EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R3637

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3637/92 tas-27 ta' Novembru 1992 dwar sistema ta' distribuzzjoni ta' Drittijiet ta' Tranżitu (Ekopunti) għall-inġenji ta' merkanzija tqila b'piż mgħobbi ta' aktar minn 7,5 tunnellati reġistrati fi Stat Membru li jgħaddu minn ġo l-Awstrija

ĠU L 373, 21.12.1992, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/3637/oj

31992R3637



Official Journal L 373 , 21/12/1992 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3637/92

tas-27 ta' Novembru 1992

dwar sistema ta' distribuzzjoni ta' Drittijiet ta' Tranżitu (Ekopunti) għall-inġenji ta' merkanzija tqila b'piż mgħobbi ta' aktar minn 7,5 tunnellati reġistrati fi Stat Membru li jgħaddu minn ġo l-Awstrija

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi ntlaħaq ftehim bejn ir-Repubblika ta' l-Awstrija u l-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-tranżitu ta' merkanzija bit-triq u bil-ferrovija [3];

Billi l-Artikolu 15 tal-Ftehim hawn fuq imsemmi jipprovdi għal tnaqqis tat-tniġġis ġenerat minn inġenji ta' merkanzija tqila li jużaw territorju Awstrijakk biex jgħaddu minnu, li għandu jinkiseb bit-tnaqqis ta' ħruġ ta' l-NOx minn inġenji ta' merkanzija tqila b'piż mgħobbi ta' aktar minn 7,5 tunnellati, b'60 % fil-perjodu ta' tnax-il sena koperti mill-ftehim, jiġifieri sa l-aħħar ta' l-2003;

Billi l-ħruġ totali ta' dawn l-NOx ħa jkun rapreżentat b'numru ta' punti (Ekopunti) li għandhom jintużaw minn inġenji sabiex jitħallew jgħaddu minn ġo l-Awstrija;

Billi il-Ftehim jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti Awstrijaċi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità l-Ekopunti msemmija hawn fuq, li għandhom ikunu mqassma mill-Komunità fost l-Istati Membri tagħhha skond ir-regoli u l-proċeduri tagħha;

Billi huwa meħtieġ li jkunu mwaqqfa regoli li jirregolaw it-tqassim u l-amministrazzjoni ta' l-Ekopunti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità;

Billi l-Ekopunti għandhom jitqiegħu għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri mill-Kummissjoni;

Billi 96,66 % ta' l-Ekopunti disponibbli għandhom ikunu mqassma fost l-Istati Membri skond skala mifthema li tkun bażata fuq ir-relazzjonijiet tat-trasport ma' l-Awstrija fl-1991;

Billi l-Istati Membri għandhom jirritornaw lill-Kummissjoni, f'ħin propizju, dawk l-Ekopunti li, skond id-data disponibbli, ma jidhirx li għandhom ikunu wżati sa tmiem dik is-sena partikolari;

Billi il-Kummissjoni għandhom iżżomm il-punti li jifdal u li jkunu ġew ritornati bħala riserva għad-distribuzzjoni skond kriterji oġġettivi mifthema bil-quddiem sabiex ikunu kompensati ċerti Stati Membri l-aktar tard sa xahar qabel ma tintemm dik is-sena partikolari;

Billi mat-tqassim ta' din ir-riserva, skond kriterji oġġettivi, il-Kumissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf minn l-Artikolu 4 ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 92/577/KEE tas-27 ta' Novembru 1992 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-tranżitu ta' merkanzija bit-triq u bil-ferrovija [4],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta' distribuzzjoni, bejn trasportaturi interessati, ta' Ekopunti magħmula għad- dispożizzjoni tal-Komunità bis-saħħa ta' l-Artikolu 15 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-tranżitu ta' merkanzija bit-triq u bil-ferrovija.

Artikolu 2

1. Numru ta' Ekopunti ekwivalenti għal 96,66 % tat-total disponibbli għandu jkun imqassam bejn l-Istati Membri skond l-iskala ta' distribuzzjoni murija fl-Anness I.

