Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31985R3788

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3788/85 tal-20 ta’ Diċembru, 1985 li jemenda, minħabba l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, ċerti regolamenti fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet

    ĠU L 367, 31.12.1985, p. 1–3 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2005; Impliċitament imħassar minn 32004R0865

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1985/3788/oj

    31985R3788



    Official Journal L 367 , 31/12/1985 P. 0001 - 0003
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 40 P. 0003
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 40 P. 0003
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 20 P. 0033
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 20 P. 0033


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3788/85

    tal-20 ta’ Diċembru, 1985

    li jemenda, minħabba l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, ċerti regolamenti fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, u partikolarment Artikolu 396(2) ta’ dan;

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

    Billi, minħabba l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, għandhom isiru ċerti aġġustamenti tekniċi għar-Regolamenti li ġejjin fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet:

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2164/70 tas-27 ta’ Ottubru, 1970 dwar l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa minn Spanja [1], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2277/71 [2],

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75 tal-21 ta’ Jannar, 1975 dwar it-twaqqif ta’ reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3453/80 [4],

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3089/78 tad-19 ta’ Diċembru, 1978 li jelenka regoli ġenerali dwar għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa [5], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2762/80 [6],

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 591/79 tas-26 ta’ Marzu, 1979 li jelenka regoli ġenerali dwar ir-rimborż ta’ flus għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa wżat fil-manifattura ta’ ċertu ikel priservat [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3176/84 [8],

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1590/83 ta’ l-14 ta’ Ġunju, 1983 dwar il-kalkolu ta’ meded ta’ art imħawla bis-siġar taż-żebbuġ li jikkwalifikaw għal għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa [9],

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 tas-17 ta’ Lulju, 1984 li jelenka regoli ġenerali dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u għajnuna lil organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa [10],

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2262/84 tas-17 ta’ Lulju, 1984 li jelenka miżuri speċjali rigward iż-żejt taż-żebbuġa [11],

    Billi, skond Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni, l-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jadottaw, qabel l-adeżjoni, il-miżuri msemmija f’Artikolu 396 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2164/70 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Marzu, 1986.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KEE) Nru 154/75 ikun emendat kif ġej:

    1. f’Artikolu 1(2), it-tielet subparagrafu jitbiddel b’dan li ġej:

    "Il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-punti (a) u (b) jibdew jgħoddu-:

    - mill-1 ta’ Novembru, 1982 rigward it-twaqqif ta’ reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ fil-Ġreċja,

    - mill-1 ta’ Novembru, 1986 rigward it-twaqqif ta’ reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbug fi Spanja u l-Portugall.";

    2. il-paragrafu li ġej jiddaħħal f’Artikolu 3:

    "2b. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Spanja u l-Portugall li huma responsabbli li jħallsu l-għajnuna għall-produzzjoni msemmija f’Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 136/66/KEE, inaqqsu l-ammont ta’ din l-għajnuna b’0,96 ECU għal kull 100 kg, meta jkunu qegħdin jagħmlu pagament. Dan it-tnaqqis japplika għal għajnuna għas-snin ta’ bejgħ mill-1986/1987 sal-1989/1990."

    Artikolu 3

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3089/78 ikun emendat kif ġej:

    1. f’Artikolu 9:

    (a) it-tielet subparagrafu li ġej jiżdied mal-paragrafu 1:

    "Is-sigurtà applikabbli meta ż-żejt taż-żebbuġa jinħareġ f’ċirkulazzjoni ħielsa fi Spanja u l-Portugall tkun l-istess bħal dik applikabbli fil-bqija tal-Komunità.";

    (b) it-tieni subparagrafu li ġej jiżdied mal-paragrafu 2:

