This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22020A0716(01)
Agreement on civil aviation safety between the European union and Japan
Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun
Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun
ST/15260/2019/INIT
ĠU L 229, 16.7.2020, p. 4–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2020/1026/oj
16.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 229/4 |
FTEHIM
dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun
L-UNJONI EWROPEA u L-ĠAPPUN (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”),
WARA LI GĦARFU t-tendenza kontinwa lejn id-disinn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni multinazzjonali tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili;
XEWQANA li jippromwovu s-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali u li jiffaċilitaw il-fluss liberu ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili;
XEWQANA li jtejbu l-kooperazzjoni u jżidu l-effiċjenza fi kwistjonijiet relatati mas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili;
WARA LI KKUNSIDRAW li l-kooperazzjoni tagħhom tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv sabiex tinkoraġġixxi armonizzazzjoni internazzjonali akbar tal-istandards u l-proċessi relatati mas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali;
WARA LI KKUNSIDRAW it-tnaqqis possibbli fil-piż ekonomiku impost fuq l-industrija tal-avjazzjoni billi titneħħa d-duplikazzjoni ta’ spezzjonijiet tekniċi, evalwazzjonijiet, u ttestjar;
WARA LI GĦARFU li kwalunkwe aċċettazzjoni reċiproka ta’ sejbiet ta’ konformità u ta’ ċertifikati trid tkun ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka tal-Partijiet li s-sistemi regolatorji tagħhom għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili jiżguraw livell ta’ sikurezza li jkun ekwivalenti biżżejjed;
WARA LI GĦARFU li kwalunkwe aċċettazzjoni reċiproka bħal din teħtieġ ukoll il-fiduċja kontinwa ta’ kull Parti fl-affidabbiltà tal-proċessi għal sejbiet ta’ konformità tal-Parti l-oħra fl-oqsma kollha koperti b’dan il-Ftehim;
WARA LI GĦARFU x-xewqa tal-Partijiet għal kooperazzjoni fis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali abbażi tal-komunikazzjoni kontinwa u l-fiduċja reċiproka;
WARA LI GĦARFU l-impenji rispettivi tal-Partijiet skont ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali li jittrattaw is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali,
QABLU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għanijiet
L-għanijiet ta' dan il-Ftehim huma:
(a) |
il-faċilitazzjoni tal-aċċettazzjoni reċiproka tas-sejbiet ta’ konformità li jkunu saru u taċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti jew l-organizzazzjonijiet approvati ta’ kwalunkwe Parti, kif previst fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim; |
(b) |
il-promozzjoni tal-kooperazzjoni lejn livell għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali; |
(c) |
il-faċilitazzjoni tad-dimensjoni multinazzjonali tal-industrija tal-avjazzjoni ċivili; u |
(d) |
il-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tal-fluss liberu tal-prodotti u tas-servizzi ajrunawtiċi ċivili. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
(a) |
“organizzazzjoni approvata” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika ċertifikata mill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Parti biex teżerċita privileġġi relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim; |
(b) |
“ċertifikat” tfisser kwalunkwe approvazzjoni, liċenzja jew dokument ieħor maħruġ bħala forma ta’ rikonoxximent tal-konformità li prodott ajrunawtiku ċivili, organizzazzjoni, jew persuna ġuridika jew fiżika, tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli li jirriżultaw mil-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti; |
(c) |
“prodott ajrunawtiku ċivili” tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru ċivili, magna ta’ inġenju tal-ajru, jew skrun ta’ inġenju tal-ajru; jew sottounità, apparat, parti jew komponent installat jew li għandu jiġi installat fuqu; |
(d) |
“awtorità kompetenti” tfisser aġenzija tal-gvern jew entità tal-gvern responsabbli għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili li tinħatar minn Parti għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim biex twettaq il-funzjonijiet li ġejjin:
|
(e) |
“sejbiet ta’ konformità” tfisser determinazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti f’liġijiet u regolamenti ta’ Parti bħala riżultat ta’ azzjonijiet bħal testijiet, spezzjonijiet, kwalifiki, approvazzjonijiet u monitoraġġ; |
(f) |
“monitoraġġ” tfisser is-sorveljanza regolari minn awtorità kompetenti ta’ Parti biex tiġi ddeterminata l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti f’liġijiet u regolamenti ta’ dik il-Parti; u |
(g) |
“aġent tekniku” tfisser, għall-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“EASA”), jew is-suċċessur tagħha, u għall-Ġappun, l-Uffiċċju tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Ministeru għall-Art, l-Infrastruttura, it-Trasport u t-Turiżmu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “JCAB”), jew is-suċċessur tiegħu. Minkejja li l-EASA u l-JCAB huma awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tas-subparagrafu (d) ta’ dan l-Artikolu, dawn huma msemmija f’dan il-Ftehim u fl-Annessi tiegħu bħala “aġent tekniku”, fejn applikabbli. |
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni u implimentazzjoni
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim jista’ jinkludi l-oqsma li ġejjin:
(a) |
iċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà u l-monitoraġġ ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili; |
(b) |
ċertifikati ambjentali u ttestjar ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili; |
(c) |
iċ-ċertifikati tad-disinn u tal-produzzjoni, u l-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni; |
(d) |
iċ-ċertifikati tal-organizzazzjoni ta’ manutenzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta’ manutenzjoni; |
(e) |
liċenzjar u taħriġ tal-persunal; |
(f) |
evalwazzjoni tal-kwalifiki tas-simulatur tat-titjira; |
(g) |
tħaddim ta’ inġenji tal-ajru; u |
(h) |
oqsma oħra relatati mas-sikurezza fl-avjazzjoni soġġetti għall-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944. |
2. Għall-implimentazzjoni ta’ kull qasam ta’ kooperazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw Anness individwali li jiddeskrivi t-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodi għall-aċċettazzjoni reċiproka ta’ sejbiet ta’ konformità u ta’ ċertifikati, u, jekk meħtieġ, l-arranġamenti tranżizzjonali, meta huma jaqblu li l-istandards, ir-regoli, il-prattiki, il-proċeduri u s-sistemi tal-avjazzjoni ċivili rispettivi tagħhom jiżguraw livell ta’ sikurezza li jkun ekwivalenti biżżejjed biex jippermetti l-aċċettazzjoni tas-sejbiet ta’ konformità li jkunu saru u taċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti jew l-organizzazzjonijiet approvati tagħhom. Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni għal Anness individwali għandhom jiġu żviluppati mill-aġenti tekniċi. Id-differenzi tekniċi bejn l-istandards, ir-regoli, il-prattiki, il-proċeduri u s-sistemi tal-avjazzjoni ċivili tal-Partijiet għandhom jiġu indirizzati fl-Annessi u fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 4
Obbligi ġenerali
1. Kull Parti għandha taċċetta sejbiet ta’ konformità u ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti jew l-organizzazzjonijiet approvati tal-Parti l-oħra, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-Partijiet jistgħu jaċċettaw ukoll approvazzjonijiet, liċenzji jew dokumenti oħra maħruġa minn pajjiż terz bħala forma ta’ rikonoxximent tal-konformità li prodott ajrunawtiku ċivili, organizzazzjoni, jew persuna ġuridika jew fiżika, tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż terz. It-termini u l-kundizzjonijiet għal tali aċċettazzjoni għandhom jiġu speċifikati fl-Annessi xierqa.
3. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jimplika l-aċċettazzjoni reċiproka tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi tal-Partijiet.
4. Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħha jibqgħu kapaċi u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Preżervazzjoni ta’ awtorità regolatorja u miżuri ta’ salvagwardja
1. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li jillimita l-awtorità ta’ Parti biex:
(a) |
tiddetermina, permezz tal-miżuri leġislattivi, regolatorji u amministrattivi tagħha, il-livell ta’ protezzjoni li hija tqis xieraq għas-sikurezza u għall-ambjent; |
(b) |
tieħu l-miżuri xierqa u immedjati kollha kull meta jkun hemm riskju raġonevoli li prodott ajrunawtiku ċivili, servizz jew kwalunkwe attività fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, jista’:
|
2. Meta kwalunkwe Parti tieħu miżuri skont is-subparagrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinforma bil-miktub lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta tkun ħadet tali miżuri, u tagħti r-raġunijiet għalihom.
