Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999D0852

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 1999 dwar il-prinċipji, prijoritajiet, għanijiet intermedji u kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mar-Rumanija

    ĠU L 335, 28.12.1999, p. 15–21 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/852/oj

    31999D0852



    Official Journal L 335 , 28/12/1999 P. 0015 - 0021


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tas-6 ta' Diċembru 1999

    dwar il-prinċipji, prijoritajiet, għanijiet intermedji u kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mar-Rumanija

    (1999/852/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkonsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li ikkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 622/98 tas-16 ta' Marzu 1998 dwar għajnuna lill-Istati applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, u b'mod partikolari dwar l-istabbiliment ta' Sħubijiet ta' Adeżjoni [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu iddikjara li s-Sħubija ta' Adeżjoni hi strument ġdid u l-fattur ewlieni fl-istrateġija imsaħħa ta' qabel l-adeżjoni;

    (2) Ir-Regolament (KE) Nru 622/98 jippreskrivi li l-Kunsill irid jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata u fuq proposta tal-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, prijoritajiet, għanijiet intermedji u kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubijiet ta' Adeżjoni individwali, kif mibgħuta lil kull Stat applikant, kif ukoll dwar aġġustamenti sinifikanti sussegwenti li jkunu applikabbli għalihom;

    (3) Għajnuna mill-Komunità tingħata bil-kondizzjoni li jkunu mħarsa l-elementi essenzali, u b'mod partikolari r-rispett ta' l-impenji li jinsabu fil-Ftehimiet Ewropej u l-progress lejn il-ħarsien tal-kriterji ta' Copenhagen; fin-nuqqas ta' xi element essenzali, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jieħu passi xierqa dwar kull għajnuna ta' qabel l-adeżjoni;

    (4) Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu iddeċieda li l-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni u l-progress fl-adozzjoni ta' l-acquis għandhom jiġu eżaminati mill-korpi tal-Ftehim Ewropew;

    (5) ir-Rapport Regolari tal-Kummissjoni ta' l-1999 ippreżenta analiżi oġġettiva dwar il-preparazzjonijiet tar-Rumanija għal sħubija u identifika numru ta' oqsma prijoritarji għal aktar xogħol;

    (6) sabiex tħejji ruħha għas-sħubija, ir-Rumanija trid taġġorna l-programm nazzjonali tagħha dwar l-adozzjoni ta' l-acquis; dan il-programm għandu jħejji skeda ta' żmien għall-ksib ta' prijoritajiet u għanijiet oġġettivi stabbiliti fis-Sħubija ta' Adeżjoni,

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98, il-prinċipji, prijoritajiet, għanijiet intermedji u kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni għar-Rumanija huma preskritti fl-Anness ta' hawnhekk, li jifforma parti sħiħa minn din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni għandha tiġi eżaminata mill-korpi tal-Ftehim Ewropew u mill-korpi approprjati tal-Kunsill li lilhom il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda seħħ mit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Diċembru 1999.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. Halonen

    [1] ĠU L 85, ta' l-20.03.1998, p. 1.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    IR-RUMANIJA: SĦUBIJA TA' ADEŻJONI 1999

    1. GĦANIJIET

    L-iskop tas-Sħubija ta' Adeżjoni hu li jistabbilixxi f'qafas wieħed l-oqsma prijoritarji għal aktar xogħol identifikat fir-Rapport Regolari tal-Kummissjoni ta' l-1999 dwar il-progress magħmul mir-Rumanija lejn sħubija ta' l-Unjoni Ewropea, il-mezzi finanzjarji disponibbli biex jgħinu lir-Rumanija timplimenta dawn il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jkunu japplikaw għal dik l-għajnuna. Din is-Sħubija ta' Adeżjoni toħloq il-bażi għal numru ta' strumenti ta' politika li għandhom jiġu wżati biex jgħinu lill-Istati kandidati fit-tħejjijiet tagħhom għal sħubija. Dawn jinkludu, fost oħrajn, il-Programm Nazzjonali rivedut dwar l-adozzjoni ta' l-acquis, l-Istima Kollettiva dwar prijoritajiet ta' politika ekonomika fuq medda medja, il-Patt kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll il-Pjanijiet ta' Żvilupp Nazzjonali u pjanijiet settorali oħra meħtieġa għall-parteċipazzjoni f'Fondi Strutturali wara s-sħubija u għall-implimentazzjoni ta' l-ISPA u s-Sapard qabel is-sħubija Kull wieħed minn dawn l-istrumenti hu differenti fin-natura tiegħu u jiġi mħejji u implimentat skond proċeduri speċifiċi. Dawn mhumiex parti integrali minn din din is-Sħubija iżda l-prijoritajiet li jkun fihom ikunu kompatibbli magħha.

