Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023A0220(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

    ST/9269/2022/INIT

    ĠU L 51, 20.2.2023, p. 4–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    Related Council decision

    20.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 51/4


    FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA, MINN NAĦA WAĦDA, U NEW ZEALAND, MIN-NAĦA L-OĦRA, DWAR L-ISKAMBJU TA’ DATA PERSONALI BEJN L-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-KOOPERAZZJONI FL-INFURZAR TAL-LIĠI (EUROPOL) U L-AWTORITAJIET TA’ NEW ZEALAND KOMPETENTI GĦALL-ĠLIEDA KONTRA L-KRIMINALITÀ SERJA U T-TERRORIŻMU

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa wkoll l-“Unjoni” jew l-“UE”,

    u

    NEW ZEALAND,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa flimkien “il-Partijiet Kontraenti”,

    FILWAQT LI JQISU LI billi jippermetti l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (il-Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand, dan il-Ftehim ser joħloq il-qafas għal kooperazzjoni operazzjonali msaħħa bejn l-Unjoni u New Zealand fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi kollha kkonċernati, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data,

    FILWAQT LI JQISU LI dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ assistenza legali reċiproka bejn New Zealand u l-Istati Membri tal-Unjoni li jippermettu l-iskambju ta’ data personali,

    FILWAQT LI JQISU LI dan il-Ftehim ma jimponi l-ebda rekwiżit fuq l-awtoritajiet kompetenti biex jittrasferixxu data personali u li l-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe data personali mitluba skont dan il-Ftehim tibqa’ volontarja,

    WAQT LI JIRRIKONOXXI li l-Partijiet Kontraenti japplikaw prinċipji komparabbli ta’ proporzjonalità u raġonevolezza; l-essenza komuni ta’ dawk il-prinċipji hija r-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi kollha kkonċernati, kemm pubbliċi kif ukoll privati, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ inkwistjoni. Tali bbilanċjar jinvolvi, minn naħa waħda, id-dritt għall-privatezza tal-individwi flimkien ma’ drittijiet u interessi tal-bniedem oħrajn u, min-naħa l-oħra, l-objettivi leġittimi kumpensatorji li jistgħu jiġu segwiti, bħall-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali riflessi f’dan il-Ftehim,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    ARTIKOLU 1

    Objettiv

    L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand, sabiex jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni u dawk ta’ New Zealand, kif ukoll il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali, inkluż il-kriminalità serja u t-terroriżmu, filwaqt li jiżgura salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż id-dritt għall--privatezza u l-protezzjoni tad-data.

    ARTIKOLU 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “Partijiet Kontraenti” tfisser l-Unjoni Ewropea u New Zealand;

    (2)

    “Europol” hija l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2016/794 (1) jew kwalunkwe emenda għalih (“ir-Regolament dwar il-Europol”);

    (3)

    “awtoritajiet kompetenti” tfisser, għal New Zealand, l-awtoritajiet domestiċi tal-infurzar tal-liġi li skont il-liġi nazzjonali ta’ New Zealand huma responsabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali kif elenkat fl-Anness II (“awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand”), u, għall-Unjoni, il-Europol;

    (4)

    “korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, missjonijiet, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn, jew abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), elenkati fl-Anness III;

    (5)

    “reati kriminali” huma t-tipi ta’ reati elenkati fl-Anness I u reati kriminali relatati; reati kriminali jitqiesu li huma relatati mat-tipi ta’ reati elenkati fl-Anness I jekk jitwettqu sabiex jinkisbu l-mezzi biex jitwettqu, jiġu ffaċilitati jew jitwettqu, jew biex tiġi żgurata l-impunità ta’ dawk li jwettqu tali tipi ta’ kriminalità;

    (6)

    data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ suġġett tad-data;

    (7)

    “suġġett tad-data” tfisser persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli tfisser persuna li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data dwar il-post, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;

    (8)

    data ġenetika” tfisser id-data personali kollha relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-individwu li jkunu ntirtu jew inkisbu, li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dak l-individwu, li tirriżulta b’mod partikolari minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku mill-individwu inkwistjoni;

    (9)

    “proċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew it-tibdil, il-ġbid, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar permezz ta’ trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrendu disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

    (10)

    “ksur ta’ data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;

    (11)

    “awtorità ta’ superviżjoni” tfisser awtorità domestika indipendenti waħda jew aktar li huma, weħidhom jew b’mod kumulattiv, responsabbli għall-protezzjoni tad-data f’konformità mal-Artikolu 16, u li ġew notifikati skont dak l-Artikolu; dan jista’ jinkludi awtoritajiet li r-responsabbiltà tagħhom tkopri wkoll drittijiet oħra tal-bniedem;

    (12)

    “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha regolati mil-liġi internazzjonali pubblika, jew kwalunkwe korp ieħor li huwa stabbilit minn ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar jew abbażi tiegħu.

