This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22022A0323(02)
Agreement between the European Union, of the one part and the Republic of Moldova, of the other part, on the participation of the Republic of Moldova in the Union programme Horizon Europe – the Framework Programme for Research and Innovation
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta r-Repubblika tal-Moldova fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta r-Repubblika tal-Moldova fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
C/2021/7579
ĠU L 95, 23.3.2022, p. 18–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/323(2)/oj
23.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 95/18 |
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta r-Repubblika tal-Moldova fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”), f’isem l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda,
u
r-Repubblika tal-Moldova,
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,
BILLI l-Protokoll I tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi programmi tal-Unjoni (2) jistipula t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’kull programm partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli, kif ukoll il-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Moldova abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati (3);
BILLI l-programm tal-Unjoni Ewropea Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Orizzont Ewropa”);
FILWAQT LI JITQIESU l-isforzi tal-Unjoni Ewropea sabiex tmexxi r-rispons billi tgħaqqad il-forzi mas-sħab internazzjonali tagħha sabiex tindirizza l-isfidi globali f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità fl-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti “Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u billi tirrikonoxxi li r-Riċerka u l-Innovazzjoni huma għodod ewlenin u essenzjali għat-tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni, għall-kompetittività ekonomika u għall-attraenza;
FILWAQT LI JIĠU RIKONOXXUTI l-prinċipji ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-objettivi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka mġedda sabiex tinbena żona xjentifika u teknoloġika komuni, jinħoloq suq uniku għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jitrawmu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-universitajiet u l-iskambju tal-aħjar prattiki u karrieri attraenti fir-riċerka, jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera u transsettorjali tar-riċerkaturi, jitrawmu l-moviment liberu tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni, jiġu promossi r-rispett tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika, jiġu appoġġati l-edukazzjoni xjentifika u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u jiġu mħeġġa l-kompetittività u l-attraenza tal-ekonomiji parteċipanti, u li l-pajjiżi assoċjati jkunu sħab ewlenin f’dan l-isforz;
FILWAQT LI JENFASSIZZAW ir-rwol tas-Sħubijiet Ewropej li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi miftiehma ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jeħtieġu viżjoni kritika tal-massa u fit-tul u l-importanza tal-involviment ta’ pajjiżi assoċjati f’dawk is-Sħubijiet;
FILWAQT LI JFITTXU li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ vantaġġ reċiproku sabiex joħolqu impjiegi deċenti, isaħħu u jappoġġaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-Partijiet billi jgħinu lill-intrapriżi jinnovaw u jespandu fis-swieq tal-Partijiet u jiffaċilitaw l-adozzjoni kif ukoll l-użu u l-aċċessibbiltà tal-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-parteċipazzjoni reċiproka fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ xulxin jenħtieġ li tipprovdi benefiċċji reċiproċi; filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet jirriżervaw id-dritt tagħhom li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-għanijiet komuni, il-valuri u r-rabtiet b’saħħithom tal-Partijiet fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, stabbiliti fil-passat permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni għall-Programmi Qafas sussegwenti, u filwaqt li jirrikonoxxu x-xewqa komuni tal-Partijiet li jiżviluppaw, li jsaħħu, li jistimulaw u li jestendu aktar ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom fih,
QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-assoċjazzjoni
1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-Programm Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-Programm Orizzont Ewropa) u tikkontribwixxi għall-partijiet kollha tiegħu msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 u implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2021/764 (5), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.
Artikolu 2
Termini u kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa
1. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tipparteċipa fil-Programm Orizzont Ewropa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi programmi tal-Unjoni u skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, fl-atti legali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fi kwalunkwe regola oħra li għandha x’taqsam mal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom.
2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Orizzont Ewropa skont kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea (8).