    2. PRINĊIPJI

    L-oqsma prinċipali ta' prijorità identifikati għal kull Stat kandidat jirrelataw għall-kapaċità tagħhom biex jassumu l-obbligi dwar il-ħarsien tal-kriterji ta' Copenhagen li jiddikjaraw li s-sħubija teħtieġ:

    - li l-Istat kandidat ikun kiseb stabbilità fl-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, ir-regola tal-liġi, drittijiet tal-bniedem, u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi,

    - l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona, kif ukoll il-kapaċità li jlaħħqu mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan il-Komunità,

    - l-abbiltà li jassumu l-obbligi tas-sħubija, inkluża l-aderenza mal-miri lejn unjoni politika, ekonomika u monetarja.

    Fil-laqgħa tiegħu ġo Madrid, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-bżonn li Stati kandidati jaġġustaw l-istrutturi amministrattivi tagħhom biex ikun żgurat it-tħaddim armonjuż ta' kull politika tal-Komunità wara s-sħubija u fil-Lussemburgu, enfasizza li l-inkorporazzjoni ta' l-acquis fil-leġislazzjoni hi meħtieġa, biss mhijiex biżżejjed fiha nnifisha; hemm bżonn li jkun żgurat li din tkun attwalment applikata.

    3. PRIJORITAJIET U GĦANIJIET INTERMEDJI

    Ir-Rapporti Regolari tal-Kummissjoni enfasizzaw il-firxa ta’ l-isforzi li għad iridu jsiru f’ċerti oqsma minn Stati kandidati bi tħejjija għall-adeżjoni. Din is-sitwazzjoni titlob għad-definizzjoni ta’ stadji intermedji f’termini ta’ prijoritajiet, kull wieħed akkumpanjat b’għanijiet preċiżi li għandhom jiġu preskritti b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati konċernati, u li l-ksib tagħhom jikkondizzjona d-daqs ta’ l-għajnuna il-progress tan-negozjati li jkunu għaddejjin ma’ xi Stati u l-ftuħ ta’ negozjati ġodda ma’ l-oħrajn. Il-prijoritajiet u l-għanijiet intermedji tas-Sħubijiet ta' Adeżjoni jerġgħu jinqasmu f'żewġ gruppi, ta' medda qasira u dik medja. Dawk elenkati f'ta' medda qasira intgħażlu fuq il-bażi li huwa realistiku li wieħed jistenna li r-Rumanija tlestihom jew li tmexxihom sew 'il quddiem sa l-aħħar tas-sena 2000. Il-prijoritajiet elenkati f'ta' medda medja huma mistennija li jieħdu aktar minn sena biex jitlestew għalkemm ix-xogħol għandu, fejn possibbli, jibda fuqhom ukoll fis-sena 2000. Il-progress miksub fil-ħarsien tal-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni ta' l-1988 ikun stmat fir-Rapport Regolari ta' l-1999. Din l-istima intużat fil-formolazzjoni tal-prijoritajiet għas-sħubija kurrenti.

    Ir-Rumanija bagħtet verżjoni riveduta tal-Programm Nazzjonali tagħha dwar l-adozzjoni ta' l-acquis (NPAA) fl-14 ta' Ġunju 1999. Din tistabbilixxi skeda ta' żmien dwar it-twettiq tal-prijoritajiet u l-għanijiet intermedji, bażata fuq l-ewwel Sħubija ta' Adeżjoni, kif ukoll strutturi amministrattivi u riżorsi finanzjarji meħtieġa.

