This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32000D0439
2000/439/EC: Council Decision of 29 June 2000 on a financial contribution from the Community towards the expenditure incurred by Member States in collecting data, and for financing studies and pilot projects for carrying out the common fisheries policy
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità b'riżq l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri għall-ġbir tad-data, u biex jiġu ffinanzjati studji u proġetti pilota biex tiġi esegwitta l-politka komuni tas-sajd.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità b'riżq l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri għall-ġbir tad-data, u biex jiġu ffinanzjati studji u proġetti pilota biex tiġi esegwitta l-politka komuni tas-sajd.
ĠU L 176, 15.7.2000, p. 42–47
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32011R0693
Official Journal L 176 , 15/07/2000 P. 0042 - 0047
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità b'riżq l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri għall-ġbir tad-data, u biex jiġu ffinanzjati studji u proġetti pilota biex tiġi esegwitta l-politka komuni tas-sajd. (2000/439/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Billi: (1) L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jwaqqaf is-sistema Komunitarja tas-sajd u l-akkwakultura [3], jipprovdi li s-sitwazzjoni rigward ir-riżorsi tas-sajd, u l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħha, jeħtieġu li tiġi meqjusa regolarment. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 1543/2000 [4] li jwaqqaf l-istruttura Komunitarja għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data tas-sajd meħtieġa biex titmexxa politka komuni fis-sajd (PKS). (3) Permezz tal-ġbir ta' din id-data, l-Istati Membri qed iwettqu ħidma li hija ta' fejda għall-Komunità billi tikkontribwixxi għall-ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi komuni. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-programmi hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, dawn għandhom għalhekk jikkwalifikaw għall-kontribuzzjoni mill-Komunità lejn ċerti spejjeż minfuqa fil-ġbir u l-ġestjoni ta' l-imsemmija data. (4) L-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni biex tgħin il-ġbir ta' din id-data permezz ta'sejħiet ta' kull sena għal proposti ffinanzjati bħala miżuri innovattivi tal-FIFG laħqet livell stabbli. Din l-azzjoni għandha tiġi konsoldata, għalhekk, fuq bażi multiannwali. (5) Referenza finanzjarja fis-sens tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999, huwa inkluż fid-Deċiżjoni għalkemm idum il-perjodu kollu li għalih hija pprovduta l-għajnuna, bla ma b'daqshekk jiġu effettwati l-poteri ta' l-awtorità ta' l-estimi kif imfisser fit-Trattat. (6) Biex jiġu ggarantiti r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, it-tħejjija tal-programmi nazzjonali u d-deċiżjoni mill-Kummissjoni korrispondenti biex dawn jiġu ffinanzjati għandhom iseħħu fis-sena qabel dawn jiġu eseġwiti. (7) Għandhom isiru disposizzjonijiet biex jassiguraw, fl-2001, il-ġbir tad-data bażika meħtieġa biex jitmexxa s-PSK. (8) Il-metodi użati biex tinġabar u tiġi pproċessata d-data dwar is-sajd għandhom jiġu mqabbla, u għandhom jiġu mfittxa modi kif dawn jitjiebu. Il-kwalità tar-riżultati miksuba għandha tiġi eżaminata u vvalutata regolarment. (9) L-għajnuna finanzjarja għandha għalhekk tingħata biex jiġu esplorati l-possibiltajiet u l-utilità biex jiġi estiż l-ambitu ta' l-istruttura Komunitarja għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data bażika. (10) Il-proġetti pilota u l-istudji meħtieġa biex isir is-PSK għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna, b'mod partikolari l-analiżijiet ekonomiċi u bio-ekonomiċi, u r-relazzjonijiet bejn is-sajd, l-akkwakultura u l-iżvilupp ta' ekosistemi akkwatiċi. (11) Għandhom jittieħdu passi biex jiġi assigurat is-suċċess sodisfaċenti tal-miżuri li jkunu ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni. (12) Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkun hemm proċedura għal koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-kumitat ta' ġestjoni. (13) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta'Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi kkonferiti fuq il-Kummissjoni [5]. (14) Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiggwidaw l-eliġibbiltà ta' l-ispiża, il-livell tal-kontribuzzjoni Komunitarja u t-termini li fuqhom din għandha tkun disponibbli, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Il-Komunità tista’ tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-miżuri msemmija f'din id-Deċiżjoni skond it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fiha. 2. Ir-referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-miżuri li għalihom l-għajnuna finanzjarja tingħata għall-perjodu 2000 sa 2005 għandha tkun ta' 132 miljun EUR. L-approprijazzjonijiet ta' kull sena għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja. TITOLU I L-ispiża li tkun intefqet taħt l-istruttura Komunitarja għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data Artikolu 2 L-għajnuna Komunitarja għandha tkopri l-ispiża pubblika eliġibbli minfuqa mill-Istati Membri kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1543/2000. Hija biss l-ispiża msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni li għandha titqies bħala eliġibbli. Artikolu 3 Il-kontribuzzjoni tal-Komunità m'għandhiex tiskorri: - il-valur ta' 50 % ta' l-ispiża pubblika minfuqa biex jitwettaq programm minimu kif ipprovdut fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1543/200 - il-valur ta' 35 % ta' l-ispiża pubblika eliġibbli minfuqa biex jitwettaq programm estiż kif ipprovdut fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1543/2000. Kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tingħata għall-miżuri konnessi mal-programmi Komunitarji estiżi biss bil-kondizzjoni li kull Stat Membru kkonċernat jikkonforma kompletament mar-rekwiżiti ta' programm Komunitarju minimu u li l-approprijazzjonijiet Komunitarji ta' kull sena li jkunu disponibbli skond din id-Deċiżjoni ma jkunux spiċċaw minħabba l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-programm minimu. Artikolu 4 1. L-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2001, - programm nazzjonali kif spjegat fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1543/2000, - il-previżjonijiet annwali ta' l-ispejjeż għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006, li għalih huma jkunu jixtiequ jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità. 2. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, qabel il-31 ta' Mejju ta' kull sena, - bidu 2003, rapport finanzjarju li jkun fih paragun ta' l-ispiża prevista ma’ dik minfuqa għas-sena ta' kalendarja ta' qabel, - bidu 2002, fejn ikun meħtieġ, aġġornament tal-programm nazzjonali tiegħu u/jew l-ispiża annwali prevista, kif spjegat fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1543/2000, għas-sena kurrrenti u dik sussegwenti. 3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċidi kull sena, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(2) fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, dwar: (a) l-eliġibbiltà ta' l-ispiża prevista; (b) l-ammont ta' l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għas-sena ta' wara. 4. Id-Deċiżjonijiet mill-Kummissjoni biex tingħata għajnuna finanzjarja għandha tiġi ttrattata bħala ekwivalenti għall-obbligazzjoni ta' l-infieq awtorizzat mill-estimi. Artikolu 5 Biex tgħin fil-ġbir u l-ġestjoni tad-data fl-2001, il-Kummissjoni għandha torganizza, kif ikun xieraq, sejħiet għall-proposti u stediniet għall-offerti in konformità mar-regoli u l-prattiċi stabbiliti. Artikolu 6 1. L-għajnuna mogħtija lil Stat Membru rigward kull sena ta' l-applikazzjoni tal-programm għandha titħallas f'żewġ pagamenti kif ġej: (a) 50 % meta l-applikazjoni tiġi approvata; (b) il-bilanċ meta jitwasslu għand il-Kummissjoni l-applikazzjonijiet ta' kull sena għar-rimbors ta' l-ispiża minfuqa mill-Istat Membru u wara l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(2) u r-rapport tekniku msemmi fil-paragrafu 2. 