Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22022D2164

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 172/2019 tal-14 ta' Ġunju 2019 li temenda l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2022/2164]

    ĠU L 291, 10.11.2022, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2164/oj

    10.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 291/60


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 172/2019

    tal-14 ta' Ġunju 2019

    li temenda l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2022/2164]

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2394 iħassar, b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020, ir-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li huwa inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, u li konsegwentement irid jitħassar skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020.

    (3)

    Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u l-fehim li l-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2394 fil-Ftehim dwar iż-ŻEE ma timplikax bidliet fid-definizzjoni ta’ “ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni”. B’konsegwenza ta’ dan, il-limiti għad-determinazzjoni ta’ jekk ksur għandux dimensjoni tal-Unjoni se jiġu kkalkulati biss fuq il-bażi tal-Istati Membri tal-UE kkonċernati mill-ksur mingħajr ma jitqiesu l-Istati tal-EFTA.

    (4)

    Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness XIX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-test tal-punt 7f (ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XIX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jinbidel b’dan li ġej, b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020:

     

    32017 R 2394: Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

    (a)

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, it-territorji u l-popolazzjonijiet tal-Istati tal-EFTA ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 3(4).

    (b)

    Fl-Artikolu 10(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “il-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” għandu jinqara “drittijiet fundamentali”.

    (c)

    Fl-Artikolu 35(1):

    (i)

    il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni’;

    (ii)

    għandha tiżdied is-sentenza li ġejja: ‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni pprovduta minn jew li tikkonċerna l-Istati tal-EFTA.’”

    Artikolu 2

    It-test tar-Regolament (UE) 2017/2394 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2019, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2019.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Claude MAERTEN


    (1)  ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1.

    (2)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

    (*)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


    Top