This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31998D0923(01)
Decision No 18/97 laying down internal rules for the treatment of applications for access to documents held by the Court
Id-Deċiżjoni Nru 18/97 li tistabbilixxi regoli interni dwar it-trattament ta' applikazzjonijiet għall-aċċess ta' dokumenti miżmuma mill-Qorti (98/C 295/01)
Id-Deċiżjoni Nru 18/97 li tistabbilixxi regoli interni dwar it-trattament ta' applikazzjonijiet għall-aċċess ta' dokumenti miżmuma mill-Qorti (98/C 295/01)
ĠU C 295, 23.9.1998, p. 1–2
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2005; Imħassar b' 32005D0012(01)
Official Journal C 295 , 23/09/1998 P. 0001 - 0002
Id-Deċiżjoni Nru 18/97 li tistabbilixxi regoli interni dwar it-trattament ta' applikazzjonijiet għall-aċċess ta' dokumenti miżmuma mill-Qorti (98/C 295/01) IL-QORTI EWROPEA TA' L-AWDITURI, Wara li kkunsidrat id-dikjarazzjoni dwar id-dritt ta' l-aċċess għall-informazzjoni annessa ma' l-att finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tenfasizza li t-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet issaħħaħ in-natura demokratika ta' l-istituzzjonijiet u l-kunfidenza tal-pubbliku fl-amministrazzjoni, Wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew ta' Birmingham u ta' Edinburgh favur Komunità li hija aktar qrib taċ-ċittadini, Wara li kkunsidrat ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, b'mod partikolari l-Artikolu 88 tiegħu, Billi l-Qorti tqis rakkomandabbli li tadotta regoli interni dwar it-trattament ta' talbiet għall-aċċess għad-dokumenti li hija żżomm; Wara li kkunsidrat id-disposizzjoniet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 ta' l-1 ta' Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku ta' l-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea ta' l-Energija Atomika [1], Billi dawn ir-regoli interni jagħmlu parti mill-kwadru tal-politika ta' komunikazzjoni u informazzjoni tal-Komunitajiet Ewropej; Billi dawn ir-regoli iridu jiġu implimentati bir-rispett dovut lejn id-disposizzjoniet dwar in-natura konfidenzjali ta' ċerta informazzjoni, IDDEĊIDIET KIF ĠEJ: Artikolu 1 Prinċipju Ġenerali Fil-kwadru u fil-limiti tad-disposizzjoniet stipulati f'dawn ir-regoli interni u ta' l-istandards li jirregolaw il-konfidenzjalità ta' verifiki, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Qorti ta' l-Awdituri, kemm jekk inhuma f'forma ta' karti u kif ukoll jekk inhuma f'forma elettronika. Artikolu 2 Proċeduri preliminari biex jitwieġbu t-talbiet 1. Applikazzjonijiet għall-aċċess ta' dokument għandhom isiru bil-miktub u għandhom ikunu preċiżi biżżejjed; għandu jkollhom, b'mod partikolari, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġi identifikat id-dokument jew dokumenti rilevanti. 2. L-applikazzjonijiet kollha li tirċievi l-Qori ta' l-Awdituri għandhom ikunu trasmessi lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali, b' kopji lill-President u lis-Segretarju-Ġenerali. Wara konsultazzjoni mal-Membru tal-Qorti konċernat, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali għandu jeżamina l-ammissibilità ta' l-applikazzjoni u jiddeċiedi x'azzjoni għandha tittieħed. 3. Fejn ikun approprjat, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali għandu jitlob lill-applikant sabiex jifformula l-applikazzjoni f'aktar dettal. Dan għandu jsir fi żmien xahar minn meta tkun ġiet riċevuta l-applikazzjoni. 4. L-aċċess għad-dokumenti għandu jsir jew permezz ta' spezzjoni tagħhom fil-Qorti jew permezz ta' kunsinna ta' kopja lill-applikant a spejjeż tiegħu/tagħha. L-ispezzjonijiet tad-dokumenti għandhom isiru fil-bini tal-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu; id-data u l-ħin għandhom jiġu miftiehma bejn l-applikant u d-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali. Ħlas standard ta' 10 ECU u 0,05 ECU għal kull folja għandhom jiġu imposti għall-kunsinna ta' kopja ta' dokument f'forma ta' karta li jaqbeż it-30 paġna, flimkien ma' l-ispejjeż postali magħmula. Il-ħlasijiet li għandhom jiġu imposti għal mezzi oħra għandhom jiġu deċiżi każ b'każ u l-applikant għandu jiġi informat dwarhom bil-quddiem. 