    ARTIKOLU 3

    Finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali

    1.   Id-data personali mitluba u riċevuta skont dan il-Ftehim għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali fil-limiti tal-Artikolu 4(5) u l-mandati rispettivi tal-awtoritajiet kompetenti.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw b’mod ċar, mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment ta’ data personali, il-fini jew il-finijiet speċifiċi li għalihom tkun qed tiġi ttrasferita d-data. Għal trasferimenti lill-Europol, il-fini jew il-finijiet għal tali trasferiment għandhom jiġu speċifikati f’konformità mal-fini jew mal-finijiet speċifiċi tal-ipproċessar stabbiliti fil-mandat tal-Europol.

    KAPITOLU II

    SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI U PROTEZZJONI TAD-DATA

    ARTIKOLU 4

    Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data

    1.   Kull Parti Kontraenti għandha tipprevedi li d-data personali skambjata skont dan il-Ftehim tkun:

    (a)

    ipproċessati b’mod ġust, legali u biss għall-fini jew għall-finijiet li għalih tkun ġiet ittrasferita skont l-Artikolu 3;

    (b)

    tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li huwa neċessarju b’rabta mal-fini jew mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata;

    (c)

    preċiża u tinżamm aġġornata; kull Parti Kontraenti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw li d-data personali li ma tkunx preċiża, b’kont meħud tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, tiġi rettifikata jew titħassar mingħajr dewmien żejjed;

    (d)

    tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun neċessarju għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata;

    (e)

    tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà adatta tad-data personali.

    2.   L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi, fil-mument tat-trasferiment ta’ data personali, tista’ tindika kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew fuq l-użu li għandu jsir minnha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri, tat-tħassir jew tal-qerda tagħha wara ċertu perjodu ta’ żmien, jew l-ipproċessar ulterjuri tagħha. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir evidenti wara li tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tinforma lill-awtorità riċeventi b’dan.

    3.   Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti riċeventi tikkonforma ma’ kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess jew l-użu ulterjuri tad-data personali indikata mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi kif deskritt fil-paragrafu 2.

    4.   Kull Parti Kontraenti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b’tali mod li jkunu jistgħu juru li l-ipproċessar ser jikkonforma ma’ dan il-Ftehim u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati huma protetti.

    5.   Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha ma jittrasferixxux data personali li tkun inkisbet bi ksur manifest tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti min-normi tal-liġi internazzjonali li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li d-data personali riċevuta ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ trattament krudili jew inuman.

    6.   Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li jinżamm rekord tat-trasferimenti kollha ta’ data personali skont dan il-Ftehim u tal-fini jew tal-finijiet għal dawk it-trasferimenti.

    ARTIKOLU 5

    Kategoriji speċjali ta’ data personali u kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data

    1.   It-trasferiment ta’ data personali fir-rigward ta’ vittmi ta’ reat kriminali, ta’ xhieda jew ta’ persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew fir-rigward ta’ persuni taħt it-18-il sena, għandu jkun ipprojbit diment li tali trasferiment ma jkunx strettament neċessarju u proporzjonat f’każijiet individwali għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra reat kriminali.

    2.   It-trasferiment ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, data ġenetika, data bijometrika għall-fini ta’ identifikazzjoni unika ta’ persuna fiżika, jew data dwar is-saħħa, jew data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jkun permess biss fejn strettament neċessarju kif ukoll raġonevoli u proporzjonat f’każijiet individwali għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra reat kriminali, u jekk dik id-data, ħlief data bijometrika, tissupplimenta data personali oħra.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa kontra r-riskji speċifiċi involuti, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċess, miżuri għas-sigurtà tad-data fis-sens tal-Artikolu 15 u limitazzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri skont l-Artikolu 7.

    ARTIKOLU 6

    Ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali

    Deċiżjonijiet ibbażati unikament fuq ipproċessar awtomatizzat tad-data personali skambjata, inkluż it-tfassil ta’ profili, mingħajr intervent mill-bniedem, li jistgħu jipproduċu effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti, għandhom ikunu pprojbiti, diment li ma jkunux awtorizzati mil-liġi għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra reat kriminali u b’salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, inkluż mill-inqas id-dritt li jinkiseb intervent uman.

    ARTIKOLU 7

    Trasferiment ulterjuri tad-data personali riċevuta

    1.   New Zealand għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jittrasferixxu biss data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra fi New Zealand jekk:

    (a)

    il-Europol tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (b)

    il-fini jew il-finijiet tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-fini jew għall-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Europol, jew, fil-limiti tal-Artikolu 3(1), huwa direttament relatat ma’ dak il-fini jew il-finijiet oriġinali; u

    (c)

    it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel meta l-awtorità riċeventi tkun hija stess awtorità kompetenti ta’ New Zealand. L-istess japplika għall-kapaċità tal-Europol li tikkondividi data personali mal-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali, u ma’ korpi tal-Unjoni.

