EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R0192

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/1999 tal-25 ta' Jannar 1999 li jestendi d-dazju definittiv kontra r-rimi, impost bir-Regolament (KEE) Nru 3433/91 fuq lajters taż-żnied tal-but importati, li jitqabbdu bil-gass u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew ikkunsinnat minn jew li joriġinaw mit-Tajwan, u li jtemm il-proċedura dwar lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew importati kkunsinnati minn Ħong Kong u l-Makaw.

ĠU L 22, 29.1.1999, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/09/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/192/oj

31999R0192



Official Journal L 022 , 29/01/1999 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/1999

tal-25 ta' Jannar 1999

li jestendi d-dazju definittiv kontra r-rimi, impost bir-Regolament (KEE) Nru 3433/91 fuq lajters taż-żnied tal-but importati, li jitqabbdu bil-gass u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew ikkunsinnat minn jew li joriġinaw mit-Tajwan, u li jtemm il-proċedura dwar lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew importati kkunsinnati minn Ħong Kong u l-Makaw.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien mill-importi mormija minn pajjiżi li m'humiex membri tal-Komunità Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Miżuri eżistenti

(1) Bir-Regolament (KEE) Nru 3433/91 [2], il-Kunsill impona dazju kontra r-rimi ta' 16,9 % fuq lajters taż-żnied tal-but importati, mixgħula bil-gass u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew (minn issa ‘l quddiem msejħa "lajters taż-żnied li jintremew u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew") li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan id-dazju kien ibbażat fuq il-marġini tar-rimi misjub.

(2) F'Novembru ta' l-1993, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2423/88 [3], ta' dawn il-miżuri, magħmula mill-Federazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Lajters (EFLM), li allegat li kien hemm żieda fil-marġini tar-rimi, u għalhekk aktar ħsara. L-investigazzjoni li saret wara sabet marġini tar-rimi ta' 80,3 % u l-imposizzjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1006/95 [4], ta' dazju speċifiku kontra r-rimi fuq lajters taż-żnied li jintremgħu u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew importati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ta' 0,065 ECU kull biċċa, (minn issa ‘l quddiem imsejħa "miżuri eżistenti").

2. Talba għall-bidu ta' investigazzjoni dwar ħrib minnu

(3) Fl-24 ta' Marzu 1998, saret talba mill-EFLM, dwar il-ħrib mill-miżuri eżistenti (minn issa ‘l quddiem msejħa "t-talba"). Skond din it-talba, id-dazju kontra r-rimi allegatament jinħarab permezz ta' bidla fil-mudell tan-negozju bejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Ħong Kong, il-Makaw u t-Tajwan, fuq naħa waħda, u l-Komunità, fuq in-naħa l-oħra, li ġej mill-prattiki li ġejjin li għalihom m'hemmx biżżejjed ġustifikazzjoni ekonomika ħlief l-imposizzjoni tad-dazju:

- lajters taż-żnied importati li jintremew, u ma jerġgħux jimtlew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mibgħuta bil-baħar vija Ħong Kong, il-Makaw u t-Tajwan rispettivament,

- lajters taż-żnied importati li jintremew, u ma jistgħux jerġgħu jimtlew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li, wara li sarulhom xi tibdiliet żgħar, ikunu ddikjarati bħala li jistgħu jerġgħu jimtlew u/jew lajters taż-żnied li jista' jerġa' jitqegħdilhom ż-żnied għalkemm, f'termini prattiċi, m'humiex hekk.

(4) Barra dan, saret talba biex dawn l-importi jkollhom ikunu rreġistrati mill-awtoritajiet doganali skond l-Artikolu 14 [5] tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "ir-Regolament Bażiku") u fejn huwa ġustifikat, biex id-dazju kontra r-rimi jkun estiż għalihom.

(5) F'din it-talba nstabet biżżejjed xiehda prima facie, skond dak li hu mitlub fl-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku, biex tinbeda investigazzjoni dwar il-ħrib allegat mill-miżuri eżistenti. Għalhekk, skond ir-Regolament (KE) Nru 971/98 (5), il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni.

B. INVESTIGAZZJONI

(6) Il-Kummissjoni informat lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Ħong Kong, il-Makaw u t-Tajwan bil-bidu ta' l-investigazzjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-importaturi u l-esportaturi tal-Komunità li ssemmew fit-talba, kif ukoll lill-esportaturi magħrufa mill-investigazzjoni ta' qabel u partijiet oħra interessati li resqu ‘l quddiem fil-limitu taż-żmien mogħti. Waslu risposti għall-kwestjonarji minn produttur wieħed fil-Makaw u l-esportatur konness miegħu, grupp wieħed ta' importaturi b'kumpanniji xerrejja konnessi li jinsabu fi, u jesportaw minn, l-Orjent Imbiegħed u tlett importaturi li m'humiex konnessi.

(7) Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta' verifika fil-fond tal-kumpanniji li ġejjin:

Produttur

- Fábrica de Isqueiro Macau Lda (FDI) - il-Makaw,

Esportaturi konnessi

- Gladstrong Investments Limited - Ħong Kong (konness ma' FDI),

- Pollyflame Concept (HK) Ltd - Ħong Kong (kumpannija xerrejja għall-Polly Concept Group Europe),

Importatur

- Heinz Tröber GmbH & Co - il-Ġermanja.

(8) Il-perjodu ta' l-investigazzjoni kien mill-1 ta' Jannar 1997 sal-31 ta' Marzu 1998.

