. Sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità

    (a) Rikmarka preliminari

    (30) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni fit-8 ta' Diċembru 1999 sabet li ċerti produtturi tal-Komunità li huma parti mill-industrija tal-Komunità fil-proċediment preżenti kissru l-Artikolu 81 tat-Trattat KE billi wettqu prattiċi anti-kompetittivi. Kien konkluż li bejn l-1990 u l-1995 Dalmine, Mannesmannröhren-Werke u Vallourec ipparteċipaw fi ftehim għall-osservanza tas-swieq domestiċi rispettivi tagħhom għal ċerti tubi bla saldaturi, l-aktar l-OCTG (oil country tubular goods and certain line pipes).

    (31) Id-deċiżjoni kienet eżaminata biex ikun determinat jekk id-dannu li jinstab li tkun sofriet l-industrija tal-Komunità ġiex minn importazzjonijiet ta' dumping jew kienx ikkawżat bil-kondotta ta' ċerti produtturi tal-Komunità infushom.

    (32) Għandu jkun innutat li l-perjodu li fuqu s-sejbiet ta' din l-investigazzjoni kienu ibbażati (1 ta' Jannar 1997 sal-31 ta' Ottubru 1998) huwa barra l-perjodu li matulu l-prattiċi anti-kompetittivi jinstabu li seħħew. Minħabba l-fatt li dawn il-prattiċi seħħew f'perjodu qabel dak ikkonsidrat f'dawn il-proċeduri u billi li ż-żieda fil-volum ta' importazzjonijiet mill-Kroazja u l-Ukraina bi prezzijiet ta' dumping inzerta ma' deterjorament tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, ma jistax ikun konkluż li l-kondotta anti-kompettitiva ta' ċerti produtturi tal-Komunità ikkontribwixxa għad-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità f'din il-proċedura tant li jista' jingħad li tinkiser ir-rabta kawżali bejn id-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità u l-importazzjonijiet ikkonċernati, fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    (b) Argumenti mqajma mill-partijiet interessati mis-sejbiet proviżorji

    (33) Il-produtturi esportaturi Ukraini argumentaw li l-industrija tal-Komunità ma sofrietx dannu materjali fit-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, billi bejn l-1997 u l-indikaturi IP dwar il-produttività u l-kapaċità ta' utilizzazzjoni tjiebu u s-sehem fis-suq baqa' stabbli. Barra dan, iddubitaw is-sejbiet proviżorji fuq il-qligħ ta' l-industrija tal-industrija tal-Komunità. Din it-talba kienet appoġġata b'ċerti artikoli fl-istampa li kkwotaw riżultati finanzjarji mtejba tal-produtturi tat-tubi mingħajr saldaturi tal-Komunità.

    (34) Għandu jissemma' li, skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-ebda fattur elenkat f'din id-disposizzjoni ma tista' tagħti gwida definittiva fuq jekk l-industrija tal-Komunità sofrietx dannu fit-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

    (35) Fir-rigward tat-titjib fis-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità bejn l-1997 u l-IP, speċjalment dwar il-produttività u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, dan għandu jkun kkonsidrat fid-dawl tal-miżuri anti-dumping imposti fl-1997 kontra importazzjonijiet ta' tubi bla saldatura mir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Russja u r-Repubblika Slovakka bir-Regolament (KE) Nru 2320/97 [3] Tassew, l-effett maħsub ta' dawk il-miżuri anti-dumping kien biex jitneħħa d-dannu li jinstab li ġġarrab mill-industrija tal-Komunità.

    (36) Għandu jkun innutat ukoll li, bejn l-1997 u l-IP, il-qligħ milħuq mill-industrija tal-Komunità baqa' f'livell aktar baxx minn dak li l-industrija setgħet tistenna skond kondizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet b'dumping. Fir-rigward ta' l-affidabbilità tal-figuri tal-qligħ, għandu jkun innutat li jikkorrespondu ma' l-informazzjoni provduta mill-industrija tal-Komunità fil-kors ta' l-investigazzjoni u vverifikati fuq il-post. Fil-każ tal-figuri tal-qligħ sottomessi mill-produtturi esportaturi Ukraini, għandu jkun innutat li jinkludu prodotti mhux koperti mill-investigazzjoni u jirrelataw għal perjodu ‘l barra mill-perjodu eżaminat f'din l-investigazzjoni. Fir-rigward tas-sehem mis-suq, instab, li l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tirkupra s-seħem tas-suq mitluf qabel. B'hekk, l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tibbenefika mill-imposizzjoni qabel tal-miżuri definittivi fuq importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Russja u r-Repubblika Slovakka.

