Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D0233

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2000 li tirrigwarda t-tħollija barra tal-pyrazophos mill-Anness I ta’ mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizazzjonijiet dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva (notifikata bin-numru tad-dokument C(2000) 655)Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 73, 22.3.2000, p. 16–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/233/oj

    32000D0233



    Official Journal L 073 , 22/03/2000 P. 0016 - 0017


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tad-9 ta’ Marzu 2000

    li tirrigwarda t-tħollija barra tal-pyrazophos mill-Anness I ta’ mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizazzjonijiet dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva

    (notifikata bin-numru tad-dokument C(2000) 655)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2000/233/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tirrigwarda t-tpoġġija fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/73/KE [2],

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat l-ewwel stadju tal-programm tax-xogħol riferit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tpoġġija fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1199/97 [4], u partikolarment l-Artikolu 7(3a)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6] ippreskriva s-sustanzi attivi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, nominati mill-Istati Membri rapporteur sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 u identifika n-notifikaturi għal kull sustanza attiva.

    (2) Il-pyrazohos huwa wieħed mid-90 sustanza attiva koperta bl-ewwel stadju tal-programm tax-xogħol ipprovdut fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (3) B’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92, billi l-Olanda, nominata bħala l-Istat Membru rapporteur, issottomettiet fl-14 ta’ Mejju 1998 lill-Kummissjoni, ir-rapport ta’ l-istima tagħha dwar it-tagħrif sottomess min-notifikatur waħdieni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

    (4) Ir-rapport sottomess ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni ġewwa l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. Din ir-reviżjoni kienet finalizzata fil-20 ta’ Lulju 1999 fil-għamla tar-rapport tal-Kummissjoni ta’ reviżjoni għall-pyrazophos, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

    (5) Mill-istimi magħmula deher illi t-tagħrif sottomess mhux biżżejjed sabiex juri illi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva interessata jissodisfa l-ħtiġijiet preskritti fl-Artikoli 5(1)(a) u (b) u 5(2)(b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (6) In-notifikatur waħdieni għarraf lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru rapporteur illi ma xtaqx jissokta jipparteċipa fil-programm tax-xogħol dwar din is-sustanza attiva. Għalhekk, mhux sejjer jiġi sottomess iktar tagħrif meħtieġ sabiex jitħarsu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (7) Għal din ir-raġuni, mhux possibbli li din is-sustanza attiva tiddaħħal fl-Anness I ta’ mad-Direttiva 91/414/KEE.

    (8) Jeħtieġ illi jiġi provdut perijodu taż-żmien ta’ grazzja għad-disponiment, il-ħażna l-ħruġ fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (9) Din id-deċiżjoni ma tippreġudikax l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/71/KE [8], u partikolarment l-Artikolu 5b tagħha.

    (10) Din id-deċiżjoni ma tippreġudika l-ebda azzjoni li tista’ tidħol għaliha l-Kummissjoni fi stadju iktar tard dwar din is-sustanza attiva fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE [9].

    (11) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma b’mod konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pyrazophos mhux inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I ta’ mad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

    1. l-awtoriżżazzjonijiet dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-pyrazophos jiġu rtirati f’perijodu taż-żmien ta’ sitt xhur mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni preżenti;

    2. mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni preżenti ma għandha tiġi konċessa jew tiġi mġedda l-ebda awtorizzazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-pyrazophos skond id-deroga pprovduta fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jikkonċedu perijodu taż-żmien ta’ grazzja għad-disponiment, il-ħażna, il-ħruġ fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, li jrid ikun qasir kemm jista’ jkun u mhux itwal minn 18-il xahar mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni preżenti.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fid-9 ta’ Marzu 2000.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

    [2] ĠU L 353, ta’ l-24.12.1997, p. 26.

    [3] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10.

    [4] ĠU L 170, tat-28.6.1997, p. 19.

    [5] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8.

    [6] ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1.

    [7] ĠU L 350, ta’ l-14.12.1990, p. 71.

    [8] ĠU L 194, tas-27.7.1999, p. 36.

    [9] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36.

    --------------------------------------------------

    Top