3. Il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu ma għandhomx jikkostitwixxu ksur ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 6
Komunikazzjoni
1. Il-Partijiet għandhom jaħtru, u jinnotifikaw lil xulxin, punt ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom ikunu kollha bl-Ingliż.
2. Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin lista tal-awtoritajiet kompetenti, u minn hemm ’il quddiem, lista aġġornata kull darba li dan ikun meħtieġ.
Artikolu 7
Trasparenza, kooperazzjoni regolatorja u assistenza reċiproka
1. Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tinżamm informata dwar il-liġijiet u r-regolamenti tagħha relatati ma’ dan il-Ftehim u dwar bidliet sinifikanti fihom.
2. Il-Partijiet għandhom jinformaw lil xulxin, sa fejn ikun possibbli, bir-reviżjonijiet sinifikanti proposti minnhom għal-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u r-rekwiżiti rilevanti tagħhom, u għas-sistemi tagħhom għall-ħruġ taċ-ċertifikati, jekk dawn ir-reviżjonijiet jista’ jkollhom impatt fuq dan il-Ftehim. Sa fejn ikun possibbli, huma għandhom joffru lil xulxin l-opportunità biex jikkummentaw dwar dawn ir-reviżjonijiet u jqisu kif jixraq tali kummenti.
3. Għall-iskop li jinvestigaw u jsolvu kwistjonijiet ta’ sikurezza, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Parti jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti l-oħra jipparteċipaw bħala osservaturi fl-attivitajiet ta’ superviżjoni ta’ xulxin kif speċifikat fl-Anness xieraq.
4. Għall-iskop ta’ monitoraġġ u spezzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Parti għandhom jassistu, jekk ikun meħtieġ, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti l-oħra bl-għan li jipprovdu aċċess mingħajr xkiel għal entitajiet regolati soġġetti għas-superviżjoni tagħha.
5. Biex tkun żgurata l-fiduċja kontinwa minn kull Parti fl-affidabbiltà tal-proċessi għas-sejbiet ta’ konformità tal-Parti l-oħra, kull aġent tekniku jista’ jipparteċipa bħala osservatur fl-attivitajiet ta’ superviżjoni tal-Parti l-oħra, skont il-proċeduri definiti fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 8
Skambju ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza
Il-Partijiet għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u soġġetti għal-leġislazzjoni applikabbli tagħhom:
(a) |
jipprovdu lil xulxin, fuq talba u b’mod f’waqtu, informazzjoni disponibbli għall-aġenti tekniċi tagħhom relatata ma’ aċċidenti, inċidenti jew okkorrenzi serji fir-rigward ta’ prodotti, servizzi jew attivitajiet ajrunawtiċi ċivili koperti bl-Annessi ta’ dan il-Ftehim; u |
(b) |
jiskambjaw informazzjoni oħra dwar is-sikurezza, kif deċiż mill-aġenti tekniċi. |
Artikolu 9
Kooperazzjoni f'attivitajiet ta’ infurzar
Il-Partijiet, permezz tal-aġenti tekniċi jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli kif ukoll id-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa, għandhom jipprovdu meta mitluba kooperazzjoni reċiproka u assistenza f’investigazzjonijiet jew attivitajiet ta’ infurzar li jikkonċernaw kwalunkwe ksur allegat jew suspettat ta’ kwalunkwe liġi jew regolament li jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Barra minn hekk, kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra minnufih dwar kwalunkwe investigazzjoni meta jkunu involuti interessi reċiproċi.
Artikolu 10
Kunfidenzjalità u protezzjoni ta’ data u informazzjoni
1. Kull Parti għandha, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, iżżomm il-kunfidenzjalità tad-data u tal-informazzjoni li tirċievi mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim. Tali data u informazzjoni tista’ tintuża biss mill-Parti li tirċievi d-data u l-informazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.
2. B’mod partikolari, soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, il-Partijiet la għandhom jiżvelaw lil parti terza, inkluż il-pubbliku, u lanqas ma għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiżvelaw lil parti terza, inkluż il-pubbliku, ebda data u informazzjoni li huma jirċievu mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali, proprjetà intellettwali, informazzjoni kunfidenzjali kummerċjali jew finanzjarja, data riżervata jew informazzjoni relatata ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja. Għal dan il-għan, tali data u informazzjoni għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali.
3. Parti jew awtorità kompetenti ta' Parti tista’, meta tipprovdi data u informazzjoni lill-Parti l-oħra jew lil awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra, tindika d-data jew l-informazzjoni li hija tikkunsidra bħala kunfidenzjali u li ma għandhiex tkun soġġetta għall-iżvelar. F’dak il-każ, il-Parti jew l-awtorità kompetenti tagħha għandhom jimmarkaw b’mod ċar tali data jew informazzjoni bħala kunfidenzjali.
4. Jekk Parti ma taqbilx mal-klassifikazzjoni magħmula mill-Parti l-oħra jew minn awtorità kompetenti ta’ dik il-Parti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-ewwel Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 biex tindirizza din il-kwistjoni.
5. Kull Parti għandha tieħu l-prekawzjonijiet raġonevoli kollha li jkunu meħtieġa biex tipproteġi d-data u l-informazzjoni li tirċievi skont dan il-Ftehim minn żvelar mhux awtorizzat.
6. Il-Parti li tirċievi d-data u l-informazzjoni mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim ma għandha tikseb ebda dritt ta' propjetà ta’ tali data u informazzjoni minħabba li tkun irċevietha mill-Parti l-oħra.
Artikolu 11
Kumitat Konġunt tal-Partijiet
1. Għandu jiġi stabbilit Kumitat Konġunt, li jkun magħmul minn rappreżentanti minn kull Parti, bħala korp responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim. Dan il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet b’kunsens. Għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari fuq talba ta’ kwalunkwe Parti taħt il-kopresidenza tal-Partijiet.
2. Il-Kumitat Konġunt jista’ jikkunsidra kwalunkwe suġġett relatat mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari huwa għandu jkun responsabbli biex:
(a) |
isolvi kwalunkwe kwistjoni bejn il-Partijiet li tkun relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; |
(b) |
jikkunsidra modi sabiex titjieb l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Partijiet għall-emendar ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 20; |
(c) |
jadotta Annessi ġodda, jew jemenda jew iħassar l-Annessi eżistenti, soġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 20; u |
(d) |
jieħu deċiżjonijiet, kif xieraq, dwar proċeduri ta’ ħidma relatati mal-kooperazzjoni għall-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 3. |
3. Il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel ħiltu biex jiżviluppa u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 12
Irkupru tal-kostijiet
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li kwalunkwe tariffa jew ħlas impost minn Parti jew mill-aġent tekniku tagħha fuq persuna ġuridika jew fiżika li l-attivitajiet tagħha jkunu koperti b’dan il-Ftehim ikunu ġusti, raġonevoli u proporzjonati mas-servizzi pprovduti u ma għandhomx joħolqu ostaklu għall-kummerċ.
Artikolu 13
Ftehimiet oħra u arranġamenti preċedenti
1. Malli jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu post kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta b’dan il-Ftehim li tkun ġiet implimentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.
2. Waqt il-perijodu tal-applikazzjoni proviżorja skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 20, kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għandu jiġi sospiż fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta b’dan il-Ftehim li tkun ġiet implimentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.
3. L-aġenti tekniċi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrevedu jew itemmu, kif xieraq, arranġamenti preċedenti bejniethom.
4. Soġġett għall-paragrafu 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet li jirriżultaw minn kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor.