5. L-applikant għandu jiġi informat bil-miktub fi żmien xahar mid-data ta' meta ġiet riċevuta l-applikazzjoni tiegħu, mid-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali, dwar it-tweġiba tal-Qorti għaliha. Id-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali għandu, b'konsultazzjoni ma' l-applikanti, jasal għal soluzzjoni ġusta f'każijiet ta' applikazzjonijiet ripetuti u/jew applikazzjonijiet dwar dokumenti twal. F'każ li applikazzjoni ma tintlaqax, ir-raġunijiet għaliex ma ntlaqgħetx għandhom jiġu msemmija u l-applikant għandu jiġi informat li għandu dritt li jappella minn din id-deċiżjoni fi żmien xahar, li fin-nuqqas ta' hekk l-applikazzjoni titqies bħala li ġiet irtirata. 6. L-ebda persuna li tintbagħtilha dokument ma tista' tirriproduċi jew tiddistribwixxi dan id-dokument sakemm il-Qorti ta' l-Awdituri ma tkunx tatha permess minn qabel bil-miktub. Artikolu 3 Trattament ta' l-appelli dwar applikazzjonijiet mhux milqugħa fl-ewwel istanza 1. L-appelli kollha li jkunu indirizzati lill-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jintbagħtu lill-President tal-Qorti ta' l-Awdituri, fil-waqt li għandhom jintbagħtu kopji lis-Segretarju-Ġenerali u lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni u s-Servizz Legali. 2. Il-President tal-Qorti ta' l-Awdituri, f'konsultazzjoni mal-Grupp ADAR u l-Membru tal-Qorti responsabbli għas-suġġett konċernat, għandu jkollu l-poter li jiddeċiedi l-appelli. 3. L-applikant għandu jiġi notifikat bid-deċiżjoni meħuda wara l-appell fi żmien xahrejn mid-data ta' l-appell. Ir-raġunijiet għaliex ma ntlaqax għandhom jingħataw u l-applikant għandu jiġi informat bil-mezzi ta' appell li huma miftuħin għalih, jiġifieri, appell lill-qrati u appell lill-Ombudsman fil-każ li japplikaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 173 u 138e rispettivament tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Artikolu 4 Każijiet Speċjali u Eċċezzjonijiet 1. Jekk l-applikazzjoni tikkonċerna dokument miżmum mill-Qorti ta' l-Awdituri imma l-Qorti m'hix l-awtur tiegħu, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tirrikonoxxi li rċeviet l-applikazzjoni u għandha tipprovdi l-isem tal-persuna, istituzzjoni jew korp lil min għandha tiġi indirizzata l-applikazzjoni. 2. Jekk id-dokument mitlub kien jew ser jiġi ppubblikat fis-sena ta' meta sssir l-applikazzjoni, l-applikant jintalab jagħmel l-applikazzjoni lill-Uffiċju tal-l-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-Lussemburgu. 3. Il-Qorti ta' l-Awdituri tista' tirrifjuta aċċess għal dokumenti a bażi tal-kriterji li ġejjin: (a) il-protezzjoni ta' l-interess pubbliku (bħal per eżempju, sigurtà pubblika, relazzjonijiet internazzjonali, stabbilità monetarja, proċeduri legali, attivitajiet ta' spezzjoni u inkjesti), (b) il-protezzjoni ta' l-individwu u tal-privatezza tiegħu (b'mod partikolari, id-data personali kollha ta' l-uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-Qorti ta' l-Awdituri), (ċ) il-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali u industrijali, (d) il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, (e) il-protezzjoni tal-konfidenzjalità fuq talba ta' l-individwu jew l-entità legali li provdiet l-informazzjoni jew tal-konfidenzjalità mitluba mil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li ipprovda l-informazzjoni. 4. Skond ir-regoli dwar il-konfidenzjalità stipulati fl-Artikolu 88(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tirrifjuta l-aċċess għal kull dokument li jinkludi osservazzjonijiet dwar verifiki. 5. Il-Qorti ta' l-Awditur tista' tirrifjuta wkoll l-aċċess sabiex tassigura l-protezzjoni tas-segretezza tad-deliberazzjonijiet tagħha. Bħala regola ġenerali, u sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor, il-Qorti għandha tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-metodi ta' kif taħdem. Artikolu 5 Dħul fis-seħħ Din id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-543 laqgħa tal-Qorti fl-20 ta' Frar 1997. Hija għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara l-adozzjoni tagħha, jiġifieri fl-1 ta' Marzu 1997. Il-Lussemburgu, is-7 ta' April 1997. Għall-Qorti ta' l-Awdituri Bernhard Friedmann President [1] OJ L 43, 15.2.1983, p. 1. --------------------------------------------------