2. L-Istati Membri għandhom iressqu, mill-2003 ‘il quddiem, mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju wara kull sena ta' l-applikazzjoni tal-programm, - rapport tekniku li jkun fih id-dettalji dwar l-ilħuq ta' l-għanijiet li jkunu ġew iffissati meta jkunu tfasslu l-programmi minimi u dawk estiżi, - l-applikazzjonijiet tagħhom għar-rimbors ta' l-ispejjeż minfuqa matul is-sena kalendarja preċedenti, bid-dokumenti ta' sostenn. 3. Meta jressqu l-applikazzjonijiet għar-rimbors ta' l-ispiża, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa biex jivverfikaw u jiċċertifikaw: - li l-miżuri implimentati u l-ispiża minfuqa skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ittieħdet skond l-Artikolu 4(3) jikkorrispondu mal-programm aċċettat mill-Kummissjoni, - li l-imsemmija spiża tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni, b'mod partikolari fl-Anness, - li l-kuntratti mogħtija in konformità mal-leġislazzjoni dwar ix-xiri pubbliku. Artikolu 7 1. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu verifiki fuq il-post, inter alia, permezz ta' teħid ta' kampjuni għall-għarrieda, dwar il-miżuri ffinanzjati skond din id-Deċiżjoni, u jistudjaw arranġamenti u miżuri ta' kontroll stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprevjenu u jippenalizzaw irregolaritajiet u, meta jkun meħtieġ, jirkupraw fondi mitlufa bħala riżultat ta' irregolarità. 2. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel il-verifiki kollha li tqis li jkunu meħtieġa biex tassigura l-konformità mal-kondizzjonijiet u t-twettiq ta' ħdmiet imposti minn din id-Deċiżjoni fuq l-Istati Membri, biex tgħin lir-rappreżentanti maħtura għal dan il-għan mill-Kummissjoni. Artikolu 8 1. Ir-rapport li għandu jiġi abbozzat mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2003 skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1543/2000 u għandu wkoll janalizza l-proporzjon bejn l-ispiża minfuqa u l-benefiċċju miksuba għax-xogħol li jkun isir. 2. Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk ikunx hemmx bżonn li temenda d-Deċiżjoni jew itejjeb l-applikazzjoni tagħha u tippreżenta, kif imiss, proposta lill-Kunsill. TITOLU II Studji u proġetti pilota Artikolu 9 1. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel studji u proġetti pilota 2. L-oqsma ta' l-attività li jistgħu jiġu koperti jinkludu: (a) studji metodoloġiċi u proġetti mmirati biex itejbu kemm jista’ jkun u jistandardizzaw il-metodi tal-ġbir tad-data kif spjegat fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1543/2000; (b) proġetti esploratorji ta' ġbir ta' data fl-oqsma spjegati fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1543/2000; (ċ) analiżijiet u simulazzjonijiet ekonomiċi u bio-ekonomiċi konnessi mad-deċiżjonijiet ippjanati skond is-PKS u l-valutazzzjoni ta' l-impatt tas-PKS; (d) is-selettività ta' tekniki tas-sajd u l-eżami tar-rabtiet bejn il-kobor tal-qabdiet, l-isforz fis-sajd u l-mortalità f'kull sajda; (e) it-titjib fl-infurzar tas-PKS, b’ mod partikolari fejn tidħol l-effettività fl-infieq, (f) il-valutazzjoni u l-kontroll tar-rabtiet bejn l-attivitiajiet tas-sajd u l-akkwakultura u l-ekosistemi akkwatiċi. 3. Il-proġetti pilota u l-istudji jistgħu ma jkoprux miżuri li huma: (a) eliġibbli skond il-Programm Strutturali Ewropew dwar ir-Riċerka; (b) kopert bit-Titolu I ta' din id-Deċiżjoni; (ċ) kopert bl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxxi disposizzjonijiet dwar il-Fondi Strutturali [6]. 4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena lista tas-suġġetti topiċi għall-istudji u l-proġetti pilota. 5. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-istudji u l-proġetti pilota m'għandhomx jaqbżu: (a) fil-każ ta' miżuri li jitwettqu wara sejħa għall-proposti, 50 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli. L-universitajiet u l-korpi pubbliċi ta' riċerka li, taħt il-liġi tal-pajjiż li tagħha jkunu suġġetti, ikunu mistennija li joħorġu l-ispejjeż marġinali, jistgħu jissottomettu proposti għar-rigward ta' 100 % ta' l-ispejjeż marġinali minfuqa fit-twettiq tal-proġetti; (b) 100 % ta' l-ispiża eliġibbli minfuqa fit-twettiq ta' studji u proġetti pilota fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni bħala riżultat ta'proċedutra li ma tkunx sejħa għal proposti. 6. L-iffinanzjar ta' l-istudji u l-proġetti pilota kollha mwettqa skond il-paragrafu 2(ċ) u (f) jistgħu jaqbżu 15 % ta' l-approprijazzjonijiet annwali awtorizzati għall-miżuri ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni. TITOLU III Disposizzjonijiet ġenerali Artikolu 10 Il-finanzjament jista’ jiġi pprovdut, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni, għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(2), biex ikopri: 1. l-ispiża għal għajnuna teknika u amministrattiva għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-miżuri, u li taqal barra mill-ambitu tal-ħidmiet pubbliċi kurrenti, u li tkun konnessa ma’ l-identifikazzjoni, it-tħejjija, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u l-iċċekkjar ta' programmi u proġetti msemmija fit-Titoli 1 u II 2. l-ispejjeż biex jitqassmu r-riżultati miksuba permezz tal-programmi nazzjonali, l-istudji u l-proġetti pilota msemmija fit-Titoli I u II. Artikolu 11 Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari mal-materji msemmija fl-Artikolu l4 għandhom jiġu adottati in konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2). Artikolu 12 1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat". 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni għandhom jgħoddu. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċ edura tiegħu. Artikolu 13 Id-Deċizjoni għandha tgħodd mit-22 ta' Lulju 2000. Artikolu 14 Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, id-29 ta' Ġunju 2000. Għall-Kunsill Il-President M. Arcanjo [1] ĠU C 56 E, tad-29.2.2000, pġ. 29. [2] Opinjoni mogħġtija fit- 2 ta'Marzu 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 389, tal-31.12.1992, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1181/98 (ĠU L 164, tad-9.6.1998, pġ. 1). [4] Ara paġna 1 tal-Ġurnal Uffiċjali. [5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23. [6] ĠU L 161, tas-26.6.1999, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS L-ispiża eliġibbli taħt il-programmi Komunitarji Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-ispiża eliġibbli għandha tikkonsisti biss mill-sipiża attwalment minfuqa mill-benefiċjarju u l-parteċipanti bejn id-data tal-bidu tal-proġett u d-data tat-tmiem tiegħu, u li tkun meħtieġa biex jitwettaq ix-xogħol. L-ispiża eliġibbli jista’ jkun fiha dawn kollha jew xi wħud minnhom: - spejjeż ta' staff - spejjeż ta' vjaġġar - oġġetti li jservu fit-tul - materjali u provvisti konsumabbli - bastimenti - spejjeż ta' kompjuters - sub-appalti/għajnuna barranija u spejjeż oħra 1. L-ispejjeż ta' staff 1.1. L-ispejjeż ta' staff għaż-żmien attwalment dedikat għall-proġett minn staff xjentifiku u tekniku biss. 1.2. L-ispejjeż ta' l-istaff għandhom jinqasmu proporzjonalment skond il-ħin attwalment maħdum iddedikat għall-proġett u għandhom jiġu kkalkulati billi wieħed jirreferi għal: - l-ispiża attwali tax-xogħol (pagi, spejjeż soċjali, sigurtà soċjali u kontribuzzjonijiet għall-pensjoni), jew il-medja tan-nefqa għax-xogħol, konfomi mal-prattiċi tal-benefiċjarji jew il-parteċipanti kkonċernati, jekk din il-medja ma tvarjax b'mod sinifikanti mill-ispejjeż attwali tax-xogħol. 1.3. Iż-żmien iddedikat mill-istaff għall-programm u kif dan ġie mqassam għandu jidher sħiħ fir-rekords (id-dokumentazzjoni taż-żmien) u jiġu ċċertifikati ta' l-anqas darba kull xahar mill-persuna responsabbli għall-programm jew minn membru kompetenti ieħor ta' l-istaff maniġerjali li jkun jaħdem fuq il-programm. 