    Is-Sħubija ta' Adeżjoni tindika l-oqsma ta' prijorità fit-tħejjija għas-sħubija tar-Rumanija. Ir-Rumanija madankollu trid tindirizza l-kwistjonijiet kollha identifikati fir-Rapport Regolari. Hu importanti wkoll li r-Rumanija tħares l-obbligi ta' l-approssimazzjoni leġislattiva u l-implimentazzjoni ta' l-acquis skond ma ntrabtet fil-Ftehim Ewropew, fl-eżerċizzju ta' eżami u fil-proċess tan-negozjati. Irid jitfakkar li l-inkorporazzjoni ta' l-acquis fil-leġislazzjoni mhijiex biżżejjed fiha nnifisha; hemm bżonn ukoll li jiġi żgurat li din tiġi applikata sa l-istess standards bħal dawk applikabbli fl-Unjoni. Fl-oqsma kollha elenkati hawn taħt hemm il-ħtieġa ta' l-implimentazzjoni u l-infurzar kredibbli u effettiv ta' l-acquis.

    Mill-analiżi tar-Rapport Regolari tal-Kummissjoni jirriżulta li l-prijoritajiet fuq medda qasira u dik medja u l-għanijiet intermedji li ġejjin ġew identifikati għar-Rumanija.

    3.1. Medda qasira (2000)

    Kriterji politiċi:

    - garanzija ta' provvedimenti adegwati ta' budget għas-sostenn ta' tfal fil-kura u impenn ta' riforma sħiħa tas-sistema ta' kura tat-tfal kif ukoll provvedimenti dwar il-kura ta' tfal u adulti b'mard kroniku u diżabiltajiet,

    - tisħiħ ta' djalogu bejn il-Gvern u l-komunità tar-Roma bil-ħsieb li tiġi elaborata u implimentata strateġija li ttejjeb il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tar-Roma u tipprovdi sostenn finanzjarju adegwat għal programmi tal-minoranzi.

    Kriterji ekonomiċi:

    - il-bini mill-ġdid ta' stabbilità makroekonomika, partikolarment bl-implimentazzjoni ta' riforma strutturali u l-istabbiliment ta' strateġija fuq medda medja; ftehim dwar stima flimkien mal-Kummissjoni Ewropea,

    - is-sosteniment ta' l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mal-Fond Monetarju Internazzjonali, mal-Bank Dinji u ma' l-Unjoni Ewropea,

    - kontinwazzjoni ta' ristrutturar tal-finanzi pubbliċi,

    - teħid ta' miżuri biex ikun żgurat il-funzjonament ta' suq ta' l-artijiet u l-istabbiliment ta' reġistru ta' l-artijiet u proprjetà għan-nazzjon kollu,

    - il-promozzjoni ta' kompetittività permezz tar-ristrutturar ta' l-intrapriża misjuqa mill-forzi tas-suq (inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju), teħid ta' miżuri biex jiġi stimulat l-investiment domestiku u barrani, b'mod partikolari permezz tas-simplifikazzjoni ta' proċeduri legali u amministrattivi u l-istabbiliment ta' regoli dwar il-privatizzazzjoni u l-operat tan-negozju; l-implimentazzjoni ta' proċeduri ġodda dwar fallimenti,

    - l-adozzjoni ta' pjan għar-ristrutturar tas-settur ta' l-azzar f'konformità mal-ħtiġijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

    Suq intern:

    - provvisti pubbliċi: l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni dwar provvisti pubbliċi,

    - drittijiet ta' proprjetà intellettwali u industrijali: allinjament u infurzar ta' trademarks, leġislazzjoni dwar drittijiet ta' l-awturi u drittijiet konnessi; rinforz tal-kapaċità amministrattiva u tal-ġlieda kontra l-flus foloz speċjalment permezz ta' kontrolli fuq il-fruntieri

    - protezzjoni ta' data: adozzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta' awtorità indipendenti ta' sorveljanza,

    - il-moviment ħieles ta' oġġetti: adozzjoni ta' trasposizzjoni ta' qafas ta' leġislazzjoni: prinċipji ġodda u ta' trattament globali u l-ħolqien ta' infrastruttura amministrattiva kompatibbli; adozzjoni ta' qafas ta' liġijiet dwar kimiċi u oġġetti ta' l-ikel; kontinwazzjoni tat-trasposizzjoni ta' regoli tekniċi fis-settur tal-karrozzi,