    "F’każi fejn, mill-1 ta’ Marzu, 1986 sal-31 ta’ Ottubru, 1995, iż-żejt taż-żebbuġa fil-kwistjoni jkun esportat lejn Spanja jew il-Portugall mill-Komunità kif kostitwit fil-31 ta’ Diċembru, 1985, il-parti konċernata għandha wkoll tipprova li l-ammont ta’ kumpensa ta’ l-adeżjoni applikat proprjament għal kummerċ bħal dan kien dak applikabbli għal żjut li joriġinaw f’pajjiżi li mhumiex membri.";

    2. it-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 11 jitbiddel b’dan li ġej:

    "Ikun applikabbli mill-1 ta’ Jannar, 1979. Iżda, Artikoli 1, 2 u 3 japplikaw għal Spanja u l-Portugall biss b’effett mill-1 ta’ Jannar, 1991."

    Artikolu 4

    Ir-Regolament (KEE) Nru 519/79 ikun emendat kif ġej:

    1. Artikolu 4(1) jitbiddel b’dan li ġej:

    "1. Bla ħsara għal Artikolu 6, l-ammont tar-rimborż ikun il-medja aritmetiku tal-komponent varjabbli tal-levies applikati għall-importazzjoni ta’ żjut taż-żebbuġa li jaqgħu taħt is-subtitolu 15.07 A II a) tat-Tariffa Komuni Doganali matul ix-xahrejn li jiġu qabel ix-xahar li fih ir-rimborż ikun implimentat, aġġustat fi Spanja u l-Portugall rispettivament bl-ammont ta’ kumpens ta’ l-adeżjoni applikabbli għall-importazzjonijiet f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri minn pajjiżi li mhumiex membri.

    Iżda, fejn iż-żejt taż-żebbuġa wżat għall-manifattura ta’ prodotti priservati kien prodott fil-Komunità, ir-rimborż ikun il-medja, imsemmija hawn fuq, li magħha jingħadd l-ammont ta’ għajnuna għall-konsum validu fid-data ta’ l-implimentazzjoni tar-rimborż.

    Fil-każ ta’ Spanja u l-Portugall iż-żieda tapplika biss b’effett mill-1 ta’ Jannar, 1991. Minn din id-data ż-żieda tkun l-istess bħal dik applikata fl-Istati Membri l-oħra u l-ammont tar-rimborż li jirriżulta jkun aġġustat bid-differenza bejn il-prezzijiet ta’ l-intervent applikabbli fil-Komunità kif ikunu kostitwiti fil-31 ta’ Diċembru, 1985 u dawk applikabbli għal Spanja u l-Portugall rispettivament."

    2. f’Artikolu 5:

    (a) it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jitbiddel b’dan li ġej:

    "Ir-rimborż tal-produzzjoni iffissat bi qbil ma’ l-ewwel subparagrafu jkun aġġustat, fi Spanja u l-Portugall rispettivament, bl-ammonti ta’ kumpens ta’ l-adeżjoni applikabbli għall-importazzjonijiet f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri minn pajjiżi li mhumiex membri.";

    (b) il-paragrafu 2 jitbiddel b’dan li ġej:

    "2. Iżda, fejn iż-żebbuġ użat fil-manifattura ta’ prodotti priservati jkun prodott fil-Komunità, l-ammont stabbilit skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jiżdied bl-ammont tal-għajnuna għall-konsum valida fid-data ta’ l-implimentazzjoni tar-rimborż.

    Fil-każ ta’ Spanja u l-Portugall, iż-żieda tapplika biss b’effett mill-1 ta’ Jannar, 1991. Minn din id-data ż-żieda tkun l-istess bħal dik applikata fl-Istati Membri l-oħra u l-ammont ta’ rimborż li jirriżulta jkun aġġustat bid-differenza bejn il-prezzijiet ta’ intervent applikabbli fil-Komunità kif kostitwiti fil-31 ta’ Diċembru, 1985 u dawk applikabbli fi Spanja u l-Portugall rispettivament."