    2.   New Zealand għandha tiżgura li t-trasferimenti ulterjuri ta’ data personali riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti tagħha skont dan il-Ftehim lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jkunu pprojbiti, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    it-trasferiment jikkonċerna data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 5;

    (b)

    il-Europol tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (c)

    il-fini jew il-finijiet tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-fini jew il-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Europol; u

    (d)

    it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.

    3.   Il-Europol tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha skont il-paragrafu 3, punt b, ta’ dan l-Artikolu għal trasferiment ulterjuri lill-awtorità ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali biss jekk u sa fejn ikun hemm fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim internazzjonali li jipprovdi salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-dritt tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, ftehim ta’ kooperazzjoni jew kwalunkwe raġuni legali oħra għat-trasferimenti ta’ data personali fis-sens tar-Regolament tal-Europol li jkopri t-trasferiment ulterjuri.

    4.   L-Unjoni għandha tiżgura li t-trasferimenti ulterjuri ta’ data personali riċevuta mill-Europol skont dan il-Ftehim lill-korpi tal-Unjoni mhux elenkati fl-Anness III, lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jew lil organizzazzjoni internazzjonali jkunu pprojbiti, diment li:

    (a)

    it-trasferiment jikkonċerna data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 5;

    (b)

    New Zealand tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (c)

    il-fini jew il-finijiet tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-fini oriġinali tat-trasferiment minn New Zealand; u

    (d)

    deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim internazzjonali li jipprovdi salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi jew ftehim ta’ kooperazzjoni fis-sens tar-Regolament dwar il-Europol ikunu fis-seħħ ma’ dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jew diment li l-Europol tkun tista’ sserraħ fuq kwalunkwe raġuni legali oħra għat-trasferimenti ta’ data personali fis-sens tar-Regolament dwar il-Europol.

    ARTIKOLU 8

    Valutazzjoni tal-affidabbiltà tas-sors ta’ u l-preċiżjoni tal-informazzjoni

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw kemm jista’ jkun, sa mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment tad-data personali, l-affidabbiltà tas-sors tal-informazzjoni abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

    (a)

    fejn ma hemm l-ebda dubju dwar l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-kompetenza tas-sors, jew jekk l-informazzjoni hija fornuta minn sors li, fil-passat, ta prova fis-sitwazzjonijiet kollha li huwa affidabbli;

    (b)

    fejn l-informazzjoni hija pprovduta minn sors li mingħandu l-informazzjoni riċevuta fil-parti l-kbira tal-każijiet uriet li hija affidabbli;

    (c)

    fejn l-informazzjoni hija pprovduta minn sors li mingħandu l-informazzjoni riċevuta fil-parti l-kbira tal-każijiet uriet li mhijiex affidabbli;

    (d)

    meta l-affidabbiltà tas-sors ma tkunx tista’ tiġi vvalutata.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw kemm jista’ jkun, sa mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment tad-data personali, il-preċiżjoni tal-informazzjoni abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

    (a)

    informazzjoni li l-akkuratezza tagħha ma tkunx f’dubju fil-ħin tat-trasferiment;

    (b)

    informazzjoni magħrufa personalment mis-sors iżda li mhijiex magħrufa personalment mill-uffiċjal li qed jgħaddiha;

    (c)

    informazzjoni li mhijiex magħrufa personalment mis-sors iżda kkorroborata minn informazzjoni oħra diġà rreġistrata;

    (d)

    informazzjoni li mhijiex magħrufa personalment mis-sors u li ma tistax tiġi korroborata.

    3.   Meta l-awtorità kompetenti li tirċievi, fuq il-bażi ta’ informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, tasal għall-konklużjoni li l-valutazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi jew tas-sors tagħha mwettqa f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 teħtieġ korrezzjoni, hija għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti u għandha tipprova taqbel dwar emenda għall-valutazzjoni. L-awtorità kompetenti li tirċievi ma għandhiex tbiddel il-valutazzjoni tal-informazzjoni riċevuta jew tas-sors tagħha mingħajr tali ftehim.

    4.   Jekk awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni mingħajr valutazzjoni, hija għandha tipprova kemm jista’ jkun u fejn possibbli bi ftehim mal-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tivvaluta l-affidabbiltà tas-sors jew il-preċiżjoni tal-informazzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li diġà tkun fil-pussess tagħha.

    5.   Jekk ma tkun tista’ ssir l-ebda valutazzjoni affidabbli, l-informazzjoni għandha tiġi evalwata skont il-paragrafu 1, punt (d), u l-paragrafu 2, punt (d), kif applikabbli.