    - il-moviment ħieles ta' servizzi: adozzjoni ta' trasposizzjoni ta' leġislazzjoni: (i) direttiva dwar impriżi ta' assigurazzjoni u sorveljanza ta' assigurazzjoni, (ii) direttivi dwar titoli u swieq regolati, (iii) direttivi dwar impriżi ta' investimenti kollettivi f'titoli trasferibbli; tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-aġenziji ta' sorveljanza fis-settur finanzjarju,

    - kompetizzjoni: l-adozzjoni ta' leġislazzjoni sekondarja biex tkompli toqrob lejn il-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni bażika u l-għajnuniet ta' l-istat, tisħiħ tal-kunsill tal-kompetizzjoni u l-uffiċċju tal-kompetizzjoni, kontinwazzjoni tal-provvediment ta' rapporti annwali kompleti dwar għajnuna ta' l-Istat; il-finalizzazzjoni ta' l-inventarju dwar għajnuna ta' l-Istat,

    - awdjoviżiv: allinjament sħiħ tal-leġislazzjoni,

    - tassazzjoni: l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-VAT u s-sisa, b'attenzjoni partikolari biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bejn sigarretti impurtati u dawk domestiċi; l-assigurazzjoni li miżuri ġodda dwar it-taxxa jikkonformaw mal-prinċipji tal-kodiċi ta' kondotta dwar tassazzjoni kummerċjali,

    - dwana: l-applikazzjoni ta' miżuri biex jiġu miġġielda l-frodi u l-korruzzjoni.

    Agrikoltura:

    - kontinwazzjoni ta' l-allinjament tal-leġislazzjoni veterinarja u fitosanitarja u t-titjib ta' l-arranġamenti dwar spezzjonijiet, b'mod partikolari fuq il-fruntieri esterni tal-futur ta' l-Unjoni Ewropea,

    - kontinwazzjoni ta' l-istabbiliment ta' sistema ta' identifikazzjoni ta' annimali madwar in-nazzjon kollu,

    - l-adozzjoni ta' liġi dwar il-kontroll ta' pestiċidi fl-agrikoltura u l-bidu ta' l-istabbiliment ta' sistema ta' kontroll għal pestiċidi li jibqgħu fi prodotti agrikoli,

    - l-istabbiliment ta' reġistru ta' għelieqi ta' dwieli u t-tisħiħ tas-sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll fis-settur ta' l-inbid.

    Trasport:

    - l-allinjament ta' leġislazzjoni dwar standards ta' sigurtà marittima.

    Xogħol u Affarijiet Soċjali:

    - appoġġ lil sforzi għall-bini ta' kapaċità tas-sħab soċjali, notevolment fi djalogu soċjali bilaterali, għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-acquis,

    - il-preparazzjoni ta' strateġija nazzjonali dwar xogħol, bl-għajnuna tar-Reviżjoni Konġunta tal-Politika dwar ix-Xogħol, bil-ħsieb ta' parteċipazzjoni aktar tard fl-istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol.

    Ambjent:

    - tfassil ta' programmi dettaljati dwar l-approssimazzjoni u l-implimentazzjoni speċifiċi ta' direttivi,

    - it-trasposizzjoni ta' aċċess għal leġislazzjoni dwar l-informazzjoni, ħarsien tan-natura, u leġislazzjoni dwar ħarsien mir-radjazzjoni

    - il-preparazzjoni ta' qafas ta' liġijiet dwar l-arja, l-iskart, kwalità ta' l-ilma tniġġis industrijali (IPPC, impjant kbir ta' kombustjoni, Seveso II)

    - tisħiħ ta' l-amministrazzjoni ambjentali fiż-żewġ livelli nazzjonali u reġjonali,

    - żvilupp ta' pjan għall-finanzjament ta' investimenti (speċifiku għal direttivi), bażat fuq stimi ta' kemm jiswa l-allinjament u sorsi realistiċi ta' finanzi pubbliċi u privati sena b'sena,

    - il-kompletament tat-trasposizzjoni u l-infurzar tad-direttiva dwar l-istima ta' l-impatt ambjentali.