2. Dawn l-Ekopunti għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri, kull sena f'żewġ porzjonijiet, ta' l-ewwel qabel l-1 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel u t-tieni qabel l-1 ta' Marzu tas-sena partikolari.

Artikolu 3

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iqassmu l-Ekopunti disponibbli li jkollhom skond Artikolu 2 lill-operaturi interessati, imwaqqfa fit-territorju tagħhom.

2. Ta' kull sena l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jirritornaw lill-Kummissjoni, l-iżjed tard sal-15 ta' Ottubru, kwalunkwe Ekopunti li, skond id-data disponibbli u l-estimi tat-traffiku għax-xagħar finali tas-sena, x'aktarx ma jkunux ser jiġu wżati qabel tmiem is-sena.

Artikolu 4

1. L-Ekopunti, li ma humiex imqassma fost l-Istati Membri, skond l-Artikolu 2, kif ukoll dawk li jkunu ġew ritornati lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3, għandhom jiffurmaw riserva Komunitarja.

2. L-Ekopunti tar-riserva tal-Komunità għandhom ikunu mqassma mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, skond il-proċedura spjegata fl-Artikolu 5, ta' l-anqas xahar qabel ma tintemm is-sena, filwaqt li jqisu l-manjiera li biha kull Stat Membru jamministra l-Ekopunti allokati lilu u l-bżonnijiet oġġeettivi tat-trasportaturi ta' kull Stat Membru, li jista', b'mod partikolari, jkun determinat skond il-kriterji li ġejjin:

- il-pożizzjoni speċjali ta' l-Italja u l-Greċja, kif spjegati fl-Anness II,

- pożizzjoni ta' bidu żvantaġġata,

- problemi dwar l-aġġornament tekniku tal-flotta ta' inġenji dwar il-ħruġ ta' l-NOx,

- ċirkostanzi ġeografiċi,

- imprevisti.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 4 ta' Deċiżjoni Nru 92/577/KEE.

Ir-rapreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz dwar it-tqassim ta' l-Ekopunti tar-riserva tal-Komunità. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li għandu jkun stabbilit mill-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza preskritta f-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikollhom is-saħħa skond il-manjiera provduta f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta t-tqassim maħsub jekk taqbel ma' l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk it-tqassim maħsub ma jkunx skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr telf ta' ħin, tissottometti lill-Kunsill proposta għat-tqassim ta' l-Ekopunti tar-riserva tal-Komunità. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, fuq skadenza ta' perjodu ta' erba' ġimgħat mid-data tas-sottomissjoni lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx ħa azzjoni, l-allokazzjoni proposta ta' Ekopunti għandha tkun adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess waqt li jidħol fis-seħħ il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-tranżitu ta' merkanzija bit-triq u bil-ferrovija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Novembru 1992.

F'isem il-Kunsill

Il-President

J. Patten

[1] Opinjoni mogħtija fl-20 ta' Novembru 1992 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Opinjoni mogħtija fl-24 ta' Novembru 1992 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Ara p. 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[4] Ara p. 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Skala ta' Distribuzzjoni ta' l-Ekopunti

L-Istati Membri | Unitajiet |

Il-Belġju | 32500 |

Id-Danimarka | 40500 |

Il-Ġermanja | 482500 |

Il-Greċja | 60500 |

Spanja | 1200 |

Franza | 5000 |

L-Irlanda | 1000 |

L-Italja | 510000 |

Il-Lussemburgu | 5000 |

L-Olanda | 123500 |

Il-Portugal | 400 |

Ir-Renju Unit | 8500 |

Total: | 1270600 |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Pożizzjoni speċjali msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 4(2)

Dwar ir-riserva normali ta' 3,34 % tan-numru totali ta' Ekopunti, porzjon li jikkorrispondi għal 0,41 % tat-total (stmat li hu ekwivalenti g1ħal 5430 ta' l-unitajiet ta' l-Anness I) għandhom bħala prinċipju jkunu mqassma, fuq bażi ta' priorità u skond l-iskala ta' distribuzzjoni fl-Anness I, lill-Italja u lill-Greċja.

--------------------------------------------------

Top