C. RIŻULTATI TA' L-INVESTIGAZZJONI

1. IR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

1.1. Prattika in kwistjoni

(9) It-talba allegat li l-produtturi ta' lajters taż-żnied tal-but fiċ-Ċina żiedu valvola biex timla mill-ġdid mal-lajter taż-żnied bażiku li jintrema, biex tkun ikklassifikata bħala lajter taż-żnied li tista' terġa' timtela għall-iskopijiet ta' dwana u b'hekk taqa' taħt kodiċi differenti tan-NM li ma taqax taħt il-miżuri eżistenti. Allegaw ukoll li dawn il-lajters (minn issa ‘l quddiem imsejħa "lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew"), fil-prattika, ma jinbiegħux u ma jintużawx bħala li jistgħu jerġgħu jimtlew.

1.2. Prodott simili

(10) Il-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew miċ-Ċina huma l-istess f'kollox bħal-lajters taż-żnied li ma jerġgħux jimtlew ta' l-investigazzjoni ta' qabel, ħlief għaż-żieda ta' valvola tal-mili mill-ġdid li kien ġie stabbilit li kienet żieda ineffettiva għal lajter li fil-prattika kienet meqjusa u ttrattata mill-konsumaturi bħala waħda li tintrema (ara l-partijiet li jesponu l-fatti 16 sa 21). Għalhekk kien stabbilit li dawn kienu bħal-lajters li kienu jaqgħu taħt il-miżuri eżistenti.

1.3. Bidla fl-istil tan-negozju

(11) Ebda data ma waslet mill-produtturi jew l-esportaturi tal-lajters fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Iżda, ġiet miksuba informazzjoni minn importatur wieħed li kkoopera li xtara lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni mingħand kumpannija f'Ħong Kong, konnessa mal-produttur li kkoopera fil-Makaw, li esportahom lejn il-Komunità. Flimkien, kienu jgħoddu għal 15 % tal-lajters taż-żnied kollha importati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn il-Komunità waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni. Minħabba dan il-livell baxx ta' kooperazzjoni, il-bidla fl-istil tan-negozju ġie eżaminat b'riferenza għall-figuri ta' l-Ewrostat.

(12) Skond l-Ewrostat, l-importazzjoni fil-Komunità ta' lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina żdiedet sew minn 22,8 miljun biċċa fl-1994 għal 144 miljun biċċa fl-1997. Fl-istess waqt, l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina naqset minn 133,5 miljun biċċa fl-1994 għal 6,8 miljun biċċa fl-1997.

(13) Parti mill-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew tikkonsisti f'lajters li jidher ċar li ma jintremewx. Iżda, il-prezz medju ta' kull biċċa li niżel sew, minn 0,37 ECU fl-1993 għal 0,19 ECU fl-1994 u għal 0,10 ECU fl-1997 tipprovdi xiehda qawwija li lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u jintremew jirrappreżentaw il-biċċa ‘l-kbira ta' l-importazzjoni mill-1994 ‘l quddiem. Barra dan, dan il-prezz medju ta' l-1997 huwa terġa' aktar baxx mill-prezz medju għal kull wieħed mill-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew miċ-Ċina fl-istess sena.

(14) Din l-evoluzzjoni ta' kwantitajiet u prezzijiet saret fl-istess żmien tal-bidu ta' l-investigazzjoni għar-reviżjoni fuq lajters taż-żnied taċ-Ċina li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fl-aħħar ta' l-1993 [6], u l-imposizzjoni ta' dazju ogħla fuq ir-rimi fl-1995.

1.4. Kawża mhux dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċenti

(15) Il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żieda ta' valvola lil-lajter bażika taż-żnied li tintrema' setgħetx tkun ġustifikata biżżejjed għal xi raġuni oħra ħlief dik li jinħarab id-dazju eżistenti kontra r-rimi. Waqt li eżaminat din il-kwistjoni, ikkunsidrat ix-xhieda li ġejja.

(16) Kien hemm bidla kbira fl-istruttura kollha ta' l-importazzjoni tal-lajters taż-żnied, kemm dawk li jistgħu jerġgħu jimtlew kemm dawk li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, fil-Komunità tul il-perjodu mill-1994 sal-1997. Waqt li fl-1994 l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied taċ-Ċina li jistgħu jerġgħu jimtlew kienu jagħmlu 7,6 % biss ta' l-importazzjoni kollha tal-lajters taż-żnied, fl-1997 dan is-sehem kien żdied għal 44,2 %. Tul l-istess perjodu l-importazzjoni tal-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina naqset minn 45,0 % għal 2,1 % ta' l-importazzjoni kollha tal-lajters taż-żnied. Din il-bidla ta' lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew għal lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew ma qamet rigward l-importazzjoni fil-Komunità minn ebda terz pajjiż ieħor.

(17) L-importazzjoni kollha tal-lajters taż-żnied fil-Komunità baqgħet relattivament stabbli bejn l-1994 u l-1997 minkejja ż-żieda qawwija fil-proporzjon tal-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew tul l-istess perjodu. Skond il-kummenti li waslu mill-partijiet interessati, il-konsum kollu tal-lajters taż-żnied fil-Komunità (i.e. kemm dawk li jistgħu jerġgħu jimtlew kif ukoll dawk li ma jistgħux jerġgħu jimtlew) tidher li baqgħet relattivament stabbli tul dan il-perjodu kollu. Hemm probabbiltà qawwija li jekk il-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew kienu fil-fatt jerġgħu jimtlew, il-konsum kollu tal-lajters taż-żnied kien jonqos.

