EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22022D1287

Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kunsill ta’ AssoċjazzjonI UE-GEORGIA tat-8 ta’ Ġunju 2022 dwar l-għoti ta’ aċċess reċiproku għas-suq għall-provvisti għall-awtoritajiet tal-gvern ċentrali f’konformità mal-Anness XVI-B tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra [2022/1287]

ST/4652/2022/INIT

ĠU L 195, 22.7.2022, p. 104–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1287/oj

22.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/104


DEĊIŻJONI Nru 1/2022 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-GEORGIA

tat-8 ta’ Ġunju 2022

dwar l-għoti ta’ aċċess reċiproku għas-suq għall-provvisti għall-awtoritajiet tal-gvern ċentrali f’konformità mal-Anness XVI-B tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra [2022/1287]

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikoli 146 u 406 u l-Artikolu 419(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)

Il-Preambolu tal-Ftehim jirrikonoxxi l-impenn tal-Georgia li tapprossimizza progressivament il-leġiżlazzjoni tagħha fis-setturi rilevanti għal dik tal-Unjoni, f’konformità mal-Ftehim u li timplimentaha b’mod effettiv, biex b’hekk tikkontribwixxi biex il-benefiċċji ta’ assoċjazzjoni politika u ta’ integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib tal-Georgia mal-Unjoni jiġu pprovduti liċ-ċittadini kollha tal-Georgia inkluż il-komunitajiet diviżi b’kunflitt.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 147 tal-Ftehim, il-Partijiet għall-Ftehim jaqblu li l-ftuħ effettiv u reċiproku tas-swieq rispettivi tagħhom għandu jintlaħaq gradwalment u simultanjament.

(4)

Skont l-Artikolu 146 tal-Ftehim, il-Georgia trid tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-akkwist pubbliku tiġi gradwalment approssimata għall-acquis tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, u li dik l-approssimazzjoni għall-acquis tal-Unjoni titwettaq f’fażijiet konsekuttivi kif stabbilit fl-iskeda fl-Anness XVI-B tal-Ftehim. F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 2/2021 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ tat-8 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ ta valutazzjoni pożittiva dwar it-tlestija mill-Georgia tal-Fażi 1 kif stabbilit fl-Anness XVI-B tal-Ftehim

(5)

F’konformità mal-Artikolu 419(5) tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, permezz tas-setgħat mogħtija lilu mill-Artikoli 406 u 408 tal-Ftehim, jiddeċiedi dwar ftuħ ulterjuri tas-suq fejn previst fit-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet Relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan jingħata aċċess reċiproku għas-suq għall-akkwist pubbliku ta’ provvisti mill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali fl-Unjoni Ewropea lill-Georgia u għall-akkwist pubbliku ta’ provvisti mill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali tal-Georgia lill-Unjoni Ewropea fit-territorji speċifikati fl-Artikolu 429 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ġiet stabbilita bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Georgjana, b’kull test ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-President

I. GARIBASHVILI


Top