    Artikolu 5

    Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1590/83 jitbiddel b’dan li ġej:

    "Artikolu 1

    1. Għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tingħata biss lil kull min ikabbar iż-żebbuġ skond il-meded ta’ art imħawla bis-siġar taż-żebbuġ

    - fi Franza u fl-Italja kif kienu fil-31 ta’ Ottubru, 1978,

    - fil-Greċja kif kienu fl-1 ta’ Jannar, 1981,

    - fi Spanja kif kienu fl-1 ta’ Jannar, 1984,

    u li kienu s-suġġett:

    (a) fl-Italja, għad-dikjarazzjoni tal-kultivazzjoni għas-sena ta’ bejgħ 1980/1981 jew, jekk ma teżistix din id-dikjarazzjoni, għall-aħħar dikjarazzjoni disponibbli;

    (b) fi Franza, għall-aħħar dikjarazzjoni tal-kultivazzjoni disponibbli qabel is-sena ta’ bejgħ 1982/1983;

    (ċ) fil-Greċja, għad-dikjarazzjoni tal-kultivazzjoni għas-sena ta’ bejgħ 1980/1981 jew 1981/1982;

    (d) fi Spanja, għad-dikjarazzjoni tal-kultivazzjoni għas-sena ta’ bejgħ 1986/1987 jew 1987/1988.

    Fil-każ tal-Portugall, l-għajnuna tingħata biss rigward il-kwantitajiet li jistgħu jkunu prodotti fuq meded ta’ art imħawwla bis-siġar taż-żebbuġ li kienu proprjament qed jipproduċu fl-1 ta’ Jannar, 1984 u li kienu s-suġġett għad-dikjarazzjoni tal-kultivazzjoni għas-sena ta’ bejgħ 1986/1987 jew 1987/1988.

    Iżda, fejn il-meded ta’ art imħawwla bis-siġar taż-żebbuġ li kienu jeżistu fid-dati msemmija fis-subparagrafu ta’ qabel ma kenux soġġetti għad-dikjarazzjoni tal-kultivazzjoni fil-kwistjoni, l-għajnuna għall-produzzjoni tingħata rigward dawn il-meded ta’ art biss bil-kundizzjoni li l-parti konċernata tissottometti dikjarazzjoni supplimentari ta’ kultivazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel it-30 ta’ Ġunju, 1984 jew, fil-każ ta’ Spanja u l-Portugall, it-30 ta’ Ġunju 1988.

    2. Fejn ikunu tħawwlu siġar ġodda taż-żebbuġ fi Franza u l-Italja mill-31 ta’ Ottubru, 1978, fil-Greċja mill-1 ta’ Jannar, 1981 jew fi Spanja u l-Portugall mill-1 ta’ Jannar, 1984, taħt proġett ta’ ristrutturazzjoni fit-tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ għal qasam individwali jew medda speċifika ta’ art għal produzzjoni biss, l-għajnuna tingħata wkoll għar-rigward l-oqsma konċernati, sakemm:

    - il-proġett ta’ destrutturazzjoni jkun ġie approvat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati;

    - f’kull medda ta’ art li tgħaddi minn ristrutturazzjoni, il-medda totali mħawwla bis-siġar taż-żebbuġ bħala riżultat tar-ristrutturazzjoni ma għandhiex taqbeż il-medda mħawwla, fi Franza u fl-Italja bħalma kienet fil-31 ta’ Ottubru, 1978, fil-Ġreċja bħalma kienet fl-1 ta’ Jannar, 1981 jew fi Spanja u l-Portugall bħalma kienet fl-1 ta’ Jannar, 1984.

    Fil-każ tal-Portugall, il-kwantità li tista’ tkun prodotta wara l-istrutturazzjoni ma għandhiex taqbeż dik li tista’ tkun prodotta fuq il-meded ta’ art imħawwla bis-siġar taż-żebbuġ li attwalment kienu qed jipproduċu fl-1 ta’ Jannar, 1984."