(18) Skond il-kampjuni miksuba mill-Kummissjoni mill-partijiet li kkooperaw, iż-żnidiet fil-lajters li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew m'humiex itwal miż-żnidiet fil-lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew. Għalhekk, ġeneralment, ikun hemm bżonn li titqiegħed żnieda oħra jekk il-lajter terġa' timtela'. Iżda, il-Kummissjoni sabet li, minn banda waħda, iż-żnidiet ma kienux disponibbli malajr fil-partijiet kollha tal-Komunità, waqt li mill-banda l-oħra, ġeneralment ma kienx prattiku, u spiss kien impossibbli għall-konsumatur ordinarju li jibdel iż-żnieda.

(19) Minkejja r-riservi ta' hawn fuq, għall-konsumatur medju tal-Komunità, l-aktar li seta' jiffranka fit-teorija billi jerġa' jimla l-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew (meta jittieħed kont tal-prezz tal-kontenitur tal-gass) ikun ftit li xejn (madwar 2 ECU fis-sena). F'dawn iċ-ċirkostanzi, mhux probabbli li l-konsumatur tal-Komunità jipperswadi ruħu li jgħaddi mill-proċess xejn prattiku li jibdel iż-żnieda u jimla mill-ġdid.

(20) Ir-riżultati tat-testijiet li saru minn awtorità doganali u l-opinjonijiet espressi minn ħafna partijiet interessati indikaw li l-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew mhux dejjem setgħu jerġgħu jimtlew u sikwit naqsu li jaħdmu tajjeb anki sakemm idum tank tal-gass wieħed. Barra dan, spiss ma jinbigħux b'istruzzjonijiet għall-mili mill-ġdid u twissijiet skond kif inhu mitlub mill-istandard internazzjonali għas-sigurtà tal-lajters, ISO 9994.

(21) Għal skopijiet ta' bejgħ fis-suq, per eżempju ppakkjar, opuskuli u reklamar, il-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew ġeneralment ma kienux distinti mil-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew u l-kanali tad-distribuzzjoni tagħhom huma identiċi.

(22) Il-punti ta' fuq jikkonfermaw il-kummenti li waslu mingħand l-esportaturi u l-importaturi tal-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew li, f'ċikostanzi normali, il-konsumaturi tal-Komunità ma jerġgħux jimlew il-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew.

(23) Il-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew li qed jiġu investigati jikkorrispondu għal wieħed mill-ewwel mudelli Ġappunizi ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew, li kien adottat mill-manifatturi Ċiniżi xi 10 snin ilu. Id-disinn bażiku jinkorpora qafas tal-plastik f'għamla ta' tank. Il-produtturi Ċiniżi ma ppruvawx idaħħlu aktar karatteristiċi jew titjib f'dan id-disinn bażiku, barra minn mekkaniżmu ta' sigurtà għat-tfal għas-suq tal-SU (mitlub bir-regolament mill-1995 ‘il hawn) u l-valvola biex terġa' timtela għas-suq tal-Komunità.

(24) Minħabba dak li ntqal hawn fuq, ma nstabet ebda kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika, għaż-żieda tal-valvola għall-mili mill-ġdid mal-lajter bażika taż-żnied li jintrema, barra mill-imposizzjoni tal-miżuri eżistenti.

1.5. Dgħajfin ta' l-effett tar-rimedju tal-miżuri eżistenti

(25) Kif indikat fit-taqsima ta' qabel din, lajters taż-żnied taċ-Ċina li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew qed jikkompetu fis-settur tas-suq tal-Komunità tal-lajters li jintremew. Tabilħaqq, kif intwera aktar ‘il fuq, il-biċċa ‘l-kbira sew ta' dawn l-importi ma jistgħux, u m'humiex, jintużaw bħala lajters li jistgħu jerġgħu jimtlew.

(26) F'dawk li huma kwantitajiet, l-importazzjoni kollha ta' lajters taż-żnied taċ-Ċina li jistgħux jerġgħu jimtlew għoddew għal xi 25 % tal-konsum stimat tal-Komunità u xi 50 % ta' l-importazzjoni kollha tul il-perjodu ta' l-investigazzjoni. Dan kien jaqbel mal-proporzjonijiet tal-lajters taż-żnied taċ-Ċina li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew kkunsmati u importati fl-1994 (i.e. sew qabel l-imposizzjoni tad-dazju miżjud wara reviżjoni sħiħa li tkopri rimi, ħsara u interess tal-Komunità). Għalhekk, jidher mudell ċar ta' bdil, billi l-volum kollu ta' l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li ma jistgħux jerġgħu jimtlew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina baqa' bejn wieħed u ieħor fl-istess livell.