    (37) Minħabba dan, is-sejbiet proviżorji fir-rigward tad-dannu materjali soffert mill-industrija tal-Komunità huma kkonfermati

    F. NESS TA' KAWŻALITÀ

    (38) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida s-sejbiet proviżorji kif deskritti fil-preamboli 68 sa 73 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    G. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

    (39) Minħabba s-sejbiet tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 30, kien eżaminat jekk l-imposizzjoni ta' miżuri anti-dumping jistgħu jqajmu tħassib rigward il-kompetizzjoni f'dan is-suq. Minħabba l-fatt li l-prattiki anti-kompetittivi nstabu li ġraw f'perjodu qabel dak ikkonsidrat f'din il-proċedura, m'hemmx raġuni li wieħed jikkonkludi li l-imposizzjoni ta' miżuri anti-dumping f'din il-proċedura jista' jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni f'dan is-suq fil-futur.

    (40) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida fuq l-interess Komunitarju, huma kkonfermati s-sejbiet proviżorji kif deskritti fil-preamboli 74 sa 83 tar-Regolament proviżorju.

    H. MIŻURI ANTI-DUMPING

    1. Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu

    (41) Hija kkonfermata l-metodoloġija użata biex tkun stabbilita l-marġini ta' dannu kif deskritt fil-preamboli 86 u 87 tar-Regolament proviżorju.

    (42) Il-marġini ta' dannu rieżaminati biex iqisu l-kummenti magħmula mill-partijiet interessati li kienu deskritti fuq fil-preambolu 27, wara l-iżvelar tas-sejbiet proviżorji huma murija hawn taħt:

    il-Kroazja: | 23 %, |

    l-Ukraina: | 38,5 %. |

    2. Forma u livell tal-miżuri definittivi

    (43) Il-konklużjonijiet milħuqa fuq rigward id-dumping, id-dannu, in-ness ta' kawżalità u l-interess tal-Komunità jitolbu miżuri definittivi. Minħabba d-diversità tat-tipi tal-prodott, id-dazju anti-dumping għandu jkun fil-forma ta' dazji ad valorem.

    (44) Skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għall-produtturi esportaturi kollha l-livell ta' dazju huwa ibbażat fuq l-inqas marġini ta' dannu jew

    dumping.

    Dawn id-dazji espressi bħala perċentwal tal-prezzijiet ħielsa fil-fruntiera tal-Komunità jammontaw għal:

    il-Kroazja: | 23 %, |

    L-Ukraina: | 38,5 %. |

    (45) Wara l-imposizzjoni ta' miżuri proviżorji anti-dumping, il-produttur esportatur fil-Kroazja u l-produtturi esportaturi fl-Ukraina flimkien ma' l-awtoritajiet Ukraini offrew ftehim fuq il-prezz ta' l-istess tip bħal dawk aċċettati mill-Kummissjoni minn produtturi oħra fl-Ewropa ¬entrali u tal-Lvant fl-1997 skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/97. L-eliminazzjoni tal-ħsara tintlaħaq b'żewġ mezzi: L-ewwel, ftehim fuq il-prezz li jkopri importazzjonijiet sa limitu ta' volum miftiehem u, it-tieni, dazju ad valorem miġbur minn importazzjonijiet ‘il fuq mil-limitu.

    (46) Biex ikun żgurat li l-kwantità ta' importazzjonijiet eżentati mid-dazju ad valorem ma jeċċedix il-kwantità speċifikata fil-ftehim fuq il-prezz, l-eżenzjoni mid-dazju anti dumping hija kondizjonata mill-preżentazzjoni lis-servizzi doganali ta' l-Istati Membri ta' ċertifikat validu ta' produzzjoni li jidentifika b'mod ċar il-produttur, u jkollu deskrizzjoni eżatta ta' l-oġġetti u dikjarazzjoni iffirmata mill-produttur.

    (47) Biex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika t-twettiq ta' l-impenji b'mod effettiv, il-produtturi ftehmu wkoll li jipprovdu il-Kummissjoni b'informazzjoni regolari u dettaljata dwar il-bejgħ tagħhom għall-esportazzjoni lill-Komunità, u li jżommu disponibbli kopji taċ-ċertifikati ta' produzzjoni għall-verifika sussegwenti.

    (48) Fir-rigward ta' l-Ukraina, l-impenn offrut mill-produtturi Ukraini li jesportaw huwa wieħed konġunt, li jirrifletti l-istatus ta' l-Ukraina bħala pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq, u huwa garantit mill-awtoritajiet Ukraini biex jiżguraw monitoraġġ adegwat, partikolarment fir-rigward il-limitu ta' bla ħlas tad-dazju anti-dumping.