    Ġustizzja u affarijiet domestiċi:

    - l-implimentazzjoni ta' liġi dwar il-fruntieri ta' l-istat Rumen inkluża l-għaqda tal-Gwardja tal-Fruntieri u l-Pulizija tal-Fruntieri f'korp wieħed; it-tħaffif tad-demilitarizzazzjoni tal-korpi subordinati għall-Ministeru ta' l-Intern; it-tisħiħ tal-kontrolli tal-fruntieri għall-prevenzjoni ta' l-immigrazzjoni illegali u biex issir possibbli l-parteċipazzjoni sħiħa fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen,

    - titjib tal-korpi li jinfurzaw il-liġi u tal-ġudikatura biex tissokta l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' droga u l-korruzzjoni; l-assigurazzjoni ta' aktar ko-ordinament bejn il-korpi li jinfurzaw il-liġi,

    - l-adozzjoni ta' liġi dwar il-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħolqien ta' dipartiment indipendenti kontra l-korruzzjoni; tisħiħ tal-kapaċitajiet li jindirizzaw il-problema tal-ħasil ta' flus; ir-ratifika tal-konvenzjoni Ewropea dwar il-ħasil tad-dħul mill-kriminalità u l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Liġi Kriminali dwar Korruzzjoni, firmar tal-Konvenzjoni OECD dwar Tixħim,

    - l-adozzjoni ta' liġi dwar barranin u liġi dwar refuġjati; żieda fit-trasparenza u t-tħaffif ta' proċeduri dwar l-applikazzjoni għal refuġju.

    Rinforz tal-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja inkluża l-kapaċità għall-amministrazzjoni u l-kontroll ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea:

    - l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' liġi dwar is-servizz pubbliku,

    - Phare [1], ISPA [2] u Sapard [3]: jitkompla l-iżvilupp tal-Pjan għall-Iżvilupp Nazzjonali u tal-Pjan għall-Iżvilupp Rurali; l-adozzjoni tal-qafas ġuridiku, amministrattiv u ta' budget (manwal tal-verifika u audit trail) biex jipprogramma u jamministra l-ISPA u s-Sapard, inkluża l-introduzzjoni ta' stimi dwar l-impatt ambjentali u regoli dwar provvisti pubbliċi kompatibbli ma' l-Unjoni Ewropea għal proġetti ko-finanzjati minn Fondi tal-Komunità; ħolqien ta' aġenzija ta' ħlas li tiffunzjona għas-Sapard,

    - titjib fil-funzjonament tal-ġudikatura inklużi: (i) l-adozzjoni ta' kodiċi penali ġdid; (ii) l-adozzjoni tal-liġi dwar proċeduri penali, (iii) limitazzjoni ta' l-użu ta' detenzjoni qabel proċess quddiem il-qrati, (iv) faċilitazzjoni fl-aċċess għal parir u rappreżentazzjoni legali, (v) firxa tas-sistema ta' informazzjoni fil-qrati għall-qrati kollha, (vi) titjib fl-infurzar ta' deċiżjonijiet ġuridiċi ċivili,

    - bidu għall-introduzzjoni ta' sistema ta' budget kemm jista' jkun programmata li taħseb għal impenji multiannwali, tisħiħ tal-proċess fit-twettiq ta' budget, titjib fil-ġbir tad-dħul u l-mobilizzazzjoni fiskali,

    - kompletar tal-qafas leġislattiv għall-kontroll finanzjarju intern u estern; tisħiħ ta' l-organizzazzjoni ċentrali fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi biex jiġu armonizzati l-unitajiet interni ta' verifika/kontroll f'ċentri ta' nfiq, u l-introduzzjoni ta' "indipendenza funzjonali" għal kontrolluri/awdituri interni nazzjonali fiż-żewġ livelli ċentrali u deċentralizzati u kontroll finanzjarju ex-ante,

    - bidu ta' preparazzjoni għall-introduzzjoni ta' verifika tal-prestazzjoni u l-metodoloġija ta' verifika mill-Qrati ta' l-Awdituri,

    - taħriġ ta' aġenti fl-infurzar tal-liġi fi kwistjonijiet relatati ma' kompetizzjoni, proprjetà intellettwali u industrijali u ħarsien tal-konsumatur.