Artikolu 14
Applikazzjoni
Għajr fejn speċifikat mod ieħor fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għas-sistema regolatorja tal-avjazzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, għas-sistema regolatorja tal-avjazzjoni ċivili tal-Ġappun.
Artikolu 15
Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi
Il-Partijiet għandhom l-istess għan li jimmassimizzaw il-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim permezz ta' parteċipazzjoni possibbli ta’ pajjiżi terzi fil-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim. Għal dan il-għan il-Kumitat Konġunt, stabbilit skont l-Artikolu 11, jista’ jikkunsidra, kif xieraq, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal tali parteċipazzjoni, li jistgħu jinkludu kwalunkwe emenda neċessarja għal dan il-Ftehim.
Artikolu 16
Konsultazzjonijiet u soluzzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ qbil
1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu kwalunkwe nuqqas ta’ qbil bejniethom relatat mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ konsultazzjoni bejniethom, inkluż permezz tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 11.
2. L-aġenti tekniċi għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu kwalunkwe nuqqas ta’ qbil bejniethom relatat mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 permezz ta’ konsultazzjoni bejniethom. F’każ li kwalunkwe nuqqas ta’ qbil bħal dan ma jiġix solvut permezz ta’ konsultazzjoni bejn l-aġenti tekniċi, kwalunkwe aġent tekniku jista’ jirreferi n-nuqqas ta’ qbil lill-Partijiet, li għandhom jikkonsultaw bejniethom dwar il-kwistjoni, inkluż waqt il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.
3. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet fi żmien miftiehem bejniethom fi żmien 45 jum mit-talba. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.
Artikolu 17
Sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni reċiproka
1. Parti għandu jkollha d-dritt li tissospendi, kompletament jew parzjalment, l-obbligi ta’ aċċettazzjoni tagħha skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4, meta l-Parti l-oħra tikser materjalment l-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim.
2. Qabel ma teżerċita d-dritt tagħha li tissospendi l-obbligi ta’ aċċettazzjoni tagħha, Parti għandha titlob li jsiru konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 16 bil-għan li jinkisbu l-miżuri rimedjali tal-Parti l-oħra. Waqt il-konsultazzjonijiet, il-Partijiet għandhom, fejn xieraq, jikkunsidraw l-effetti tas-sospensjoni.
3. Id-drittijiet skont dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati biss jekk il-Parti l-oħra tonqos milli tieħu miżuri rimedjali f’perijodu ta’ żmien xieraq wara l-konsultazzjonijiet. Jekk Parti teżerċita d-dritt, din għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tissospendi l-obbligi ta’ aċċettazzjoni u tispjega r-raġunijiet għas-sospensjoni.
4. Tali sospensjoni għandha ssir effettiva 30 jum wara d-data tan-notifika, sakemm, qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu, il-Parti, li tkun inizjat is-sospensjoni, ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub li qiegħda tirtira n-notifika tagħha.
5. Tali sospensjoni ma għandhiex taffettwa l-validità tas-sejbiet ta’ konformità u ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti jew l-organizzazzjonijiet approvati tal-Parti l-oħra qabel id-data li fiha tkun saret effettiva s-sospensjoni. Kwalunkwe sospensjoni bħal din li tkun saret effettiva tista’ tiġi rtirata immedjatament wara skambju ta’ noti diplomatiċi għal dak il-għan mill-Partijiet.
Artikolu 18
Intestaturi
L-intestaturi tal-Artikoli ta’ dan il-Ftehim huma mdaħħla biss għall-konvenjenza ta’ referenza u ma għandhomx jaffettwaw l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 19
Annessi
L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim, u r-referenzi kollha għall-“Ftehim” għandhom jinkludu referenzi għall-Annessi għajr fejn previst mod ieħor.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ, applikazzjoni proviżorja, terminazzjoni u emendar
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw noti diplomatiċi li jikkonfermaw it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2. Sakemm jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat proviżorjament mill-iffirmar tiegħu, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet.
3. Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin b’notifika bil-miktub ta’ sitt xhur lill-Parti l-oħra, sakemm dik in-notifika ma tkunx ġiet irtirata bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jiskadi dan il-perijodu.
4. Wara n-notifika ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom ikomplu jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, sad-data effettiva tat-terminazzjoni.
5. It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-organizzazzjonijiet approvati skont it-termini ta’ dan il-Ftehim.
6. Il-Partijiet jistgħu jemendaw dan il-Ftehim permezz ta’ ftehim bil-miktub. Tali emendar għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw noti diplomatiċi li jikkonfermaw it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-emendar.
7. Minkejja l-paragrafu 6, l-adozzjoni ta’ Annessi ġodda, jew l-emendar jew it-tħassir ta’ Annessi eżistenti għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data meta l-Unjoni Ewropea tirċievi n-notifika bil-miktub mill-Gvern tal-Ġappun tat-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa tiegħu.
Artikolu 21
Testi awtentiċi
1. Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża, u Ġappuniża, b’kull test ugwalment awtentiku.
2. F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza ta’ interpretazzjoni, għandha tingħata prevalenza lit-test bl-Ingliż.
B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
ANNESS 1
AJRUNAVIGABBILTÀ U ĊERTIFIKAZZJONI AMBJENTALI
Artikolu 1
Skop u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan l-Anness ġie elaborat għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni fl-oqsma li ġejjin, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim, u jiddeskrivi t-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodi għall-aċċettazzjoni reċiproka ta’ sejbiet ta’ konformità u ta’ ċertifikati:
(a) |
iċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà u l-monitoraġġ ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili msemmija fis-subparagrafu 1(a) tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim; |
(b) |
ċertifikati ambjentali u ttestjar ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili msemmija fis-subparagrafu 1(b) tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim; u |
(c) |
iċ-ċertifikati tad-disinn u tal-produzzjoni u l-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni msemmija fis-subparagrafu 1(c) tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim. |
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-prodotti ajrunawtiċi ċivili użati, għajr l-inġenji tal-ajru użati, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:
(a) |
“ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat” tfisser ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti jew minn organizzazzjoni approvata tal-Parti li tesporta bħala forma ta’ rikonoxximent li prodott ajrunawtiku ċivili ġdid, li mhux inġenju tal-ajru, jikkonforma ma’ disinn approvat mill-Parti li tesporta u jkun f’kundizzjoni li jitħaddem mingħajr periklu; |
(b) |
“awtorità ta’ ċertifikazzjoni” tfisser l-aġent tekniku tal-Parti li tesporta li joħroġ ċertifikat tad-disinn għal prodott ajrunawtiku ċivili fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità li twettaq ir-responsabbiltajiet tal-Istat ta’ Disinn stabbiliti fl-Anness 8 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali; |
(c) |
“ċertifikat tad-disinn” tfisser ċertifikat maħruġ mill-aġent tekniku jew minn organizzazzjoni approvata ta’ Parti bħala forma ta’ rikonoxximent li d-disinn jew il-bidla fid-disinn ta’ prodott ajrunawtiku ċivili tikkonforma mar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà, u kif applikabbli, mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-istorbju, tal-ivventjar tal-karburant jew tal-emissjonijiet ta’ egżost stabbiliti fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dik il-Parti; |
(d) |
“rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn” tfisser ir-rekwiżiti operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali li jaffettwaw il-karatteristiċi tad-disinn, id-data dwar id-disinn ta’ prodott ajrunawtiku ċivili relatata mat-tħaddim jew il-manutenzjoni tal-prodott ajrunawtiku ċivili, li jagħmluh eliġibbli għal tip ta’ operazzjoni partikolari; |
