Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22024A01304

    Protokoll li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal sħubija ekonomika

    ST/16006/2023/INIT

    ĠU L, 2024/1304, 14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_prot/2024/1304/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_prot/2024/1304/oj

    Related Council decision
    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1304

    14.5.2024

    PROTOKOLL LI JEMENDA L-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠAPPUN GĦAL SĦUBIJA EKONOMIKA

    L-UNJONI EWROPEA u L-ĠAPPUN,

    WARA li reġa’ vvaluta l-ħtieġa għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-fluss liberu tad-data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, iffirmat f’Tokyo fis-17 ta’ Lulju 2018 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), f’konformità mal-Artikolu 8.81 tal-Ftehim,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-werrej tal-Ftehim għandu jiġi emendat billi jitħassru l-kliem “Artikoli 8.70 sa 8.81” u jinbidlu bil-kliem “Artikoli 8.70 sa 8.82”.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 8.71 tal-Ftehim għandu jiġi emendat billi titħassar il-kelma “u” fl-aħħar tas-subparagrafu (a), billi jitħassar il-perjodu fl-aħħar tas-subparagrafu (b) (ii) u jiġi sostitwit b’punt u virgola, u billi jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin immedjatament wara s-subparagrafu (b) (ii):

    “(c)

    ‘persuna koperta’ tfisser:

    (i)

    intrapriża koperta;

    (ii)

    intraprenditur ta’ Parti; u

    (iii)

    fornitur ta’ servizz ta’ Parti; u

    (d)

    data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.”.

    Artikolu 3

    L-Artikolu 8.81 tal-Ftehim għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 8.81

    Trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi

    1.   Il-Partijiet huma impenjati li jiżguraw it-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi meta din l-attività tkun għat-twettiq tan-negozju ta’ persuna koperta.

    2.   Għal dak l-għan, Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm miżuri li jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 billi:

    (a)

    teħtieġ l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew ta’ elementi tan-network fit-territorju tal-Parti għall-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluż bir-rekwiżit tal-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew ta’ elementi tan-network li huma ċċertifikati jew approvati fit-territorju tal-Parti;

    (b)

    teħtieġ il-lokalizzazzjoni tal-informazzjoni fit-territorju tal-Parti għall-ħżin jew l-ipproċessar;

    (c)

    tipprojbixxi l-ħżin jew tal-ipproċessar tal-informazzjoni fit-territorju tal-Parti l-oħra;

    (d)

    tagħmel it-trasferiment transfruntier tal-informazzjoni dipendenti fuq l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew ta’ elementi tan-network fit-territorju tal-Parti jew fuq rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni fit-territorju tal-Parti;

    (e)

    tipprojbixxi t-trasferiment tal-informazzjoni fit-territorju tal-Parti; jew

    (f)

    teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parti qabel it-trasferiment tal-informazzjoni lejn it-territorju tal-Parti l-oħra (1).

    3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri inkonsistenti mal-paragrafi 1 u 2 sabiex tikseb objettiv leġittimu ta’ politika pubblika (2), sakemm il-miżura:

    (a)

    ma tiġix applikata b’mod li tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn pajjiżi fejn jipprevalu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ; u

    (b)

    ma timponix restrizzjonijiet fuq it-trasferimenti tal-informazzjoni li huma ikbar minn dak li hemm bżonn biex jintlaħaq l-objettiv. (3)

    4.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jżomm Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, inkluż fir-rigward ta’ trasferimenti transfruntieri tal-informazzjoni, dment li l-liġi tal-Parti tipprevedi strumenti li jippermettu trasferimenti skont kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali (4) għall-protezzjoni tad-data trasferita.

    5.   Dan l-Artikolu ma japplikax għat-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni miżmuma jew ipproċessata minn Parti jew f’isimha.

    6.   Parti tista’ fi kwalunkwe ħin tipproponi lill-Parti l-oħra biex tirrieżamina l-miżuri elenkati fil-paragrafu 2.”.

    Artikolu 4

    L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 8.81 tal-Ftehim:

    “Artikolu 8.82

    Protezzjoni tad-data personali

    1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-individwi għandhom dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tagħhom kif previst fil-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti u li standards għoljin f’dan ir-rigward jikkontribwixxu għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali u għall-iżvilupp tal-kummerċ. Kull Parti tirrikonoxxi d-dritt tal-Parti l-oħra li tiddetermina l-livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, li għandu jiġi previst mill-miżuri rispettivi tagħhom.