(27) F'dawk li huma prezzijiet, il-prezz medju ta' l-importazzjoni, bid-dazju tad-dwana mħallas, għal-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew, irrappurtat minn kumpanniji li kkooperaw waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni kien ta' 0,047 ECU, waqt li l-prezz ekwivalenti għal-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew kollha bbażat fuq figuri ta' l-Ewrostat kien ta' 0,095 ECU. Minkejja l-fatt li l-prezz imsemmi l-aħħar huwa ogħla sew minn dak stabbilit għall-partijiet li kkooperaw, minħabba li jinkludi wkoll lajters li jistgħu tassew jerġgħu jimtlew, jista' jitqabbel mal-prezz bid-dazju tad-dwana mħallas ta' l-importi mormija u li jagħmlu l-ħsara li kien stabbilit għal-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fl-investigazzjoni ta' qabel (0,081 ECU). Barra dan, iż-żewġ prezzijiet ta' l-importazzjoni stabbiliti fl-investigazzjoni li għaddejja huma aktar baxxi sew mill-prezz ta' importazzjoni ta' 0,146 ECU li kien il-prezz stabbilit fl-investigazzjoni ta' qabel li bih l-effetti tal-ħsara tar-rimi kienu jkunu eliminati.

(28) Għalhekk, tista' tintlaħaq il-konklużjoni, li lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew importati jdgħajfu sew, kemm skond il-kwantitajiet u kif ukoll skond il-prezzijiet, l-effetti tar-rimedji tad-dazju kontra r-rimi tal-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

1.6. Xiehda ta' rimi

(29) Il-prezz medju Ċiniż ta' l-esportazzjoni frank abbord fil-fruntiera ta' lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew miż-żewġ kumpanniji li kkooperaw, imsemmija fil-parti li tesponi l-fatti 11, waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni kien ta' 0,044 ECU. Il-prezz medju cif ta' l-importazzjoni fil-fruntiera tal-Komunità bbażat fuq figuri ta' l-Ewrostat tal-lajters taż-żnied taċ-Ċina kollha li jistgħu jerġgħu jimtlew (dawk li jintremew u dawk li ma jintremewx) waqt l-istess perjodu kien ta' 0,094 ECU li kien ekwivalenti għal 0,092 ECU fuq bażi ta' frank abbord fil-fruntiera Ċiniża. Dawn iż-żewġ valuri frank abbord it-tnejn huma anqas sew mill-valur normali ta' 0,144 ECU stabbilit fl-investigazzjoni ta' qabel u għalhekk hemm xiehda ċara ta' rimi.

1.7. Konklużjoni

(30) F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-miżuri eżistenti għandhom ikunu estiżi għal-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(31) Il-miżuri eżistenti m'għandhomx ikunu estiżi għal-lajters kollha li jistgħu jerġgħu jimtlew, iżda għal dawk biss li biċ-ċar huma bħal-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew. Limitu ta' valur, flimkien ma' deskrizzjoni fiżika (i.e. bodi tal-plastik f'għamla ta' tank), jidher li huwa l-aktar mod xieraq biex tiddefinixxi dawn il-lajters.

(32) L-investigazzjoni wriet li l-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew qed ikunu importati fil-Komunità bi prezz medju cif ta' 0,046 ECU. Iżda, ma jkunx xieraq li jkun stabbilit il-limitu taħt il-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni ta' qabel (aġġustat għal bażi cif fuq il-fruntiera tal-Komunità) li kien aktar baxx mil-limitu tal-ħsara.

(33) Għalhekk, id-dażju eżistenti għandu jkun estiż għal-lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew b'bodi tal-plastik f'għamla ta' tank, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex96132090, importati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ta' prezz liberu-fuq-il-fruntiera tal-Komunità, bil-valur tad-dazju mhux imħallas għal kull biċċa ta' anqas minn 0,15 EUR.

2. TAJWAN

2.1. Prattika in kwistjoni

(34) It-talba allegat li l-lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew importati mit-Tajwan qed jaħarbu l-miżuri eżistenti. It-talba argumentat li m'hemmx produzzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fit-Tajwan u għalhekk, li t-tali importi fil-Komunità, irreġistrati mill-Ewrostat, jikkonsistu f'lajters li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bi żball ġew iddkjarati li huma ta' oriġini Tajwaniża. Din l-allegazzjoni kienet eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku.

(35) Fil-bidu, jitfakkar li ebda kumpannija mit-Tajwan ma kkooperat fl-investigazzjoni, minkejja l-fatt li ntbagħtu 29 kwestjonarju lill-esportaturi Tajwaniżi u li l-awtoritajiet Tajwanizi kienu ġew infurmati fil-waqt. It-transazzjonijiet rapportati mill-kumpanniji li kkooperaw waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni ma jinkludu ebda importi kkunsinnati mit-Tajwan. Importatur wieħed ippreżenta ruħu waqt l-investigazzjoni bil-pretensjoni li kien hemm produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fit-Tajwan. Iżda l-importatur ma tax dettalji dwar il-fornitur tiegħu, l-anqas l-isem. L-importatur intalab jimla l-kwestjonarju iżda wara dan ma waslet ebda risposta.

(36) Waqt l-investigazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat l-istatistiċi ta' l-esportazzjoni Tajwaniża ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew. Skond dawn l-istatistiċi, waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni, l-esportazzjoni Tajwaniża kienet tlaħħaq bejn wieħed u ieħor nofs l-importazzjoni tal-Komunità mit-Tajwan kif jidher fl-Ewrostat.

(37) F'dawn iċ-ċirkostanzi, ntlaħqet il-konklużjoni, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, li l-importazzjoni mit-Tajwan li ma setgħetx tkun spjegata mill-istatistiċi ta' l-esportazzjoni Tajwaniża, għandha titqies bħala ta' oriġini mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mibgħuta bil-vapur minn ġot-Tajwan. F'dan il-kuntest, wieħed għandu jinnota li hemm xiehda ta' ċertifikati ffalsifikati konnessi ma' l-oriġini ta' lajters li jintremew allegatament mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li ġew iddikjarati bi żball li kienu ta' oriġini Tajwaniża mdaħħla fit-talba ta' dawk li lmentaw.