3. Qabel ma jiġi deċiż dwar jekk l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova humiex eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’azzjoni relatata mal-assi strateġiċi, l-interessi, is-sigurtà jew l-awtonomija tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni jew assigurazzjonijiet speċifiċi, bħal:
a) |
informazzjoni dwar jekk ingħatax jew huwiex se jingħata aċċess reċiproku lill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea għal programmi u proġetti eżistenti u ppjanati tar-Repubblika tal-Moldova ekwivalenti għall-azzjoni kkonċernata ta’ Orizzont Ewropa; |
b) |
informazzjoni dwar jekk ir-Repubblika tal-Moldova għandhiex fis-seħħ mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar ta’ investimenti u ta’ assigurazzjonijiet li jiggarantixxu li l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova se jirrapportaw u se jikkonsultaw lill-Kummissjoni kull darba li, permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, isiru konxji li entità ġuridika tar-Repubblika tal-Moldova tkun involuta f’investiment/akkwiżizzjoni barrani/ja ppjanat/a minn entità stabbilita fir-Repubblika tal-Moldova jew ikkontrollata minnha, ladarba din l-entità ġuridika tar-Repubblika tal-Moldova tkun irċeviet finanzjament minn Orizzont Ewropa f’azzjonijiet relatati mal-assi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, dment li l-Kummissjoni tforni lir-Repubblika tal-Moldova bil-lista tal-entitajiet ġuridiċi rilevanti stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova wara l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja ma’ dawn l-entitajiet; u |
c) |
assigurazzjonijiet li l-ebda wieħed mir-riżultati, mit-teknoloġiji, mis-servizzi u mill-prodotti żviluppati skont l-azzjonijiet ikkonċernati mill-entitajiet stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova ma għandu jkun soġġett għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħhom lejn l-Istati Membri tal-UE matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara t-tmiem tal-azzjoni. Ir-Repubblika tal-Moldova se tikkondividi lista aġġornata ta’ suġġetti ta’ restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni fuq bażi annwali, matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara t-tmiem tal-azzjoni. |
4. L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova jistgħu jipparteċipaw fl- attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) skont it-termini u l-kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunux meħtieġa limitazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-ambitu tal-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
5. Meta l-Unjoni Ewropea timplimenta l-Programm Orizzont Ewropa permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Moldova u l-entitajiet ġuridiċi Moldovani jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni Ewropea li ġew adottati jew li se jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ dawk l-istrutturi legali.
6. Ir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Moldova għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, mingħajr drittijiet tal-vot u għal punti li jikkonċernaw lir-Repubblika tal-Moldova.
Fil-ħin tal-votazzjoni, dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Moldova. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tkun informata bir-riżultat.
Il-parteċipazzjoni kif jirriferi għaliha dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess forma, inklużi l-proċeduri dwar kif tasal l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.
7. Id-drittijiet tar-Repubblika tal-Moldova għar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-pajjiżi assoċjati.
8. Ir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Moldova għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kundizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun irregolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet tal-kelma u l-proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna lir-Repubblika tal-Moldova.
9. Ir-Repubblika tal-Moldova tista’ tipparteċipa f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (9), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu, u mal-att legali li jistabbilixxi l-ERIC.
10. Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tas-sussistenza mġarrba mir-rappreżentanti u l-esperti tar-Repubblika tal-Moldova għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom bħala osservaturi fil-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, jew f’laqgħat oħrajn marbutin mal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, għandhom jiġu rimborżati mill-Unjoni Ewropea fuq l-istess bażi u f’konformità mal-istess proċeduri fis-seħħ bħal fil-każ tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
11. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet eżistenti, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tax-xjenzati li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti b’dan il-Ftehim u sabiex ikun iffaċilitat il-moviment transfruntier tal-oġġetti u tas-servizzi maħsubin sabiex jintużaw f’dawn l-attivitajiet.
12. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, kif xieraq, sabiex tiżgura li l-oġġetti u s-servizzi, mixtrija fir-Repubblika tal-Moldova jew importati lejn ir-Repubblika tal-Moldova, li huma parzjalment jew kompletament iffinanzjati skont il-ftehimiet ta’ għotja u/jew il-kuntratti konklużi għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità ma’ dan il-Ftehim, huma eżentati mid-dazji doganali, mid-dazji fuq l-importazzjoni u minn imposti fiskali oħrajn, inkluż il-VAT, li huma applikabbli fir-Repubblika tal-Moldova.