    DRITTIJIET TAS-SUĠĠETTI TAD-DATA

    ARTIKOLU 9

    Dritt ta’ aċċess

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt, f’intervalli raġonevoli, li jikseb informazzjoni dwar jekk id-data personali relatata miegħu hijiex ipproċessata skont dan il-Ftehim, u meta dan ikun il-każ, l-aċċess għal mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    konferma dwar jekk id-data relatata miegħu ġietx ipproċessata jew le;

    (b)

    informazzjoni tal-anqas dwar il-fini jew il-finijiet tal- ipproċessar, il-kategoriji tad-data kkonċernata, u d-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-data;

    (c)

    l-eżistenza tad-dritt li tintalab mill-awtorità kompetenti rettifika/korrezzjoni, tħassir/ikkanċellar ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data;

    (d)

    indikazzjoni tal-bażi legali għall-ipproċessar;

    (e)

    fejn possibbli, il-perjodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew, jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perjodu;

    (f)

    komunikazzjoni f’forma intelliġibbli tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi tagħha.

    2.   F’każijiet fejn jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess, il-Parti Kontraenti li tittrasferixxi tiġi kkonsultata fuq bażi mhux vinkolanti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar it-talba għall-aċċess.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprevedu li l-għoti ta’ informazzjoni bi tweġiba għal kwalunkwe talba skont il-paragrafu 1 jiġi ttardjat, irrifjutat jew ristrett jekk u sakemm tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni jikkostitwixxu miżura li hija neċessarja kif ukoll raġonevoli u proporzjonata b’kont meħud tad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data, sabiex:

    (a)

    jiżguraw li kwalunkwe investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali ma jiġux ipperikolati;

    (b)

    jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi; jew

    (c)

    jipproteġu s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubblika jew il-prevenzjoni tal-kriminalità.

    4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe dewmien, rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess u r-raġunijiet għal tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jitħallew barra jekk u sakemm dan idgħajjef il-fini tad-dewmien, ir-rifjut jew ir-restrizzjoni skont il-paragrafu 3. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment mal-awtoritajiet superviżorji rispettivi u dwar mezzi ta’ rimedju disponibbli oħra previsti fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom.

    ARTIKOLU 10

    Dritt għal rettifika/korrezzjoni, tħassir/ikkanċellar u restrizzjoni

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jirrettifikaw/jikkoreġu data personali mhux preċiża li tikkonċerna dak is-suġġett tad-data u li ġiet ittrasferita skont dan il-Ftehim. Filwaqt li jitqiesu l-fini jew il-finijiet tal-ipproċessar, dan jinkludi d-dritt li d-data personali mhux kompluta tiġi ttrasferita skont dan il-Ftehim.

    2.   Rettifika/korrezzjoni għandha tinkludi t-tħassir/l-ikkanċellar ta’ data personali li ma tkunx għadha meħtieġa għall-fini jew għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprevedu għar-restrizzjoni tal-ipproċessar aktar milli għat-tħassir/l-ikkanċellar ta’ data personali jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali tħassir/ikkanċellar jista’ jaffettwa l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont il-paragrafi 1, 2 u 3. L-awtorità kompetenti li tirċievi għandha tirrettifika/tikkoreġi, tħassar jew tirrestrinġi l-ipproċessar f’konformità mal-azzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi.

    5.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba biex tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-wasla ta’ talba skont il-paragrafu 1 jew 2, li d-data li tikkonċerna s-suġġett tad-data tkun ġiet rettifikata/ikkoreġuta, imħassra/ikkanċellata jew li l-ipproċessar ġie ristrett.

    6.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi talba dwar kwalunkwe rifjut ta’ rettifika/korrezzjoni, tħassir/ikkanċellar jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-raġunijiet għal tali rifjut u bil-possibbiltà li jitressaq ilment mal-awtoritajiet superviżorji rispettivi u mezzi ta’ rimedju disponibbli oħra previsti fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom.

    ARTIKOLU 11

    Notifika ta’ ksur ta’ data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw, fil-każ ta’ ksur ta’ data personali li jaffettwa data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità ta’ superviżjoni rispettiva tagħhom dwar dak il-ksur ta’ data personali mingħajr dewmien, u jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

    2.   In-notifika għandha mill-inqas:

    (a)

    tiddeskrivi n-natura tal-ksur ta’ data personali inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u n-numru approssimattiv tas-suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u n-numru approssimattiv ta’ reġistrazzjonijiet ikkonċernati ta’ data personali;

    (b)

    tiddeskrivi l-konsegwenzi mistennija tal-ksur ta’ data personali;

    (c)

    tiddeskrivi l-miżuri meħuda jew proposti li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti biex tindirizza l-ksur tad-data personali, inklużi l-miżuri meħuda biex jittaffew l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

    3.   Sa fejn ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa fl-istess ħin, din tista’ tiġi pprovduta f’fażijiet. L-informazzjoni pendenti għandha tiġi pprovduta mingħajr aktar dewmien żejjed.