    3.2. Medda medja

    Kriterji politiċi:

    - konsolidament tar-riforma u titjib tal-kondizzjonijiet għat-tfal fil-kura,

    - kontinwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' strateġija biex jittejbu l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tar-Roma; implimentazzjoni ta' miżuri immirati lejn il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (inkluż fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika); inkoraġġiment għal opportunitajiet ta' xogħol u żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni,

    - il-kompletar tad-demilitarizzazzjoni tal-pulizija u l-korpi subordinati għall-Ministeru ta' l-Intern.

    Kriterji ekonomiċi:

    - konsolidament tal-qafas legali u ta' politika biex jerġgħa jibda jseħħ tkabbir ekonomiku sostenibbli, u kompletar tal-proċess ta' privatizzazzjoni,

    - il-ħolqien ta' proċedura ta' sorveljanza fiskali annwali immirata li ġġib ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-kontroll ta' finanzi pubbliċi, speċifikament posizzjonijiet fiskali, f'allinjament mal-proċeduri ta' l-Unjoni Ewropea,

    - kontinwazzjoni ta' l-isforzi biex jitjiebu l-kondizzjonijiet li joħolqu u jiżviluppaw l-intrapriżi privati, b'attenzjoni partikolari għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju,

    - l-implimentazzjoni ta' programm ta' ristrutturar fl-azzar.

    Suq intern:

    - drittijiet fuq proprjetà intellettwali u industrijali: kompletar ta' allinjament u infurzar ta' strutturi ta' implimentazzjoni,

    - moviment ħieles ta' oġġetti: bidu għall-implimentazzjoni ta' direttivi ġodda dwar kif wieħed jersaq għal soluzzjonijiet, l-adozzjoni ta' leġislazzjoni ġdida dwar farmaċewtiċi, bidu ta' allinjament tal-leġislazzjoni teknika u tradizzjonali li jkun fadal, ħolqien ta' sistema ta' sorveljanza tas-suq,

    - moviment ħieles ta' persuni: kompletar ta' l-allinjament tar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi,

    - kompetizzjoni: assigurazzjoni li prattiċi dwar kontroll ta' prezzijiet huma allinjati ma' regoli ta' kompetizzjoni; tisħiħ ta' l-awtoritajiet ta' kontra l-monopolju u ta' l-għajnuna Statali,

    - ħarsien tal-konsumatur: kontinwazzjoni ta' l-allinjament u tisħiħ ta' sorveljanza tas-suq u ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar,

    - telekomunikazzjonijiet: garanzija ta' l-indipendenza tal-korp regolatorju u tisħiħ tal-kapaċità tiegħu,

    - tassazzjoni: kompletar ta' l-allinjament tal-VAT u dazji tas-sisa; reviżjoni tal-liġijiet eżistenti u assigurazzjoni ta' kompatibiltà mal-kodiċi ta' kondotta dwar tassazzjoni kummerċjali; tisħiħ ta' ko-operazzjoni amministrattiva u għajnuna reċiproka; titjib fl-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni tat-taxxi (organizzazzjoni, riżorsi umani u kompjuterizzazzjoni),

    - dwana: applikazzjoni ta' proċeduri simplifikati; rinforz tal-kapaċità amministrattiva u operattiva, inkluż kontroll tal-fruntieri; kompletar tat-tariffa integrata.

    Agrikoltura:

    - rinforz tal-mekkaniżmi għall-amministrazzjoni tal-politika agrikola komuni u ta' l-istrutturi amministrattivi (monitoraġġ tas-swieq agrikoli u implimentazzjoni ta' miżuri dwar l-iżvilupp strutturali u rurali, ħolqien ta' korpi u mekkaniżmi ta' kontroll),

    - rinforz fl-amministrazzjoni tal-kontroll ta' l-ikel u kontinwazzjoni ta' modernizzar tas-settur ta' l-ikel agrikolu biex jintlaħqu l-istandards ta' iġjene u ta' saħħa pubblika ta' l-Unjoni Ewropea,

    - kompletar tas-sistema ta' identifikazzjoni ta' l-annimali; implimentazzjoni ta' sistema dwar il-kontroll tal-kwalità (punt kritiku ta' kontroll b'analiżi mhux pjanata), trattament ta' skart ta' l-annimali, modernizzar ta' programmi għall-kontroll ta' l-iskart u ż-żoonożi minn impjanti tal-laħam u tal-ħalib.

    Sajd:

    - żvilupp tal-kapaċità għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta' politika komuni għas-sajd.