(e) |
“esportazzjoni” tfisser il-proċess li bih prodott ajrunawtiku ċivili jiġi rilaxxat mis-sistema regolatorja għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili ta’ Parti għal dik tal-Parti l-oħra; |
(f) |
“ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni” tfisser ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta jew, għal inġenji tal-ajru użati, mill-awtorità kompetenti tal-Istat tar-Reġistrazzjoni li minnu jiġi esportat il-prodott bħala forma ta’ rikonoxximent li inġenju tal-ajru jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-ajrunavigabbiltà u tal-protezzjoni ambjentali nnotifikati mill-Parti li timporta; |
(g) |
“Parti li tesporta” tfisser il-Parti li mis-sistema regolatorja tagħha għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili jiġi esportat prodott ajrunawtiku ċivili; |
(h) |
“importazzjoni” tfisser il-proċess li bih prodott ajrunawtiku ċivili esportat mis-sistema regolatorja għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili ta’ Parti jiġi introdott f’dik tal-Parti l-oħra; |
(i) |
“Parti li timporta” tfisser il-Parti li fis-sistema regolatorja tagħha għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili jiġi importat prodott ajrunawtiku ċivili; |
(j) |
“bidla maġġuri” tfisser il-bidliet kollha fid-disinn tat-tip li mhumiex “bidla minuri”; |
(k) |
“bidla minuri” tfisser bidla fid-disinn tat-tip li ma jkollha l-ebda effett apprezzabbli fuq il-massa, il-bilanċ, is-saħħa strutturali, l-affidabbiltà, il-karatteristiċi operazzjonali, l-istorbju, l-ivventjar tal-karburant, l-emissjoni ta’ egżost, jew karatteristiċi oħra li jaffettwaw l-ajrunavigabbiltà tal-prodott ajrunawtiku ċivili; |
(l) |
“data dwar l-idoneità operazzjonali” tfisser is-sett ta’ data meħtieġa li tappoġġa u tippermetti l-aspetti operazzjonali speċifiċi tat-tip ta’ ċerti tipi ta’ inġenji tal-ajru li huma regolati skont is-sistema regolatorja għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tkun iddisinjata mill-applikant ir-għal ċertifikat tat-tip jew mid-detentur ta’ ċertifikat tat-tip għall-inġenju tal-ajru u għandha tkun parti miċ-ċertifikat tat-tip. Skont is-sistema regolatorja għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea, applikazzjoni inizjali għal ċertifikat tat-tip jew ċertifikat tat-tip ristrett għandha tinkludi, jew sussegwentement tiġi supplimentata minn, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ data dwar l-idoneità operazzjonali, kif applikabbli għat-tip ta’ inġenju tal-ajru; |
(m) |
“approvazzjoni tal-produzzjoni” tfisser ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ Parti lil manifattur li jipproduċi prodotti ajrunawtiċi ċivili, bħala forma ta’ rikonoxximent li l-manifattur jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dik il-Parti għall-produzzjoni tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili partikolari; |
(n) |
“approvazzjoni tal-produzzjoni indipendenti” tfisser approvazzjoni tal-produzzjoni maħruġa lil manifattur ta’ prodott ajrunawtiku ċivili li ma tkunx estensjoni tal-approvazzjoni tal-produzzjoni lil ebda entità affiljata tal-manifattur; |
(o) |
“proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika” tfisser il-proċeduri ta’ implimentazzjoni għal dan l-Anness żviluppati mill-aġenti tekniċi skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim; u |
(p) |
“awtorità ta’ validazzjoni” tfisser l-aġent tekniku tal-Parti li timporta li awtomatikament jaċċetta jew jivvalida, kif speċifikat f’dan l-Anness, ċertifikat tad-disinn maħruġ mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni jew minn organizzazzjoni approvata; |
Artikolu 3
Stabbiliment u kompożizzjoni
1. Il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, responsabbli lejn il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim, huwa b’dan stabbilit taħt il-kopresidenza tal-aġenti tekniċi, bħala korp ta’ koordinazzjoni teknika responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-Anness. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-aġent tekniku ta’ kull Parti u jista’ jistieden parteċipanti addizzjonali biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-mandat tiegħu.
2. Il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari fuq talba ta’ kwalunkwe aġent tekniku, u għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet b’kunsens. Għandu jizviluppa u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Artikolu 4
Mandat
Il-mandat tal-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għandu jinkludi b’mod partikolari:
(a) |
l-iżvilupp, l-adozzjoni u r-reviżjoni tal-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan l-Anness; |
(b) |
il-qsim ta’ informazzjoni dwar tħassib maġġuri dwar is-sikurezza u, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni biex dan it-tħassib jiġi indirizzat; |
(c) |
is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet tekniċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti u li jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness; |
(d) |
fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ mezzi effettivi għal kooperazzjoni, appoġġ tekniku u skambju ta’ informazzjoni dwar rekwiżiti ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni ambjentali, sistemi ta’ ċertifikazzjoni u sistemi ta’ ġestjoni u ta’ standardizzazzjoni tal-kwalità; |
(e) |
it-tressiq ta’ emendi proposti għal dan l-Anness, lill-Kumitat Konġunt; |
(f) |
skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 ta’ dan l-Anness, id-definizzjoni ta’ proċeduri biex tiġi żgurata l-fiduċja kontinwa ta’ kull Parti fl-affidabbiltà tal-proċessi tas-sejbiet ta’ konformità tal-Parti l-oħra; |
(g) |
l-analiżi u t-teħid ta’ azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija fis-subparagrafu (f); u |
(h) |
ir-rapportar ta’ kwistjonijiet mhux solvuti lill-Kumitat Konġunt u l-iżgurar tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat Konġunt rigward dan l-Anness. |
Artikolu 5
Awtoritajiet kompetenti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tad-disinn, ċertifikazzjoni tal-produzzjoni u ċertifikati tal-esportazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tad-disinn huma:
(a) |
għall-Unjoni Ewropea: l-Aġenzija tastas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea; u |
(b) |
għall-Ġappun: l-Uffiċċju tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Ministeru għall-Art, l-Infrastruttura, it-Trasport u t-Turiżmu tal-Ġappun. |
2. L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-produzzjoni u ċ-ċertifikati tal-esportazzjoni huma:
(a) |
għall-Unjoni Ewropea: l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward ta’ ċertifikat tal-esportazzjoni għal inġenji tal-ajru użati, hija l-awtorità kompetenti tal-Istat tar-Reġistrazzjoni għall-inġenju tal-ajru li minnu jiġi esportat; u |
(b) |
għall-Ġappun: l-Uffiċċju tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Ministeru għall-Art, l-Infrastruttura, it-Trasport u t-Turiżmu tal-Ġappun. |
Artikolu 6
Proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika
1. Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika għandhom jiġu żviluppati mill-aġenti tekniċi permezz tal-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni sabiex jiġu pprovduti proċeduri speċifiċi li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, billi jiġu definiti l-proċeduri għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.
2. Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika għandhom jindirizzaw ukoll id-differenzi bejn l-istandards, ir-regoli, il-prattiki, il-proċeduri u s-sistemi tal-avjazzjoni ċivili tal-Partijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, kif previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 7
Skambju u protezzjoni ta’ data u informazzjoni kunfidenzjali u riżervati
1. Id-data u l-informazzjoni skambjati fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim.
2. Id-data u l-informazzjoni skambjati waqt il-proċess ta’ validazzjoni għandhom ikunu limitati fin-natura u l-kontenut għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dimostrazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
3. Kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ skambju ta’ data u informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet għandu jiġi ttrattat kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika. Kull Parti għandha żżomm id-dritt li tirreferi n-nuqqas ta’ qbil lill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għal soluzzjoni.