    4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jiddokumentaw kwalunkwe ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, inklużi l-fatti relatati mal-ksur ta’ data personali, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju meħuda, biex b’hekk l-awtorità ta’ superviżjoni rispettiva tagħhom tkun tista’ tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli.

    ARTIKOLU 12

    Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fejn ksur ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 11 x’aktarx ikollu effett negattiv serju fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jikkomunikaw il-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed.

    2.   Il-Komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi, fejn possibbli, in-natura tal-ksur ta’ data personali, tirrakkomanda miżuri biex jittaffew l-effetti negattivi possibbli tal-ksur ta’ data personali, u tipprovdi l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.

    3.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk:

    (a)

    id-data personali kkonċernata mill-ksur kienet soġġetta għal miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika xierqa li jagħmlu d-data ma tinftehimx minn ebda persuna li ma tkunx awtorizzata li jkollha aċċess għal dik id-data;

    (b)

    ikunu ttieħdu miżuri sussegwenti li jiżguraw li d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data x’aktarx li ma jibqgħux jiġu affettwati serjament; jew

    (c)

    komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 tkun tinvolvi sforz sproporzjonat, b’mod partikolari minħabba l-għadd ta’ każijiet involuti; f’każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġett tad-data jiġi infurmat b’mod effettiv bl-istess mod.

    4.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 tista’ tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra fejn tali komunikazzjoni x’aktarx li:

    (a)

    tostakola l-inkjesti, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali;

    (b)

    tippreġudika l-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali;

    (c)

    taffettwa d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi;

    fejn dan jikkostitwixxi miżura neċessarja kif ukoll raġonevoli u proporzjonata b’kunsiderazzjoni xierqa għall-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data kkonċernat.

    ARTIKOLU 13

    Il-ħażna, ir-reviżjoni, il-korrezzjoni u l-ikkanċellar ta’ data personali

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprevedu għal limiti ta’ żmien xierqa li għandhom jiġu stabbiliti għall-ħażna ta’ data personali riċevuta taħt dan il-Ftehim jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa għall-ħażna ta’ data personali, sabiex id-data personali tinħażen biss sakemm ikun neċessarju għall-fini jew għall-finijiet li għalih tiġi ttrasferita.

    2.   Fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa għal ħażna ta’ data personali kontinwa għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn tliet snin wara li d-data personali tkun ġiet ittrasferita, u jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni ġustifikata u dokumentata dwar it-tkomplija tal-ħażna ta’ data personali, id-data personali għandha titħassar awtomatikament wara tliet snin.

    3.   Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun ġiet ittrasferita preċedentement minnha ma tkunx korretta, preċiża, ma għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti riċeventi, li għandha tikkoreġi jew tikkanċella dik id-data, u tipprovdi notifika dwar dan lill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi.

    4.   Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun irċeviet preċedentement ma tkunx korretta, preċiża, ma għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi, li għandha tipprovdi l-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni. Meta l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tikkonkludi li d-data personali mhijiex korretta, mhijiex preċiża, ma għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti riċeventi, li għandha tikkoreġi jew tikkanċella dik id-data, u tipprovdi notifika dwar dan lill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi.

    ARTIKOLU 14

    Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprevedu għaż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet u dokumentazzjoni tal-ġbir, alterazzjoni, aċċess, żvelar inklużi trasferimenti ulterjuri, kombinazzjoni u tħassir ta’ data personali.

    2.   Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni rispettiva fuq talba għall-fini ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data.

    ARTIKOLU 15

    Sigurtà tad-data

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi biex jipproteġu d-data personali skambjata skont dan il-Ftehim.

    2.   Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla biex:

    (a)

    jiċħdu l-aċċess għat-tagħmir li jipproċessa wżat għall-ipproċessar ta’ data personali (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir) lil persuni mhux awtorizzati;

    (b)

    jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);

    (c)

    jipprevjenu d-dħul mhux awtorizzat ta’ data personali u l-ispezzjoni, il-modifika jew l-ikkanċellar mhux awtorizzati ta’ data personali kkonservata (“kontroll tal-konservazzjoni”);

    (d)

    jimpedixxu l-użu ta’ sistemi ta’ pproċessar awtomatizzati minn persuni mhux awtorizzati permezz ta’ tagħmir tal-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);

    (e)

    jiżguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar ikollhom aċċess biss għad-data personali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (“kontroll tal-aċċess għad-data”);

    (f)

    jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat, jew intbagħtet, data personali permezz ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

    (g)

    jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f’sistemi awtomatizzati tal-ipproċessar u meta u minn min iddaħħlet id-data (kontroll tal-input);

    (h)

    jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ġiet aċċessata, minn liema membru tal-persunal u f’liema ħin (reġistru tal-aċċess);

    (i)

    jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew l-ikkanċellar mhux awtorizzati ta’ data personali waqt it-trasferiment tad-data personali jew waqt it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data (kontroll tat-trasport);

    (j)

    jiżguraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati minnufih (irkupru);

    (k)

    jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr difett, li s-sejbien ta’ difetti fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat minnufih (affidabbiltà) u li d-data konservata ma tistax tiġi korrotta mid-disfunzjoni tas-sistema (integrità).