Artikolu 3
Kontribuzzjoni finanzjarja
1. Il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova jew tal-entitajiet ġuridiċi Moldovani fil-Programm Orizzont Ewropa għandha tkun soġġetta għar-Repubblika tal-Moldova li tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Programm u l-kostijiet relatati tal-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operazzjoni fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-baġit tal-Unjoni”).
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma tas-somma ta’:
a) |
kontribuzzjoni operazzjonali; u |
b) |
tariffa ta’ parteċipazzjoni. |
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali li jsir f’żewġ pagament parzjali, u għandha tkun dovuta sa mhux aktar tard minn Mejju u Lulju.
4. Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkopri n-nefqa operazzjonali u ta’ appoġġ tal-Programm u tkun addizzjonali kemm fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’dawk ta’ pagament għall-ammonti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għall-Programm Orizzont Ewropa, inkluż kwalunkwe approprjazzjoni li tikkorrispondi għad-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra kif imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u miżjuda bi dħul assenjat estern li ma jirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Programm Orizzont Ewropa minn donaturi (11) oħrajn.
Għad-dħul assenjat estern allokat għall-Programm Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 li jistabbilixxi strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (12), din iż-żieda għandha tikkorrispondi għall-approprjazzjonijiet annwali indikati fid-dokumenti li jakkumpanjaw l-Abbozz tal-Baġit fir-rigward tal-Programm Orizzont Ewropa.
5. Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq koeffiċjent tal-kontribuzzjoni definit bħala l-proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tar-Repubblika tal-Moldova bil-prezzijiet tas-suq mal-PDG tal-Unjoni Ewropea bil-prezzijiet tas-suq. Il-PDG bil-prezzijiet tas-suq li għandhom jiġu applikati għandhom jiġu ddeterminati mis-servizzi ddedikati tal-Kummissjoni abbażi tal-aktar data statistika reċenti disponibbli għall-kalkoli tal-baġit fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha huwa dovut il-pagament annwali. B’deroga, għall-2021, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq il-PDG tas-sena 2019 bil-prezzijiet tas-suq. L-aġġustamenti tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni huma stabbiliti fl-Anness I.
6. Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tiġi kkalkolata bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni, kif aġġustat, mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni Ewropea adottat b’mod definittiv għas-sena applikabbli għall-finanzjament tal-Programm Orizzont Ewropa, miżjud f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
7. It-tariffa ta’ parteċipazzjoni għandha tkun ta’ 4 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali annwali kif ikkalkolata f’konformità mal-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu u għandha tiddaħħal gradwalment kif stabbilit fl-Anness I. It-tariffa ta’ parteċipazzjoni ma għandhiex tkun soġġetta għal aġġustamenti jew korrezzjonijiet retrospettivi.
8. Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għal sena N tista’ tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel b’mod retrospettiv f’sena sussegwenti waħda jew aktar fuq il-bażi tal-impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ dik is-sena N, miżjuda f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ impenji legali u d-diżimpenji tagħhom. Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jinsabu fl-Anness I.
9. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Repubblika tal-Moldova b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, il-kontabbiltà, il-prestazzjoni u l-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni Ewropea dwar il-Programm Orizzont Ewropa. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’kunsiderazzjoni xierqa tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li r-Repubblika tal-Moldova hija intitolata li tirċievi skont l-Anness III.
10. Il-kontribuzzjonijiet kollha tar-Repubblika tal-Moldova jew il-pagamenti mill-Unjoni Ewropea, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti għandhom isiru f’euro.
Artikolu 4
Mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika
1. Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tar-Repubblika tal-Moldova għas-sena N, kif aġġustat f’konformità mal-Artikolu 3(8), u għandu jiġi kkalkolat fis-sena N+2. Dan għandu jkun abbażi tal-prestazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova u tal-entitajiet ġuridiċi Moldovani fil-partijiet tal-Programm Orizzont Ewropa li huma implimentati permezz ta’ għotjiet kompetittivi ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn mis-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4).