(38) F'dak li jinteressa l-kumplament ta' l-oġġetti importati mit-Tajwan, kellu jkun stabbilit ukoll fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku. Id-dikjarazzjoni ta' l-importatur imsemmija aktar ‘il fuq uriet l-eżistenza ta' produttur wieħed tal-lajters fit-Tajwan. Iżda, waqt l-investigazzjoni, partijiet li kkooperaw indikaw li, sa fejn kienu jafu huma, m'hemm edba produzzjoni ġenwina ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fit-Tajwan ħlief, jista' jkun, għall-bejgħ fis-suq domestiku. Barra dan, ikkummentaw li l-produzzjoni ta' din it-tip ta' lajter, għall-esportazzjoni, m'għadux ekonomiku fit-Tajwan, u li l-manifatturi Tajwaniżi kollha tal-lajters li jesportaw ittrasferew il-produzzjoni tagħhom ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremgħu fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Fuq il-bażi ta' dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-importi l-oħra mit-Tajwan kienu għaddew bil-vapur minn dan il-pajjiż iżda kienu joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. F'dan il-kuntest wieħed għandu jinnota wkoll li anki jekk hemm xi produzzjoni tal-lajters fit-Tajwan, m'hemm ebda indikazzjoni xi proporzjon ta' l-esportazzjoni din il-produzzjoni tkun tirrappreżenta u barra dan, minħabba li ebda produttur fit-Tajwan ma kkoopera waqt l-investigazzjoni, jitqies li kull operazzjoni ta' produzzjoni fit-Tajwan, eżaminata skond il-kriterji ta' l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku, tkun qegħda taħrab il-miżuri eżistenti.

2.2. Bidla fl-istil tan-negozju

(39) Figuri ta' l-Ewrostat juru li l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew żdiedet minn 7,5 miljun biċċa fl-1994 għal 37 miljun biċċa fl-1995. Dan il-perjodu jkopri bażikament iż-żmien mill-bidu ta' l-investigazzjoni ta' reviżjoni sa l-imposizzjoni ta' dazju kontra r-rimi miżjud sew fuq importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Wara dan, l-importazzjoni mit-Tajwan naqset għal 33 miljun biċċa fl-1996 u naqset aktar għal 16 il-miljun biċċa fl-1997. L-istatistiċi ta' l-esportazzjoni tat-Tajwan stess juru mudell simili ta' evoluzzjoni, għalkemm, kif indikat aktar ‘il fuq, dawn jgħoddu biss għal bejn wieħed u ieħor nofs l-importazzjoni rrapportata mill-Ewrostat. Fl-istess żmien, u kif indikat aktar ‘il fuq, il-volumi ta' importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina naqsu minn 133,5 miljun biċċa fl-1994 għal 6,8 miljun biċċa fl-1997.

(40) Kien hemm, għalhekk, bidla fl-istil tan-negozju bejn it-Tajwan, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u il-Komunità, i.e. l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġew parzjalment mibdula b'importazzjoni ta' lajters bħal dawn mit-Tajwan.

2.3. Kawża mhux dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċenti

(41) Kif issemma aktar ‘il fuq, iż-żieda sew fl-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mit-Tajwan, minn banda waħda, u tnaqqis fl-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-banda l-oħra, ġrat sewwa sew wara d-dħul ta' dazju ogħla sew kontra r-rimi fuq importazzjoni tat-tali lajters mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, f'Mejju ta' l-1995.

(42) Minħabba l-kumment minn partijiet li kkooperaw li l-ispejjeż tal-produzzjoni li qegħdin jiżdiedu għamlu l-produzzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fit-Tajwan, u fin-nuqqas ta' informazzjoni oħra f'dan ir-rigward, ġie konkluż li ma kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika għall-bidla fl-istil tan-negozju ħlief l-imposizzjoni tal-miżuri eżistenti.

2.4. Dgħajfin ta' l-effett tar-rimedju tal-miżuri eżistenti

(43) Fin-nuqqas ta' informazzjoni mingħand partijiet li kkooperaw, intużaw valuri medja għal kull biċċa bbażata fuq figuri ta' l-Ewrostat, li taw prezz medju ta' importazzjoni, aġġustat għal bażi ta' dazju mħallas ta' 0,098 ECU mit-Tajwan għall-perjodu ta' l-investigazzjoni. Dan jista' jitqabbel mal-prezz ekwivalenti ta' importazzjoni mibjugħa mormija mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina misjuba fl-investigazzjoni ta' qabel (ECU 0,081). Huwa wkoll aktar baxx sew mill-prezz fl-investigazzjoni ta' qabel li bih l-effetti ta' ħsara tar-rimi kienu jkunu eliminati, i.e. 0,146 ECU. Għandu jkun innutat ukoll li l-prezzijiet ta' l-importazzjoni mit-Tajwan kienu aktar baxxi sew minn hekk fil-perjodu 1994 sal-1996, u laħqu l-livell medju l-aktar baxx tagħhom (0,038 ECU) fl-1995.