    ARTIKOLU 16

    Awtorità ta’ superviżjoni

    1.   Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li jkun hemm awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità ta’ superviżjoni) biex tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw id-dritt għall-privatezza tal-individwi, inklużi r-regoli domestiċi rilevanti skont dan il-Ftehim, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bl-awtorità li kull wieħed minnhom iqis bħala l-awtorità ta’ superviżjoni.

    2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li kull awtorità ta’ superviżjoni:

    (a)

    taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha; hija għandha taġixxi ħielsa minn influwenza esterna u la tfittex u lanqas taċċetta struzzjonijiet; il-membri tiegħu għandu jkollhom mandat sigur, inklużi salvagwardji kontra t-tneħħija arbitrarja;

    (b)

    ikollha r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura neċessarja għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha;

    (c)

    ikollha setgħat effettivi ta’ investigazzjoni u intervent biex teżerċita sorveljanza fuq il-korpi li tissorvelja, u biex tidħol fi proċeduri legali;

    (d)

    ikollha s-setgħat li tisma’ lmenti minn individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti taħt is-superviżjoni tagħha.

    ARTIKOLU 17

    Rimedju amministrattiv u ġudizzjarju

    Is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti f’dan il-Ftehim li jirriżultaw mill-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-leġislazzjoni domestika li kull wieħed minnhom jikkunsidra bħala li tipprovdi għad-drittijiet iggarantiti taħt dan l-Artikolu.

    KAPITOLU III

    TILWIM

    ARTIKOLU 18

    Soluzzjoni ta’ tilwim

    It-tilwim kollu li jista’ jinqala’ b’rabta mal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni, jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim u kwalunkwe kwistjoni relatata miegħu jagħti lok għal konsultazzjonijiet u negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli.

    ARTIKOLU 19

    Klawżola ta’ sospensjoni

    1.   Fil-każ ta’ ksur materjali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu minn dan il-Ftehim, kull Parti Kontraenti tista’ tissospendi temporanjament dan il-Ftehim kollu jew parti minnu permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu ħadu sehem f’perjodu raġonevoli ta’ konsultazzjoni mingħajr ma tkun instabet soluzzjoni, u s-sospensjoni għandha ssir effettiva 20 jum mid-data tal-wasla ta’ tali notifika. Sospensjoni bħal din tista’ titneħħa mill-Parti Kontraenti li tkun qed tissospendi b’notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Is-sospensjoni għandha titneħħa immedjatament malli tasal tali notifika.

    2.   Minkejja kwalunkwe sospensjoni ta’ dan il-Ftehim, id-data personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata b’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    ARTIKOLU 20

    Terminazzjoni

    1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat fi kwalunkwe ħin minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti permezz ta’ notifika bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi, b’avviż ta’ tliet xhur.

    2.   Id-data personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li tiġi ttrasferita qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim fil-mument tat-terminazzjoni.

    3.   F’każ ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jilħqu ftehim dwar it-tkomplija tal-użu u l-ħżin tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejniethom.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    ARTIKOLU 21

    Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra

    1.   Dan il-Ftehim ma għandux jippreġudika jew b’xi mod ieħor jaffettwa jew ikollu impatt fuq id-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni previst minn kwalunkwe trattat ta’ assistenza legali reċiproka, kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor ta’ kooperazzjoni, jew relazzjoni ta’ ħidma għall-infurzar tal-liġi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn New Zealand u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni.

    2.   Dan l-Arranġament għandu jiġu kkumplimentat mill-Arranġament ta’ Ħidma li jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Pulizija ta’ New Zealand u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi.

    ARTIKOLU 22

    Implimentazzjoni tal-arranġament amministrattiv

    Id-dettalji tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti kif xieraq biex jiġi implimentat dan il-Ftehim għandhom ikunu s-suġġett ta’ arranġament amministrattiv ta’ implimentazzjoni konkluż bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand, f’konformità mar-Regolament dwar il-Europol.

    ARTIKOLU 23

    Arranġament amministrattiv dwar il-kunfidenzjalità

    Fejn neċessarju skont dan il-Ftehim, l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE għandu jkun regolat minn Arranġament Amministrattiv dwar il-Kunfidenzjalità konkluż bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand.

