Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019D1041

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 153/2017 tat-22 ta’ Settembru 2017 li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/1041]

    ĠU L 174, 27.6.2019, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1041/oj

    27.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 174/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 153/2017

    tat-22 ta’ Settembru 2017

    li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/1041]

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/486 tas-17 ta’ Marzu 2017 li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE fir-rigward tal-istat ħieles mir-rinotrakeite bovina infettiva tal-Lussemburgu, tal-Istati Federali ta’ Hamburg u ta’ Schleswig-Holstein fil-Ġermanja u ta’ Jersey, u li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2008/185/KE fir-rigward tal-istat ħieles mill-marda ta’ Aujeszky tar-reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia fl-Italja (1) trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

    (2)

    Din id-Deċiżjoni tikkonċerna leġiżlazzjoni rigward annimali ħajjin li mhumiex ħut u annimali tal-akkwakultura. Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna dawn il-kwistjonijiet ma għandhiex tapplika għall-Iżlanda, kif speċifikat fil-paragrafu 2 tal-Parti Introduttorja tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-Iżlanda.

    (3)

    Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji. Il-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji ma għandhiex tapplika għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tibqa’ estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-adattamenti settorjali tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein.

    (4)

    Għalhekk, l-Anness I tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-inċiż li ġej jiżdied fil-punt 80 (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KEE) u fil-punt 84 (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/185/KE) fil-Parti 4.2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE:

    “—

    32017 D 0486: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/486 tas-17 ta’ Marzu 2017 (ĠU L 75, 21.3.2017, p. 27).”

    Artikolu 2

    It-testi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/486 bil-lingwa Norveġiża, li ser jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-23 ta’ Settembru 2017, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2017.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Sabine MONAUNI


    (1)  ĠU L 75, 21.3.2017, p. 27.

    (*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


    Top