Artikolu 8
Prinċipji ġenerali
1. Din it-Taqsima tindirizza ċ-ċertifikati tad-disinn u l-bidliet tagħhom kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness, b’mod partikolari:
(a) |
ċertifikati tat-tip; |
(b) |
approvazzjonijiet tat-tip u approvazzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni; |
(c) |
ċertifikati tat-tip supplimentari; |
(d) |
approvazzjonijiet tad-disinn tat-tiswija; |
(e) |
approvazzjonijiet tal-ordni ta’ standard tekniku; u |
(f) |
ċertifikati tat-tip ristrett. Iċ-ċertifikati tat-tip ristrett jinħarġu mill-aġenti tekniċi u jiġu indirizzati fuq bażi ta’ każ b’każ mill-aġenti tekniċi kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika. |
2. L-awtorità ta’ validazzjoni għandha jew tivvalida, filwaqt li tqis il-livell ta’ involviment imsemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan l-Anness, jew taċċetta awtomatikament ċertifikat tad-disinn jew bidlali tkun inħarġet, jew li tkun fil-proċess li tinħareġjew li tiġi approvata mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness u kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika, inkluż il-modalitajiet tagħha ta’ aċċettazzjoni awtomatika u ta’ validazzjoni taċ-ċertifikati.
3. Għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, kull Parti għandha tiżgura li fis-sistema regolatorja tagħha għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili, id-dimostrazzjoni tal-kapaċità ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tad-disinn li tassumi r-responsabbiltajiet tagħha tkun ikkontrollata biżżejjed permezz ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet tad-disinn.
Artikolu 9
Proċess ta’ validazzjoni
1. Għandha ssir applikazzjoni għall-validazzjoni ta’ ċertifikat tad-disinn ta’ prodott ajrunawtiku ċivili lill-awtorità ta’ validazzjoni permezz tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
2. L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tiżgura li l-awtorità ta’ validazzjoni tirċievi d-data u l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-validazzjoni taċ-ċertifikat tad-disinn, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
3. Hekk kif tirċievi l-applikazzjoni għall-validazzjoni taċ-ċertifikat tad-disinn, l-awtorità ta’ validazzjoni għandha tiddetermina l-bażi taċ-ċertifikazzjoni għall-validazzjoni skont l-Artikolu 11 ta’ dan l-Anness, kif ukoll il-livell ta’ involviment tal-awtorità ta’ validazzjoni fil-proċess ta’ validazzjoni skont l-Artikolu 12 ta’ dan l-Anness.
4. L-awtorità ta’ validazzjoni għandha, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika, tibbaża l-validazzjoni tagħha kemm jista’ jkun fuq l-evalwazzjonijiet tekniċi, it-testijiet, l-ispezzjonijiet u s-sejbiet ta’ konformità magħmula mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.
5. L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha, wara li teżamina d-data u l-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni toħroġ iċ-ċertifikat tad-disinn tagħha għall-prodott ajrunawtiku ċivili validat (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ċertifikat ta’ disinn validat”) meta:
(a) |
jiġi kkonfermat li l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tkun ħarġet iċ-ċertifikat tad-disinn tagħha stess għall-prodott ajrunawtiku ċivili; |
(b) |
ikun ġie ddikjarat mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni li l-prodott ajrunawtiku ċivili jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-Anness; |
(c) |
il-kwistjonijiet kollha mqajma waqt il-proċess ta’ validazzjoni mwettaq mill-awtorità ta’ validazzjoni jkunu ġew solvuti; u |
(d) |
rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika, jkunu ġew issodisfati mill-applikant. |
6. Kull Parti għandha tiżgura li sabiex jikseb u jżomm ċertifikat tad-disinn validat, l-applikant ikollu u jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-disinn, it-tpinġijiet u r-rapporti tat-testijiet, inkluż ir-rekords ta’ spezzjoni għall-prodott ajrunawtiku ċivili ċċertifikat, sabiex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu żgurati l-ajrunavigabbiltà kontinwa u l-konformità mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali applikabbli tal-prodott ajrunawtiku ċivili.
Artikolu 10
Modalitajiet tal-validazzjoni ta’ ċertifikati tad-disinn
1. Iċ-ċertifikati tat-tip maħruġa mill-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu vvalidati mill-Ġappun bħala l-awtorità ta’ validazzjoni. Ċertu data, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika, għandha tiġi aċċettata awtomatikament. Din id-data tinkludi d-dokumenti li ġejjin, kif applikabbli:
(a) |
manwal tal-installazzjoni tal-magna (għal ċertifikat tat-tip tal-magna); |
(b) |
manwal tat-tiswija strutturali; |
(c) |
struzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa ta’ sistemi ta’ interkonnessjoni ta’ wajers elettriċi; u |
(d) |
manwal tal-bilanċ tal-piż. |
2. Iċ-ċertifikati tat-tip supplimentari sinifikanti u l-approvazzjonijiet għal bidliet maġġuri sinifikanti maħruġa mill-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu vvalidati mill-Ġappun bħala l-awtorità ta’ validazzjoni. Bħala prinċipju għandu jintuża proċess ta’ validazzjoni simplifikat limitat għall-familjarizzazzjoni teknika mingħajr l-involviment tal-awtorità ta’ validazzjoni fl-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni ta’ konformità mill-applikant sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-aġenti tekniċi fuq bażi ta’ każ b’każ.
3. Iċ-ċertifikati tat-tip u l-approvazzjonijiet tat-tip għal magna ta’ inġenju tal-ajru u skrun ta’ inġenju tal-ajru maħruġa mill-Ġappun bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu vvalidati mill-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ validazzjoni.
4. L-approvazzjonijiet tat-tip għal prodott ajrunawtiku ċivili għajr magna ta’ inġenju tal-ajru jew skrun ta’ inġenju tal-ajru, iċ-ċertifikati tat-tip supplimentari, u l-approvazzjonijiet għal bidliet maġġuri, tiswijiet maġġuri u speċifikazzjonijiet maħruġa mill-Ġappun bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu vvalidati mill-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ validazzjoni. Jistà jintuża proċess ta’ validazzjoni simplifikat limitat għall-familjarizzazzjoni teknika mingħajr l-involviment tal-awtorità ta’ validazzjoni fl-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni ta’ konformità mill-applikant meta dan jiġi deċiż mill-aġenti tekniċi fuq bażi ta’ każ b’każ.
Artikolu 11
Bażi taċ-ċertifikazzjoni għall-validazzjoni
1. Għall-fini tal-validazzjoni ta’ ċertifikat tad-disinn ta’ prodott ajrunawtiku ċivili, l-awtorità ta’ validazzjoni għandha tirreferi għar-rekwiżiti li ġejjin stabbiliti fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Parti tagħha biex tiddetermina l-bażi taċ-ċertifikazzjoni:
(a) |
ir-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà għal prodott ajrunawtiku ċivili simili li kienu fis-seħħ fid-data effettiva tal-applikazzjoni stabbiliti mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, u kkumplimentati meta applikabbli b’kundizzjonijiet tekniċi addizzjonali kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika; u |
(b) |
ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għall-prodott ajrunawtiku ċivili li kienu fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni għall-validazzjoni lill-awtorità ta’ validazzjoni. |
2. L-awtorità ta’ validazzjoni għandha tispeċifika, meta applikabbli, kwalunkwe:
(a) |
eżenzjoni għar-rekwiżiti applikabbli; |
(b) |
devjazzjoni mir-rekwiżiti applikabbli; jew |
(c) |
fattur ta’ kumpens li jipprovdi livell ekwivalenti ta’ sikurezza meta r-rekwiżiti applikabbli ma jiġux imħarsa. |
3. Minbarra r-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ta’ validazzjoni għandha tispeċifika kwalunkwe kundizzjoni speċjali li għandha tiġi applikata jekk il-kodiċijiet tal-ajrunavigabbiltà, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma jkunx fihom rekwiżiti ta’ sikurezza adegwati jew xierqa għall-prodott ajrunawtiku ċivili, minħabba li:
(a) |
il-prodott ajrunawtiku ċivili jkollu karatteristiċi ta’ disinn ġodda jew mhux tas-soltu b’rabta mal-prattiki tad-disinn li fuqhom il-kodiċijiet tal-ajrunavigabbiltà, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli huma bbażati; |
(b) |
l-użu maħsub tal-prodott ajrunawtiku ċivili ma jkunx wieħed konvenzjonali; jew |
(c) |
l-esperjenza miksuba minn prodotti ajrunawtiċi ċivili simili oħra fis-servizz jew minn prodotti ajrunawtiċi ċivili li jkollhom karatteristiċi tad-disinn simili, tkun uriet li jistgħu jiżviluppaw xi kundizzjonijiet mhux sikuri. |
4. Meta tispeċifika eżenzjonijiet, devjazzjonijiet, fatturi ta’ kumpens jew kundizzjonijiet speċjali, l-awtorità ta’ validazzjoni għandha tagħti l-konsiderazzjoni dovuta għal dawk applikati mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni u dawn m’għandhomx ikunu aktar eżiġenti biex il-prodotti ajrunawtiċi ċivili jiġu vvalidati milli kieku jkun għal prodotti simili tagħha stess. L-awtorità ta’ validazzjoni għandha tinnotifika lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni bi kwalunkwe eżenzjoni, devjazzjoni, fattur ta’ kumpens jew kundizzjoni speċjali bħal dawn.