    ARTIKOLU 24

    Punt ta’ kuntatt nazzjonali u uffiċjali ta’ kollegament

    1.   New Zealand għandha taħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali biex jaġixxi bħala l-punt ċentrali ta’ kuntatt bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand. Il-kompiti speċifiċi tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali għandhom jiġu elenkati fl-arranġament amministrattiv ta’ implimentazzjoni imsemmi fl-Artikolu 22. Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali magħżul għal New Zealand huwa indikat fl-Anness IV.

    2.   Il-Europol u New Zealand għandhom itejbu l-kooperazzjoni tagħhom kif stabbilit f’dan il-Ftehim permezz tal-iskjerament ta’ uffiċjal(i) ta’ kollegament minn New Zealand. Il-Europol jista’ jiskjera uffiċjal ta’ kollegament wieħed jew aktar fi New Zealand.

    ARTIKOLU 25

    Spejjeż

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess, li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Ftehim jew stipulat fl-arranġament amministrattiv ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 22.

    ARTIKOLU 26

    Notifika ta’ implimentazzjoni

    1.   Kull Parti Kontraenti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jagħmlu disponibbli għall-pubbliku dokument li jistabbilixxi f’forma intelliġibbli d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali ttrasferita taħt dan il-Ftehim inklużi l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li kopja ta’ dak id-dokument tiġi nnotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra.

    2.   Meta ma jkunux diġà fis-seħħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw regoli li jispeċifikaw kif il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali ttrasferita taħt dan il-Ftehim ser tiġi infurzata fil-prattika. Kopja ta’ dawn ir-regoli għandha tiġi nnotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra u lill-awtoritajiet superviżorji rispettivi.

    ARTIKOLU 27

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.

    Dan il-Ftehim għandu jkun approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proceduri interni tagħhom.

    2.

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-wasla tal-aħħar notifika bil-miktub li permezz tagħha l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu tlestew.

    3.

    Dan il-Ftehim għandu jkun applikabbli fl-ewwel jum wara d-data meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

    (a)

    l-arranġament amministrattiv ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 22 sar applikabbli; u

    (b)

    il-Partijiet Kontraenti nnotifikaw lil xulxin li l-obbligi stabbiliti f’dan il-Ftehim ġew implimentati, inklużi dawk stipulati fl-Artikolu 26, u li tali notifika ġiet aċċettata.

    4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw notifiki bil-miktub li jikkonfermaw it-twettiq tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

    ARTIKOLU 28

    Emendi u supplimenti

    1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-miktub, fi kwalunkwe ħin b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet Kontraenti permezz ta’ notifika bil-miktub skambjata permezz ta’ mezzi diplomatiċi. L-emendi għal dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura legali prevista fl-Artikolu 27(1) u (2).

    2.   L-Annessi għal dan il-Ftehim jistgħu jiġu aġġornati, kif neċessarju, permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi. Tali aġġornamenti għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura legali prevista fl-Artikolu 27(1) u (2).

    3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet fir-rigward tal-emendar ta’ dan il-Ftehim jew l-Annessi tiegħu fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    ARTIKOLU 29

    Reviżjoni u evalwazzjoni

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrevedu b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u f’intervalli regolari minn hemm ‘il quddiem, u addizzjonalment jekk mitluba minn waħda mill-Partijiet Kontraenti u deċiżi b’mod konġunt.

    2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jevalwaw dan il-Ftehim b’mod konġunt erba’ snin wara d-data ta’ applikazzjoni tiegħu.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar il-modalitajiet tar-reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. It-timijiet għandhom jinkludu esperti rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data u l-infurzar tal-liġi. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti kollha f’rieżami għandhom ikunu mitluba li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u jkollhom awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà xierqa. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe reviżjoni, l-Unjoni u New Zealand għandhom jiżguraw aċċess għad-dokumentazzjoni, is-sistemi u l-persunal rilevanti.

    ARTIKOLU 30

    Applikabbiltà territorjali

    1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih, u sa fejn, ikunu applikabbli t-TUE u t-TFUE, u għat-territorju ta’ New Zealand.

    2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju tad-Danimarka jekk l-Unjoni tinnotifika lil New Zealand bil-miktub li d-Danimarka għażlet li tintrabat b’dan il-Ftehim.

    3.   Jekk l-Unjoni tinnotifika lil New Zealand qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim li dan il-Ftehim ser japplika għat-territorju tad-Danimarka, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tad-Danimarka fl-istess jum li dan il-Ftehim japplika għall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni.

    4.   Jekk l-Unjoni tinnotifika lil New Zealand wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, li dan il-Ftehim ser japplika għat-territorju tad-Danimarka, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tad-Danimarka 30 jum wara d-data ta’ tali notifika.

    ARTIKOLU 31

    Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, b’kull test ugwalment awtentiku.

    B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Съставено в Брюксел на тридесети юни две хиляди двадесет и втора година.