(44) Rigward il-kwantitajiet, skond l-Ewrostat, waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni, l-importi mit-Tajwan kienu jirrappreżentaw 2,5 % tas-suq kollu ta' lajters taż-żnied li jintremew tal-Komunità, u 4,8 % ta' l-importazzjoni kollha (inklużi lajters taż-żnied taċ-Ċina li jistgħu jerġgħu jimtlew) imqabbla ma' 0,3 % u 1,1 % rispettivament fl-1993. Fl-ogħla punt tagħhom (1995) l-importi mit-Tajwan għoddew għal xi 10 % ta' l-importi kollha, jew 6 % tal-konsum tal-Komunità ta' lajters taż-żnied li jintremew. It-tnaqqis fl-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fil-Komunità mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina diġà ntweriet fil-parti li tesponi l-fatti 39.

(45) Għalhekk, ġie konkluż li l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mit-Tajwan parzjalment ħadet il-post ta' l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li dgħajfu kemm bħala kwantitajiet kif ukoll bħala prezzijiet, l-effetti rimedjali tad-dazju kontra r-rimi impost fuq lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.5. Xiehda ta' rimi

(46) Ġie konkluż, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli mingħand dawk li ilmentaw u mill-Ewrostat, li lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew ta' oriġini Ċiniża iżda kkunsinnati lill-Komunità mit-Tajwan kienu importati bi prezzijiet ta' rimi, meta mqabbla mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni ta' qabel. F'dan ir-rigward għandu jkun innutat li l-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni ta' qabel kien ta' 0,144 ECU għal kull biċċa, waqt li l-prezz medju ta' l-importazzjoni aġġustat għal bażi fob Tajwaniża waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni kien ta' 0,092 ECU.

2.6. Konklużjoni

(47) Minħabba dan ta' fuq, il-miżuri eżistenti għandhom ikunu estiżi għal-lajters taż-żnied li jintremew importati mit-Tajwan.

3. ĦONG KONG

3.1. Prattika in kwistjoni

(48) It-talba allegat li l-lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew importati minn Ħong Kong qed jaħarbu l-miżuri eżistenti. It-talba argumentat li m'hemmx produzzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fil-Ħong Kong u għalhekk, li t-tali importi fil-Komunità, irreġistrati mill-Ewrostat, jikkonsistu f'lajters li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bi żball ġew iddkjarati li huma ta' oriġini tal-Ħong Kong.

(49) Ebda produtturi mill-Ħong Kong ma introduċew ruħhom waqt l-investigazzjoni. Waqt l-investigazzjoni waslet aktar informazzjoni li indikat li m'hemm ebda produzzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew fil-Ħong Kong, minħabba regolamenti tas-sigurtà li jirrestrinġu l-ħażna tal-gass fit-territorju. Għalhekk l-allegazzjoni kienet eżaminata, rigward il-possibbiltà li għaddew bil-vapur, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku.

3.2. Dgħajfin ta' l-effetti tar-rimedju tal-miżuri eżistenti

(50) L-importi rreġistrati bħala li oriġinaw f'Ħong Kong waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni kienu jirrappreżentaw biss 1 % tal-konsum tal-Komunità ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew u 3,8 % ta' l-importazzjoni kollha tal-Komunità ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew.

(51) Waqt l-investigazzjoni preżenti, kien stabbilit li lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma prodott li jixbah il-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew.

(52) Biex ikun analizzat jekk l-effetti rimedjali tal-miżuri eżistenti kenux qed jiddgħajfu, kien meħtieġ li jkun rifless it-tisjib ta' hawn fuq u li jkun aġġustat il-volum ta' l-importazzjoni kollha biex jinkludi lajters taż-żnied li jistgħu jerġgħu jimtlew u li jintremew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mal-lajters taż-żnied kollha li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew.

(53) Bħala riżultat, il-Kummissjoni sabet li l-importazzjoni tal-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew kienet tirrappreżenta biss 2 % ta' l-importi kollha ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, inklużi lajters taż-żnied taċ-Ċina li jistgħu jerġgħu jimtlew, fil-Komunità waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni. Barra dan, din l-importazzjoni tgħodd biss għal 4,1 % tal-volum tal-lajters importati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fil-Komunità fl-1994, i.e. qabel ma beda jsir il-ħrib. Minħabba l-kwantitajiet żgħar importati minn Ħong Kong, id-dgħajfin, jekk jeżisti, ta' l-effetti rimedjali tal-miżuri eżistenti mhux meqjus sinifikanti. Għalhekk huwa meqjus xieraq li tintemm l-investigazzjoni dwar il-ħrib rigward l-importazzjoni tal-lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew minn Ħong Kong

3.3. Konklużjoni

(54) Fuq il-bażi ta' dan ta' fuq, il-miżuri eżistenti m'għandhomx ikunu estiżi għal Ħong Kong.

4. IL-MAKAW

4.1. Prattika in kwistjoni

(55) It-talba allegat li l-lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew importati mill-Makaw qed jaħarbu l-miżuri eżistenti. It-talba rraġunat li t-tali importi kollha, fil-Komunità, irreġistrati mill Ewrostat, jikkonsistu f'lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li kienu ddikjarati bi żball bħala ta' oriġini mill-Makaw.

(56) Kif issemma fil-partijiet li jesponu l-fatti 6 u 7 aktar ‘il fuq, FDI, produttur li jinstab fil-Makaw, introduċa lilu nnifsu u bagħat kwestjonarju mimli u wara waqa' taħt żjara ta' verifika.