2. L-ispejjeż tat-trasport 2.1. L-ispejjeż tat-trasport għandhom jiġu mqassma skond ir-regoli interni tal-benefiċjarji jew il-parteċipanti; iżda, fil-każ ta' vjaġġi barra mill-Komunità, ikun meħtieġ il-ftehim minn qabel mal-Kummissjoni 3. L-oġġetti li jservu fit-tul 3.1. L-ispiża fuq oġġetti li jservu fit-tul għandha tkun relatata max-xiri jew il-produzzjoni wara d-data ta' meta attwalment jibda l-programm jew fis-sitt xhur preċedenti u: - li huma mistennija jservu anqas minn kemm sa jdum ix-xogħol ipprogrammat, - li huma inklużi fl-inventarju tal-kordinatur jew tal-parteċipant ikkonċernat bħala oġġetti li jservu fit-tul, jew - li jkunu meqjusa bħala assi skond il-metodi, ir-regoli u l-prinċipji tal-konteġġ tal-benefiċjarju jew tal-parteċipant ikkonċernat. 3.2. Biex tiġi kkalkulata l-ispiża eliġibbli, l-oġġetti li jservu fit-tul għandhom jiġu kkunsidrati li probabbilment iservu sa 36 xahar fil-każ ta' tagħmir tal-kompjuter ta' valur li ma jiskorrix l-10000 EUR, u sa 60 xahar fil-każ ta' oġġetti oħra. L-ammont eliġibbli jiddependi fuq kemm mistennija jservu l-oġġetti meta mqabbla ma’ kemm sa jdum il-programm, bil-kondizzjoni li l-perjodu użat biex jiġi kkalkulat l-ammont jibda fid-data attwali tal-bidu tal-programm, jew id-data tax-xiri ta' l-oġġetti fejn dan isir wara d-data tal-bidu, u jintemm fid-data tat-tmiem tal-programm. Għandu jitqies ukoll l-użu li jsir ta' l-oġġetti matul dak il-perjodu. 3.3. Kull darba li jinxtraw oġġetti li jservu, kopja ċċertifikata tal-fattura għandha tinhemeż mad-dikjarazzjoni tad-dħul u l-ħruġ, u din tintbagħat lill-Kummissjoni. 4. Il-materjali u l-provvisti konsumabbli 4.1. L-ispiża fuq materjali mhux maħduma għax-xiri, il-produzzjoni, it-tiswija jew l-użu ta' kull oġġett jew tagħmir li: - probabbilment iservi anqas minn kemm sa jdum ix-xogħol ipprogrammat, u - ma jkunux inklużi fl-inventarju ta' l-oġġetti li jservu fit-tul tal-benefiċjarju jew il-parteċipant ikkonċernat, jew - ma jkunux meqjusa bħala assi skond il-prinċipji, ir-regoli u l-metodi tal-konteġġ tal-kordinatur jew tal-parteċipant ikkonċernat. 5. Il-bastimenti Għal stħarriġ ta' riċerka fuq il-baħar, inklużi dawk li jsiru minn bastimenti mikrija, huma biss l-ispejjeż tal-kirja u spejjeż oħra operattivi li jkunu eliġibbli. Kopja ċċertfikata tal-fattura għandha tinhemeż mad-dikjarazzjoni tad-dħul u l-ħruġ u din tintbagħat lill-Kummissjoni. 6. L-ispejjeż tal-kompjuters 6.1. L-ispiża biex jinħadem u jiġi pprovdut lill-Istati Membri s-software għall-ġestjoni u l-interrogazzjoni tad-databases. 7. Is-sub-appalti/l-għajnuna minn barra u spejjeż oħra 7.1. Is-sub-appalti/l-għajnuna minn barra (servizzi normali u mhux innovattivi, ipprovduti għall-benefiċjarji jew l-imsieħba li ma jkunux kapaċi li jipprovduhom huma stess) jew spejjeż oħra addizzjonali jew mhux mistennija, li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta' hawn fuq jistgħu jiġu ntaxxati fuq il-programm biss meta jkun hemm qbil minn qabel mal-Kummissjoni. 7.2. Il-pajjiżi ta' barra l-Komunità jistgħu, jekk il-kontribuzzjoni tagħhom tkun meħtieġa jew desiderabbli biex iseħħu l-programmi Komunitarji, jipparteċipaw bħala sub-appaltaturi fi programm nazzjonali bl-approvazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni. 8. L-ispiża mhux awtorizzata. 8.1. L-ispiża msemmija hawn taħt ma titqiesx bħala eliġibbli u ma tistax ttiġi ntaxxata direttament jew indirettament lill-Kummissjoni: - il-marġini tal-profitt - l-ispiża fuq oġġetti ta' lussu - l-ispejjeż tad-distribuzzjoni, il-bejgħ u r-reklamar biex jiġu inkoraġġiti prodotti u attivitajiet kummerċjali. - il-proviżjon - l-interessi jew id-dħul fuq investimenti kapitali - id-djun li ma jistgħux jinġabru - l-ispejjeż tar-riċevimenti, għajr dawk meqjusa mill-Kummissjoni bħala strettament meħtieġa biex jitwettaq ix-xogħol ipprogrammat - l-ispejjeż kollha fuq proġetti oħra ffinanzjati minn partijiet terzi - l-ispejjeż kollha biex jiġu protetti r-riżultati tax-xogħol li jkun sar taħt dan il-progett - l-ispejjeż indiretti bħal: l-amministrazzjoni, l-istaff ta' sostenn, il- ħtiġiet ta' l-uffiċċju, l-infrastruttura, l-oġġetti u s-servizzi - il-VAT u tipi oħra ta' imposti rikoverabbli, drittijiet u dazji, rimborżati jew imparta, b'xi mod jew ieħor. --------------------------------------------------