    Enerġija:

    - tħejjija għas-suq intern ta' l-enerġija, notevolment bl-adozzjoni ta' leġislazzjoni biex jiġu implimentati d-direttivi dwar il-gass u l-elettriku,

    - allinjament ta' prezzijiet ta' l-enerġija, ta' effiċjenza ta' l-enerġija u ta' standards tal-kwalità ta' karburanti,

    - ikomplu jiġu żgurati livelli għolja ta' sigurtà nukleari fl-impjant ta' l-elettriku nukleari ta' Cernovoda,

    - tisħiħ ta' strutturi regolatorji għal sigurtà nukleari u l-ħarsien mir-radjazzjoni.

    Trasport:

    - allinjament ma' l-acquis b'mod partikolari fit-trasport marittimu, l-avjazzjoni (b'mod partikolari sigurtà fl-ajru u amministrazzjoni tat-traffiku fl-ajru), setturi ta' ġarr ta' merkanzija bil-ferroviji u fit-toroq (regoli dwar oġġetti perikolużi, regoli dwar sigurtà u tassazzjoni) u kanali 'il ġewwa mill-art (ħtiġijiet tekniċi għal bastimenti).

    Xogħol u affarijiet soċjali:

    - trasposizzjoni u implimentazzjoni ta' leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol (inkluża d-direttiva qafas), liġi dwar ix-xogħol, trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel, u saħħa pubblika; rinforz ta' l-istrutturi amministrattivi relatati u ta' dawk meħtieġa għal ko-ordinament tas-sigurtà soċjali,

    - ħolqien ta' fond indipendenti ta' garanzija għall-impjegati fil-każ ta' falliment ta' min iħaddem.

    Koeżjoni ekonomika u soċjali:

    - żvilupp ta' politika nazzjonali għal koeżjoni ekonomika u soċjali; tħejjija għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' żvilupp reġjonali kif ukoll inizjattivi Komunitarji; titjib ta' ko-ordinament inter-ministerjali għal fondi strutturali u ħolqien ta' sistema u proċeduri ta' budget li jaħsbu għal impenji fuq diversi snin u l-amministrazzjoni tagħhom skond l-istandards ta' fondi strutturali, inklużi stima u valutazzjoni.

    Ambjent:

    - kontinwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' programmi ta' approssimazzjoni notevolment trasposizzjoni sħiħa fis-setturi ta' l-ajru, l-iskart u l-ilma u kompletar ta' trasposizzjoni dwar ħsejjes, kimiċi u organiżmi modifikati ġenetikament,

    - integrazzjoni ta' prinċipji dwar żvilupp sostenibbli fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' kull politika oħra settorali,

    - żvilupp tal-kapaċità għal monitoraġġ u l-infurzar b'mod partikolari permezz ta' deċentralizzazzjoni lejn l-aġenziji għall-ħarsien ta' l-ambjent.

    Ġustizzja u affarijiet domestiċi:

    - kontinwazzjoni ta' l-allinjament progressiv tal-leġislazzjoni u l-prattika dwar il-visa ma' dak ta' l-Unjoni Ewropea,

    - l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' strumenti internazzjonali relatati mal-ġlieda kontra t-traffikar ta' droga, b'mod partikolari l-Ftehim dwar it-traffiku illegali bil-baħar, waqt li jkun implimentat l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffiku illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

    - rinforz ta' l-indipendenza tal-ġudikatura, introduzzjoni ta' kriterji oġġettivi dwar reklutaġġ u żvilupp ta' karrieri,

    - kontinwazzjoni tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' nisa u tfal.

    Rinforz tal-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja inkluża l-kapaċità għall-amministrazzjoni u l-kontroll ta' Fondi ta' l-Unjoni Ewropea:

    - implimentazzjoni ta' programm komprensiv ta' riforma fl-amministrazzjoni pubblika bil-ħsieb li titjieb il-kapaċità ta' l-amministrazzjoni pubblika biex timplimenta u tamministra l-acquis,

    - jiġi żgurat it-taħriġ ta' prosekuturi, imħallfin u avukati fil-liġi ta' l-Unjoni Ewropea,

    - tisħiħ tal-funzjonijiet pubbliċi ta' kontroll finanzjarju permezz tal-provvediment ta' persunal adegwat, taħriġ u tagħmir,

    - tisħiħ tas-sistema Rumena ta' statistika bil-ħsieb li tintlaħaq konformità ma' normi u standards tal-Komunità.