    (49) L-impenji tal-prezz sa ċertu limitu ta' volum u d-dazju ad valorem għall-qbija ta' l-importazzjonijet huma għalhekk ikkonsidrati bħala mezzi adegwati għat-tneħħija tad-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità. F'każ ta' xi ksur, jew ksur issusspettat, ta' impenn, il-Kummissjoni timponi malajr dazji proviżorji jew definittivi skond l-Artikoli 8(9) u (10) tar-Regolament bażiku.

    (50) Il-Kummissjoni aċċettat dawn l-impenji.

    I. ĠBIR TA' DAZJI PROVIŻORJI

    (51) Minħabba l-kobor tal-marġini tad-dumping misjub għall-produtturi esportaturi, u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa kkonsidrat meħtieġ li l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju anti-dumping skond ir-regolament proviżorju għandu jinġabar b'mod definit bir-rata tad-dazju impost definittivament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Dazju definittiv anti-dumping huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Kroazja u l-Ukraina:

    - pajpijiet bla saldaturi, tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega, ta' tip użat għall-pajplajns taż-żejt u tal-gass, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx 406, 4mm (li jaqgħu fil-kodiċijiet NM 73041010 u 73041030);

    - tubi bla saldaturi ta' sezzjoni ċirkolari, tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega, miġbudin kesħin jew irromblati kesħin (li jaqgħu fil-kodiċi NM 73043199);

    - tubi oħra ta' sezzjoni ċirkolari, tal-ħadid jew ta' l-azzar bla lega, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm (li jaqgħu fil-kodiċijiet NM 73043991 u 73043993).

    2. Ir-rati ta' dazju applikabbli lill-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Komunità ta' importazzjonijiet tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun kif ġej:

    Pajjiż | Fabbrikant | Rata tad-dazju | Kodiċi addizzjonali Tarik |

    Il-Kroazja | Il-kumpaniji kollha | 23 % | A999 |

    L-Ukraina | Il-kumpanniji kollha | 38,5 % | A999 |

    3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

    Artikolu 2

    1. Importazzjonijiet għandhom ikunu eżenti minn dazji anti-dumping imposti mill-Artikolu 1 sakemm ikunu prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Komunità minn kumpanniji elenkati fil-paragrafu 4 li jkunu offrew impenji aċċettati mill-Kummissjoni u sakemm dawk il-kondizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 jintlaħqu.

    2. Meta d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera hija ppreżentat, l-eżenzjoni mid-dazju għandha tkun kondizzjonata mal-preżentazzjoni lis-servizzi tad-dwana ta' l-Istati Membri ta' ċertifikat validu, ta' produzzjoni oriġinali maħruġ minn waħda mill-kumpanniji elenkati fil-paragrafu 4. Il-produzzjoni taċ-ċertifikat għandu jikkonforma mal-ħtiġiet murija fl-impenn aċċettat mill-Kummissjoni, li l-elementi essenzali tiegħu huma elenkati fl-Anness.

    3. Iċ-ċertifikat ta' produzzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-data tal-ħruġ. Il-kwantitajiet ippreżentati lis-servizzi tad-dwana ta' l-Istati Membri għall-importazzjonijiet fil-Komunità ħielsa minn dazju anti-dumping m'għandhomx jaqbżu dawk stipulati fiċ-ċertifikat. Meta kwantitajiet stipulati fiċ-ċertifikat jinqabżu, l-eċċess għandu jkun suġġett għad-dazju, u għandu jkun iddikjarat skond il-kodiċi addizzjonali rilevanti Tarik ta' l-Artikolu 1(2).

    4. Importazzjonijiet akkumpanjati minn ċertifikat ta' produzzjoni għandhom ikunu ddikjarati skond il-kodiċijiet addizzjonali Tarik:

    Pajjiż | Fabbrikant | Kodiċi addizzjonali Tarik |

    Il-Kroazja | Zeljezara Sisak d.d., Sisak | A064 |

    L-Ukraina | Dnepropetrovsk Tube Works, Dnepropetrovsk | A065 |

    Nikopol Pivdennotrubny Works, Nikopol | A066 |

    Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, Dnepropetrovsk | A067 |

    Artikolu 3

    Ir-rapporti ta' l-Istati Membri lill-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 384/1996, għandhom jindikaw għal kull rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, is-sena u x-xahar ta' importazzjoni, in-NM, it-Tarik u l-kodiċijiet Tarik addizzjonali, it-tip ta' miżura, il-pajjiż ta' oriġini, il-kwantità, il-valur, id-dazju anti-dumping, l-Istat Membru ta' importazzjoni u, fejn xieraq, in-numru fis-serje taċ-ċertifikat ta' produzzjoni.