    Hecho en Bruselas, el treinta de junio de dos mil veintidós.

    V Bruselu dne třicátého června dva tisíce dvacet dva.

    Udfærdiget i Bruxelles den tredivte juni to tusind og toogtyve.

    Geschehen zu Brüssel am dreißigsten Juni zweitausendzweiundzwanzig.

    Kahe tuhande kahekümne teise aasta juunikuu kolmekümnendal päeval Brüsselis.

    Έγινε στις Βρυξέλλες, στις τριάντα Ιουνίου δύο χιλιάδες είκοσι δύο.

    Done at Brussels on the thirtieth day of June in the year two thousand and twenty two.

    Fait à Bruxelles, le trente juin deux mille vingt-deux.

    Arna dhéanamh sa Bhruiséil, an tríochadú lá de Mheitheamh sa bhliain dhá mhíle fiche agus a dó.

    Sastavljeno u Bruxellesu tridesetog lipnja godine dvije tisuće dvadeset druge.

    Fatto a Bruxelles, addì trenta giugno duemilaventidue.

    Briselē, divi tūkstoši divdesmit otrā gada trīsdesmitajā jūnijā.

    Priimta du tūkstančiai dvidešimt antrų metų birželio trisdešimtą dieną Briuselyje.

    Kelt Brüsszelben, a kétezer-huszonkettedik év június havának harmincadik napján.

    Magħmul fi Brussell, fit-tletin jum ta’ Ġunju fis-sena elfejn u tnejn u għoxrin.

    Gedaan te Brussel, dertig juni tweeduizend tweeëntwintig.

    Sporządzono w Brukseli dnia trzydziestego czerwca roku dwa tysiące dwudziestego drugiego.

    Feito em Bruxelas, em trinta de junho de dois mil e vinte e dois.

    Întocmit la Bruxelles la treizeci iunie două mii douăzeci și doi.

    V Bruseli tridsiateho júna dvetisícdvadsaťdva.

    V Bruslju, tridesetega junija dva tisoč dvaindvajset.

    Tehty Brysselissä kolmantenakymmenentenä päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentäkaksi.

    Som skedde i Bryssel den trettionde juni år tjugohundratjugotvå.

    Image 1


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU UE L 135, 24.5.2016, p. 53).


    ANNESS I

    OQSMA TA’ KRIMINALITÀ

    Reati kriminali huma:

    terroriżmu,

    kriminalità organizzata,

    traffikar tad-drogi,

    attivitajiet ta’ ħasil tal-flus,

    kriminalità marbuta ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,

    faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ immigranti,

    traffikar ta’ bnedmin,

    kriminalità marbuta ma’ vetturi,

    qtil, offiża gravi fuq il-persuna,

    kummerċ illegali ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

    ħtif, żamma kontra r-rieda u teħid ta’ ostaġġi,

    razziżmu u ksenofobija,

    serq u serq aggravat,

    traffikar illeċitu fi prodotti tal-kultura, inklużi antikitajiet u xogħlijiet artistiċi,

    imbrolju u frodi,

    kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju

    racketeering u estorsjoni,

    falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,

    falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

    falsifikazzjoni ta’ flus u mezzi ta’ ħlas,

    kriminalità relatata mal-kompjuter,

    korruzzjoni,

    traffikar illeċitu f’armi, munizzjoni u splussivi,

    traffikar illeċitu fi speċijiet ta’ annimali fil-periklu,

    traffikar illeċitu fi speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,

    reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti,

    traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir,

    abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal u t-tħajjir tat-tfal għal finijiet sesswali,

    ġenoċidju, kriminalità kontra l-umanità u kriminalità tal-gwerra.

    Il-forom ta’ kriminalità msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand skont il-liġi ta’ New Zealand.


    ANNESS II

    AWTORITAJIET KOMPETENTI TA’ NEW ZEALAND U L-KOMPETENZI TAGĦHOM

    L-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand li lilhom il-Europol tista’ tittrasferixxi d-data personali huma kif ġej:

    Il-Pulizija ta’ New Zealand (bħala l-awtorità prinċipali kompetenti ta’ New Zealand)

    New Zealand Customs Service

    Is-Servizz tal-Immigrazzjoni ta’ New Zealand


    ANNESS III

    LISTA TA’ KORPI TAL-UNJONI

    Il-Missjonijiet/l-Operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, limitati għall-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi

    L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

    L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)


    ANNESS IV

    PUNT TA’ KUNTATT NAZZJONALI

    Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali għal New Zealand biex jaġixxi bħala l-punt ċentrali ta’ kuntatt bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand huwa:

    Il-Pulizija ta’ New Zealand

    New Zealand għandha d-dmir li tinforma lill-Europol f’każ li jinbidel il-punt ta’ kuntatt nazzjonali għal New Zealand.


    Top