    2.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tadotta miżuri li jipproteġu lill-individwi, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet bħan-nazzjonalità jew ir-residenza, minn ksur tal-protezzjoni tad-data personali li jseħħ fil-ġurisdizzjoni tagħha.

    3.   Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm qafas legali li jipprevedi l-protezzjoni ta’ data personali relatata mal-kummerċ elettroniku. Fl-iżvilupp tal-qafas legali tagħha għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, kull Parti għandha tqis il-prinċipji u l-linji gwida tal-korpi internazzjonali rilevanti. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll li standards għoljin ta’ privatezza u protezzjoni tad-data fir-rigward tal-aċċess tal-gvern għal data miżmuma privatament, bħal dawk deskritti fil-Prinċipji tal-OECD għall-Aċċess tal-Gvern għal Data Personali miżmuma minn Entitajiet tas-Settur Privat, jikkontribwixxu għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali.

    4.   Kull Parti għandha tippubblika informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza li tipprovdi lill-utenti tal-kummerċ elettroniku, inkluż:

    (a)

    kif l-individwi jistgħu jfittxu rimedji għal ksur tal-protezzjoni tad-data personali jew tal-privatezza li jirriżulta mill-kummerċ diġitali; u

    (b)

    gwida u informazzjoni oħra dwar il-konformità tan-negozji mar-rekwiżiti legali applikabbli li jipproteġu d-data personali u l-privatezza.”.

    Artikolu 5

    L-Artikolu 8.63 tal-Ftehim għandu jitħassar.

    Artikolu 6

    Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 23.2 tal-Ftehim.

    Artikolu 7

    1.   Dan il-Protokoll, f'konformità mal-Artikolu 23.8 tal-Ftehim, hu mfassal f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Svediża, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

    2.   Fil-każ ta' kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni, għandu jipprevali t-test tal-lingwa li biha ġie nnegozjat dan il-Protokoll.

    B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Image 1

    Image 2

    Image 3


    (1)  Għal ċertezza akbar, is-subparagrafu 2 (f) ma jipprevjenix lil Parti milli:

    (a)

    tissoġġetta l-użu ta’ strument speċifiku ta’ trasferiment jew trasferiment transfruntier partikolari ta’ informazzjoni għal approvazzjoni għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, f’konformità mal-paragrafu 4;

    (b)

    tirrikjedi ċ-ċertifikazzjoni jew il-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti, servizzi u proċessi tal-ICT, inkluża l-Intelliġenza Artifiċjali, qabel il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tagħhom fit-territorju tagħha, biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet u r-regolamenti konsistenti ma’ dan il-Ftehim jew għal finijiet ta’ ċibersigurtà, f’konformità mal-paragrafi 3 u 4, u l-Artikoli 1.5, 8.3 u 8.65; jew

    (c)

    teħtieġ li l-utenti mill-ġdid ta’ informazzjoni protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw minn liġijiet u regolamenti domestiċi konsistenti ma’ dan il-Ftehim, jirrispettaw tali drittijiet jew obbligi meta jittrasferixxu l-informazzjoni bejn il-fruntieri, inkluż fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess mill-qrati u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 8.3.

    (2)  Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘objettiv leġittimu ta’ politika pubblika’ għandha tiġi interpretata b’mod oġġettiv u għandha tippermetti li jintlaħqu objettivi bħall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, il-morali pubblika, jew il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, jew iż-żamma tal-ordni pubbliku jew objettivi simili oħra ta’ interess pubbliku, filwaqt li titqies in-natura li qed tevolvi tat-teknoloġiji diġitali.

    (3)  Għal aktar ċertezza, dan il-paragrafu ma jaffettwax l-interpretazzjoni ta’ eċċezzjonijiet oħra f’dan il-Ftehim u l-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Artikolu, u d-dritt ta’ Parti li tinvoka kwalunkwe waħda minnhom.

    (4)  Għal aktar ċertezza, f’konformità man-natura orizzontali tal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, ‘kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali’ jirreferu għal kundizzjonijiet ifformulati f’termini oġġettivi li japplikaw orizzontalment għal għadd mhux identifikat ta’ operaturi ekonomiċi u b’hekk ikopru firxa ta’ sitwazzjonijiet u każijiet.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_prot/2024/1304/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top