    Artikolu 4

    L-ammonti miġbura bħala dazji proviżorji anti-dumping imposti bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1802/1999 għandhom jinġabru bir-rata ta' dazju definttiv impost. Ammonti miġbura f'eċċess tar-rata definittiva tad-dażji anti-dumping għandhom ikunu rilaxxati.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Frar 2000.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Gama

    [1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 905/98 (ĠU L 128, tat-30.4.1998, p. 18).

    [2] ĠU L 218, tat-18.8.1999, p. 3.

    [3] ĠU L 322, tal-25.11.1997, p. 1.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    Elementi ewlenin taċ-ċertifikat ta' produzzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) [1]

    (a) In-numru taċ-ċertifikat.

    (b) Identifikazzjoni li turi jekk iċ-ċertifikat huwa oriġinali jew kopja.

    (ċ) Id-data ta' l-iskadenza taċ-ċertifikat.

    (d) It-test li ġej:

    "Ċertifikat ta' produzzjoni maħruġ minn (isem tal-kumpannija) bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 348/2000 għall-esportazzjonijiet lejn il-kumpannija Ewropea fit-Kodiċi Tarik addizzjonali (Kodiċi Tarik addizzjonali) ta' ċerti pajpijiet u tubi ta' l-azzar mingħajr saldaturi."

    Fil-każ ta' importazzjonijiet mill-Ukraina

    "Ċertifikat ta' produzzjoni awtentikat mill-Ministeru ta' (…) ta' l-Ukraina għall-monitoraġġ bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 348/2000 għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità Ewropea fil-Kodiċi Tarik addizzjonali (Kodiċi Tarik addizzjonali) ta' ċerti pajpijiet u tubi ta' l-azzar mngħajr saldaturi."

    (e) L-isem u l-indirizz sħiħ tal-produttur esportatur rilevanti, inkluż in-numri tat-telefon u l-faks u n-numru ta' identifikazzjoni possibli bħan-numru ta' reġistrazzjoni nazzjonali għall-kumpanniji inkorporati.

    (f) L-isem u l-indirizz sħiħ tal-klient ta' l-esportatur rilevanti, inkluż in-numri tat-telefon u l-fax, lil min inbiegħ il-prodott u fatturat minn dan il-produttur esportatur.

    (g) In-numru tal-fattura kummerċjali li jirriferi għalih iċ-ċertifikat ta' produzzjoni.

    (h) id-deskrizzjoni eżatta ta' l-oġġetti, inkluż:

    - deskrizzjoni tal-prodott biżżejjed biex jidentifika l-prodott, li jkun identiku mad-deskrizzjoni tal-prodott fuq il-fattura

    - Kodiċi NM,

    - kwantità (f'tunnellati metriċi).

    (i) Fil-każ ta' importazzjonijiet mill-Kroazja, l-isem ta' l-uffiċjal tal-kumpannija responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat, u d-dikjarazzjoni iffirmata li ġejja:

    "Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea, ta' oġġetti koperti b'dan iċ-ċertifikat qed issir fl-iskop u skond it-termini ta' l-impenn minn (isem tal-produttur esportatur rilevanti), u fil-volum permess għall-importazzjonijiet ħielsa mid-dazju anti-dumping gewwa l-Komunità Ewropea murija fl-Impenn aċċettat mill-Kummissjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2000/…/KE (Deċiżjoni K(2000) 271/2). Niddikjara li l-informazzjoni provduta f'dan iċ-ċertifikat hija kompleta u korretta."

    Fil-każ ta' importazzjonijiet mill-Ukraina, id-dikjarazzjoni iffirmati li ġejja mill-produttur li jesporta:

    "Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea, ta' oġġetti koperti b'dan iċ-ċertifikat qed issir fl-iskop u skond it-termini ta' l-impenn minn (isem tal-produttur esportatur rilevanti), u fil-volum permess għall-importazzjonijiet ħielsa mid-dazju anti-dumping gewwa l-Komunità Ewropea murija fl-Impenn aċċettat mill-Kummissjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2000/…/KE (Deċiżjoni K(2000) 271/2). Niddikjara li l-informazzjoni provduta f'dan iċ-ċertifikat hija kompleta u korretta."

    (j) Fil-każ ta' importazzjonijiet mill-Ukraina, spazju għal timbru u firma ta' persuna awtorizzata fil-Ministeru ta (…) ta' l-Ukraina.

    (k) Spazju għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Komuntà.

    [1] Kull kaxxa fuq iċ-ċertifikat għandha tkun f'erba' lingwi għall-Kroazja, jiġifieri il-lingwa tal-pajjiż tal-produttur, l-Ingliz, il-Franċiż u l-Ġermaniż għall-Kroazja u f'żewġ lingwi għall-Ukraina, jiġifieri l-lingwa tal-pajjiż tal-produttur u l-Ingliż.

    --------------------------------------------------

    Top