Artikolu 12
Livell ta’ involviment tal-awtorità ta’ validazzjoni
1. Il-livell ta’ involviment tal-awtorità ta’ validazzjoni ta’ Parti waqt il-proċess ta’ validazzjoni msemmi fl-Artikolu 9 ta’ dan l-Anness u kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika għandu jiġi ddeterminat prinċipalment minn:
(a) |
l-esperjenza u r-rekords tal-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni; |
(b) |
l-esperjenza diġà miksuba minn din l-awtorità ta’ validazzjoni waqt eżerċizzji ta’ validazzjoni preċedenti mal-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra; |
(c) |
in-natura tad-disinn li għangu jiġi vvalidat, |
(d) |
il-prestazzjoni u l-esperjenza tal-applikant mal-awtorità ta’ validazzjoni; u |
(e) |
ir-riżultat tal-valutazzjonijiet tar-rekwiżiti tal-kwalifiki msemmija fl-Artikoli 28 u 29 ta’ dan l-Anness. |
2. L-awtorità ta’ validazzjoni għandha teżerċita proċeduri u skrutinju speċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċessi u l-metodi tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, waqt l-ewwel validazzjoni ta’ kategorija ta’ prodott partikolari, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
3. L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha titkejjel, tiġi sorveljata u rieżaminata regolarment mill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, bl-użu ta’ metriċi kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
Artikolu 13
Proċess ta’ aċċettazzjoni awtomatika
1. Għal ċertifikat tad-disinn soġġett għall-aċċettazzjoni awtomatika, l-awtorità ta’ validazzjoni għandha taċċetta ċ-ċertifikat tad-disinn maħruġ mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni mingħajr ebda attività ta’ validazzjoni. F’dan il-każ, iċ-ċertifikat tad-disinn għandu jiġi rikonoxxut mill-awtorità ta’ validazzjoni bħala ekwivalenti għal ċertifikat maħruġ skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Parti tagħha u l-awtorità ta’ validazzjoni m’għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat korrispondenti tagħha.
2. Ċertifikati tat-tip supplimentari mhux sinifikanti, bidliet maġġuri mhux sinifikanti jew tiswijiet maġġuri mhux sinifikanti u approvazzjonijiet tal-ordni ta’ standard tekniku maħruġa mill-aġent tekniku tal-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu aċċettati awtomatikament mill-aġent tekniku tal-Ġappun bħala l-awtorità ta’ validazzjoni.
3. Bidliet minuri u tiswijiet minuri approvati mill-aġent tekniku tal-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni jew minn organizzazzjoni approvata skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu aċċettati awtomatikament mill-aġent tekniku tal-Ġappun bħala l-awtorità ta’ validazzjoni.
4. Bidliet minuri u tiswijiet minuri approvati mill-aġent tekniku tal-Ġappun bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni jew minn organizzazzjoni approvata skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun għandhom jiġu aċċettati awtomatikament mill-aġent tekniku tal-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità ta’ validazzjoni.
Artikolu 14
Dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni għall-Artikoli 10 u 13
1. Il-klassifikazzjonijiet ta’ bidla minuri jew ta’ bidla maġġuri għandhom isiru mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni skont id-definizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness u interpretati skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.
2. Sabiex tikklassifika ċertifikat tat-tip supplimentari jew bidla maġġuri bħala sinifikanti jew mhux sinifikanti, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tikkunsidra l-bidla fil-kuntest tal-bidliet kollha tad-disinn rilevanti preċedenti u r-reviżjonijiet relatati kollha mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli inkorporati fiċ-ċertifikat tat-tip għall-prodott ajrunawtiku ċivili. Il-bidliet li jissodisfaw kwalunkwe wieħed minn dawn il-kriterji li ġejjin huma kkunsidrati awtomatikament bħala sinifikanti:
(a) |
il-konfigurazzjoni ġenerali jew il-prinċipji tal-kostruzzjoni ma jinżammux; jew |
(b) |
is-suppożizzjonijiet użati għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott ajrunawtiku ċivili li għandu jinbidel ma jibqgħux validi. |
Artikolu 15
Trasferiment ta’ ċertifikat tad-disinn
Fil-każ li detentur taċ-ċertifikat tad-disinn jittrasferixxi ċ-ċertifikat tad-disinn tiegħu lil entità oħra, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni responsabbli għaċ-ċertifikat tad-disinn għandha tinnotifika minnufih lill-awtorità ta’ validazzjoni dwar it-trasferiment u tapplika l-proċedura relatata mat-trasferiment ta’ ċertifikati tad-disinn kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
Artikolu 16
Rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn
1. L-aġenti tekniċi għandhom jiżguraw li, fejn meħtieġ, id-data u l-informazzjoni relatati mar-rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn jiġu skambjati waqt il-proċess ta’ validazzjoni.
2. Soġġett għal deċiżjoni bejn l-aġenti tekniċi għal xi rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn, l-awtorità ta’ validazzjoni tista’ taċċetta d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-awtorità ta' -ċertifikazzjoni permezz tal-proċess ta’ validazzjoni.
Artikolu 17
Dokumenti operazzjonali u data relatata mat-tip
1. Xi settijiet speċifiċi tat-tip ta’ dokumenti operazzjonali u data, inkluż data dwar l-idoneità operazzjonali fis-sistema tal-Unjoni Ewropea u data ekwivalenti fis-sistema Ġappuniża, ipprovduti mid-detentur taċ-ċertifikat tat-tip, għandhom jiġu approvati jew aċċettati mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni u, jekk meħtieġ, jiġu skambjati waqt il-proċess ta’ validazzjoni.
2. Id-dokumenti u operazzjonali u d-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu jew awtomatikament aċċettati jew ivvalidati mill-awtorità ta’ validazzjoni kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
Artikolu 18
Validazzjoni konkorrenti
Meta jiġi deċiż mill-applikant u l-aġenti tekniċi, jista’ jintuża proċess ta’ validazzjoni konkorrenti, fejn xieraq u kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
Artikolu 19
Ajrunavigabbiltà kontinwa
1. L-aġenti tekniċi għandhom jieħdu azzjoni biex jindirizzaw kundizzjonijiet mhux sikuri fi prodotti ajrunawtiċi ċivili li għalihom huma jkunu l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.
2. Fuq talba, awtorità kompetenti ta’ Parti għandha, fir-rigward ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili ddisinjati jew immanifatturati taħt is-sistema regolatorja tagħha, tassisti lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra biex tiddetermina kwalunkwe azzjoni meqjusa meħtieġa għall-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili.
3. Meta diffikultajiet waqt is-servizz jew kwistjonijiet ta’ sikurezza potenzjali oħra li jaffettwaw prodott ajrunawtiku ċivili fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness iwasslu għal investigazzjoni mwettqa mill-aġent tekniku ta’ Parti li tkun l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għall-prodott ajrunawtiku ċivili, l-aġent tekniku tal-Parti l-oħra għandu, fuq talba, jappoġġa dik l-investigazzjoni, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti rrapportata mill-entitajiet rilevanti dwar fallimenti, malfunzjonijiet, difetti jew okkorrenzi oħra li jaffettwaw dak il-prodott ajrunawtiku ċivili.