L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-differenza bejn:
a) |
l-ammonti inizjali tal-impenji legali għal għotjiet kompetittivi li fil-fatt daħlu għalihom ir-Repubblika tal-Moldova jew l-entitajiet ġuridiċi Moldovani ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4); u |
b) |
il-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti tas-sena N imħallsa mir-Repubblika tal-Moldova kif aġġustata skont l-Artikolu 3(8), esklużi l-kostijiet mhux ta’ intervent iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn mis-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4). |
2. Meta l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, kemm jekk dak l-ammont huwa pożittiv kif ukoll jekk huwa negattiv, jaqbeż it-8 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali korrispondenti kif aġġustata skont l-Artikolu 3(8), il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tar-Repubblika tal-Moldova għas-sena N għandha tiġi kkoreġuta. L-ammont dovut mir-Repubblika tal-Moldova jew li għandu jiġi riċevut minnha bħala kontribuzzjoni jew tnaqqis addizzjonali tal-kontribuzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika għandu jkun l-ammont li jaqbeż dan il-limitu ta’ 8 %, l-ammont taħt dan il-limitu ta’ 8 % mhux se jitqies fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni addizzjonali dovuta jew ikkumpensata.
3. Ir-regoli dettaljati dwar il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika huma stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 5
Reċiproċità
1. L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jistgħu jipparteċipaw fi programmi u proġetti tar-Repubblika tal-Moldova ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-Repubblika tal-Moldova.
2. Il-lista mhux eżawrjenti tal-programmi u tal-proġetti ekwivalenti tar-Repubblika tal-Moldova hija pprovduta fl-Anness II.
3. Il-finanzjament mir-Repubblika tal-Moldova ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni għandu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-Repubblika tal-Moldova li tirregola l-operazzjoni ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. Meta ma jkunx ipprovdut finanzjament, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw bil-mezzi tagħhom stess.
Artikolu 6
Xjenza Miftuħa
Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu b’mod reċiproku il-prattiki tax-xjenza miftuħa fil-programmi u fil-proġetti tagħhom f’konformità mar-regoli tal-Programm Orizzont Ewropa u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-Repubblika tal-Moldova.
Artikolu 7
Monitoraġġ, Evalwazzjoni u Rapportar
1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar tal-Programm Orizzont Ewropa, il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’dak il-Programm għandha tiġi mmonitorjata kontinwament fuq bażi ta’ sħubija li tinvolvi lill-Kummissjoni u lir-Repubblika tal-Moldova.
2. Ir-regoli dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, inklużi l-kontroll finanzjarju, l-irkupru u miżuri oħrajn ta’ kontra l-frodi fir-rigward tal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea skont dan il-Ftehim huma stabbiliti fl-Anness III.
Artikolu 8
Kumitat Konġunt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova
1. Il-Kumitat Konġunt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova huwa b’dan stabbilit (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kumitat Konġunt UE-Moldova”). Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova għandhom jinkludu:
a) |
il-valutazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari:
|
b) |
id-diskussjoni fuq talba ta’ kwalunkwe Parti fuq restrizzjonijiet applikati jew ippjanati mill-Partijiet dwar l-aċċess għall-programmi rispettivi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom; |
c) |
l-eżami ta’ kif tista’ tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni; id-diskussjoni b’mod konġunt tal-orjentazzjonijiet u tal-prijoritajiet futuri tal-politiki relatati mar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-ippjanar tar-riċerka ta’ interess komuni; u |
d) |
l-iskambju ta’ informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet jew programmi nazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni ġodda li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. |
2. Il-Kumitat Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova, għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
3. Il-Kumitat Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma/korp konsultattiv fuq bażi ad hoc fil-livell ta’ esperti, li jista’ jassisti fit-twettiq tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
4. Il-Kumitat Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, u, kull meta ċirkostanzi speċjali jirrikjedu dan, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu organizzati u ospitati b’mod alternat mill-Unjoni Ewropea u mill-Awtorità Nazzjonali maħtura mill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova.
5. Il-Kumitat Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova għandu jaħdem fuq bażi kontinwa permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni/prestazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi tar-Repubblika tal-Moldova. Il-Kumitat Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova jista’ jwettaq b’mod partikolari l-kompiti tiegħu bil-miktub kull meta tinqala’ l-ħtieġa.