    Artikolu 6

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2261/84 ikun emendat kif ġej:

    1. Artikolu 1 għandu jitbiddel b’dan li ġej:

    "Artikolu 1

    Mis-sena ta’ bejgħ 1984/1985, ir-regoli ġenerali mniżżla f’dan ir-Regolament japplikaw għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa msemmija f’Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 136/66/KEE. Iżda huma ma għandhomx japplikaw għal Spanja u l-Portugall qabel il-bidu tas-sena ta’ bejgħ 1986/1987.";

    2. f’Artikolu 3(1), it-tieni inċiż titbiddel b’dan li ġej:

    "— kopja tad-dikjarazzjoni mogħtija bil-għan li jinġabar reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbug. Rigward il-Greċja, Spanja u l-Portugall u sakemm ikun inġabar ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ f’dawn l-Istati Membri, din id-dikjarazzjoni tista titbiddel b’dik imsemmija f’Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1590/83.";

    3. f’Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu jitbiddel b’dan li ġej:

    "3. Matul is-snin ta’ bejgħ 1984/1985 u 1985/1986, l-Istati Membri konċernati jistgħu jagħtu approvazzjoni proviżorja lill-mitħna konċernata hekk kif tkun sottomessa applikazzjoni għall-approvazzjoni li jkun fiha t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1. Din l-għażla tkun estiża sas-sena ta’ bejgħ 1986/1987 għal Spanja u l-Portugall."

    Artikolu 7

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2262/84 ikun emendat kif ġej:

    Artikolu 1(5) jitbiddel b’dan li ġej:

    "5. Għal perjodu ta’ tliet snin mill-1 ta’ Novembru, 1984, il-perċentwali li ġejjin ta’ l-ispiża proprja ta’ l-aġenzija jitħallas mill-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej:

    - 100 % għall-ewwel sentejn, sa massimu ta’ 14-il miljun ECU għall-aġenzija mwaqqfa fl-Italja u 7 miljun ECU għall-aġenzija mwaqqfa fil-Greċja,

    - 50 % għat-tielet sena.

    Fil-każ ta’ Spanja u l-Portugall, ikunu koperti 100 % ta’ l-ispiża proprja ta’ l-aġenzija matul il-perjodu ta’ żmien mill-1 ta’ Marzu, 1986 sal-31 ta’ Ottubru, 1987, sa massimu ta’ 7 miljun ECU għal Spanja u ta’ 3,5 miljun ECU għall-Portugall.

    L-Istati Membri jistgħu, taħt kundizzjonijiet li jridu jkunu stabbiliti bi qbil mal-proċedura provduta f’Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, ikopru parti mill-ispiża li jridu jidħlu għaliha bi tnaqqis mill-għajnuna tal-Komunità mogħtija għaż-żejt taż-żebbuġa.

    Il-Kunsill, huwa u jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta sal-1 ta’ Jannar, 1987 il-metodu għal finanzjament ta’ l-ispiża fil-kwistjoni sa mis-sena ta’ bejgħ 1987/1988."

    Artikolu 8

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 Marzu, 1986, bla ħsara għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 20 ta’ Diċembru, 1985.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. Steichen

    [1] ĠU L 238, tad-29.10.1970, p. 3.

    [2] ĠU L 241, tas-27.10.1971, p. 2.

    [3] ĠU L 19, ta’ l-24.1.1975, p. 1.

    [4] ĠU L 360, tal-31.12.1980, p. 15.

    [5] ĠU L 369, tad-29.12.1978, p. 12.

    [6] ĠU L 287, tat-30.10.1980, p. 2.

    [7] ĠU L 78, tat-30.3.1979, p. 2.

    [8] ĠU L 298, tas-16.11.1984, p. 4.

    [9] ĠU Nru L 163, tat-22.6.1983, p. 39

    [10] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p. 3.

    [11] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p. 11.

    --------------------------------------------------

    Top