4. L-obbligi ta’ rappurtar tad-detenturi taċ-ċertifikat tad-disinn lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni u l-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilit b’dan l-Anness għandhom jitqiesu li jissodisfaw l-obbligu ta’ kull detentur ta’ ċertifikat tad-disinn li jirrapporta fallimenti, malfunzjonijiet, difetti jew okkorrenzi oħra li jaffettwaw dak il-prodott ajrunawtiku ċivili lill-awtorità ta’ validazzjoni.
5. L-azzjonijiet biex jiġu indirizzati kundizzjonijiet mhux sikuri u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ddettaljati fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
6. L-aġent tekniku ta’ Parti għandu jżomm lill-aġent tekniku tal-Parti l-oħra infurmat bl-informazzjoni obbligatorja dwar l-ajrunavigabbiltà kontinwa fir-rigward ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili ddisinjati jew immanifatturati taħt is-sistema ta’ sorveljanza tal-Parti tiegħu, u li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness.
7. Kwalunkwe bidla fl-istatus ta’ ajrunavigabbiltà ta’ ċertifikat maħruġ minn aġent tekniku ta’ Parti għandha tiġi kkomunikata f'waqtha lill-aġent tekniku tal-Parti l-oħra.
Artikolu 20
Rikonoxximent taċ-ċertifikazzjoni tal-produzzjoni u s-sistema ta’ sorveljanza tal-produzzjoni
1. Il-Parti li timporta għandha tirrikonoxxi ċ-ċertifikazzjoni tal-produzzjoni u s-sistema ta’ sorveljanza tal-produzzjoni tal-Parti li tesporta, peress li s-sistema hija meqjusa bħala ekwivalenti biżżejjed għas-sistema tal-Parti li timporta fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 26 ta’ dan l-Anness .
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll:
(a) |
għall-produzzjoni ta’ prodott ajrunawtiku ċivili li għalih ir-responsabbiltajiet tal-Istat tad-Disinn huma eżerċitati minn pajjiż li mhuwiex il-Parti li tesporta l-prodott ajrunawtiku ċivili, dment li l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta tkun stabbiliet u implimentat il-proċeduri meħtieġa mal-awtorità rilevanti tal-Istat tad-Disinn biex tikkontrolla l-interfaċċa bejn id-detentur taċ-ċertifikat tad-disinn u d-detentur tal-approvazzjoni tal-produzzjoni għal dak il-prodott ajrunawtiku ċivili; |
(b) |
għall-produzzjoni ta’ prodott ajrunawtiku ċivili għajr inġenju tal-ajru ċivili, magna ta’ inġenju tal-ajru jew skrun ta’ inġenju tal-ajru prodott minn detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni indipendenti tal-Parti li tesporta, li jkun jinsab barra mit-territorji tal-Partijiet; u |
(c) |
għall-produzzjoni ta’ magna ta’ inġenju tal-ajru u skrun ta’ inġenju tal-ajru prodotti minn detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni indipendenti tal-Parti li tesporta li jkun jinsab barra mit-territorji tal-Partijiet, soġġett għal rieżami mill-aġenti tekniċi fuq bażi ta’ każ b’każ. |
Artikolu 21
Estensjoni tal-approvazzjoni tal-produzzjoni u approvazzjoni tal-produzzjoni indipendenti
1. Approvazzjoni tal-produzzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta lil manifattur li jkun jinsab primarjament fit-territorju tal-Parti li tesporta u rikonoxxuta skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 ta’ dan l-Anness tista’ tiġi estiża biex tinkludi siti u faċilitajiet ta' manifattura tal-manifattur li jkun jinsab fit-territorju tal-Parti li timporta jew fit-territorju ta’ pajjiż terz, irrispettivament mill-istatus legali ta’ dawn is-siti u l-faċilitajiet ta’ manifattura, u irrispettivament mit-tip ta’ prodott ajrunawtiku ċivili manifatturat f’dawn is-siti u l-faċilitajiet. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta għandha tibqa’ responsabbli għas-sorveljanza ta’ dawn is-siti u l-faċilitajiet ta’ manifattura u l-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta m’għandhiex toħroġ l-approvazzjoni tal-produzzjoni tagħha stess għal dawk is-siti u l-faċilitajiet ta' manifattura għall-istess prodott ajrunawtiku ċivili.
2. L-approvazzjonijiet tal-produzzjoni indipendenti maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Parti lil manifattur li jkun jinsab f’territorju ta’ Parti oħra, li jkunu għadhom fis-seħħ fiż-żmien tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fuq bażi ta’ każ b’każ mill-aġenti tekniċi. B’konsultazzjoni mad-detenturi tal-approvazzjonijiet tal-produzzjoni indipendenti, xi ftit minn dawn l-approvazzjonijiet tal-produzzjoni indipendenti jistgħu jintemmu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.
Artikolu 22
L-interfaċċa bejn id-detentur tal-approvazzjoni tal-produzzjoni u d-detentur taċ-ċertifikat tad-disinn
1. F’każijiet fejn id-detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni għal prodott ajrunawtiku ċivili jkun regolat mill-awtorità kompetenti ta’ Parti, u d-detentur ta’ ċertifikat tad-disinn għall-istess prodott ajrunawtiku ċivili jkun regolat mill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiddefinixxu r-responsabbiltajiet ta’ kull Parti biex tikkontrolla l-interfaċċa bejn id-detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni u d-detentur ta’ ċertifikat tad-disinn.
2. Għall-iskop ta’ esportazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili fil-qafas ta’ dan l-Anness, meta d-detentur ta’ ċertifikat tad-disinn u d-detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni ma jkunux l-istess entità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet għandhom jiżguraw li d-detentur ta’ ċertifikat tad-disinn jistabbilixxi arranġamenti xierqa mad-detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni biex jiġu żgurat li jkun hemm koordinazzjoni sodisfaċenti bejn id-disinn u l-produzzjoni u l-appoġġ xieraq tal-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-prodott ajrunawtiku ċivili.
Artikolu 23
Evitar ta’ duplikazzjoni tal-approvazzjonijiet tal-produzzjoni
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-aġenti tekniċi, l-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta ma għandhiex toħroġ approvazzjoni tal-produzzjoni lil detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni tal-Parti li tesporta jekk dik l-approvazzjoni tal-produzzjoni tkun tkopri l-prodotti ajrunawtiċi ċivili li huma diġà inklużi fl-approvazzjoni tal-produzzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta.
Artikolu 24
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan l-Anness jindirizza ċ-ċertifikati tal-esportazzjoni li ġejjin fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika:
(a) |
ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni għal inġenji ta’ l-ajru ġodda u użati; u |
(b) |
ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat għal prodotti ajrunawtiċi ċivili ġodda li mhumiex inġenji tal-ajru. |
Artikolu 25
Ħruġ ta’ ċertifikat tal-esportazzjoni
1. Meta toħroġ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni għal inġenju tal-ajru ġdid jew ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat għal prodott ajrunawtiku ċivili ġdid li mhux inġenju tal-ajru, l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta għandha tiżgura li tali prodott ajrunawtiku ċivili:
(a) |
ikun konformi mad-disinn awtomatikament aċċettat jew ivvalidat, jew iċċertifikat mill-Parti li timporta skont dan l-Anness u kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika; |
(b) |
ikun f’kundizzjoni li jitħaddem mingħajr periklu; |
(c) |
jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali kollha nnotifikati mill-Parti li timporta; u |
(d) |
fir-rigward ta’ inġenji tal-ajru ċivili, magni ta’ inġenji tal-ajru u skrejjen ta’ inġenji tal-ajru, jikkonforma mal-informazzjoni dwar l-ajrunavigabbiltà kontinwa obbligatorja applikabbli, inkluż id-direttivi dwar l-ajrunavigabbiltà tal-Parti li timporta, kif innotifikat minn dik il-Parti. |
2. Meta toħroġ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni għal inġenju tal-ajru użat u rreġistrat fil-Parti li tesporta, minbarra r-rekwiżiti msemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta għandha tiżgura li tali inġenju tal-ajru tkun saritlu manutenzjoni kif suppost bl-użu tal-proċeduri u l-metodi approvati tal-Parti li tesporta matul il-ħajja tas-servizz tiegħu, kif muri mill-ġurnali ta’ abbord u r-rekords tal-manutenzjoni.