(57) L-allegazzjoni kienet, l-ewwel nett, eżaminata rigward dan il-produttur, b'eżami tal-kriterji speċifiċi mniżżla fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku li japplikaw għall-operazzjonijiet ta' mmuntar, inter alia, f'pajjiż terz.

(58) Imbagħad l-allegazzjoni kienet ikkunsidrata rigward il-possibbiltà li lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew ikkunsinnati mill-Makaw lejn il-Komunità jkunu ddikjarati lill-awtoritajiet doganali tal-Komunità bħala li għandhom oriġini mill-Makaw għalkemm joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li t-tali importi qegħdin jaħarbu l-miżuri eżistenti kontra r-rimi. Dan kien eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku waqt li jingħata każ tat-tisjib magħmula dwar il-produttur mill-Makaw.

4.2. Stħarriġ dwar l-operazzjoni mwettqa mill produttur tal-Makaw fil-kuntest ta' l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku

4.2.1(a) L-operazzjoni bdiet jew żdiedet sew mill-bidu, jew sewwa sew qabel, l-investigazzjoni kontra r-rimi u l-partijiet ikkonċernati huma mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(59) FDI kienet irreġistrata f'April ta' l-1991 u bdiet il-produzzjoni f'Jannar ta' l-1992. Kien hemm, għalhekk, korrelazzjoni ċara fiż-żmien bejn il-bidu ta' l-operazzjoni u l-bidu f'April ta' l-1990 tal-proċedura oriġinali kontra r-rimi [7] fuq importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Iżda f'dan iż-żmien, is-suq ewlieni għal FDI kien l-SUA. Il-bejgħ lill-Komunità fil-perjodu 1992 sal-1994 ma kienux sinifikanti.

(60) F'Diċembru ta' l-1993 il-Kummissjoni ħabbret, b'avviż, il-bidu ta' reviżjoni tar-Regolment (KEE) Nru 3433/91 dwar l-importazzjoni ta' lajters taż-żnied li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Wara dan, l-esportazzjoni minn FDI lejn il-Komunità żdiedet sew għal ‘il fuq minn 60 miljun biċċa fl-1997. Il-kriterji ewlenin ta' l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Bażiku għalhekk huma sodisfatti.

4.2.2(b) Il-partijiet (mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina) jagħmlu 60 % jew iżjed tal-valur kollu tal-prodott immuntat

(61) Biex taċċerta l-konformità mal-kriterji f'dan u fit-test ta' wara, il-Kummissjoni bbażat it-tisjib tagħha fuq il-prospetti finanzjarji tas-sena kalendarja ta' l-1997, li kopriet 80 % ta' l-15 il xahar tal-perjodu ta' l-investigazzjoni, billi d-data li tappartjeni għal dan il-perjodu ta' 12 il xahar kienu jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-perjodu kollu ta' l-investigazzjoni.

(62) Fuq il-bażi ta' analiżi ddettaljata ta' kemm iqumu l-partijiet, kien stabbilit li l-partijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kien jgħoddu għal anqas minn 60 % tal-valur tal-partijiet tal-prodott immuntat.

(63) Għalhekk, il-FDI ma setgħetx titqies li kienet qegħda taħrab id-dazji kontra r-rimi li kienu qed ikunu investigati.

4.3. Allegazzjoni li lajters li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew ikkunsinnati mill-Makaw lill-Komunità jkunu ddikjarati lill-awtoritajiet doganali tal-Komunità bħala ta' oriġini mill-Makaw għalkemm joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(64) Imbagħad kien ikkunsidrat jekk kienx hemm esporti li allegatament kienu joriġinaw mill-Makaw,barra dawk prodotti minn FDI, li setgħu jitqiesu li kienu qed jaħarbu l-miżuri eżistenti.

(65) Dwar dan, instab li l-oġġetti kollha importati fil-Komunità mill-Makaw, skond kif rreġistrati mill-Ewrostat, tul il-perjodu mill-1994 sa l-aħħar tal-perjodu ta' l-investigazzjoni, setgħu jitfissru b'oġġetti esportati minn FDI.

(66) Jizdied il-fatt li, l-investigazzjoni fuq il-post mill-Kummissjoni u protesta mogħtija lill-Kummissjoni mid-delegazzjoni tal-Makaw ta' l-ambaxxata Portugiża wrew li l-kapaċità tal-produzzjoni u l-produzzjoni attwali ta' FDI kienet biżżejjed biex tfisser l-esporti kollha li joriġinaw fil-Makaw.

4.3.1. Konklużjoni

(67) F'dawn iċ-ċirkostanzi l-miżuri eżistenti m'għandhomx ikunu estiżi għall-Makaw.

D. TALBIET GĦAL EŻENZJONI MINN ESTENSJONI TAD-DAZJU

(68) Il-Kummissjoni waslulha talbiet għall-eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju mingħand żewġ importaturi li avviċinaw lill-Kummissjoni wara d-data tal-għeluq stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 971/98 biex partijiet interessati jintroduċu ruħhom.

(69) Importatur wieħed, JOJA, Franza, talab eżenzjoni mill-miżuri għal tlieta mill-prodotti tagħhom. Il-Kummissjoni eżaminat dawn il-prodotti u stabbilit li kienu prodotti li jixbħu lill-prodotti li kienu jaqgħu taħt il-miżuri eżistenti u għalhekk, ma kellhiex tingħata eżenzjoni.