Artikolu 9
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.
2. Dan il-Ftehim għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ għall-proġetti, l-azzjonijiet u għall-attivitajiet kollha jew għal partijiet minnhom ffinanzjati mill-Programm Orizzont Ewropa, l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejn il-Partijiet li għandhom jitlestew.
3. Dan il-Ftehim għandu japplika b’mod provviżorju f’konformità mal-proċeduri interni u mal-leġiżlazzjoni rispettivi taż-żewġ Partijiet. L-applikazzjoni provviżorja għandha tibda fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.
4. Jekk ir-Repubblika tal-Moldova tinnotifika lill-Kummissjoni li taġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea li ma hijiex se tlesti l-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ japplika b’mod provviżorju fid-data tal-wasla ta’ din in-notifika mill-Kummissjoni, li għandha tikkostitwixxi d-data ta’ waqfien għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.
5. L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża mill-Unjoni Ewropea f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament parzjali jew sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mir-Repubblika tal-Moldova skont dan il-Ftehim.
F’każ ta’ nuqqas ta’ pagament li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. Meta ma jsir l-ebda pagament fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-ittra formali ta’ tfakkira, is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi nnotifikata mill-Kummissjoni lir-Repubblika tal-Moldova permezz ta’ ittra formali ta’ notifika li għandha tidħol fis-seħħ 15-il jum wara l-wasla ta’ din in-notifika mir-Repubblika tal-Moldova.
F’każ li l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tiġi sospiża, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ għoti għandha titqies bħala kompluta meta jkunu saru impenji legali bħala riżultat ta’ dik il-proċedura.
Is-sospensjoni ma taffettwax l-impenji legali konklużi mal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Dan il-Ftehim għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.
L-Unjoni Ewropea għandha tinnotifika minnufih lir-Repubblika tal-Moldova ladarba l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta jkun wasal għand l-Unjoni Ewropea. Is-sospensjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.
Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi tar-Repubblika tal-Moldova għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ għoti mnedija wara din id-data u fi proċeduri ta’ għoti mnedija qabel din id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.
6. Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt b’notifika bil-miktub li tinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni li tittermina dan il-Ftehim.
It-terminazzjoni tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur kalendarji wara d-data li fiha n-notifika bil-miktub tkun waslet għand id-destinatarju tagħha. Id-data li fiha tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni għandha tikkostitwixxi d-data tat-terminazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.
7. Meta dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Partijiet jaqblu li:
(a) |
il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet jew partijiet minnhom li fir-rigward tagħhom ikunu ddaħħlu impenji legali matul l-applikazzjoni provviżorja u/jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim ma jibqax japplika jew jiġi tterminat għandu jkompli sakemm dawn jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim; |
(b) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tas-sena N li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat għandha titħallas kompletament f’konformità mal-Artikolu 3. Il-kontribuzzjoni operazzjonali tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 3(8) u kkoreġuta f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. It-tariffa ta’ parteċipazzjoni mħallsa għas-sena N ma għandhiex tiġi aġġustata jew ikkoreġuta; u |
(c) |
wara s-sena li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali inizjali mħallsa għas-snin li matulhom japplika dan il-Ftehim għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 3(8) u għandhom jiġu kkoreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. |
Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni jew tal-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.
8. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi se jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
9. L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minn dan tal-aħħar.
Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bl-Ingliż u bir-Rumen, b’kull test ikun ugwalment awtentiku. F’każ ta’ diverġenza ta’ interpretazzjoni, għandu jipprevali t-test bl-Ingliż.
Magħmul fi Brussell, f’dan is-27 jum ta’ Ottubru fis-sena 2021 f’żewġ kopji oriġinali, bir-Rumen u bl-Ingliż.
Għall-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea,
Mariya GABRIEL
Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ
Għar-Repubblika tal-Moldova,
Natalia GAVRILIȚA
Prim Ministru
(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
(2) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 619.
(3) Dan il-Ftehim jikkostitwixxi u għandu l-istess effetti legali tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi skont il-Protokoll I dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi programmi tal-Unjoni.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61).