    4. PROGRAMMAZZJONI

    L-allokazzjoni Phare għall-perjodu 1995 sa 1999 ammontat għal EUR 649 miljun. Wara l-Ftehim tal-Kunsill Ewropew f'Berlin fl-24 u l-25 ta' Marzu 1999, għajnuna finanzjarja lill-Istati applikanti matul il-perjodu 2000 sa 2006 tkun tinkludi wkoll sostenn għal miżuri ta' qabel l-adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali permezz ta' l-istrument ta' qabel l-adeżjoni Sapard (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999, ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 87) u ta' l-istrument strutturali ISPA (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999, ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 73) li għandhom jagħtu prijorità għal miżuri l-istess bħall-fond ta' koeżjoni fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni. Minn dawn l-allokazzjonijiet nazzjonali, ir-Rumanija tista' tipprovdi l-flus għal parti mill-parteċipazzjoni tagħha fi programmi tal-Komunità inkluż il-Ħames Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (ĠU L 26, ta' l-1.2.1999, p. 1). Barra dan ir-Rumanija jkollha aċċess għal fondi minn programmi għal numru ta' Stati li jkunu direttament relatati ma' l-acquis. Finanzjament kollettiv mill-Istati applikanti hu sistematikament meħtieġ għall-proġetti kollha ta' investiment. Sa mill-1988 il-Kummissjoni ħadmet mal-Bank Ewropew ta' Investiment u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, partikolarment mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Dinji, bil-ħsieb li jitħaffef il-ko-finanzjament ta' proġetti relatati ma' prijoritajiet ta' qabel l-adeżjoni.

    5. KONDIZZJONALITA

    Għajnuna tal-Komunità għall-finanzjament ta' proġetti permezz tat-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni Phare, ISPA u Sapard hi taħt il-kondizzjoni tar-rispett mir-Rumanija ta' l-impenji tagħha skond il-Ftehim ta' l-Ewropa, ta' passi oħra lejn il-ħarsien tal-kriterji ta' Copenhagen u partikolarment tal-ħarsien ta' prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija ta' Adeżjoni fis-sena 2000. In-nuqqas ta' ħarsien ta' dawn il-kondizzjonijiet ġenerali jista' jwassal għal deċiżjoni mill-Kunsill dwar sospensjoni ta' għajnuna finanzjarja fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 622/98.

    6. MONITORAĠĠ

    L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni hi monitorjata fl-istruttura tal-Ftehim ta' l-Ewropa. Kif kien enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fil-Lussemburgu hu importanti li l-istituzzjonijiet tal-Ftehim ta' l-Ewropa ikomplu jkunu l-istruttura li fiha l-adozzjoni ta' l-acquis tista' tkun eżaminata, skond l-istess proċeduri, irrispettivament jekk in-negozjati jkunux infetħu jew le;. It-taqsimiet rilevanti tas-Sħubija ta' Adeżjoni jiġu diskussi fis-sottokumitat approprjat. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiddiskuti l-iżviluppi ġenerali, il-progress u l-problemi fl-isforzi biex jintlaħqu l-prijoritajiet u l-għanijiet intermedji tiegħu kif ukoll kwistjonijiet aktar speċifiċi mgħoddija lilu mis-sottokumitati.

    Il-Kumitat Amministrattiv tal-Phare jiżgura li deċiżjonijiet dwar finanzjamenti skond it-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni, Phare, ISPA u Sapard, huma kompatibbli ma' xulxin kif ukoll mas-Sħubijiet ta' Adeżjoni kif preskritt fir-Regolament dwar Ko-ordinament (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1266/1999, (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 68).

    Is-Sħubija ta' Adeżjoni tibqa' tiġi emendata kif meħtieġ skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98.

    [1] Phare = Pjan ta' Azzjoni dwar għajnuna ko-ordinata lill-Polonja u l-Ungerija.

    [2] ISPA = Strument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni.

    [3] Sapard = Programm Speċjali ta' Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

    --------------------------------------------------

    Top