(70) It-tieni importatur, Samaco Ltd mir-RU, talab eżenzjoni mill-miżuri għax l-importi tagħhom kienu ġenwinament prodotti fit-Tajwan. Billi dan l-importatur ma melix il-kwestjonarju mogħti u billi ma waslet ebda risposta għall-kwestjonarju minn ebda produttur esportatur fit-Tajwan, mhux possibli tikkunsidra aktar it-talba f'dan il-waqt.

(71) Il-partijiet li jkunu qed jitolbu eżenzjoni normalment jintalbu jimlew kwestjonarju biex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi jekk tkunx ġustifikata eżenzjoni u l-Kummissjoni normalment tagħmel żjara ta' verifika fuq il-post.

E. MIŻURI

1. Għamla tal-miżuri

(72) Minħabba t–tisjib li kien hemm, id-dazju kontra r-rimi li hemm fis-seħħ fuq lajters tal-but li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jintremew, li jaħdmu bil-gass, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandu jkuni estiż għall-importazzjoni ta' l-istess lajters ikkunsinnati minn jew li joriġinaw mit-Tajwan, u lill-importazzjoni ta' lajters li jaħdmu bil-gass li jistgħu jerġgħu jimtlew, b'bodi tal-plastik f'għamla ta' tank, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew ikkunsinnati minn jew li joriġinaw mit-Tajwan, b'valur ħieles-fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, għal kull biċċa anqas minn 0,15 EUR.

(73) L-investigazzjoni dwar Ħong Kong u l-Makaw għandha tintemm.

2. Ġbir ta' dazju fuq importi mdaħħla taħt reġistrazzjoni

(74) Id-dazju fuq importi skond ir-Regolament (KE) Nru 971/98 għandu jinġabar biss fuq dawk il-prodotti deskritti fil-parti li tesponi l-fatti 72.

F. PROĊEDURA

(75) Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti essenzali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kienet bi ħsiebha tipproponi l-estensjoni tad-dazju definittiv kontra r-rimi li hemm fis-seħħ fuq il-prodotti in kwistjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Id-dazju definittiv kontra r-rimi impost mir-Regolament (KEE) Nru 3433/91 u mibdul bir-Regolament (KE) Nru 1006/95 fuq importazzjoni ta' lajters tal-but taż-żnied li jaħdmu bil-gass, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 96131000 (TARIC kodiċi tan-NM 96131000*11) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa hawnhekk estiż għall-importi ta' l-istess lajters li huma kkunsinnati jew li joriġinaw mit-Tajwan u għall-importi ta' lajters tal-but taż-żnied li jaħdmu bil-gass, li jistgħu jerġgħu jimtlew, li jinkorporaw bodi tal-plastik f'għamla ta' tank, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex96132090 (TARIC kodiċi tan-NM 96132090*21), li joroġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew li huma kkunsinjati jew li joriġinaw mit-Tajwan.

2. Lajters tal-but tal-gass, li jistgħu jerġgħu jimtlew, li jinkorporaw bodi tal-plastik f'għamla ta' tank, b'valur ħieles-fil-fruntiera tal-Komunità għal kull biċċa, dazju mhux mħallas daqs jew akbar minn 0,15 EUR, ma jħallsux dazju estiż mill-paragrafu 1, jekk dan il-prezz huwa speċifikat f'fattura maħruġa minn esportatur li jinsab fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fit-Tajwan għal xi importatur li mhux konness fil-Komunità.

3. Bla ħsara għall-paragrafu 2, id-dazju estiż mill-paragrafu 1 għandu jinġabar fuq importi rreġistrati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 971/98 u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.

4. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar dazji doganali li huma fis-seħħ.

Artikolu 2

1. It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż mill-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità u għandhom jkuni ffirmati minn persuna awtorizzata biex tirrapreżenta lill-applikant. It-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat-Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni Ekonomiċi

Unit I/C-1

DEMOT 24, 8/38

Rue de la Loi/Wetstraat 200

B-1049 Brussels

Fax (32-2) 295 65 05.

2. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza, b'deċiżjoni, l-eżenzjoni ta' l-importi li ma jaħarbux id-dazju kontra r-rimi impost mir-Regolament (KE) Nru 1006/95 mid-dazju estiż mill-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma hawnhekk ordnati biex jieqfu jirreġistraw, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 971/98 u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-:

(a) lajters taż-żnied tal-but li jistgħu jerġgħu jimtlew b'valur ħieles-fil-frunitiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, għal kull biċċa ta' anqas minn 0,5 ECU li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex96132090 (kodiċi tat-TARIC 96132090*10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-poplu taċ-Ċina; u

(b) lajters taż-żnied tal-but tal-gass li ma jistgħux jerġgħu jimtlew li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex96131000 (kodiċi tan-NM 96131000*10) ikkunsinnati minn Ħong Kong, il-Makaw u t-Tajwan.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Jannar 1999.

F'isem il-Kunsill

Il-President

J. Fischer

[1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 905/98 (ĠU L 128, tat-30.4.1998, p. 18).

[2] ĠU L 326, tat-28.11.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 423/97 (ĠU L 65, tas-6.3.1997, p. 1).

[3] ĠU L 209, tat-2.8.1988, p. 1.

[4] ĠU L 101, ta' l-4.5.1995, p. 38.

[5] ĠU L 135, tat-8.5.1998, p. 38.

[6] ĠU C 343, tal-21.12.1993, p. 10.

[7] ĠU C 89, tas-7.4.1990, p. 3.

--------------------------------------------------

Top