(7) Id-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027: Nagħtu Spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 91.).
(8) Il-miżuri restrittivi tal-UE jiġu adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p.1.).
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(11) Dan jinkludi b’mod partikolari r-riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.).
ANNESS I
Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tal-Moldova għall-Programm Orizzont Ewropa (2021–2027)
I. Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarji tar-Repubblika tal-Moldova
1. |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tal-Moldova għall-Programm Orizzont Ewropa għandha tiġi stabbilita fuq bażi annwali proporzjonalment u b’żieda mal-ammont disponibbli kull sena fil-baġit tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa għall-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Ftehim. |
2. |
It-tariffa ta’ parteċipazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(7) ta’ dan il-Ftehim għandha tiddaħħal gradwalment kif ġej:
|
3. |
F’konformità mal-Artikolu 3(5) ta’ dan il-Ftehim, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali li għandha titħallas mir-Repubblika tal-Moldova għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Programm Orizzont Ewropa se tiġi kkalkolata għas-snin finanzjarji rispettivi billi jiġi applikat aġġustament għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni.
L-aġġustament għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jkun: Koeffiċjent tal-Kontribuzzjoni Aġġustat = Koeffiċjent tal-Kontribuzzjoni × Koeffiċjent Il-koeffiċjent użat għall-kalkolu ta’ hawn fuq sabiex jiġi aġġustat il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jkun ta’ 0,10. |
4. |
F’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim, l-ewwel aġġustament li jappartjeni għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena N għandu jsir fis-sena N+1 meta l-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tas-sena N għandha tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel bid-differenza bejn:
Mis-sena N+2, u kull sena sussegwenti, sakemm l-impenji baġitarji kollha ffinanzjati fil-qafas tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li joriġinaw mis-sena N, żdiedu f’konformità mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Ftehim, ikunu tħallsu jew ġew diżimpenjati, u mhux aktar tard minn tliet snin wara t-tmiem tal-Programm Orizzont Ewropa, l-Unjoni għandha tikkalkola aġġustament tal-kontribuzzjoni operazzjonali tas-sena N billi tnaqqas il-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustat tas-sena N għad-diżimpenn li jsir kull sena fuq l-impenji tas-sena N iffinanzjati fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni jew mid-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra. Jekk l-ammonti li jirriżultaw mid-dħul assenjat estern tas-sena N (sabiex jiġu inklużi l-approprjazzjonijiet ta’ impenn, u, għall-ammonti skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094, l-ammonti indikattivi annwali fl-ipprogrammar tal-QFP) li ma jirriżultawx minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Programm Orizzont Ewropa minn donaturi oħrajn jiġu kkanċellati, il-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova għandha titnaqqas bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustat tas-sena N għall-ammont ikkanċellat. |
II. Korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova
1. |
Għall-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:
|
2. |
Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:
|
III. Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tal-Moldova, il-pagament tal-aġġustamenti magħmula fuq il-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova, u l-pagament tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova
1. |
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lir-Repubblika tal-Moldova, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ħruġ tal-ewwel sejħa għall-fondi tas-sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja:
Abbażi tal-Abbozz tal-Baġit tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stima tal-informazzjoni għas-sena ta’ wara skont il-punti (a) u (b) mill-aktar fis possibbli, u, mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja. |
2. |
Il-Kummissjoni għandha toħroġ, sa mhux aktar tard minn April u Ġunju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għall-fondi għar-Repubblika tal-Moldova li tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tagħha skont dan il-Ftehim.
Kull sejħa għall-fondi għandha tipprevedi l-pagament ta’ sitta minn kull tnax tal-kontribuzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova mhux aktar tard minn 30 jum wara li tinħareġ is-sejħa għall-fondi. Għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha toħroġ sejħa waħda għall-fondi, fi żmien 60 jum mill-firma ta’ dan il-Ftehim. |
3. |
Kull sena mill-2023, is-sejħiet għall-fondi għandhom jirriflettu wkoll l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali mħallsa għas-sena N-2.
Is-sejħa għall-fondi maħruġa mhux aktar tard minn April tista’ tinkludi wkoll aġġustamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mir-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni, għall-ġestjoni u għall-operazzjoni tal-Programm(i) Qafas preċedenti għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li fih(om) ipparteċipat ir-Repubblika tal-Moldova. Għal kull waħda mis-snin finanzjarji tal-2028, l-2029 u l-2030, l-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni awtomatika applikata għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali li jkunu tħallsu fl-2026 u fl-2027 mir-Repubblika tal-Moldova jew mill-aġġustamenti magħmula f’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim se jkun dovut lir-Repubblika tal-Moldova jew minnha. |
4. |
Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha skont dan il-Ftehim f’konformità mal-punt (III) ta’ dan l-Anness. Fin-nuqqas ta’ pagament mir-Repubblika tal-Moldova sad-data dovuta, il-Kummissjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiskatta l-pagament ta’ imgħax ta’ inadempjenza mir-Repubblika tal-Moldova fuq l-ammont pendenti, u dan mid-data dovuta.
Ir-rata tal-imgħax fuq l-ammonti riċevibbli mhux imħallsa fid-data dovuta għandha tkun ir-rata li japplika l-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar meta kien dovut il-pagament, u miżjuda b’punt u nofs perċentwali. |
(1) Dan jinkludi b’mod partikolari r-riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.).
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.
(3) Azzjonijiet oħra jinkludu b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, il-premjijiet, l-istrumenti finanzjarji, l-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-Abbonamenti (OECD, Eureka, IPEEC, AIE, …), l-esperti (l-evalwaturi, il-monitoraġġ tal-proġetti) eċċ.
(4) L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala kostijiet mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan mhux se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħrajn).
ANNESS II
Lista tal-programmi u l-proġetti ekwivalenti tar-Repubblika tal-Moldova
Il-lista mhux eżawrjenti li ġejja għandha titqies bħala programmi u proġetti ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa fir-Repubblika tal-Moldova:
— |
Programmi tal-Istat; |
— |
Programmi ta’ Trasferiment tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni; |
— |
Programmi Bilaterali u Multilaterali; |
— |
Programmi Postdottorali. |
ANNESS III
Ġestjoni Finanzjarja Tajba
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u l-irkupru
Artikolu 1
Rieżamijiet u awditi
1. L-Unjoni Ewropea għandu jkollha d-dritt li twettaq, f’konformità mal-atti applikabbli ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni wieħed jew aktar u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti, fir-rieżamijiet u awditi tekniċi, xjentifiċi, finanzjarji, jew tipi oħra ta’ rieżamijiet u awditi fuq il-post ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fir-Repubblika tal-Moldova jew kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fiha u li tirċievi finanzjament mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni residenti jew stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova. Tali rieżami u awditi jistgħu jitwettqu mill-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, jew minn persuni oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.
2. L-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, u l-persuni l-oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jkollhom aċċess xieraq għal siti, xogħlijiet u dokumenti (kemm f’verżjonijiet elettroniċi kif ukoll f’dawk stampati) u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu tali awditi, inkluż id-dritt li jiksbu kopja fiżika/elettronika ta’ kwalunkwe dokument jew tal-kontenut ta’ kwalunkwe mezz ta’ data jew estratti minnhom, li jkunu miżmuma mill-persuna fiżika jew ġuridika awditjata, jew mill-parti terza awditjata.
3. Ir-Repubblika tal-Moldova ma għandhiex tipprevjeni jew tqajjem xi ostakolu partikolari għad-dritt ta’ dħul fir-Repubblika tal-Moldova u għall-aċċess għall-binjiet tal-aġenti u ta’ persuni oħrajn imsemmija fil-paragrafu 2 abbażi tal-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom imsemmija f’dan l-Artikolu.
4. Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, anke wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 9(5) tiegħu, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni tiegħu, skont it-termini stabbiliti fl-atti applikabbli ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea wieħed jew aktar u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni Ewropea li tkun daħlet għalih l-Unjoni Ewropea qabel id-data li fiha s-sospensjoni mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 9(5) tiegħu, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim tidħol fis-seħħ.
Artikolu 2
Ġlieda kontra l-irregolaritajiet, il-frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu awtorizzati jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar.
2. L-awtoritajiet kompetenti Moldovani għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF fi żmien raġonevoli bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkunu saru jafu bihom dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
3. Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika li tkun residenti fir-Repubblika tal-Moldova jew fil-binjiet ta’ entità ġuridika stabbilita fir-Repubblika tal-Moldova u li tirċievi l-fondi tal-Unjoni, kif ukoll fil-binjiet ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni li tkun residenti jew stabbilita fir-Repubblika tal-Moldova.
4. Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti Moldovana maħtura mill-gvern Moldovan. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata kmieni biżżejjed bil-għan, bl-iskop u bil-bażi ġuridika tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet, sabiex tkun tista’ tipprovdi assistenza. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti Moldovani, jistgħu jipparteċipaw fil-kontrolli u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.
5. Fuq talba tal-awtoritajiet Moldovani, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea jew mal-OLAF.
6. L-aġenti tal-Kummissjoni u l-persunal tal-OLAF għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati, li huma meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jagħmlu kopja tad-dokumenti rilevanti.
7. Meta il-persuna, l-entità jew parti terza oħra topponi kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Moldovani, filwaqt li jaġixxu f’konformità mar-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom biex iwettqu l-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post. Din l-assistenza għandha tinkludi t-teħid ta’ miżuri xierqa ta’ prekawzjoni skont il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata l-evidenza.
8. Il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jinformaw lill-awtoritajiet Moldovani bir-riżultat ta’ tali kontrolli u spezzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jirrapportaw mill-aktar fis possibbli lill-awtorità kompetenti Moldovana b’kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li jkunu ntebħu bih waqt il-kontroll jew waqt l-ispezzjoni fuq il-post.
9. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt kriminali Moldovan, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi miżuri u penali amministrattivi fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu qed jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ programm jew attività f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
10. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti Moldovani għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni u, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet għal dan il-Ftehim, jikkonsultaw lil xulxin.
11. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF, ir-Repubblika tal-Moldova għandha taħtar punt ta’ kuntatt.
12. L-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti Moldovani għandha ssir b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.
13. L-awtoritajiet Moldovani għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dan ikun jista’ jwettaq id-dmir tiegħu li jinvestiga, jipproċedi u jressaq quddiem il-qorti l-awturi tar-reati kriminali u l-kompliċi ta’ dawn ir-reati’ li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.
Artikolu 3
Irkupru u infurzar
1. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi għajr l-Istati fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li tirriżulta mill-Programm Orizzont Ewropa għandhom ikunu infurzabbli fir-Repubblika tal-Moldova. L-ordni għall-infurzar għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra għajr verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali maħtura għal dan il-għan mill-gvern tar-Repubblika tal-Moldova. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-awtorità nazzjonali maħtura tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 4, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun intitolata tinnotifika tali deċiżjonijiet infurzabbli direttament lil persuni residenti u entitajiet ġuridiċi stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova. L-infurzar għandu jsir f’konformità mal-liġi u r-regoli ta’ proċedura tar-Repubblika tal-Moldova.
2. Is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt jew fi ftehim fir-rigward ta’ programmi, attivitajiet, azzjonijiet jew proġetti tal-Unjoni għandhom ikunu infurzabbli fir-Repubblika tal-Moldova bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu (1).
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tissospendi l-infurzar tagħha. Madankollu, il-Qrati tar-Repubblika tal-Moldova għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar tagħhom qiegħed jitwettaq b’mod irregolari.
Artikolu 4
Komunikazzjoni u Skambju ta’ informazzjoni
L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, jew fil-kontrolli fuq dak il-programm, għandhom ikunu intitolati li jikkomunikaw direttament, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku, ma’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fir-Repubblika tal-Moldova jew ma’ entità ġuridika stabbilita fir-Repubblika tal-Moldova u li tirċievi fondi tal-Unjoni, kif ukoll ma’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni residenti jew stabbiliti fir-Repubblika tal-Moldova. Tali persuni, entitajiet u partijiet jistgħu jissottomettu direttament lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-programm tal-Unjoni u tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.