Artikolu 26
Aċċettazzjoni ta’ ċertifikat tal-esportazzjoni għal prodott ajrunawtiku ċivili ġdid
1. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima E ta’ dan l-Anness u tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta għandha taċċetta ċertifikat tal-esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti jew minn detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni bħala organizzazzjoni approvata tal-Parti li tesporta għal prodott ajrunawtiku ċivili ġdid, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness u kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
2. Fil-każ ta’ kategoriji ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili li ma ġewx aċċettati preċedentement skont is-sistema regolatorja għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili tal-Parti li timporta, l-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta tista’ tiddeċiedi, qabel ma taċċetta ċ-ċertifikati tal-esportazzjoni għal dawk il-prodotti ajrunawtiċi ċivili skont dan l-Artikolu, li twettaq valutazzjoni tad-detentur ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika sabiex tikkonferma li d-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 25 ta’ dan l-Anness huma ssodisfati b'mod effettiv. Meta l-Parti li timporta jkollha l-intenzjoni li twettaq tali valutazzjoni, din il-Parti għandha tinforma lill-Parti li tesporta. Il-lista ta’ detenturi ta’ approvazzjoni tal-produzzjoni li jkunu temmew b’suċċess tali valutazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-pubblikazzjoni uffiċjali tal-aġent tekniku tal-Parti li timporta.
Artikolu 27
Aċċettazzjoni ta’ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni għal inġenju tal-ajru użat
1. L-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta għandha taċċetta ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta għal inġenju tal-ajru użat skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika biss jekk id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip jew taċ-ċertifikat tat-tip ristrett ikun jeżisti għall-inġenju tal-ajru użat biex isostni l-ajrunavigabbiltà kontinwa ta’ dak it-tip ta’ inġenju tal-ajru.
2. Sabiex ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-esportazzjoni għal inġenju tal-ajru użat manifatturat taħt is-sorveljanza tal-produzzjoni tal-Parti li tesporta jiġi aċċettat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta għandha tassisti, fuq talba, lill-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta biextinkiseb data u informazzjoni dwar:
(a) |
il-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru fil-mument li jiġi kkonsenjat mingħand il-manifattur; u |
(b) |
bidliet u tiswijiet sussegwenti applikati għall-inġenju tal-ajru, li hija tkun approvat. |
3. Il-Parti li timporta tista’ titlob rekords ta’ spezzjoni u manutenzjoni kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
4. Jekk, fil-proċess tal-valutazzjoni tal-istatus tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenju tal-ajru użat li jkun qed jitqies għall-esportazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta ma tkunx tista’ tissodisfa r-rekwiżiti kollha speċifikati fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 25 ta’ dan l-Anness u l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha:
(a) |
tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta; |
(b) |
tikkoordina mal-awtorità kompetenti tal-Parti li timporta, kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika, l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda tagħhom tal-eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti applikabbli; u |
(c) |
iżżomm rekord ta’ kwalunkwe eċċezzjoni aċċettata meta tesporta. |
Artikolu 28
Rekwiżiti tal-kwalifiki għall-aċċettazzjoni ta’ sejbiet ta’ konformità u ċertifikati
Kull Parti għandha żżomm sistema ta’ ċertifikazzjoni u superviżjoni strutturata u effettiva għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, inkluż:
(a) |
qafas ġuridiku u regolatorju, li b’mod partikolari jiżgura setgħat regolatorji fuq l-entitajiet regolati skont is-sistema regolatorja għas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili ta’ dik il-Parti; |
(b) |
struttura organizzattiva, inkluż deskrizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet; |
(c) |
riżorsi suffiċjenti, inkluż persunal ikkwalifikat b’għarfien, esperjenza u taħriġ suffiċjenti; |
(d) |
proċessi adegwati li jkunu ddokumentati f’politiki u proċeduri; |
(e) |
dokumentazzjoni u rekords; u |
(f) |
programm ta’ spezzjoni stabbilit li jiżgura livell uniformi ta’ implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku u regolatorju fost id-diversi komponenti tas-sistema ta’ sorveljanza. |
Artikolu 29
Kwalifiki kontinwi tal-awtoritajiet kompetenti
1. Sabiex tinżamm fiduċja reċiproka fis-sistemi regolatorji ta’ xulxin fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness biex dawn jiżguraw livell ta’ sikurezza li jkun ekwivalenti biżżejjed, l-aġent tekniku ta’ kull Parti għandu jivvaluta regolarment il-konformità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Parti l-oħra mar-rekwiżiti tal-kwalifiki msemmija fl-Artikolu 28 ta’ dan l-Anness. Il-modalitajiet ta’ dawn il-valutazzjonijiet reċiproċi kontinwi għandhom jiġu ddettaljati fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.
2. L-awtorità kompetenti ta’ Parti għandha tikkoopera mal-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra kull meta dawn il-valutazzjonijiet ikunu meħtieġa u għandha tiżgura li l-entitajiet regolati soġġetti għas-sorveljanza tagħha jipprovdu aċċess għall-aġenti tekniċi.
3. Jekk l-aġent tekniku ta’ kwalunkwe Parti jemmen li l-kompetenza teknika ta’ awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra ma għadhiex aktar adegwata, jew li l-aċċettazzjoni ta’ sejbiet ta’ konformità magħmula jew iċ-ċertifikati maħruġa minn dik l-awtorità kompetenti għandhom jiġu sospiżi minħabba li s-sistema tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness ma għadhiex tiżgura livell ta’ sikurezza li huwa ekwivalenti biżżejjed sabiex jippermetti tali aċċettazzjoni, l-aġenti tekniċi għandhom jikkonsultaw sabiex jidentifikaw azzjonijiet ta’ rimedju.
4. Jekk il-fiduċja reċiproka ma tiġix restawrata b’mezzi aċċettabbli reċiprokament, l-aġent tekniku ta’ kull Parti jista’ jirreferi l-kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu lill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni.
5. Jekk il-kwistjoni ma tiġix solvuta mill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, kull Parti tista’ tirreferi l-kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu lill-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 30
Komunikazzjonijiet
Soġġett għall-eċċezzjonijiet deċiżi mill-aġenti tekniċi fuq bażi ta’ każ b’każ, il-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet, inkluż id-dokumentazzjoni kif iddettaljat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika, għandhom isiru bil-lingwa Ingliża.
Artikolu 31
Konsultazzjonijiet tekniċi
1. L-aġenti tekniċi għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness permezz ta’ konsultazzjonijiet.
2. Jekk, permezz tal-konsultazzjonijiet li jsiru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma tinsabx soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament, l-aġent tekniku ta’ kull Parti jista’ jirreferi l-kwistjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni.
3. Jekk il-kwistjoni ma tiġix solvuta mill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, kull Parti tista’ tirreferi l-kwistjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 32
Appoġġ għal attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza kontinwa dwar l-ajrunavigabbiltà
Fuq talba, wara kunsens reċiproku, u kif jippermettu r-riżorsi, l-awtorità kompetenti ta’ Parti tista’ tipprovdi appoġġ tekniku, data u informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra fl-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza kontinwa dwar l-ajrunavigabbiltà relatati mad-disinn, mal-produzzjoni u mal-protezzjoni ambjentali. L-appoġġ li għandu jingħata u l-proċess għall-għoti ta’ dan l-appoġġ għandhom jiġu ddettaljati fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika.